Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati fil-5 u fl-10 ta’ Ġunju 2009 rispettivament,
ArcelorMittal Luxembourg SA , preċedentement Arcelor Luxembourg SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn A. Vandencasteele u C. Falmagne, avukati (C‑201/09 P),
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u E. Gippini Fournier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
ArcelorMittal Belval & Differdange SA, preċedentement Arcelor Profil Luxembourg SA, stabbilita f’Esch-sur-Alzette (il-Lussemburgu),
ArcelorMittal International SA, preċedentement Arcelor International SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),
rikorrenti fl-ewwel istanza,
u
Il-Kummissjoni Ewropea , irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, X. Lewis u E. Gippini Fournier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C‑216/09 P),
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
ArcelorMittal Luxembourg SA, preċedentement Arcelor Luxembourg SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),
ArcelorMittal Belval & Differdange SA, preċedentement Arcelor Profil Luxembourg SA, stabbilita f’Esch-sur-Alzette (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn A. Vandencasteele, avukat,
ArcelorMittal International SA, preċedentement Arcelor International SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn A. Vandencasteele, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, A. Arabadjiev (Relatur) u J.-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, T. von Danwitz u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2010,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. Permezz tal-appelli tagħhom, ArcelorMittal Luxembourg SA, li kienet Arcelor Luxembourg SA (C-201/09 P), il-Kummissjoni Ewropea (C-216/09 P) u, permezz ta’ appell inċidentali, ArcelorMittal Belval & Differdange SA, li kienet Arcelor Profil Luxembourg SA u ArcelorMittal International SA, li kienet Arcelor International SA (C-216/09 P), jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-31 ta’ Marzu 2009, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni (T‑405/06, Ġabra p. II‑771, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 5342 finali, tat-8 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal‑Artikolu 65 tat-Trattat KEFA li tikkonċerna akkordji u prattiki miftiehma li jinvolvu produtturi Ewropej ta’ travi (Każ COMP/F/38.907 — Travi tal-azzar), li sommarju tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2008 (ĠU C 235, p. 4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
2. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat illi l-impriża komposta minn ArcelorMittal Luxembourg SA, ArcelorMittal Belval & Differdange SA u ArcelorMittal International SA kienet, bejn l-1 ta’ Lulju 1998 u s-16 ta’ Jannar 1991, bi ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, ipparteċipat f’serje ta’ akkordji u prattiki miftehma li kellhom bħala għan u bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet, l-għoti ta’ kwoti u l-iskambju, fuq skala kbira, ta’ informazzjoni fis-suq Komunitarju tat-travi tal-azzar, u minħabba dan il-ksur, hija imponiet fuq dawn il-kumpanniji multa ta’ EUR 10 miljun in solidum bejniethom.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA
3. Skont l-Artikolu 65 KEFA:
“1. Huma pprojbiti l-ftehim kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftehma kollha li, direttament jew indirettament, jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, u b’mod partikolari dawk li jinvolvu:
a) l-iffissar tal-prezzijiet;
b) ir-restrizzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investimenti;
ċ) it-tqassim tas-swieq, tal-prodotti, tal-klijenti jew tas-sorsi ta’ provvista.
[...]
4. Il-ftehim jew deċiżjonijiet ipprojbiti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jkunu awtomatikament nulli u ma jistgħux jiġu invokati quddiem ebda qorti tal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva, bla ħsara għad-dritt li tittieħed azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, biex tiddeċiedi jekk l-imsemmija ftehim jew deċiżjonijiet humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.
5. Il-Kummissjoni tista’ timponi fuq l-impriżi li jkunu kkonkludew ftehim li huwa null ipso jure , jew li jkunu applikaw jew ippruvaw japplikaw, permezz ta’ arbitraġġ, penali, bojkott jew b’xi mezz ieħor, ftehim jew deċiżjoni li huma null ipso jure jew ftehim li l-approvazzjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata jew irrevokata, jew li jkunu kisbu awtorizzazzjoni permezz ta’ informazzjoni li jkunu jafu li hija falza jew qarrieqa, jew li jwettqu prattiki li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, multi jew pagamenti ta’ penalità li ma jistgħux jeċċedu d-doppju tad-dħul mill-bejgħ magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, bla ħsara jekk dan l-għan jikkonsisti fir-restrizzjoni tal-produzzjoni, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investimenti, dan il-massimu jista’ jiżdied sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tal-impriżi inkwistjoni għal dak li jirrigwarda l-multi, u sa’ 20 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kuljum għal dak li jirrigwarda l-pagamenti ta’ penalità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4. Skont l-Artikolu 97 KEFA, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002.
B – Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE
5. L-Artikolu 305(1) KE jipprovdi:
“Id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat m’għandhomx jolqtu l-dawk tat-Trattat li stabilixxa il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri, is-setgħat ta’ l-istituzzjonijiet ta’ dik il-Komunità, u r-regoli stipulati minn dak it-Trattat għall-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar.”
C – Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003
6. Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), sabiex “jiġu applikati l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], il-Kummissjoni għandha ikollha s-setgħa prevista min dan ir-Regolament.”
7. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Is-sejba u t-temm tal-ksur”, jipprovdi:
“1. Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] jew ta’ l-Artikolu 82 [KE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. [...] Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.
[…]”
8. Bis-saħħa tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il‑Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi u fuq l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi, meta, jew b’intenzjoni jew b’negligenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE.
D – Id-dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni tal-proċeduri
9. L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 715/78/KEFA, tas-6 ta’ April 1978, dwar il-perijodi ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-proċedimenti u tal-infurzar ta’ sanzjonijiet skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar (ĠU L 94, p. 22), u l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jissuġġettaw is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħala regola, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.
10. L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdu li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha jkun sar il-ksur. Madankollu, fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġurnata meta l-ksur ikun intemm.
11. L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jispjegaw illi kull att tal-Kummissjoni intiż għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni tal-ksur jinterrompi l-preskrizzjoni. L-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika b’effett mid-data li fiha l-att jiġi nnotifikat lil, mill-inqas, waħda mill-impriżi li tkun ipparteċipat fil-ksur. Atti li jinterrompu l-preskrizzjoni jinkludu b’mod partikolari dawn li ġejjin:
– it-talbiet bil-miktub għal informazzjoni mill-Kummissjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jeħtieġu l-informazzjoni mitluba;
– awtorizzazzjoni bil-miktub għal spezzjoni jew stħarriġ maħruġa lill-uffiċjali tal-Kummissjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw li jsir stħarriġ;
– il-bidu ta’ proċeduri mill-Kummissjoni; u
– in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.
