SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Direttiva (UE) 2019/1023 – Proċeduri ta’ ristrutturazzjoni, ta’ insolvenza u ta’ ħelsien mid-dejn – Artikolu 1(4) – Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni – Estensjoni tal-proċeduri għal persuni fiżiċi insolventi li ma humiex imprendituri – Artikolu 20 – Aċċess għall-ħelsien mid-dejn – Artikolu 23(1), (2) u (4) – Derogi – Esklużjoni tal-ħelsien mid-dejn ta’ kategoriji speċifiċi ta’ krediti – Persuna fiżika li saret insolventi – Bona fide tad-debitur – Kundizzjonijiet għall-aċċess għall-ħelsien mid-dejn – Esklużjoni ta’ krediti pubbliċi”
Fil-Kawżi magħquda C‑289/23, [Corván] i u C‑305/23 [Bacigán] ( i ),
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Alicante, Spanja) (C‑289/23) u mill-Juzgado de lo Mercantil no 10 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 10 ta’ Barcelona, Spanja) (C‑305/23), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ April 2023 u tat‑2 ta’ Mejju 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fil‑25 ta’ April 2023 u fil‑15 ta’ Mejju 2023, fil-proċeduri
Agencia Estatal de la Administración Tributaria
vs
A (C‑289/23),
u
S.E.I.
vs
Agencia Estatal de la Administración Tributaria (C‑305/23),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo u A. Gavela Llopis, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. L. Buendía Sierra, L. Malferrari u G. von Rintelen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4) u tal-Artikolu 23(1), (2) u (4) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (ĠU 2019, L 172, p. 18). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, A (C‑289/22) u S.E.I. (C‑305/23) u, min-naħa l-oħra, l-Agencia Estatal de Administración Tributaria (l-Amministrazzjoni Fiskali, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“AEAT”) dwar talbiet għal ħelsien mid-dejn imressqa minn A u S.E.I. matul proċeduri ta’ insolvenza li jikkonċernawhom rispettivament. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Skont il-premessi 21 u 78 sa 81 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar: […]
[…] 2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li jikkonċernaw debituri li huma: […]
[…] 4. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni tal-proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 lil persuni fiżiċi insolventi li mhumiex imprendituri. […]” |
|
5 |
It-Titolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħelsien mid-dejn u skwalifiki”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 24 tagħha. |
|
6 |
L-Artikolu 20 tal-istess direttiva, intitolat “Aċċess għall-ħelsien mid-dejn”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li imprendituri insolventi jkollhom aċċess għal mill-inqas proċedura waħda li tista’ twassal għal ħelsien sħiħ mid-dejn f’konformità ma’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li jkun twaqqaf il-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni li magħha jkunu relatati d-djun ta’ imprenditur insolventi. 2. L-Istati Membri li fihom il-ħelsien sħiħ mid-dejn ikun soġġett għall-kondizzjoni li d-dejn jitħallas parzjalment mill-imprenditur għandhom jiżguraw li l-obbligu ta’ ħlas lura relatat ikun ibbażat fuq is-sitwazzjoni individwali tal-imprenditur u, b’mod partikolari, huwa proporzjonat għad-dħul u l-assi li jistgħu jiġu sekwestrati jew dawk disponibbli tal-imprenditur waqt il-perjodu tal-ħelsien mid-dejn, u jqis l-interess ekwitabbli tal-kredituri. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imprendituri li nħelsu mid-djun tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn oqfsa nazzjonali eżistenti li jipprevedu appoġġ intraprenditorjali għall-imprendituri, inkluż l-aċċess għal informazzjoni rilevanti u aġġornata dwar tali oqfsa.” |
|
7 |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, intitolat “Derogi”, huwa fformulat kif ġej: “1. B’deroga mill-Artikoli 20 sa 22, l-Istati Membri għandhom iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju ta’ tali ħelsien mid-dejn jew li jipprevedu perjodi itwal għall-ksib ta’ ħelsien sħiħ mid-dejn jew perjodi tal-iskwalifika itwal fejn l-imprenditur insolventi ikun aġixxa b’mod diżonest jew in mala fede, skont il-liġi nazzjonali, fil-konfront tal-kredituri jew ta’ partijiet ikkonċernati oħra meta ddejjen, matul il-proċedura ta’ insolvenza jew waqt il-ħlas tad-dejn, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar l-oneru tal-prova. 2. B’deroga mill-Artikoli 20 sa 22, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien mid-dejn jew li jipprevedu perjodi itwal għall-kisba ta’ ħelsien sħiħ mid-dejn jew perjodi tal-iskwalifika itwal f’ċerti ċirkostanzi definiti sew u fejn tali derogi huma debitament iġġustifikati, bħal fejn:
[…] 4. L-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn, mill-ħelsien mid-dejn, jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn jew jistabbilixxu perjodu itwal tal-ħelsien mid-dejn jekk tali esklużjonijiet, restrizzjonijiet jew perjodi itwal huma debitament iġġustifikati, bħal fil-każ ta’:
[…]” |
Id‑dritt Spanjol
It‑TRLC
|
8 |
Il-liġi applikabbli rationae temporis għall-kawżi prinċipali hija r-Real Decreto Legislativo 1/2020 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley Concursal (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020 li Jadotta t-Test Ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Insolvenza), tal‑5 ta’ Mejju 2020 (BOE Nru 127, tas‑7 ta’ Mejju 2020, p. 31518), kif emendat bil-Ley 16/2022 de reforma del texto refundido de la Ley Concursal aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/2020, para la transposición de la Directiva (UE) 2019/1023 (il-Liġi 16/2022 li Tirriforma t-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza, approvat mid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020, bl-għan li jittrasponi d-Direttiva (UE) 2019/1023), tal‑5 ta’ Settembru 2022 (BOE Nru 214, tas‑6 ta’ Settembru 2022, p. 123682) (iktar ’il quddiem it-“TRLC”). |
|
9 |
Skont il-preambolu tal-Liġi 16/2022: “[…] […] Meta d-debitur insolventi jkun persuna fiżika, il-proċedura ta’ insolvenza tfittex li tidentifika d-debituri in bona fide u li toffrilhom ħelsien parzjali tad-dejn tagħhom, u b’hekk tagħtihom ċans ieħor u tipprevjeni li dawn jidħlu fl-ekonomija sewda jew f’sitwazzjoni ta’ marġinalizzazzjoni. […] Id-[Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza] tobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu mekkaniżmu tat-tieni opportunità sabiex jiġi evitat li d-debituri jkollhom it-tentazzjoni li jirrilokaw ruħhom f’pajjiżi oħra li diġà jipprevedu dawn il-mekkaniżmi, bl-ispiża li dan jimplika kemm għad-debitur kif ukoll għall-kredituri tiegħu. Fl-istess ħin, l-omoġenizzazzjoni f’dan ir-rigward titqies bħala essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku Ewropew. Waħda mill-bidliet l-iktar radikali tal-leġiżlazzjoni l-ġdida hija li, minflok ma tissuġġetta l-ħelsien għall-ħlas ta’ ċertu tip ta’ dejn (kif kien jipprevedi l-Artikolu 487(2) tat-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza), hija adottata sistema ta’ ħelsien ibbażata fuq il-mertu li fiha kull debitur, irrispettivament minn jekk ikunx imprenditur jew le, bil-kundizzjoni li jissodisfa r-rekwiżit tal-bona fide li fuqu hija bbażata din l-istituzzjoni, jista’ jkollu aċċess għal ħelsien mid-djun kollha tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, eċċezzjonalment u minħabba n-natura speċjali tagħhom, jitqiesu li legalment ma jistax jingħata ħelsien minnhom. L-għażla, li diġà kienet ġiet aċċettata mil-leġiżlatur Spanjol fl‑2015, li jingħata ħelsien lil kull debitur li huwa persuna fiżika ta’ bona fide, irrispettivament minn jekk ikunx imprenditur