23.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 202/2016

tat-30 ta’ Settembru 2016

li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2017/279]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (1) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (2) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 694/2014 tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw it-tipi ta’ maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (3) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/514 tat-18 ta’ Diċembru 2014 dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq skont l-Artikolu 67(3) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2013 tal-15 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi l-proċedura għall-AIFMs li jagħżlu li jipparteċipaw skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 448/2013 tal-15 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ referenza ta’ AIFM mhux mill-UE skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(7)

Il-Ministri tal-Finanzi u l-Ekonomija tal-UE u taż-ŻEE-EFTA, fil-konklużjonijiet tagħhom (7) tal-14 ta’ Ottubru 2014 dwar l-inkorporazzjoni tar-Regolamenti tal-UE dwar l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fil-Ftehim ŻEE, saħqu li, f’konformità mal-istruttura mibnija fuq żewġ pilastri tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA se tieħu deċiżjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti taż-ŻEE-EFTA jew operaturi tas-suq fl-Istati taż-ŻEE-EFTA, rispettivament. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tal-UE se jkunu kompetenti biex iwettqu azzjonijiet li ma jorbtux legalment, bħall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet u medjazzjoni li ma torbotx legalment, ukoll fejn jidħlu l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi tas-suq taż-ŻEE-EFTA. Azzjoni min-naħa ta’ kwalunkwe minnhom se tiġi ppreċeduta, kif xieraq, minn konsultazzjoni, koordinazzjoni, jew skambju ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tal-UE u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

(8)

Id-Direttiva 2011/61/UE tispeċifika każijiet fejn l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tista’ temporanjament tipprojbixxi jew tirrestrinġi ċerti attivitajiet finanzjarji, u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għalihom, f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Għall-fini tal-Ftehim taż-ŻEE, dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, skont il-punt 31i tal-Anness IX għall-Ftehim ŻEE u skont il-kundizzjonijiet preskritti fihom. Biex żgur ikun hemm integrazzjoni tal-għarfien espert tal-ESMA fil-proċess u konsistenza bejn iż-żewġ pilastri taż-ŻEE, tali deċiżjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA se jiġu adottati abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq. Dan se jippreserva l-vantaġġi ewlenin ta’ superviżjoni minn awtorità waħda. Il-Partijiet Kontraenti jikkondividu l-fehma li din id-Deċiżjoni timplimenta l-ftehim li ġie rifless fil-konklużjonijiet tal-14 ta’ Ottubru 2014.

(9)

L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 31bac (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006) tal-Anness IX ta’ mal-Ftehim ŻEE:

“31bb.

32011 L 0061: Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, u sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, it-termini ‘Stat Membru/i’ u ‘awtoritajiet kompetenti’ jinftiehmu li qed jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.

(b)

Sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jikkooperaw, jiskambjaw informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin għall-finijiet tad-Direttiva u, b’mod partikolari qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni.

(c)

Referenzi għal atti oħrajn fid-Direttiva japplikaw sal-punt u l-mod li dawk l-atti jiġu inkorporati f’dan il-Ftehim.

(d)

Referenzi għas-setgħat tal-ESMA skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-Direttiva jinftiehmu bħala li jirreferu, fil-każijiet previsti fi u f’konformità mal-punt 31i ta’ dan l-Anness, għas-setgħat tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-Istati tal-EFTA.

(e)

Fir-rigward tal-Istati EFTA, l-Artikolu 4(1)(an) jinqara kif ġej:

‘ “ntitajiet ta’ titolizzazzjoni b’għan speċjali” tfisser entitajiet li l-għan uniku tagħhom huwa li jwettqu titolizzazzjoni jew titolizzazzjonijiet fit-tifsira definita hawn taħt, u attivitajiet oħra li huma adatti sabiex jintlaħaq dak l-għan.