12. L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u l-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdu li l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika fir-rigward tal-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur.
13. Skont l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003, il-preskrizzjoni terġa’ tibda tiddekorri mill-ġdid wara kull interruzzjoni. Madankollu, it-terminu tal-preskrizzjoni jagħlaq mal-aħħar ġurnata meta terminu ekwivalenti għad-doppju tat-terminu tal-preskrizzjoni jkun għadda mingħajr ma l-Kummissjoni ma tkun imponiet xi multa jew sanzjoni. Dak it-terminu għandu jiġi mtawwal bil-perijodu li matulu l-preskrizzjoni tkun ġiet sospiża.
14. Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003, il-preskrizzjoni applikabbli għall-proċeduri hija sospiża sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
15. Mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u mill-Artikolu 26(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-poter tal-Kummissjoni li tinfurza d-deċiżjonijiet li jimponu multi bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA jew tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin. Dan it-terminu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha d-deċiżjoni ssir finali.
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża
16. Il-fatti li taw lok għal din il-kawża, kif spjegati fil-punti 16 sa 37 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.
17. ARBED SA, li bidlet l-isem tal-kumpannija tagħha sabiex imbagħad issir Arcelor Luxembourg SA, u sussegwentement ArcelorMittal Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “ARBED”), kienet attiva fil-manifattura ta’ prodotti tal-azzar.
18. TradeARBED SA, li bidlet l-isem tal-kumpannija tagħha sabiex imbagħad issir Arcelor International SA, u sussegwentement ArcelorMittal International SA (iktar ’il quddiem “TradeARBED”), kienet ikkostitwita bħala sussidjarja ta’ ARBED 100 %, u bħala attività kellha d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-azzar immanifatturati minn ARBED.
19. ProfilARBED SA, li bidlet l-isem tal-kumpannija tagħha sabiex imbagħad issir Arcelor Profil Luxembourg SA, u sussegwentement ArcelorMittal Belval & Differdange SA (iktar ’il quddiem “ProfilARBED”), ġiet ikkostitwita fis-27 ta’ Novembru 1992, bħala sussidjarja ta’ ARBED 100 % , sabiex minn dik id-data twettaq l-attivitajiet ekonomiċi u industrijali ta’ ARBED fis-settur tat-travi.
20. Matul is-sena 1991, il-Kummissjoni, abbażi ta’ deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 47 KEFA, wettqet xi investigazzjonijiet fl-uffiċċji ta’ diversi impriżi, fosthom ta’ TradeARBED. Fis-6 ta’ Mejju 1992, hija bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi kkonċernati, u fost dawn kien hemm TradeARBED, iżda mhux ARBED u ProfilARBED. TradeARBED ħadet sehem f’seduta li saret bejn il-11 u l-14 ta’ Jannar 1993.
21. Permezz tad-Deċiżjoni 94/215/KEFA, tas-16 ta’ Frar 1994, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA dwar ftehim u prattiki miftehma li jimplikaw produtturi Ewropej ta’ travi (ĠU L 116, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ 17-il impriża Ewropea involuta fl-industrija tal-azzar, fosthom TradeARBED, f’numru ta’ akkordji, ta’ deċiżjonijiet u ta’ prattiki miftehma ta’ ffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-swieq u ta’ skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-suq Komunitarju tat-travi, bi ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, u imponiet multi fuq 14-il impriża f’dan is-settur, fosthom ARBED (ECU 11 200 000), għal ksur imwettaq bejn l-1 ta’ Lulju 1988 u l-31 ta’ Diċembru 1990.
22. Bis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Marzu 1999, ARBED vs Il-Kummissjoni (T‑137/94, Ġabra p. II‑303), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn ARBED kontra d-deċiżjoni inizjali, filwaqt li naqset l-ammont tal-multa imposta fuqha għal EUR 10 miljuni.
23. Bis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni (C‑176/99 P, Ġabra p. I‑10687), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali kif ukoll id-deċiżjoni inizjali, sa fejn din kienet tikkonċerna lil ARBED, minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża.
24. Wara dan l-annullament, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tiftaħ proċedura ġdida fir-rigward tal-aġir antikompetittiv li kien is-suġġett tad-deċiżjoni inizjali. Fit-8 ta’ Marzu 2006, hija bagħtet lil ARBED, lil TradeARBED u lil ProfilARBED dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet filwaqt li informathom bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni li ssibhom responsabbli in solidum għall-ksur inkwistjoni, li għaliha dawn il-kumpanniji wieġbu fl-20 ta’ April 2006.
25. Fit-8 ta’ Novembru 2006, il-Kumissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fl-Artikoli 1 u 2 tagħha tipprovdi:
“Artikolu 1
“L-impriża komposta minn [ARBED, minn TradeARBED u minn ProfilARBED] ipparteċipat, bi ksur tal-Artikolu 65(1) [KEFA] f’serje ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma li kellhom bħala għan u bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet, l-għoti ta’ kwoti u l-iskambju, fuq skala wiesgħa, ta’ informazzjoni dwar is-suq Komunitarju tat-travi. Il-parteċipazzjoni f’dan il-ksur tal-impriża hekk komposta ġiet stabbilita mill-1 ta’ Lulju 1988 sas-16 ta’ Jannar 1991.”
Artikolu 2
Multa ta’ EUR 10 miljuni għandha tiġi imposta fuq [ARBED, fuq TradeARBED u fuq ProfilARBED] in solidum għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
26. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Diċembru 2006, ARBED, TradeARBED u ProfilARBED ippreżentaw kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikoli 33 KEFA u 36 KEFA u tal-Artikoli 229 KE u 230 KE.
27. ARBED, TradeARBED u ProfilARBED isostnu, permezz tal-ewwel motiv tagħhom, li d-deċiżjoni kkontestata kienet nieqsa minn bażi legali u li l-Kummissjoni kienet wettqet użu ħażin ta’ poter. It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà tal-ksur, it-tielet motiv fuq il-ksur tar-regoli tal-preskrizzjoni tal-proċeduri u r-raba’ motiv fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.
28. Peress illi, b’mod partikolari, it-Trattati Komunitarji istitwixxew ordinament ġuridiku uniku, li t-Trattati KEFA u KE jsegwu l-għan komuni, jiġifieri ż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera u li prinċipju komuni għas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri huwa intiż sabiex jiżgura, fil-każ ta’ bidla tal-leġiżlazzjoni ħlief fejn hemm espressjoni ta’ rieda kuntrarja min-naħa tal-leġiżlatur, il-kontinwità tal-istrutturi legali, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-ewwel motiv filwaqt li ddeċidiet illi l-Artikoli 7(1) u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Kummissjoni li tikkonstata u li tissanzjona, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji bejn impriżi magħmula fis-setturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ratione materiae u ratione temporis .