jew le, tibqa’. […] Il-bona fide tad-debitur tibqa’ l-bażi tal-ħelsien. F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-korpi internazzjonali, hija stabbilita delimitazzjoni normattiva tal-bona fide, b’riferiment għal ċertu aġir oġġettiv elenkat b’mod eżawrjenti (lista magħluqa), mingħajr ma jsir riferiment għal mudelli ta’ aġir vagi jew mhux speċifiċi biżżejjed, jew li l-prova tagħhom timponi fuq id-debitur oneru impossibbli […] […] Il-ħelsien mid-dejn huwa estiż għat-talbiet kollha fil-kuntest tal-proċedura kollettiva u tal-krediti kontra l-patrimonju. L-eċċezzjonijiet huma bbażati, f’ċerti każijiet, fuq l-importanza partikolari tas-sodisfazzjon tagħhom għal soċjetà ġusta u ta’ solidarjetà bbażata fuq l-Istat tad-dritt (bħall-manteniment dovut, id-dejn li jirriżulta minn krediti taħt id-dritt pubbliku, id-djun li jirriżultaw minn reati kriminali kif ukoll id-djun li jirriżultaw minn responsabbiltà għal delitt). Għalhekk, il-ħelsien mid-dejn li jirriżulta minn krediti taħt id-dritt pubbliku huwa suġġett għal ċerti limiti u jista’ jseħħ biss waqt l-ewwel ħelsien mid-dejn, u mhux matul il-ħelsien segwenti. F’każijiet oħra, l-eċċezzjoni hija ġġustifikata minn sinerġiji jew esternalitajiet negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-ħelsien minn ċerti tipi ta’ dejn: il-ħelsien mid-dejn li jirriżulta mill-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż tal-proċedura li tiftaħ il-proċedura għall-ħelsien mid-dejn jista’ jiddiswadi lil ċerti terzi milli jikkollaboraw mad-debitur għal dan l-għan (pereżempju, l-avukati), u dan jipprekludi lill-persuna li tkun falliet milli jkollha aċċess għall-fajl tagħha. Bl-istess mod, il-ħelsien mid-dejn għall-krediti b’garanziji reali jippreġudika, mingħajr ebda bażi, wieħed mill-elementi essenzjali tal-aċċess għall-kreditu u, għaldaqstant, tal-funzjonament tajjeb tal-ekonomiji moderni, li hija l-immunità tal-kreditur li jibbenefika minn garanzija reali soda quddiem it-tibdil fiċ-ċirkustanzi tal-insolvenza jew tal-falliment tad-debitur. Fl-aħħar nett, b’mod eċċezzjonali, il-qorti hija awtorizzata tiddeċiedi dwar in-nuqqas ta’ ħelsien totali jew parzjali ta’ ċerti djun meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi evitata l-insolvenza tal-kreditur. […]” |
|
10 |
L-Artikolu 486 tat-TRLC jipprovdi: “Debitur li huwa persuna fiżika, kemm jekk huwa imprenditur kif ukoll jekk le, jista’ jitlob il-ħelsien mid-djun mhux imħallsa skont it-termini u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-liġi, bil-kundizzjoni li jkun debitur in bona fide:
|
|
11 |
L-Artikolu 487 tat-TRLC huwa fformulat kif ġej: “1. Id-debitur li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin ma jistax jikseb il-ħelsien mid-djun mhux imħallsa:
[…] 2. Fil-każijiet imsemmija fil-punti 3 u 4 tal-paragrafu preċedenti, jekk il-klassifikazzjoni tkun għadha ma hijiex definittiva, il-qorti għandha tissospendi d-deċiżjoni ta’ ħelsien mid-djun sakemm il-klassifikazzjoni tkun definittiva. […]” |
|
12 |
L-Artikolu 489 tat-TRLC jipprevedi: “1. Il-ħelsien mid-djun jestendi għad-djun kollha li ma ġewx issodisfatti, bl-eċċezzjoni ta’ dawn li ġejjin: […]
[…]
[…] 3. Jista’ jingħata ħelsien minn kreditu taħt id-dritt pubbliku sal-ammont stabbilit fit-tieni sentenza tal-punt 5 tal-paragrafu 1, iżda biss fl-ewwel ħelsien mid-dejn, u ma jista’ jingħata ħelsien minn ebda ammont waqt il-ħelsien sussegwenti li l-istess debitur jista’ jikseb.” |
|
13 |
L-Artikolu 493 tat-TRLC jipprovdi: “1. Kull kreditur affettwat mill-ħelsien mid-djun għandu jkollu d-dritt li jitlob lill-qorti tal-insolvenza r-revoka tal-ħelsien mid-djun fil-każijiet li ġejjin: […]
2. Ir-revoka ma tistax tintalab wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tliet snin mill-ħelsien bil-likwidazzjoni tal-assi, jew mill-ħelsien provviżorju f’każ ta’ pjan ta’ rimbors.” |
Il‑Liġi Fiskali Ġenerali
|
14 |
L-Artikolu 43(1)(b) tal-Ley 58/2003 General Tributaria (il-Liġi 58/2003 Fiskali Ġenerali), tas‑17 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 302, tat‑18 ta’ Diċembru 2003, p. 44987), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“Liġi Fiskali Ġenerali”), jipprovdi: “Il-persuni jew l-entitajiet segwenti huma responsabbli in solidum għad-dejn fiskali: […]
|
|
15 |
L-Artikolu 191 tal-Liġi Fiskali Ġenerali jipprevedi: “1. Jikkostitwixxi ksur fiskali l-fatt li ma jitħallasx, fit-terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni ta’ kull taxxa, id-dejn fiskali kollu jew parti minnu li għandu jirriżulta mir-reverse charge korrett tat-taxxa, sakemm dan ma jiġix aġġustat skont l-Artikolu 27 jew sakemm ma japplikax l-Artikolu 161(1)(b), it-tnejn li huma ta’ din il-liġi. […] Il-ksur fiskali previst f’dan l-artikolu huwa minuri, gravi jew gravi ħafna skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi li ġejjin. Il-bażi tas-sanzjoni hija l-ammont li ma jinsabx fir-reverse charge, bħala konsegwenza tat-twettiq tal-ksur. […] 4. Il-ksur huwa gravi ħafna meta jkunu ntużaw mezzi frawdolenti. Il-ksur huwa wkoll gravi ħafna, anki jekk ma ntuża l-ebda mezz frawdolenti, fl-assenza ta’ ħlas ta’ somom miżmuma jew li kien imisshom inżammu, jew [fl-assenza ta’ ħlas] ta’ kontijiet, bil-kundizzjoni li t-tnaqqis magħmul u mhux imħallas, kif ukoll il-kontijiet imputati u mhux imħallsa, jirrappreżentaw perċentwali ogħla minn 50 % tal-ammont bażiku tas-sanzjoni. […]” |
Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
Kawża C‑289/23, Corván
|
16 |
Fis‑7 ta’ Lulju 2022, A talab il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tiegħu u ddikjara dejn li jammonta għal EUR 537 787.69. Peress li l-qorti tar-rinviju ddikjarat l-insolvenza ta’ dan id-debitur u l-għeluq ta’ din il-proċedura minħabba l-insuffiċjenza tal-assi fis‑26 ta’ Lulju 2022, l-imsemmi debitur talab ħelsien mid-dejn totali fit‑28 ta’ Settembru 2022. Fid‑19 ta’ Ottubru 2022, dik il-qorti ddikjarat ammissibbli l-oppożizzjoni mressqa mill-AEAT fir-rigward ta’ dan il-ħelsien mid-dejn, minħabba l-eżistenza ta’ diversi krediti taħt id-dritt pubbliku. |
|
17 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-AEAT sostniet, minn naħa, li din l-oppożizzjoni kienet immotivata mill-eżistenza, għal inqas minn għaxar snin, ta’ deċiżjoni definittiva ta’ estensjoni tar-responsabbiltà, ibbażata fuq l-Artikolu 43 tal-Liġi Fiskali Ġenerali, għal ammont ta’ EUR 114 408.09 ta’ djun fiskali u penali dovuti mill-kumpannija li A kien direttur tagħha, u li, konsegwentement, dan id-debitur ma huwiex ta’ bona fide. Hija żżid, min-naħa l-oħra, li ċerti krediti kkonċernati huma pubbliċi u għalhekk huma esklużi mill-ħelsien mid-dejn. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod partikolari, minn naħa, li, permezz tas-sentenza tagħha Nru 381/2019, tat‑2 ta’ Lulju 2019 (ES:TS:2019:2253), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet li, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza fid-dritt Spanjol, il-leġiżlatur Spanjol għażel mudell normattiv tal-“bona fide”, b’tali mod li l-mala fide tirriżulta mill-konstatazzjoni ta’ sensiela ta’ ċirkustanzi previsti legalment. Għaldaqstant, il-qrati ma għandhomx is-setgħa li jevalwaw iċ-ċirkustanzi li jipprekludu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn u l-funzjoni tagħhom hija limitata għad-determinazzjoni ta’ jekk iċ-ċirkustanzi legalment previsti humiex issodisfatti. Għalhekk, il-kunċett ta’ “bona fide” ma huwiex marbut mal-kunċett ġenerali previst mill-Kodiċi Ċivili, iżda mal-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet. Issa, fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ immedjatament qabel din it-traspożizzjoni, debitur kien ikkunsidrat in bona fide meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li ma kienx hemm insolvenza frawdolenti u, min-naħa l-oħra, li huwa ma kienx ġie kkundannat għal ċerti delitti permezz ta’ sentenza definittiva. Konsegwentement, il-paradoss tal-imsemmija traspożizzjoni huwa li hija introduċiet sistema ta’ aċċess għall-ħelsien mid-dejn iktar restrittiva mis-sistema preċedenti għall-istess traspożizzjoni, u dan iqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. |