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, “titolizzazzjoni” tfisser tranżazzjoni jew skema fejn entità li hija separata mill-oriġinatur jew l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u hija maħluqa għal jew isservi l-iskop tat-tranżazzjoni jew skema, toħroġ strumenti ta’ finanzjament lill-investituri, u jseħħu wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

attiv jew ġabra ta’ attivi, jew parti minnu, jiġi ttrasferit lil entità li hija separata mill-oriġinatur u hija maħluqa għal jew isservi l-iskop tat-tranżazzjoni jew skema, jew bit-trasferiment tat-titolu legali jew tal-interess benefiċjarju ta’ dak l-attiv mill-oriġinatur jew permezz ta’ subparteċipazzjoni;

(b)

ir-riskju ta’ kreditu ta’ attiv jew ġabra ta’ attivi, jew parti minnu, jiġi ttrasferit permezz tal-użu ta’ derivattivi ta’ kreditu, garanziji jew kull mekkaniżmu simili ieħor lill-investituri fl-istrumenti ta’ finanzjament maħruġin minn entità li hija separata mill-oriġinatur u hija maħluqa għal jew isservi l-finijiet tat-tranżazzjoni jew tal-iskema;

(c)

ir-riskji tal-assigurazzjoni huma ttrasferiti minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni lil entità separata li hija maħluqa għal jew isservi l-iskop tat-tranżazzjoni jew tal-iskema, fejn l-entità tiffinanzja għal kollox l-esponiment tagħha għal dawn ir-riskji permezz tal-ħruġ ta’ strumenti ta’ finanzjament, u d-drittijiet ta’ ħlas lura tal-investituri f’dawk l-istrumenti ta’ finanzjament jiġu ssubordinati għall-obbligi tar-riassigurazzjoni tal-entità;

Meta jinħarġu dawn l-istrumenti ta’ finanzjament, ma jirrappreżentawx l-obbligi tal-ħlas tal-oriġinatur, jew tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;’.

(f)

Fl-Artikolu 7(5), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

‘L-ESMA tinkludi fir-reġistru pubbliku ċentrali msemmi fit-tieni subparagrafu, taħt l-istess kundizzjonijiet, informazzjoni dwar l-AIFMs awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat tal-EFTA skont din id-Direttiva, AIF immaniġġjati u/jew ikkummerċjalizzati fiż-ŻEE minn AIFM tali u l-awtoritajiet kompetenti għal kull AIFM tali.’.

(g)

Fl-Artikolu 9(6) u fl-Artikolu 21(6)(b), (7) u (17)(b), il-kliem ‘liġi tal-Unjon’” għandhom jinbidlu bil-kliem ‘Ftehim taż-ŻEE’.

(h)

Fl-Artikolu 21(3)(c), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘21 ta’ Lulju 2011’ jinqraw ‘id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 202/2016 tat-30 ta’ Settembru 2016’.

(i)

Fl-Artikolu 43:

(i)

fil-paragrafu 1, il-kliem ‘tal-liġi tal-Unjoni’ jinqraw ‘applikabbli skont il-Ftehim ŻEE’;

(ii)

fil-paragrafu 2, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘sat-22 ta’ Lulju 2014’ jinqraw ‘sa tmintax-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 202/2016 tat-30 ta’ Settembru 2016’.

(j)

Fl-Artikolu 47:

(i)

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u fil-paragrafi 2, 8 u 10, il-kliem ‘jew, kif jista’ jkun il-każ, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘ESMA’;

(ii)

fil-paragrafu 3, il-kliem ‘l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ jiddaħħal wara l-kelma ‘ESMA’;

(iii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, fil-punti 4, 5 u 9, il-kelma ‘ESMA’ tinqara ‘l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’;

(iv)

fil-paragrafu 7 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

‘F’każijiet li jirrigwardaw l-Istati tal-EFTA, qabel it-tħejjija ta’ abbozz skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 fid-dawl ta’ deċiżjoni min-naħa tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont il-paragrafu 4, ESMA tikkonsulta, fejn ikun xieraq, il-BERS u awtoritajiet rilevanti oħrajn. Għandha tibgħat l-osservazzjonijiet lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’.