29. Il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx ukoll it-tieni motiv, filwaqt li kkunsidrat illi, l-ewwel nett, dan il-motiv ma kienx invokat minn TradeARBED u, it-tieni nett, li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux ivvizjati bi żbalji ta’ liġi inkwantu kienu jimputaw l-ksur kommess minn TradeARBED lil ARBED u, bħala “suċċessur ekonomiku” ta’ din tal-aħħar, lil ProfilARBED, abbażi tal-fatt illi ARBED kellha 100 % tal-kapital ta’ TradeARBED u li l-provi kienu jikkonfermaw kemm l-influwenza determinanti li din kellha fuq l-aġir ta’ TradeARBED kif ukoll l-użu effettiv ta’ dan il-poter.
30. Fir-rigward tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-allegat ksur tar-regoli tal-preskrizzjoni tal-proċeduri fir-rigward ta’ ARBED, filwaqt li qieset li d-deċiżjoni kkontestata kienet ingħatat, minħabba s-sospensjoni tat-terminu matul l-ewwel proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, fit-termini ta’ preskrizzjoni kemm ta’ ħames snin kif ukoll ta’ għaxar snin. Min-naħa l-oħra, peress illi l-imsemmija sospensjoni kellha biss effett inter partes u mhux erga omnes , il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fir-rigward ta’ ProfilARBED u ta’ TradeARBED, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin kien għadda u, għaldaqstant, annullat id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tagħhom.
31. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv li kien invokat minn ARBED, billi qieset illi, minħabba l-fatt illi hija illimitat ruħha sabiex tallega li l-provi li setgħu kienu għad-dispożizzjoni tagħha matul is-sena 1990 ma baqgħux jeżistu minħabba it-tul ta’ żmien li għadda, ARBED baqgħet ma stabbilixxietx kif it-tul tal-proċedura amministrattiva seta’ kkawża preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.
32. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant annullat id-deċiżjoni kkontestata, inkwantu kienet tikkonċerna lil ProfilARBED u TradeARBED u ċaħdet il-kumplament tar-rikors bħala infondat.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
33. B’digriet tal-10 ta’ Settembru 2009, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi C‑201/09 P u C‑216/09 P għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.
V – It-talbiet tal-partijiet
34. Permezz tal-appell tagħha (C‑201/09 P), ARBED titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata inkwantu tikkonferma, fir-rigward ta’ ARBED, id-deċiżjoni kkontestata, u
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-appell kif ukoll dawk tal-ewwel istanza.
35. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell, u
– tikkundanna lil ARBED għall‑ispejjeż.
36. Permezz tal-appell tagħha (C‑216/09), il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata inkwantu tannulla l-multi imposti permezz tad-deċiżjoni kkontestata fuq ProfilARBED u fuq TradeARBED;
– tiċħad l-appell ta’ ProfilARBED u ta’ TradeARBED, u
– tikkundanna lil ProfilARBED u lil TradeARBED għall-ispejjeż.
37. Fir-risposta tagħhom għall-imsemmi appell, ProfilARBED u TradeARBED ippreżentaw appell inċidentali u jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tikkonferma s-sentenza appellata inkwantu tannulla l-multi li ġew imposti fuqhom permezz tad-deċiżjoni kkontestata, bl-applikazzjoni tal-effett relattiv tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni;
– sussidjarjament u permezz tal-kontro-talba, tannulla s-sentenza appellata inkwantu:
– tapplika t-Trattat KEFA u r-Regolament Nru 1/2003 fil-konfront tagħhom;
– timputa l-aġir ta’ TradeARBED lil ProfilARBED;
– ma tirrikonoxxix il-preskrizzjoni tal-proċeduri fir-rigward ta’ ProfilARBED bl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni;
– ma tirrikonoxxix il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, li ProfilARBED għandha d-dritt li tinvoka fid-dawl tad-dewmien partikolarment twil tal-proċedura;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi;
38. Fir-risposta tagħha għall-imsemmi appell inċidentali, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tiċħad l-appell inċidentali, u
– tikkundanna lil ProfilARBED u lil TradeARBED għall-ispejjeż.
VI – Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
39. Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li jkollha tittratta l-kwistjoni tar-responsabbiltà ta’ ProfilARBED li tirriżulta mit-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi ta’ ARBED minn ProfilARBED. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, din il-kwistjoni ġiet eżaminata mill-Avukat Ġenerali fil-punti 224 sa 235 tal-konklużjonijiet, iżda ma hijiex is-suġġett tal-kawża u ma ġietx diskussa bejn il-partijiet.
40. Skont l-imsemmija dispożizzjoni, instema’ l-Avukat Ġenerali fir-rigward ta’ din it-talba.
41. Skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li f’din il-kawża hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.
43. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.
VII – Fuq l-appelli
44. Fl-appell tagħha (C‑201/09 P), ARBED tqajjem erba’ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju, ARBED tinvoka ksur tal-Artikolu 97 KEFA u tar-Regolament Nru 1/2003, użu ħażin ta’ poter, żbalji ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni.
45. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji tal-personalità ġuridika tal-kumpanniji u tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, nuqqasijiet ta’ motivazzjoni, interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imputabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja 100 % lil kumpannija parent kif ukoll ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata u tal-ġerarkija tar-regoli.
46. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tar-regoli tal-preskrizzjoni u tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-deċiżjoni inizjali kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ARBED tikkritika lill-Qorti Ġenerali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.
47. Permezz tal-appell tagħha (C‑216/09 P), il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 715/78.
A – Fuq l-appell ta’ ARBED (C‑201/09 P)
1. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 97 KEFA u tar-Regolament Nru 1/2003, użu ħażin ta’ poter, żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni
a) L-argumenti tal-partijiet
48. Fl-ewwel lok, ARBED tirrileva li l-Artikolu 97 KEFA kien jistabbilixxi illi t-Trattat KEFA kien jiskadi fit-23 ta’ Lulju 2002 u li d-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq l-Artikolu 65 KEFA, ittieħdet fit-8 ta’ Novembru 2006. Meta ddeċidiet, ġustament, li l-proċeduri kontra l-prattiki inkwistjoni ttieħdu abbażi tal-Artikolu 65 KEFA, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 97 KEFA u ma wieġbitx għall-argumenti tagħha dwar in-nuqqas ta’ bażi legali tal-imsemmija deċiżjoni.