|
19 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, f’dan il-każ, it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza setgħet serviet sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ inċentiv għall-pagament ta’ krediti li kien ikun diffiċli li jiġu rkuprati mill-amministrazzjoni pubblika f’każ ta’ insolvenza u li din is-sistema ma hijiex ibbażata fuq il-kunċett tal-“bona fide” tad-debitur. Dik il-qorti tistaqsi jekk tali traspożizzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva u għandha wkoll ċertu numru ta’ dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(4) tal-imsemmija direttiva. |
|
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Alicante, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Kawża C‑305/23, Bacigán
|
21 |
S.E.I., persuna fiżika li saret insolventi, talab il-ħelsien mid-dejn fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza li tikkonċernah. S.E.I., li qabel kien eżerċita attività ekonomika indipendenti, ma kienx għadu imprenditur fil-mument tal-ftuħ ta’ din il-proċedura ta’ insolvenza. |
|
22 |
Fil-kuntest tal-imsemmija proċedura ta’ insolvenza u wara l-likwidazzjoni totali tal-patrimonju tiegħu, inkluż l-akkomodazzjoni tiegħu, S.E.I., fit‑18 ta’ Ottubru 2022, ressaq talba għall-ħelsien totali tad-dejn li kien għadu dovut f’dik id-data. L-AEAT opponiet din it-talba minħabba li S.E.I. ma setax jitqies bħala debitur “in bona fide”, peress li, matul l-għaxar snin qabel l-imsemmija talba, huwa kien ġie ssanzjonat permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva li imponietlu multa ta’ EUR 504.99 għal “ksur fiskali gravi”, fis-sens tal-Artikolu 191 tal-Liġi Fiskali Ġenerali, u li din il-multa ma kinitx tħallset fil-mument tal-istess talba għall-ħelsien totali mid-dejn. |
|
23 |
Adita bil-kawża, il-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, tirrileva li l-leġiżlatur Spanjol għamel użu mill-possibbiltà offruta fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza u estenda, fit-TRLC, l-applikazzjoni tal-proċeduri li jippermettu ħelsien mid-dejn previsti minn din id-direttiva għall-persuni fiżiċi insolventi li ma humiex imprendituri. Fit-tieni lok, hija tistaqsi qabelxejn jekk, f’tali każ, l-imsemmija direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lil-leġiżlatur nazzjonali jadotta sistema applikabbli għall-persuni fiżiċi li tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 20 sa 24 tal-istess direttiva. Dik il-qorti tistaqsi, sussegwentement, jekk l-Artikolu 23 tagħha, u b’mod iktar partikolari l-paragrafu 1 tiegħu, jistax jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ aġir “b’mod diżonest jew in mala fede” ikopri wkoll aġir negliġenti jew imprudenti ta’ debitur. Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta ta’ dan l-Artikolu 23(2), b’mod partikolari fir-rigward tan-natura eżawrjenti jew le taċ-ċirkustanzi elenkati fl-imsemmi Artikolu 23(2)(a) sa (f). |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 10 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 10 ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Fil-każ li r-risposta għal din l-ewwel domanda tkun fl-affermattiv,
Fil-każ li r-risposta għal din it-tieni domanda tkun fin-negattiv,
Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Istati [Membri] jistgħu jintroduċu ċirkustanzi oħra li huma ddefiniti sewwa u ġġustifikati differenti minn dawk [previsti] fl-Artikolu 23(2)(a) sa (f) tad-Direttiva [dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza],
Fil-każ li r-risposta [għat-tielet u għar-raba’] domanda tkun li l-Istati [Membri] jistgħu jintroduċu biss dawk iċ-ċirkustanzi elenkati fl-Artikolu 23(2)(a) sa (f) tad-Direttiva [dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza], jew li, jekk jintroduċu aġir ieħor, differenti u li huma ddefiniti sewwa, dawn għandhom ikunu ġġustifikati minn imġiba diżonesta jew minn mala fide min-naħa tad-debitur,
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq il‑punt (a) tal‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑289/23 u t‑tielet domanda fil‑Kawża C‑305/23
|
25 |
Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑289/23 u tat-tielet domanda fil-Kawża C‑305/23, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ ċirkustanzi li tinsab fih għandha natura eżawrjenti u, jekk le, jekk l-Istati Membri għandhomx, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà li jadottaw dispożizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess għad-dritt għall-ħelsien mid-dejn iktar mil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, billi jirrifjutaw jew billi jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, billi jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien jew billi jipprevedu terminu itwal għall-ħelsien mid-dejn totali jew terminu ta’ skadenza itwal f’ċirkustanzi differenti minn dawk elenkati f’dan l-Artikolu 23(2). |
|
26 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt dwar jekk il-lista li tinsab fl-Artikolu 23(2) tal-imsemmija direttiva għandhiex natura eżawrjenti jew le, għandu jiġi kkonstatat li din il-lista hija introdotta bil-kelma “bħal” u li jintużaw termini li għandhom l-istess tifsira fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li ċ-ċirkustanzi differenti elenkati fiha ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti, iżda bħala eżempju. |
|
27 |
Din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza hija kkorroborata mill-premessa 80 ta’ din id-direttiva, li tiddikjara li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea qies li l-Istati Membri “[j]enħtieġ li […] ma jkunux preklużi milli jipprevedu derogi addizzjonali f’ċirkostanzi definiti tajjeb u meta jkunu debitament ġustifikati”. |
|
28 |
Minn dan isegwi li dan l-Artikolu 23(2) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ ċirkustanzi li tinsab fih ma hijiex ta’ natura eżawrjenti u li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni li jippermettilhom jadottaw dispożizzjonijiet li jirrifjutaw jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien jew li jipprevedu terminu ta’ ħelsien totali itwal jew terminu ta’ skadenza itwal f’ċirkustanzi differenti minn dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni, sakemm, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, dawn iċ-ċirkustanzi jkunu ddefiniti sew u sakemm tali derogi jkunu debitament iġġustifikati. |
|
29 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt dwar jekk l-Istati Membri jistgħux, meta jittrasponu d-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza fid-dritt nazzjonali tagħhom, jintroduċu deroga għall-ħelsien mid-dejn li ma kinitx prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti għal din it-traspożizzjoni, sabiex jiġi ristrett iktar l-aċċess għad-dritt għall-ħelsien mid-dejn, għandu jiġi kkonstatat li la din id-direttiva u lanqas ix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tagħha ma jinkludu elementi li jippermettu li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-marġni ta’ evalwazzjoni li l-Istati Membri għandhom f’dan ir-rigward billi jipprekludi lil dawn tal-aħħar milli jintroduċu tali derogi fid-dritt nazzjonali tagħhom. |
|
30 |