(k)

Fl-Artikolu 50, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:

(i)

fil-paragrafu 1, il-kliem ‘, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘ESMA’;

(ii)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, il-kliem ‘, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ jiddaħħlu wara l-kliem ‘lil xulxin’;

(l)

Fl-Artikolu 61, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘it-22 ta’ Lulju 2013’ u ‘it-22 ta’ Lulju 2017’ jinqraw ‘tmintax-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 202/2016 tat-30 ta’ Settembru 2016’.”

31bba.

32013 R 0231: Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad- 19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, u sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, ir-referenzi għal ‘UE’ jew Stati Membri u awtoritajiet kompetenti tal-‘Unjoni’ jinftehmu li qed jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament Delegat, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.

(b)

Fl-Artikolu 15, 84, 86 u 99, il-kliem ‘liġi tal-Unjoni’ jinbidlu bil-kliem ‘Ftehim taż-ŻEE’.

(c)

Fl-Artikolu 55, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘l-1 ta’ Jannar 2011’ jinqraw ‘id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 202/2016’ u l-kliem ‘il-31 ta’ Diċembru 2014’ jinqraw ‘tnax-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 202/2016 tat-30 ta’ Settembru 2016’.

(d)

Fl-Artikolu 114(3), il-kliem ‘leġiżlazzjoni tal-Unjoni’ jinbidlu bil-kliem ‘leġiżlazzjoni applikabbli skont il-Ftehim taż-ŻEE’.

31bbb.

32013 R 0447: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2013 tal-15 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi l-proċedura għall-AIFMs li jagħżlu li jipparteċipaw skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 132, 16.5.2013, p. 1).

31bbc.

32013 R 0448: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 448/2013 tal-15 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ referenza ta’ AIFM mhux mill-UE skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 132, 16.5.2013, p. 3).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jinqraw bl-adattament li ġej:

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, u sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, it-termini ‘Stat Membru/i’ u ‘awtoritajiet kompetenti’ jinftehmu li qed jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.

31bbd.

32014 R 0694: Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 694/2014 tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw it-tipi ta’ maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (ĠU L 183, 24.6.2014, p. 18).

31bbe.

32015 R 0514: Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/514 tat-18 ta’ Diċembru 2014 dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq skont l-Artikolu 67(3) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 82, 27.3.2015, p. 5).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat jinqraw bl-adattament li ġej:

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, u sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, it-termini ‘Stat Membru/i’ u ‘awtoritajiet kompetenti’ jinftehmu li qed jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament Delegat, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.”

Artikolu 2

L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif ġej:

1.

Dan li ġej jiżdied fil-punti 30 (id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), 31eb (ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u 31i (ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“, kif emendat bi:

—

32011 L 0061: Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).”

2.

L-inċiż li ġej jiżdied fil-punt 31d (id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“—

32011 L 0061: Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).”

Artikolu 3

It-testi tad-Direttiva 2011/61/UE u r-Regolamenti Delegati (UE) Nru 231/2013, (UE) Nru 694/2014 u (UE) 2015/514 u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 447/2013 u (UE) Nru 448/2013 fil-lingwa Iżlandiża u dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2016, dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1), jew fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 201/2016 tat-30 ta’ Settembru 2016 (9), skont liema data tkun l-iżjed tard.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2016.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Bergdís ELLERTSDÓTTIR


(1)   ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(2)   ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1.

(3)   ĠU L 183, 24.6.2014, p. 18.

(4)   ĠU L 82, 27.3.2015, p. 5.

(5)   ĠU L 132, 16.5.2013, p. 1.

(6)   ĠU L 132, 16.5.2013, p. 3.

(7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ministri tal-Finanzi u l-Ekonomija tal-UE u ż-ŻEE-EFTA, 14178/1/14 REV 1.

(8)   ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(*1)  Ma huma indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.

(9)  Ara l-paġna 22 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.