49. Skont ARBED, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li t-Trattati Komunitarji stabbilixxew ordinament ġuridiku uniku. Skont l‑Artikolu 305(1) KE, it-Trattat KEFA jikkostitwixxi sistema speċifika li tidderoga mir-regoli ta’ natura ġenerali stabbiliti mit-Trattat KE u s-suċċessjoni tal-qafas ġuridiku tat-Trattat KE għal dak tat-Trattat KEFA wassal, mill-24 ta’ Lulju 2002, għal modifika tal-bażijiet legali, tal-proċeduri u tar-regoli dwar il-mertu applikabbli. L-obbligu għall-istituzzjonijiet li jinterpretaw id-diversi Trattati b’mod koerenti ma jistax jiġi eżerċitat ħlief fl-osservanza tal-limiti li t-Trattati stess jiffissaw u għalhekk ma jistax iwassal sabiex l-istituzzjonijiet iżommu fis-seħħ dispożizzjoni ta’ Trattat, li l-iskadenza tiegħu kienet stabbilita għat-23 ta’ Lulju 2002, lil hinn minn dik id-data.
50. Is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1969, Klomp (23/68, Ġabra p. 43), u tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, Ġabra p. I‑6199), li fuqhom tistrieħ il-Qorti Ġenerali biex issostni l-pożizzjoni tagħha, ma jistgħux jintużaw sabiex iwasslu għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, l-ewwel sentenza kienet tirrigwarda modifika għad-dritt Komunitarju primarju magħmula permezz tat-Trattat li jgħaqqad, u mhux bl-iskadenza ta’ trattat, filwaqt li t-tieni waħda kienet tirrigwarda deċiżjoni adottata skont it-Trattat KEFA qabel l-iskadenza tiegħu, u mhux wara.
51. Fit-tieni lok, ARBED tikkunsidra li meta bbażat il-kompetenza tal-Kummissjoni fuq ir-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali wettqet użu ħażin tal-poter u ma wiġbitx għall-argumenti tagħha. Hija ssostni li dan ir-regolament kien ġie adottat wara li t-Trattat KEFA kien skada u tikkunsidra li, fir-rigward tal-Artikolu 4 tiegħu u fin-nuqqas ta’ kull riferiment fit-Trattat KEFA, ma jagħtix kompetenza lill-Kummissjoni ħlief biex tibda proċeduri minħabba l-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.
52. Jekk wieħed jassumi wkoll li r-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza li jiġi ssanzjonat il-ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, dan kieku jikser it-Trattat KEFA billi, meħud mill-perspettiva tat-Trattat KE biss, dan ikun ifisser emenda lit-Trattat KEFA. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-interpretazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv tad-diversi Trattati ma għandha l-ebda effett fuq il-kompetenzi attribwiti lill-istituzzjonijiet differenti minn dawn it-Trattati, billi l-istituzzjonijiet huma kompetenti, fil-kuntest ta’ kull Trattat, li jeżerċitaw biss is-setgħat li ġew attribwiti lilhom minn dak it-Trattat.
53. Skont ARBED, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jispiċċa biex, minn naħa, jagħti lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea s-setgħa li jiddeċiedi liema awtoritajiet huma kompetenti biex jimplementaw l-Artikolu 65 KE, minkejja li l-awturi tat-Trattat KEFA eżerċitaw dik il-kompetenza, u, min-naħa l-oħra, li jimmodifika n-natura tal-kompetenza rrikonoxxuta lill-Kummissjoni bit-Trattat KEFA billi din hija esklużiva skont l-Artikolu 65 KEFA, meta din tikkompeti ma’ dik tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni u tal-qrati nazzjonali fil-kuntest tar-Regolament Nru 1/2003.
54. L-interpretazzjoni li tat il-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-liġi fiż-żmien, għalhekk, tippreġudika l-identità ġuridika proprja ta’ kull Trattat u tal-ġerarkija tar-regoli. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali toħloq konfużjoni bejn regola proċedurali, regola sostantiva u attribuzzjoni ta’ kompetenza. Jirriżulta mill-ġurisprudenza, minn naħa, li l-kwistjoni tal-kompetenza ta’ istituzzjoni tiġi qabel il-kwistjoni li wieħed ikun jaf liema regoli sostantivi u proċedurali japplikaw u, min-naħa l-oħra, li l-bażi legali li tagħti s-setgħa lill-istituzzjoni Komunitarja li tadotta att għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tagħha.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
55. Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, illi kull akkordju li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt stipulat fl-Artikolu 65(1) KEFA, konkluż jew implementat qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA fit-23 ta’ Lulju 2002, seta’ jagħti lok, sa din id-data, għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi fuq impriżi li jkunu pparteċipaw fl-imsemmi akkordju jew fl-implementazzjoni tiegħu, ibbażata fuq l-Artikolu 65(5) KEFA.
56. Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat illi, kull akkordju li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt stipulat fl-Artikolu 65(1) KEFA, konkluż jew implementat bejn l-24 ta’ Lulju 2002 u t-30 ta’ Novembru 2009, seta’ jagħti lok għal tali deċiżjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU 1962, 13, p. 204) jew l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.
57. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat ukoll illi kull akkordju li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt stipulat fl-Artikolu 65(1) KEFA, konkluż jew implementat mill-1 ta’ Diċembru 2009, jista’ jagħti lok għal tali deċiżjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.
58. F’din il-kawża, ARBED tikkontesta, essenzjalment, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni setgħet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata adottata fit-23 ta’ Lulju 2002, timponi fuqha, abbażi tal-Artikolu 65(1) u (5) KEFA u tal-Artikoli 7 (1) u tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, multa talli qabel it-23 ta’ Lulju 2002 pparteċipat fil-konklużjoni u fl-implementazzjoni ta’ akkordju li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt stipulat fl-Artikolu 65(1) KEFA.
59. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kompetenza tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, li t-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi, bis-saħħa tal-Artikolu 305(1) KE, lex specialis li tidderoga mil- lex generalis li hija t-Trattat KE u li, minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA fit-23 ta’ Lulju 2002, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ġenerali li tirriżulta mit-Trattat KE ġie estiż, fl-24 ta’ Lulju 2002, għas-setturi li inizjalment kienu rregolati mit-Trattat KEFA.