Għall-kuntrarju, billi ppreveda, fl-Artikolu 23(2) tal-imsemmija direttiva, li l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, “[i]żommu jew jintroduċu” dispożizzjonijiet li jirrifjutaw jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien jew li jipprevedu terminu itwal għall-ħelsien mid-dejn totali jew terminu ta’ skadenza itwal, il-leġiżlatur tal-Unjoni espressament ta lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw, meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, tali dispożizzjonijiet li ma kinux jeżistu qabel. |
|
31 |
Fir-rigward tal-imsemmija kundizzjonijiet, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza jissuġġetta espressament l-eżerċizzju tal-possibbiltà hekk mogħtija lill-Istati Membri f’dan l-Artikolu 23(2) għall-kundizzjonijiet li d-derogi li jadottaw jikkonċernaw “ċerti ċirkostanzi definiti sew” u jkunu “debitament iġġustifikati”. Minn dan isegwi li, meta l-leġiżlatur nazzjonali jadotta dispożizzjonijiet li jipprevedu tali derogi, ir-raġunijiet għal dawn id-derogi għandhom jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-proċedura li tkun wasslet għalihom u dawn ir-raġunijiet għandhom isegwu interess pubbliku leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 42). |
|
32 |
F’dan ir-rigward, kemm il-premessa 78 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, li tirreferi għad-derogi “li huma debitament ġustifikati minħabba raġunijiet stipulati fil-liġi nazzjonali”, kif ukoll il-premessa 81 ta’ din id-direttiva, li tirreferi għal raġuni “debitament ġustifikata skont il-liġi nazzjonali”, jippermettu li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien suffiċjenti li l-modalitajiet previsti għal dan l-għan fid-drittijiet nazzjonali differenti kienu ġew osservati. |
|
33 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑289/23 u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑305/23 hija li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ ċirkustanzi li tinsab fih ma għandhiex natura eżawrjenti u li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà li jadottaw dispożizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess għad-dritt għall-ħelsien mid-dejn iktar mil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, billi jirrifjutaw jew billi jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, billi jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien jew billi jipprevedu terminu itwal għall-ħelsien mid-dejn totali jew terminu ta’ skadenza itwal f’ċirkustanzi differenti minn dawk elenkati f’dan l-Artikolu 23(2), sakemm dawn iċ-ċirkustanzi jkunu ddefiniti sew u sakemm tali derogi jkunu debitament iġġustifikati. |
Fuq il‑punti (b), (c) u (d) tal‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑289/23 kif ukoll fuq it‑tieni u r‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑305/23
|
34 |
Permezz tal-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑289/23 kif ukoll permezz tat-tieni u tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑305/23, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, temenda l-ordni ta’ klassifikazzjoni tal-krediti tal-insolvenza applikabbli qabel l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni sa fejn timponi l-pagament tal-krediti pubbliċi mhux privileġġati wara proċedura ta’ insolvenza sabiex ikun jista’ jibbenefika minn ħelsien mid-dejn, teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn f’ċirkustanzi li fihom id-debitur kien aġixxa b’mod negliġenti jew imprudenti, mingħajr madankollu ma jkun aġixxa b’mod diżonest jew b’mala fide, u teskludi dan l-aċċess meta, matul l-għaxar snin qabel it-talba għal ħelsien, id-debitur ikun ġie ssanzjonat permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva għal ksur gravi ħafna fil-qasam fiskali, jew ksur tas-sigurtà soċjali jew ta’ natura soċjali, jew meta kien is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva ta’ estensjoni tar-responsabbiltà, sakemm dan id-debitur ma jkunx ħallas kompletament, fid-data tal-preżentata ta’ din it-talba, id-djun fiskali u soċjali tiegħu. |
|
35 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt dwar jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, temenda l-ordni ta’ klassifikazzjoni tal-krediti tal-insolvenza applikabbli qabel l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni sa fejn timponi l-pagament tal-krediti pubbliċi mhux privileġġati sabiex ikun jista’ jkun hemm il-benefiċċju ta’ ħelsien mid-dejn, għandu jiġi osservat, minn naħa, li proċedura ta’ insolvenza u proċedura ta’ ħelsien mid-dejn jikkostitwixxu żewġ proċeduri distinti li għandhom għanijiet speċifiċi għalihom. Il-fatt li l-għoti tal-ħelsien mid-dejn ikun suġġett għall-pagament ta’ krediti pubbliċi ma jaffettwax il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-krediti bħala “privileġġati”, bħala “ordinarji” jew bħala “subordinati” wara dikjarazzjoni ta’ insolvenza. Konsegwentement, ma jidhirx li l-obbligu ta’ ħlas tal-krediti pubbliċi mhux privileġġati sabiex jista’ jkun hemm il-benefiċċju ta’ ħelsien mid-dejn iwassal għal emenda tal-ordni ta’ klassifikazzjoni tal-krediti wara proċedura ta’ insolvenza. |
|
36 |
Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura eżawrjenti u l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà li jadottaw dispożizzjonijiet li jirrifjutaw jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien jew li jipprevedu terminu itwal għall-ħelsien mid-dejn totali jew terminu ta’ skadenza itwal f’ċirkustanzi ddefiniti sew minbarra dawk elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirrestrinġu l-aċċess għad-dritt għall-ħelsien mid-dejn iktar mil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti. Fl-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà, Stat Membru jista’ jimponi l-pagament tal-krediti pubbliċi mhux privileġġati tiegħu wara proċedura ta’ insolvenza sabiex ikun jista’ jkun hemm il-benefiċċju ta’ ħelsien mid-dejn. |
|
37 |
Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta espressament l-eżerċizzju tal-imsemmija possibbiltà għall-kundizzjonijiet li d-derogi previsti fl-istess dispożizzjoni jirrigwardaw “ċerti ċirkostanzi definiti sew” u jkunu “debitament iġġustifikati”. Minn dan isegwi li, meta l-leġiżlatur nazzjonali jadotta dispożizzjonijiet li jipprevedu tali derogi, ir-raġunijiet għal dawn id-derogi għandhom jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-proċedura li tkun wasslet għalihom u dawn ir-raġunijiet għandhom isegwu interess pubbliku leġittimu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, Instituto da Segurança Social et, C‑20/23, EU:C:2024:389, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
L-impożizzjoni, f’dan il-każ, ta’ obbligu ta’ ħlas ta’ krediti pubbliċi mhux privileġġati sabiex jista’ jkun hemm il-benefiċċju ta’ ħelsien mid-dejn hija intiża għal ċirkustanzi ddefiniti sew. Barra minn hekk, il-fatt li dan l-obbligu jippermetti li jinkiseb il-pagament ta’ krediti li, fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ insolvenza, kienu ġew irkuprati b’mod diffiċli mill-amministrazzjoni pubblika, ma jipprekludix li din id-deroga għall-ħelsien mid-dejn tkun tista’ tiġi debitament iġġustifikata. Fil-fatt, billi jeżiġi l-pagament ta’ dawn il-krediti pubbliċi mhux privileġġati, il-leġiżlatur jista’ jkollu interess pubbliku leġittimu, li madankollu hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
|
39 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, timponi l-pagament ta’ krediti pubbliċi mhux privileġġati wara proċedura ta’ insolvenza sabiex ikun jista’ jkun hemm il-benefiċċju ta’ ħelsien mid-dejn, sakemm dan l-obbligu jkun debitament iġġustifikat. |
|
