European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/341

21.2.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/341

tal-20 ta’ Frar 2025

li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-verifiki u tal-penali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6d(1)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220 introduċa miżura ġdida li tipprovdi appoġġ temporanju eċċezzjonali b’reazzjoni għall-impatt tad-diżastri naturali, li għandha tiġi ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fi ħdan il-qafas legali applikabbli fil-perjodu ta’ programmazzjoni għall-2014–2020 tal-FAEŻR , kif estiż minn dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (2) jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità u għalhekk għandu japplika l-miżura l-ġdida. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti regoli addizzjonali biex jiġi żgurat li l-miżura l-ġdida tiġi implimentata b’mod uniformi fi ħdan il-qafas legali applikabbli.

(3)

Jenħtieġ li, għall-fini tal-implimentazzjoni tal-verifiki u tal-penali, il-miżura l-ġdida msemmija fl-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220 titqies bħala miżura tal-iżvilupp rurali li mhijiex relatata maż-żona u li mhijiex relatata mal-annimali skont it-Titolu IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

(4)

Jenħtieġ li, minħabba l-urġenza relatata mal-impatt tad-diżastri naturali, dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li, fid-dawl tal-effetti devastanti tad-diżastri naturali attwali u tal-urġenza li jiġi indirizzat u mmitigat l-impatt tagħhom fuq is-setturi agroalimentari u tal-forestrija tal-Unjoni, l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jibdew jimplimentaw il-miżura msemmija fl-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220 hekk kif jidħlu fis-seħħ il-modifiki introdotti bir-Regolament (UE) 2024/3242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Għalhekk, jixraq li dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni japplika mid-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/3242 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Il-miżura stipulata f’dan ir-Regolament hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-fini tal-implimentazzjoni tal-kontrolli u tal-penali, il-miżura msemmija fl-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220 għandha titqies bħala miżura tal-iżvilupp rurali li mhijiex relatata maż-żona u li mhijiex relatata mal-annimali skont it-Titolu IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-23 ta’ Diċembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2220/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/809/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1306/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/3242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2220 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex tingħata assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali (ĠU L, 2024/3242, 23.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3242/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/341/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)