60. Fil-punti 59 sa 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat illi s-suċċessjoni tal-kuntest ġuridiku tat-Trattat KE għal dak tat-Trattat KEFA kienet tapplika fil-kuntest tal-kontinwità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u tal-għanijiet tagħha, peress illi l-introduzzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet essenzjali kemm tat-Trattat KE kif ukoll tat-Trattat KEFA. F’dan il-kuntest, hija enfasizzat illi l-kunċetti ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma skont l-Artikolu 65(1) KEFA kienu l-istess bħal dawk ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma skont l-Artikolu 81 KE u li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ġew interpretati bl-istess mod mill-qorti tal-Unjoni.
61. Fil-punt 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat illi, skont prinċipju komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, hemm lok, fil-każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni, li tiġi żgurata, ħlief fil-każ li jiġi espress mod ieħor mil-leġiżlatur, il-kontinwità tal-istrutturi legali u kkunsidrat li dan il-prinċipju japplika għal bidliet tad-dritt primarju tal-Unjoni.
62. Fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet illi l-kontinwità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tirrikjedi illi l-Kummissjoni tiżgura, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt it-Trattat KEFA, ir-rispett tad-drittijiet u tal-obbligi li jkun hemm eo tempore kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq l-individwi skont it-Trattat KEFA u li, konsegwentement, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Kummissjoni li tissanzjona, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji magħmula fis-setturi li jaqgħu ratione materiae u ratione temporis fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA.
63. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma huma vvizzjati minn l-ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi, minn naħa waħda, skont prinċipju komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, li l-oriġini tiegħu jmur lura sad-dritt Ruman, hemm lok, fil-każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni, li tiġi żgurata, ħlief fil-każ li jiġi espress mod ieħor mil-leġiżlatur, il-kontinwità tal-istrutturi legali, u min-naħa l-oħra, li dan il-prinċipju japplika għal bidliet tad-dritt primarju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Klomp, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).
64. Kif irrilevat korrettament il-Kummissjoni, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-aġir ta’ kollużjoni pprojbit taħt it-Trattat KEFA jkun jista’ jevita l-applikazzjoni ta’ kull sanzjoni wara l-iskadenza ta’ dan it-trattat.
65. Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 55 sa 57 ta’ din is-sentenza, jirriżulta illi s-suċċessjoni tat-Trattati KEFA, KE u FUE jiżguraw, sabiex jiggarantixxu kompetizzjoni libera, illi kull aġir li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt stipulat fl-Artikolu 65(1) KEFA, kemm jekk sar qabel jew wara t-23 ta’ Lulju 2002 seta’ jiġi ssanzjonat mill-Kummissjoni u għadu jista’ jiġi ssanzjonat.
66. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kontra l-għan u l-koerenza tat-Trattati u irrikonċiljabbli mal-kontinwità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jekk il-Kummissjoni ma tkunx kompetenti sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi tar-regoli marbuta mat-Trattat KEFA u li jibqgħu jipproduċi effetti anki wara l-iskadenza ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lucchini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).
67. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali korrettament iddeċidiet f’dan l-aħħar rigward, fil-punti 65, 66 u 68 tas-sentenza appellata, illi l-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi fiż-żmien kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tar-regoli sostantivi stipulati fl-Artikolu 65(1) sa (5) KEFA għall-fatti tal-kawża, li jaqgħu ratione materiae u ratione temporis fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
68. B’mod partikolari, għandu jitfakkar illi l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li liġi tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jaġixxu fid-dawl tagħhom (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, Ġabra p. I‑1659, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
69. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat illi, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, l-Artikolu 65(1) u (5) KEFA kien jipprovdi bażi legali ċara għall-multa imposta f’din il-kawża, b’tali mod illi TradeARBED ma setgħetx tinjora l-konsegwenzi tal-aġir tagħha. Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 55 sa 57 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li dan l-istess aġir kellu xorta jkun suġġett, fi kwalunkwe ħin, għal tali sanzjoni imposta mill-Kummissjoni.
70. Sakemm it-trattati jiddefinixxu b’mod ċar, sa minn qabel id-data tal-fatti, il-ksur kif ukoll in-natura u d-daqs tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti, l-imsemmija prinċipji huma intiżi biss sabiex jiggarantixxu lill-impriżi bdil ulterjuri tal-bażijiet legali u tad-dispożizzjonijiet proċedurali li jippermettulhom jevitaw kull sanzjoni relatata mal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-passat.
71. Għandu jingħad ukoll illi l-Kummissjoni rrilevat, sa minn qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, in-nuqqas ta’ possibbiltà li jevitaw tali sanzjoni, filwaqt illi spjegat, fil-punt 31 tal-komunikazzjoni tagħha dwar ċerti aspetti tat-trattament tal-każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA, adottata fit-18 ta’ Ġunju 2002 (ĠU C 152, p. 5), li jekk tikkonstata ksur f’qasam li jaqa’ taħt it-Trattat KEFA, id-dritt sostantiv applikabbli huwa, indipendentement mid-data ta’ applikazzjoni, dak fis-seħħ fil-mument meta seħħew il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u li d-dritt proċedurali applikabbli huwa, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, dak li jirriżulta mit-Trattat KE.
72. L-ewwel nett, il-prinċipju lex mitior ma jipprekludix, f’din il-kawża, l-applikazzjoni tal-Artikolu 65(5) KE, peress illi l-multa imposta permezz tad-deċiżjoni kkontestata hija, fi kwalunkwe każ, inqas mil-livell stipulat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-impożizzjoni ta’ multa minħabba ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni.
73. Minn dawn iċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta illi impriża diliġenti li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ ARBED ma setgħet fl-ebda mument tinjora l-konsegwenzi tal-aġir tagħha u lanqas tistrieħ fuq il-fatt illi s-suċċessjoni tal-kuntest ġuridiku tat-Trattat KE minflok it-Trattat KEFA seta’ kellha l-konsegwenza li tkun tista’ tevitalha kull sanzjoni għall-ksur tal-Artikolu 65 KE imwettaq fil-passat.
74. Fir-rigward tal-bażi legali u tad-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll korrettament, fil-punti 64 u 67 tas-sentenza appellata, li l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex timponi, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-multa inkwistjoni, kienet tirriżulta mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u li l-proċedura kellha ssir b’konformità ma’ dan ir-regolament.
75. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni sabiex tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑269/97, Ġabra p. I‑2257, punt 45) u li r-regoli proċedurali huma ġeneralment ikkunsidrati bħala li japplikaw fil-mument meta dawn jidħlu fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et , 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9, u tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, Ġabra p. I‑2049, punt 31).