40 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-punt dwar jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn f’ċirkustanzi li fihom id-debitur kien aġixxa b’mod negliġenti jew imprudenti, mingħajr madankollu ma jkun aġixxa b’mod diżonest jew b’mala fide, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva jsemmi espressament l-imprendituri insolventi li jkunu aġixxew “b’mod diżonest jew in mala fede”, tali riferiment huwa nieqes fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. |
|
41 |
Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 23(2) sempliċiment jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jadottaw dispożizzjonijiet li jirrifjutaw jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien jew li jipprevedu terminu itwal għall-ħelsien mid-dejn totali jew terminu ta’ skadenza itwal “f’ċerti ċirkostanzi definiti sew u fejn tali derogi huma debitament iġġustifikati”, mingħajr madankollu ma jeżiġi l-eżistenza ta’ aġir “diżonest” jew b’“mala fide” min-naħa tal-imprendituri kkonċernati. |
|
42 |
Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi, elenkati bħala eżempju fl-istess Artikolu 23(2), li fihom jistgħu jiġu previsti derogi għall-ħelsien mid-dejn, ma humiex ikkaratterizzati mill-eżistenza ta’ aġir “diżonest” jew b’“mala fide” min-naħa tal-imprendituri kkonċernati. |
|
43 |
Għandu jingħad ukoll li dawn iċ-ċirkustanzi jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk imsemmija fil-premessi 79 u 80 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza u li minn dawn il-premessi lanqas ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita ċ-“ċirkostanzi definiti sew” imsemmija fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva għal każijiet li fihom l-imprendituri kkonċernati kienu aġixxew b’mod diżonest jew b’mala fide. |
|
44 |
Minn dan isegwi li dan l-Artikolu 23(2) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn f’ċirkustanzi ddefiniti sew li fihom id-debitur ma aġixxiex b’mod diżonest jew b’mala fide. |
|
45 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk l-imsemmi Artikolu 23(2) jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn meta, matul l-għaxar snin qabel it-talba għal ħelsien, id-debitur ikun ġie ssanzjonat permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva għal ksur gravi ħafna fil-qasam fiskali, jew ksur tas-sigurtà soċjali jew ta’ natura soċjali, jew meta kien is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva ta’ estensjoni tar-responsabbiltà sakemm dan id-debitur ma kellux, fid-data tal-preżentata ta’ din it-talba, ħallas kompletament id-djun fiskali u soċjali tiegħu, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 28 sa 33 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tagħti marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri billi tipprevedi espressament li huma jistgħu jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet “li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien mid-dejn jew li jipprevedu perjodi itwal għall-kisba ta’ ħelsien sħiħ mid-dejn jew perjodi tal-iskwalifika itwal f’ċerti ċirkostanzi definiti sew u fejn tali derogi huma debitament iġġustifikati”. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, la d-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza u lanqas ix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tagħha ma jinkludu elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita dan il-marġni ta’ evalwazzjoni. |
|
46 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 31 u 37 ta’ din is-sentenza, meta l-leġiżlatur nazzjonali jadotta dispożizzjonijiet li jipprevedu tali derogi, ir-raġunijiet għal dawn id-derogi għandhom jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-proċedura li tkun wasslet għalihom u dawn ir-raġunijiet għandhom isegwu interess pubbliku leġittimu. |
|
47 |
B’hekk, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn f’ċerti ċirkustanzi ddefiniti sew, bħal meta, matul l-għaxar snin qabel it-talba għal ħelsien, id-debitur ikun ġie ssanzjonat permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva għal ksur gravi ħafna fil-qasam fiskali, jew ksur tas-sigurtà soċjali jew ta’ ordni soċjali, jew meta kien is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva ta’ estensjoni tar-responsabbiltà, sakemm dan id-debitur ma jkunx, fid-data tal-preżentata ta’ din it-talba, ħallas kompletament id-djun fiskali u soċjali tiegħu, sa fejn jirriżulta mid-dritt nazzjonali li tali esklużjoni hija ġġustifikata mit-tfittxija ta’ interess pubbliku leġittimu, li hija ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju. Id-dritt nazzjonali għandu għalhekk jippermetti li tiġi identifikata r-raġuni ta’ interess pubbliku leġittimu li tiġġustifika, f’dawn iċ-ċirkustanzi ddefiniti sew, l-esklużjoni ta’ ħelsien mid-dejn. |
|
48 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 9 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur Spanjol, fil-preambolu tal-Liġi 16/2022, li huwa intiż li jiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza fid-dritt Spanjol, espona r-raġunijiet li wassluh sabiex jipprevedi derogi mill-ħelsien mid-dejn. Fih, dan il-leġiżlatur jindika b’mod partikolari li debitur li jissodisfa r-rekwiżit ta’ bona fide jista’ jkollu aċċess għal ħelsien mid-dejn kollu tiegħu, ħlief għal dak li, eċċezzjonalment u minħabba n-natura speċjali tiegħu, jitqies li ma jistax legalment jinħeles. Dawn l-eċċezzjonijiet huma b’mod partikolari bbażati fuq l-importanza partikolari tas-sodisfazzjon ta’ ċerti krediti għal soċjetà ġusta u ta’ solidarjetà, ibbażata fuq l-Istat tad-dritt. Fost dawn il-krediti hemm dawk irregolati mid-dritt pubbliku. Il-ħelsien mid-dejn għal dawn tal-aħħar huwa għalhekk suġġett għal ċerti limiti u jista’ jseħħ biss mal-ewwel ħelsien mid-dejn u mhux ma’ ħelsien sussegwenti. |
|
49 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, minn naħa, jekk dawn ir-raġunijiet jikkostitwixxux raġunijiet ta’ interess pubbliku leġittimu u, min-naħa l-oħra, jekk mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jirriżultax li l-imsemmija raġunijiet iġġustifikaw l-esklużjoni ta’ ħelsien mid-dejn f’ċirkustanzi ddefiniti sew, bħal dawk stabbiliti fil-punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-TRLC. |
|
50 |
Fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma obbligati jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu, u, konsegwentement, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn dan isegwi li l-miżura nazzjonali inkwistjoni ma għandhiex teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, hija ma tistax taffettwa l-obbligu għall-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, li jiżguraw li l-imprendituri insolventi jkollhom aċċess għal mill-inqas proċedura waħda li tista’ twassal għal ħelsien totali mid-dejn. |
|
51 |
Għalhekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju tqis li l-esklużjoni ta’ ħelsien mid-dejn f’ċirkustanzi bħal dawk iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-TRLC hija ġġustifikata mil-leġiżlatur nazzjonali f’isem interess pubbliku leġittimu, hija għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, jekk dan l-interess jiġġustifikax, b’mod partikolari, li dan ir-rekwiżit japplika għal dan id-dejn matul l-għaxar snin qabel it-talba għal ħelsien u li ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni kwalunkwe dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tar-responsabbiltà. |
|