76. Għandu jingħad ukoll illi l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tar‑Regolament Nru 1/2003 ma llimitatx, iżda kienet aktar ta’ natura li testendi, il-garanziji proċedurali offruti mill-kuntest ġuridiku tat-Trattat KEFA lill-impriżi li kontrihom saru proċeduri, ħaġa li, barra minn hekk, ma hijiex ikkontestata minn ARBED.
77. Minn dan isegwi li, mingħajr ma twettaq żbalji ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, fil-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata, minn naħa waħda, li l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex timponi, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-multa inkwistjoni, kienet tirriżulta mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u li l-proċedura kellha tiġi segwita b’konformità ma’ dan ir-regolament, u min-naħa l-oħra, li d-dritt sostantiv li jistipula s-sanzjoni applikabbli kien l-Artikolu 65(1) u (5) KE.
78. Fit-tielet lok, inkwantu ARBED ssostni li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx b’mod espliċitu għall-argumenti kollha tagħha, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jeħtieġx li din twettaq preżentazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 42, u d-digriet tal-21 ta’ Jannar 2010, Iride u Iride Energia vs Il-Kummissjoni, C‑150/09 P, punt 42).
79. Ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali huwa ċar u jinftiehem u huwa ta’ natura li jippermetti kemm lil ARBED li ssir taf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv inkwistjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.
80. F id-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.
2. Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji tal-personalità ġuridika tal-kumpanniji u tal-individwalità tal-pieni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-ġurisprudenza dwar l-imputabbiltà tal-aġir ta’ kumpannija 100 % sussidjarja fuq il-kumpannija parent u fuq il-ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata
a) Fuq l-ammissibbiltà u r-rilevanza tal-aggravju mressaq
i) L-argumenti tal-partijiet
81. Fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-appell fil-Kawża C‑201/09 P, il-Kummissjoni ssostni illi, peress illi dan l-aggravju huwa intiż sabiex jikkontesta l-imputazzjoni, fil-punti 106 sa 119 tas-sentenza appellata, tal-aġir ta’ TradeARBED lil ProfilARBED, dan huwa inammissibbli, għaliex l-appell ma jistax ikun validu jekk ikollu aggravju li jikkonċerna parti oħra fil-proċedura.
82. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis illi t-tieni aggravju huwa irrilevanti, peress li jirrigwarda biss l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ kontroll effettiv li jirriżulta mill-pussess 100 % tal-kapital ta’ kumpannija sussidjarja u mhux il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kienet ipprovat l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ ARBED fuq TradeARBED, li jiġġustifika l-konklużjoni illi dawn il-kumpanniji kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda.
ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
83. Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-parti tal-aggravju li tirrigwarda l-imputazzjoni tal-aġir ta’ TradeARBED fuq ProfilARBED, għandu jiġi kkonstatat illi dan l-aggravju ma jirreferix għas-sentenza appellata fir-rigward tas-sitwazzjoni ġuridika ta’ ARBED. Kif issostni korrettament il-Kummissjoni, appellant ma jistax jissolleva aggravju għall-benefiċċju ta’ parti oħra fil-proċeduri. Konsegwentment, dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli inkwantu jirreferi għall-imputazzjoni tal-aġir ta’ TradeARBED fuq ProfilARBED.
84. F’dak illi jirrigwarda r-rilevanza tat-tieni aggravju, mill-punt 99 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ entità ekonomika bejn ARBED u TradeARBED, il-Qorti Ġenerali straħet fuq il-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija qabel dan il-punt, inkluża, konsegwentement, il-preżunzjoni konfutabbli li kumpannija parent li għandha 100 % tal-azzjonijiet tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-fatt teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar.
85. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat il-mertu tat-tieni aggravju.
b) Fuq il-mertu
i) L-argumenti tal-partijiet
86. Fl-ewwel lok, ARBED tirrileva li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet dwar l-imputabbiltà tal-aġir ta’ TradeARBED fuq ARBED abbażi tal-kunċett, żviluppat fid-dritt tal-kompetizzjoni, li impriżi ġuridikament distinti jistgħu jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika. Dan il-kunċett, fil-ġurnata tal-lum, jintuża biss sabiex jeżenta lil impriżi minn konsegwenzi tal-eżistenza ta’ persuni ġuridikament distinti, billi jipprevedi illi l-projbizzjoni, fl-Artikolu 81 KE, ta’ akkordji bejn impriżi ma tiġix applikata għal impriżi tal-istess grupp u billi jeskludi mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ konċentrazzjonijiet, l-akkwisti ta’ impriżi fi ħdan l-istess grupp.
87. Billi rrikonoxxiet responsabbiltà kollettiva tal-impriżi ta’ grupp minħabba l-aġir ta’ waħda minnhom, il-Qorti Ġenerali ċaħdet id-drittijiet irrikonoxxuti lill-individwi illi jeżerċitaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom permezz ta’ entitajiet ġuridiċi distinti, kull waħda minnhom, bħala persuna ġuridika, mogħnija b’personalità ġuridika u li magħha hija marbuta responsabbiltà individwali.
88. Barra minn hekk, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jwassal għal riżultat mhux koerenti. Fil-fatt, il-fatt doppju illi l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija li tappartjeni għal grupp ikun imputabbli kemm għal kumpannija parent kemm għal kumpannija sister u li hija biss il-kumpannija parent li għandha l-possibbiltà li tikkonfuta preżunzjoni ta’ influwenza determinanti jwassal sabiex ikun hemm sistema iktar ħarxa fir-rigward tal-kumpannija sister.
89. Għaldaqstant, skont ARBED, is-sentenza appellata tikser il-prinċipji tal-personalità ġuridika u tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet u tiżviluppa inkoerenza interna ta’ raġunament ekwivalenti għal nuqqas ta’ motivazzjoni.
90. Fit-tieni lok, ARBED tikkunsidra illi, billi ddeċidiet illi preżunzjoni konfutabbli illi kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, li tagħha għandha 100 % tal-azzjonijiet, tiġġustifika l-imputabbiltà tal-aġir tal-kumpannija sussidjarja fuq il-kumpannija parent, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma żammitx mal-ġurisprudenza kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll ma’ dik tal-Qorti Ġenerali. Dawn il-ġurisprudenzi kienu jirrikjedu illi l-Kummissjoni turi illi hemm oġġezzjonijiet speċifiċi li jistgħu jiġu indirizzati lil kull waħda mill-impriżi msemmija f’deċiżjoni li timponi multi.