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑289/23 kif ukoll għat-tieni u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑305/23 hija li l-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, timponi l-pagament ta’ krediti pubbliċi mhux privileġġati wara proċedura ta’ insolvenza sabiex ikun jista’ jkun hemm il-benefiċċju ta’ ħelsien mid-dejn, teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn f’ċirkustanzi li fihom id-debitur kien aġixxa b’mod negliġenti jew imprudenti, mingħajr madankollu ma jkun aġixxa b’mod diżonest jew b’mala fide, u teskludi dan l-aċċess meta, matul l-għaxar snin qabel it-talba għal ħelsien, id-debitur ikun ġie ssanzjonat permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva għal ksur gravi ħafna fil-qasam fiskali, jew ksur tas-sigurtà soċjali jew ta’ natura soċjali, jew meta kien is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva ta’ estensjoni tar-responsabbiltà sakemm dan id-debitur ma jkunx ħallas kompletament, fid-data tal-preżentata ta’ din it-talba, id-djun fiskali u soċjali tiegħu, sa fejn tali derogi jkunu debitament iġġustifikati bis-saħħa tad-dritt nazzjonali. |
Fuq il‑punt (e) tal‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑289/23
|
53 |
Permezz tal-punt (e) tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑289/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn f’każ partikolari, mingħajr ma din l-esklużjoni tkun ġiet debitament iġġustifikata mil-leġiżlatur nazzjonali. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta espressament l-eżerċizzju tal-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li d-derogi adottati abbażi tagħha jkunu “debitament iġġustifikati”. |
|
55 |
Mid-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza jirriżulta li l-ġustifikazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn Stat Membru insostenn ta’ deroga bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tirriżulta jew mill-proċedura li tkun wasslet għaliha jew mid-dritt nazzjonali. Għalhekk, fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, meta, skont id-dritt nazzjonali, ix-xogħol preparatorju, il-preamboli u l-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti leġiżlattivi jew regolatorji jkunu jagħmlu parti integrali minnhom jew ikunu rilevanti għall-interpretazzjoni tagħhom u jkunu jinkludu ġustifikazzjoni tad-deroga miżmuma jew adottata fl-eżerċizzju tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, għandu jitqies li din il-ġustifikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni ipoteżi, l-imsemmija ġustifikazzjoni tista’ tinsab ukoll f’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali minbarra dik li tkun tinkludi din id-derga, bħal dispożizzjoni kostituzzjonali, leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, Instituto da Segurança Social et, C‑20/23, EU:C:2024:389, punt 37). |
|
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (e) tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑289/23 hija li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn f’każ partikolari, mingħajr ma din l-esklużjoni tkun ġiet debitament iġġustifikata mil-leġiżlatur nazzjonali. |
Fuq il‑punt (a) tat‑tieni domanda fil‑Kawża C‑289/23
|
57 |
Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑289/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ kategoriji speċifiċi ta’ krediti li tinsab fih hijiex eżawrjenti jew le u jekk, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, l-Istati Membri għandhomx il-possibbiltà li jeskludu mill-ħelsien mid-dejn kategoriji speċifiċi ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni mill-ħelsien mid-dejn, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali. |
|
58 |
Għandu jiġi kkonstatat li din id-domanda hija, essenzjalment, identika għat-tielet domanda magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun) (C‑687/22, EU:C:2024:287, punti 25 u 36). |
|
59 |
Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punt 44 u mill-punt 2 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑289/23 hija li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ kategoriji speċifiċi ta’ krediti li tinsab fih ma hijiex eżawrjenti u li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu mill-ħelsien mid-dejn kategoriji speċifiċi ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali. |
Fuq il‑punti (b) u (e) tat‑tieni domanda fil‑Kawża C‑289/23
|
60 |
Permezz tal-punti (b) u (e) tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑289/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni li tipprevedi esklużjoni ġenerali tal-ħelsien mid-dejn ta’ krediti rregolati mid-dritt pubbliku, għar-raġuni li s-sodisfazzjon ta’ dawn il-krediti għandu importanza partikolari għal soċjetà ġusta u ta’ solidarjetà, ibbażata fuq l-Istat tad-dritt, ħlief f’ċirkustanzi u b’limiti kwantitattivi stretti ħafna, indipendentement min-natura tal-imsemmija krediti u miċ-ċirkustanzi li fihom huma nħolqu, u li, konsegwentement, jirrestrinġu l-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħelsien mid-dejn applikabbli għal din il-kategorija ta’ krediti qabel l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu, minn naħa, jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ kategoriji speċifiċi ta’ krediti li tinsab fih ma għandhiex natura eżawrjenti u li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu mill-ħelsien mid-dejn kategoriji speċifiċi ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali. |
|
62 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-punt dwar jekk l-Istati Membri jistgħux, meta jittrasponu din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom, jeskludu mill-ħelsien mid-dejn kategoriji ta’ krediti li l-esklużjoni tagħhom ma kinitx prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti għal din it-traspożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li la l-imsemmija direttiva u lanqas ix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tagħha ma jinkludu elementi li jippermettu li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri billi jipprekludi lil dawn tal-aħħar milli jadottaw dispożizzjonijiet li jeskludu mill-ħelsien mid-dejn kategoriji ta’ krediti li ma kinux esklużi minnu qabel l-imsemmija traspożizzjoni. |
|
63 |
Għall-kuntrarju, billi ppreveda, fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri “jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn, mill-ħelsien mid-dejn, jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn jew jistabbilixxu perjodu itwal tal-ħelsien mid-dejn”, il-leġiżlatur tal-Unjoni espressament ta lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw, meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, dispożizzjonijiet li jeskludu mill-ħelsien mid-dejn kategoriji ta’ krediti li ma kinux esklużi minnu qabel. |
|
64 |
Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta espressament l-eżerċizzju tal-possibbiltà hekk mogħtija lill-Istati Membri f’din id-dispożizzjoni għall-kundizzjoni li tali esklużjonijiet ikunu debitament iġġustifikati. Minn dan isegwi li, meta l-leġiżlatur nazzjonali jadotta dispożizzjonijiet li jipprevedu tali derogi, ir-raġunijiet għal dawn id-derogi għandhom jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-proċedura li tkun wasslet għalihom u dawn ir-raġunijiet għandhom ikollhom interess pubbliku leġittimu (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 42). |
|
65 |
F’dan ir-rigward, kemm il-premessa 78 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, li tirreferi għad-derogi “debitament ġustifikati minħabba raġunijiet stipulati fil-liġi nazzjonali”, kif ukoll il-premessa 81 ta’ din id-direttiva, li tirreferi għal raġuni “debitament ġustifikata skont il-liġi nazzjonali”, jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien suffiċjenti li l-modalitajiet previsti għal dan l-għan fid-diversi drittijiet nazzjonali jkunu osservati (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 43). |
|
66 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk ir-raġuni dwar l-importanza partikolari li jiġu ssodisfatti krediti rregolati mid-dritt pubbliku għal soċjetà ġusta u ta’ solidarjetà, ibbażata fuq l-Istat tad-dritt, li tinsab fil-preambolu tal-Liġi 16/2022, tiġġustifikax debitament l-esklużjoni ġenerali, prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 489(1) ta’ din il-liġi, tal-ħelsien mid-dejn ta’ dawn il-krediti, ħlief f’ċirkustanzi u b’limiti kwantitattivi stretti ħafna, indipendentement min-natura tal-imsemmija krediti u miċ-ċirkustanzi li fihom huma nħolqu. Waqt din l-evalwazzjoni, hija jkollha tieħu inkunsiderazzjoni l-obbligu ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fil-punt 50 ta’ din is-sentenza. |
|
67 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-punti (b) u (e) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑289/23 hija li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni li tipprevedi esklużjoni ġenerali tal-ħelsien mid-dejn ta’ krediti rregolati mid-dritt pubbliku, għar-raġuni li s-sodisfazzjon ta’ dawn il-krediti għandu importanza partikolari għal soċjetà ġusta u ta’ solidarjetà, ibbażata fuq l-Istat tad-dritt, ħlief f’ċirkustanzi u b’limiti kwantitattivi stretti ħafna, indipendentement min-natura tal-imsemmija krediti u miċ-ċirkustanzi li fihom huma nħolqu, u li, konsegwentement, jirrestrinġu l-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħelsien mid-dejn applikabbli għal din il-kategorija ta’ krediti qabel l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, sakemm din l-esklużjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali. |
Fuq il‑punt (c) tat‑tieni domanda fil‑Kawża C‑289/23
|
68 |
Permezz tal-punt (c) tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑289/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi regola ġenerali ta’ esklużjoni mill-ħelsien mid-dejn ta’ krediti rregolati mid-dritt pubbliku, sa fejn hija tagħti trattament preferenzjali lil kredituri pubbliċi meta mqabbla ma’ kredituri l-oħra. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 59 u 61 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ kategoriji speċifiċi ta’ krediti li tinsab fih ma għandhiex natura eżawrjenti u li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu mill-ħelsien mid-dejn kategoriji speċifiċi ta’ krediti minbarra dawk elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali. |
|
70 |
Min-naħa l-oħra, la d-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza u lanqas ix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tagħha ma jinkludu elementi li jistgħu jikkorroboraw l-argument li, fid-dawl tal-koerenza interna tal-kategoriji ta’ krediti espressament imsemmija fl-Artikolu 23(4) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-esklużjoni mill-ħelsien mid-dejn ta’ klassijiet ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni, bħal krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali. Għall-kuntrarju, minn dan ix-xogħol preparatorju jirriżulta b’mod iktar partikolari li dan il-leġiżlatur kellu r-rieda ddikjarata li jħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu, waqt it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom, jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u l-istrutturi legali nazzjonali (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, Instituto da Segurança Social et, C‑20/23, EU:C:2024:389, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
71 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li esklużjoni mill-ħelsien mid-dejn ta’ krediti rregolati mid-dritt pubbliku, bħal krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, tista’ tkun debitament iġġustifikata. Fil-fatt, il-krediti ma humiex kollha tal-istess natura, il-kredituri ma għandhomx l-istess kwalità u l-irkupru ta’ dawn il-krediti jista’ jissodisfa għanijiet partikolari. Għalhekk, fid-dawl tan-natura tal-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali kif ukoll tal-għan tal-ġbir tat-taxxa u tal-piżijiet soċjali, l-Istati Membri jistgħu b’mod leġittimu jqisu li l-kredituri istituzzjonali pubbliċi ma humiex, mill-perspettiva tal-irkupru tal-krediti kkonċernati, f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-kredituri tas-settur kummerċjali jew privat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà li l-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali jiġu esklużi mill-ħelsien mid-dejn ma twassalx għal sitwazzjoni indebtament privileġġata tal-kredituri istituzzjonali pubbliċi fil-konfront tal-kredituri l-oħra li ma jibbenefikawx minn tali esklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, Instituto da Segurança Social et, C‑20/23, EU:C:2024:389, punt 43). |
|
72 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu mill-ħelsien mid-dejn ċerti kategori speċifiċi ta’ krediti, bħal krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, u li b’hekk jagħtuhom status privileġġat, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, Instituto da Segurança Social et, C‑20/23, EU:C:2024:389, punt 45). |
|
73 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (c) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑289/23 hija li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi regola ġenerali ta’ esklużjoni mill-ħelsien mid-dejn ta’ krediti rregolati mid-dritt pubbliku, sa fejn hija tagħti trattament preferenzjali lil kredituri pubbliċi meta mqabbla ma’ kredituri l-oħra, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali. |
Fuq il‑punt (d) tat‑tieni domanda fil‑Kawża C‑289/23
|
74 |
Permezz tal-punt (d) tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑289/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi limitazzjoni tal-ħelsien mid-dejn għal kategorija speċifika ta’ krediti permezz tal-istabbiliment ta’ limitu massimu li lil hinn minnu dan il-ħelsien ikun eskluż, mingħajr ma dan il-limitu jkun iffissat skont l-ammont tad-dejn ikkonċernat. |
|
75 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza mill-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, li jimponi fuq l-Istati Membri li jissuġġettaw ħelsien mid-dejn totali għal rimbors parzjali tad-dejn mill-imprenditur sabiex jiġi żgurat li dan l-obbligu ta’ rimbors assoċjat “ikun ibbażat fuq is-sitwazzjoni individwali tal-imprenditur u, b’mod partikolari, huwa proporzjonat għad-dħul u l-assi li jistgħu jiġu sekwestrati jew dawk disponibbli tal-imprenditur waqt il-perjodu tal-ħelsien mid-dejn, u jqis l-interess ekwitabbli tal-kredituri”, l-Artikolu 23(4) ta’ din id-direttiva la jipprevedi espressament li l-Istati Membri għandhom, meta jipprevedu limitazzjoni għall-possibbiltà ta’ ħelsien mid-dejn, jistabbilixxu limitu massimu ddeterminat skont l-ammont reali tad-dejn ikkonċernat u lanqas ma jinkludi xi element li jista’ jikkorrobora l-argument li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri meta jipprevedu tali limitazzjonijiet. |
|
76 |
Fir-rigward preċiżament tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jillimitax il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-kategoriji ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni li huma għandhom l-intenzjoni li jeskludu mill-ħelsien mid-dejn (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 41). |
|
77 |
Issa, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, kien paradossali min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrestrinġi iktar il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri meta jillimitaw il-possibbiltà ta’ ħelsien mid-dejn minn dik li huma għandhom meta jeskludu mill-ħelsien mid-dejn kategorija speċifika ta’ krediti. |
|
78 |
B’mod intermedju, għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jillimitax il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-limitazzjonijiet tal-possibbiltà ta’ ħelsien mid-dejn li huma għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu. |
|
79 |
Madankollu, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta espressament l-eżerċizzju tal-possibbiltà hekk mogħtija lill-Istati Membri f’dan l-Artikolu 23(4) għall-kundizzjoni li tali limitazzjonijiet tal-possibbiltà ta’ ħelsien mid-dejn ikunu debitament iġġustifikati. Minn dan isegwi li, meta l-leġiżlatur nazzjonali jadotta dispożizzjonijiet li jipprevedu tali derogi, ir-raġunijiet għal dawn id-derogi għandhom jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-proċedura li tkun wasslet għalihom u dawn ir-raġunijiet għandhom isegwu interess pubbliku leġittimu. |
|
80 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza jirriżulta li kemm il-premessa 78 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, li tagħmel riferiment għal derogi “debitament ġustifikati minħabba raġunijiet stipulati fil-liġi nazzjonali”, kif ukoll il-premessa 81 ta’ din id-direttiva, li ssemmi raġuni “debitament ġustifikata skont il-liġi nazzjonali”, jippermettu li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien suffiċjenti li l-modalitajiet previsti għal dan l-għan fid-diversi drittijiet nazzjonali jiġu osservati. |
|
81 |
Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, meta l-Istati Membri jeżerċitaw is-setgħa ta’ evalwazzjoni dwar id-derogi li huma jistgħu jadottaw skont l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, huma għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-mezzi li huma jagħżlu ma għandhomx għalhekk imorru lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex minnhom u ma għandhomx iqiegħdu inkwistjoni l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva, jiġifieri, f’dan il-każ, dak li jiġi ggarantit li l-imprendituri insolventi jkollhom aċċess għal mill-inqas proċedura waħda li tista’ twassal għal ħelsien totali mid-dejn. |
|
82 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (d) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑289/23 hija li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi limitazzjoni tal-ħelsien mid-dejn għal kategorija speċifika ta’ krediti permezz tal-istabbiliment ta’ limitu massimu li lil hinn minnu dan il-ħelsien ikun eskluż, mingħajr ma dan il-limitu jkun iffissat skont l-ammont tad-dejn ikkonċernat, sakemm din il-limitazzjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali. |
Fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑305/23
|
83 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑305/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, meta leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi li jeżerċita l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva u jestendi l-applikazzjoni tal-proċeduri li jippermettu ħelsien mid-dejn ikkuntrattat minn imprendituri insolventi lil persuni fiżiċi insolventi li ma humiex imprendituri, ir-regoli li jsiru applikabbli għal dawn il-persuni fiżiċi bis-saħħa ta’ tali estensjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-imsemmija direttiva. |
|
84 |
Kemm il-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda minħabba li ma hijiex rilevanti. Insostenn ta’ din il-kontestazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li huwa ċar li d-debitur ikkonċernat, jekk ma jeżerċitax attività imprenditorjali bħalissa, huwa kien jeżerċita tali attività fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li huwa dan li huwa determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza. Il-Gvern Spanjol jallega, min-naħa tiegħu, li l-imsemmija domanda ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħelsien mid-dejn huma applikabbli għad-debitur irrispettivament minn jekk huwiex imprenditur jew le. |
|
85 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, W. GmbH, C‑67/23, EU:C:2024:680, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
86 |
F’dan il-każ, l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza ma tidhirx manifestament mingħajr rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑305/23. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, l-ewwel domanda f’din il-kawża tidher rilevanti peress li, kif ġie espost fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-proċeduri ta’ insolvenza u ta’ ħelsien mid-dejn jikkonċernaw lil S.E.I. bħala persuna fiżika u mhux bħala imprenditur. Barra minn hekk, il-fatt li d-dritt Spanjol jipprevedi ħelsien mid-dejn lid-debitur irrispettivament minn jekk huwiex imprenditur jew le ma jaffettwax ir-rilevanza ta’ din id-domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt dwar jekk, meta regoli nazzjonali dwar il-ħelsien mid-dejn japplikaw għal persuni fiżiċi, dawn ir-regoli għandhomx ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ din id-direttiva. |
|
87 |
Fir-rigward tar-risposta għall-imsemmija domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza jipprovdi li l-Istati Membri “jistgħu jestendu l-applikazzjoni tal-proċeduri msemmija [f’dan l-Artikolu 1(1)(b)] lil persuni fiżiċi insolventi li mhumiex imprendituri”. |
|
88 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 1(4) hija inekwivoka sa fejn sempliċement tipprevedi estensjoni pura u sempliċi “tal-proċeduri msemmija” fl-istess Artikolu 1(1)(b), jiġifieri dawk li jippermettu ħelsien mid-dejn ikkuntrattat minn imprendituri insolventi, lil persuni fiżiċi insolventi li ma humiex imprendituri. Din il-formulazzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għal estensjoni parzjali ta’ dawn il-proċeduri. |
|
89 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza hija kkorroborata mill-premessa 21 ta’ din id-direttiva, li tistabbilixxi, b’mod partikolari, li, minkejja li l-imsemmija direttiva ma tinkludix regoli vinkolanti dwar id-dejn eċċessiv tal-konsumaturi, l-Istati Membri għandhom japplikaw ukoll għall-konsumaturi, malajr kemm jista’ jkun, “id-dispożizzjonijiet” tal-istess direttiva dwar il-ħelsien mid-dejn. |
|
90 |
Għandu jingħad ukoll li d-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza barra minn hekk ma tinkludi l-ebda element li jista’ jikkorrobora l-argument li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-portata tal-applikazzjoni, lil persuni fiżiċi insolventi li ma humiex imprendituri, tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, kemm il-premessa 21 kif ukoll l-Artikolu 1(4) tal-imsemmija direttiva juru b’mod ċar li dan il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li ma jħallix lill-Istati Membri l-għażla li jagħżlu estensjoni “parzjali” jew “à la carte” ta’ dawn il-proċeduri lil persuni fiżiċi insolventi li ma humiex imprendituri. |
|
91 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑305/23 hija li d-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi li jeżerċita l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva u jestendi l-applikazzjoni tal-proċeduri li jippermettu ħelsien mid-dejn ikkuntrattat minn imprendituri insolventi lil persuni fiżiċi insolventi li ma humiex imprendituri, ir-regoli li jsiru applikabbli għal dawn il-persuni fiżiċi bis-saħħa ta’ tali estensjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-imsemmija direttiva. |
Fuq il‑ħames domanda fil-Kawża C‑305/23
|
92 |
Sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 40 sa 44 ta’ din is-sentenza, essenzjalment, ir-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑305/23 għandha tkun fin-negattiv, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda f’din il-kawża. |
Fuq l‑ispejjeż
|
93 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.