91. Is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151), u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925), ma jistgħux jiġġustifikaw il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, peress li l-ewwel waħda ma hijiex rilevanti u t-tieni waħda ġiet interpretata b’mod żbaljat.
92. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex, skont ARBED, tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li timputa fuq kumpannija parent ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda kellha tiddeċiedi dwar il-prova tal-parteċipazzjoni tal-imsemmija kumpannija parent fi ksur. Barra minn hekk, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fl-imsemmija kawża, id-dritt nazzjonali applikabbli f’din il-kawża ma jipprovdix illi l-korpi statutorji ta’ kumpannija 100 % sussidjarja huma identiċi għal dawk tal-kumpannija parent.
93. Fir-rigward tal-kawża li wasslet għas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ARBED issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kkonfermat illi kontroll ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ kumpannija huwa biżżejjed sabiex il-kumpannija parent tkun ikkunsidrata bħala responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha. Kuntrarjament għal ARBED, f’din il-kawża, il-kumpannija parent kienet aċċettat, matul il-proċedura amministrattiva, li tassumi r-responsabbiltà tal-aġir tas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni li tat lok għall-imsemmija sentenza, din tal-aħħar imponiet il-multa fuq il-kumpannija parent peress li kien hemm provi ċari dwar il-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija parent fil-ksur.
94. Fit-tielet lok, ARBED issostni illi, billi kkonstatat iktar l-eżistenza ta’ influwenza determinanti ta’ ARBED fuq TradeARBED milli l-eżerċizzju ta’ din l-influwenza, minkejja li, kemm id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni inizjali jirrikonoxxu li ARBED ma pparteċipatx fil-ksur billi eżerċitat l-imsemmija influwenza, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-deċiżjoni inizjali, u marret lil hinn mill-kompetenza tagħha billi ssostitwixxiet id-diskrezzjoni tagħha minflok dik tal-Kummissjoni u applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni u Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni.
ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
95. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jirrappreżenta kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ dik l-entità u l-mod ta’ kif tiġi ffinanzjata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa waħda, li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, li fejn tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, tirrispondi għal tali ksur (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C‑90/09 P, Ġabra p. I‑0000, punti 34 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
96. L-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
97. Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent ikollha fil-pussess tagħha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitatata iktar ’il fuq, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
98. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent għandha l-pussess tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li taqleb din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitatata iktar ’il fuq, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
99. Għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra l-pussess 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dawn iċ-ċirkustanzi biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 97 ta’ din is‑sentenza għall-produzzjoni ta’ indizji addizzjonali fir-rigward tal-fatt li l‑kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).
100. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, ġaladarba kumpannija parent ikollha l-pussess 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, teżisti preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha u, min-naħa l-oħra, la l-allegat prinċipju ta’ personalità ġuridika tal-kumpanniji u lanqas dak tal-individwalizzazzjoni tal-pieni ma jipprekludi, kuntrarjament għal dak li tallega ARBED, lill-Kummissjoni milli timponi fuq il-kumpannija parent multa għal ksur kommess mis-sussidjarja, li tagħha għandha 100 % tal-azzjonijiet.
101. Fil-fatt, meta kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, u b’mod partikolari, fuq l-aġir antikompettitiv ta’ din tal-aħħar, hija l-impriża kkostitwita mill-kumpannija parent u mis-sussidjarja tagħha li hija responsabbli għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fit-Trattati KEFA u KE li jirriżulta mill-imsemmi aġir, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 95 ta’ din is-sentenza.
102. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 94 u 96 sa 98 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx ġie pprovat, u lanqas biss allegat, li TradeARBED kienet tiddetermina l-politika kummerċjali tagħha b’mod awtonomu minn ARBED u li provi addizzjonali kienu waslu sabiex ikkonfermaw l-influwenza determinanti ta’ ARBED fuq l-aġir ta’ TradeARBED u l-użu effettiv ta’ din is-setgħa.
103. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti ta’ ARBED ibbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar l-imputabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja 100 % fuq il-kumpannija parent u s-sostituzzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-diskrezzjoni tagħha minflok dik tal-Kummissjoni, ma għandhomx jiġu aċċettati.
104. Fir-rigward tal-argument ta’ ARBED li l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur fuq kumpannija sister iwassal sabiex fir-rigward ta’ din il-kumpannija tiġi stabbilita sistema ta’ responsabbiltà iktar ħarxa minn dik li tapplika għal kumpannija parent, huwa biżżejjed li jitfakkar li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni imputat l-aġir tal-kumpannija sister minħabba l-fatt li hija kienet ħadet l-attivitajiet ekonomiċi tal-kumpannija parent u li, għalhekk, peress li r-responsabbiltà tal-kumpannija sister tiddependi fuq dik tal-kumpannija parent, is-sistema ta’ responsabbiltà imposta fuq il-kumpannija sister ma hija bl-ebda mod iktar ħarxa minn dik applikata għall-kumpannija parent.
105. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata , huwa biżżejjed li jiġi rrilevat illi, fi kwalunkwe każ, dan il-prinċipju ma għandux jintrabat ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li, fuq kollox, ġiet annullata, bħad-deċiżjoni inizjali, sa fejn kienet tikkonċerna lil ARBED.
106. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni li allegatament jirriżulta minn inkoerenza li tivvizzja r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li tali inkoerenza allegata ġejja minn qari żbaljat min-naħa ta’ ARBED tal-ġurisprudenza dwar l-imputabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja 100 % fuq il-kumpannija parent. Għaldaqstant, fi kwalunwe każ, dan l-argument għandu jiġi miċħud.
107. Minn dan jirriżulta li hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud.
3. Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tar-regoli tal-preskrizzjoni u tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
a) L-argumenti tal-partijiet
108. ARBED tqis illi, meta kkunsidrat li ARBED kienet ipparteċipat fil-ksur peress illi dak kommess minn TradeARBED kien imputabbli fuqha, il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok, ikkontradixxiet lilha nnifisha, peress li fil-punt 100 tas-sentenza appellata ddistingwiet ir-responsabbiltà bl-imputazzjoni tar-responsabbiltà permezz ta’ parteċipazzjoni, fit-tieni lok, ma urietx li ARBED kienet issodisfat il-kundizzjonijiet li kienu jrendu applikabbli, fil-konfront tagħha, l-atti ta’ interruzzjoni jew ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni, fit-tielet lok, għamlet applikazzjoni żbaljati tar-regoli tal-preskrizzjoni u, fir-raba’ lok, kisret il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata .
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
109. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq raġunament allegatament kontradittorju segwit mill-Qorti Ġenerali, diġà ġie rrilevat, fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, li l-allegati inkoerenzi jirriżultaw minn qari żbaljat min-naħa ta’ ARBED tal-ġurisprudenza dwar l-imputabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja 100 % fuq il-kumpannija parent. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.
110. Isegwi wkoll, kuntrarjament għal dak li tallega ARBED, li l-atti ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni, minħabba l-imsemmija imputabbiltà u l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn TradeARBED u ARBED, huma applikabbli fil-konfront ta’ ARBED.
111. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata , diġà ġie rrilevat, fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, li, fi kwalunkwe każ, dan il-prinċipju ma għandux jintrabat ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li, fuq kollox, ġiet annullata, bħad-deċiżjoni inizjali, inkwantu kienet tikkonċerna lil ARBED.
112. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.
4. Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata
a) L-argumenti tal-partijiet
113. ARBED tirrileva li hija sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-provi rilevanti fil-kuntest tal-inve rżjoni tal-preżunzjoni tal-imputabbiltà tal-ksur kommess minn TradeARBED, li setgħu kienu għad-dispożizzjoni ta’ ARBED matul is-sena 1990, ma baqgħux jeżistu wara perijodu ta’ sittax-il sena u li hija ma setgħetx tevalwa r-rilevanza tal-informazzjoni potenzjalment utli matul il-proċedura. L-argument invokat minn ARBED kien jirrigwarda, għalhekk, l-impossibbiltà tal-ġbir tal-provi meħtieġa għall-inverżjoni tal-imsemmija preżunzjoni.
114. Billi ddeċidiet li kellha tkun ARBED li turi li l-provi dwar in-natura reali tar-relazzjonijiet bejnha u bejn is-sussidjarji tagħha ma baqgħux jeżistu, il-Qorti Ġenerali b’hekk talbet il-prova ta’ fatt negattiv, minnu nnifisu impossibli li jiġi pprovat, ħaġa li tivvizzja lis-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża.
115. Sa fejn il-Qorti Ġenerali, fil-punt 169 tas-sentenza appellata, żiedet li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà kienet tinsab diġà fid-deċiżjoni inizjali, ARBED targumenta illi din id-deċiżjoni ma kien fiha l-ebda raġunament dwar l-imputabbiltà ta’ ksur ta’ kumpannija fuq oħra, iżda llimitat ruħha sabiex tistabbilixxi li TradeARBED kienet tqassam travi għal ARBED u li, sabiex tiżgura trattament ugwali, id-deċiżjoni inizjali kienet indirizzata lil ARBED.
116. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 171 tas-sentenza appellata, illi l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà kienet ikkorroborata minn provi fid-deċiżjoni inizjali, ARBED tirrileva li l-punt 96 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, ARBED vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, isemmi l-aġir ta’ ARBED wara l-ksur u li, fil-punt 98 ta’ din l-aħħar sentenza, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal inċertezza fir-rigward tar-responsabbilitajiet ta’ ARBED u ta’ TradeARBED.
117. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni inizjali ġiet annulata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-konfront ta’ ARBED, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jagħmel l-argument użat mill-Qorti Ġenerali irrilevanti. Fil-fatt, skont ARBED, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jikser il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata marbut mas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u huwa bbażat fuq qari żbaljat kemm tad-deċiżjoni inizjali kif ukoll tas-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1999, ARBED vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ħaġa li tikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
118. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-impossibbiltà ta’ ġbir ta’ provi neċessarji għall-inverżjoni tal-preżunzjoni ta’ imputabbiltà tal-aġir ta’ TradeARBED fuq ARBED u fuq il-fatt li kienet mitluba l-prova ta’ fatt negattiv, mill-ġurisprudenza jirriżulta li għandha tkun l-impriża li ssostni li t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva kellha effett fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża li tipprova b’mod suffiċjenti skont il-liġi illi, minħabba tali dewmien eċċessiv, hija ltaqgħet ma’ diffikultajiet sabiex tiddefendi ruħha mill-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punti 60 u 61).
119. Fil-punt 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat illi, f’din il-kawża, ARBED baqgħet ma stabbilixxietx kif it-tul tal-proċedura amministrattiva seta’ ppreġudika l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li hija llimitat ruħha sabiex tallega li l-provi li setgħu kienu għad-dispożizzjoni tagħha matul is-sena 1990 ma baqgħux jeżistu wara li għadda dan iż-żmien kollu.
120. Tali evalwazzjoni ma hija vvizzjata bl-ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, għandu jitfakkar li ARBED kienet id-destinatarja tad-deċiżjoni inizjali u kienet parti fl-ewwel proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Kif ġustament issostni l-Kummissjoni, tali ċirkustanzi għandhom iwasslu għall-fatt li kull kumpannija diliġenti tikkonserva d-dokumenti neċessarji għad-difiża tagħha.
121. Minn dan isegwi li kull impriża li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ ARBED għandha tindika b’mod ċirkustanzjali, jekk mhux il-provi speċifiċi li ma baqgħux jeżistu, tal-inqas l-inċidenti, l-avvenimenti u ċ-ċirkustanzi li, matul il-perijodu kkonċernat, li impedixxewha milli tikkonforma ruħha mal-obbligu ta’ diliġenza tagħha u li wasslu għall-allegat nuqqas ta’ eżistenza tal-provi li għalihom hija tirreferi.
122. Fil-fatt, huwa biss b’evalwazzjoni ta’ tali indikazzjonijiet speċifiċi li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jevalwaw jekk impriża pprovatx b’mod suffiċjenti skont il-liġi illi hija ltaqgħet mad-diffikultajiet invokati sabiex tiddefendi ruħha mill-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni minħabba tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva jew, jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmija diffikultajiet jirriżultawx minn interpretazzjoni żbaljata tal-obbligi ta’ diliġenza tagħha.
123. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet korrettament tiddeċiedi li ammissjoni tant ġenerali bħal dik li saret minn ARBED ma setgħetx tkun biżżejjed sabiex tipprova b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-effett tat-tul tal-proċedura fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.
124. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, l-argumenti invokati minn ARBED kontra l-kunsiderazzjonijiet addizzjonali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 169 sa 171 tas-sentenza appellata huma irrilevanti.
125. Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.
126. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta illi l-appell ta’ ARBED fil-Kawża C‑201/09 P għandu jiġi miċħud.
B – Fuq l-appell tal-Kummissjoni (C‑216/09 P), li l-uniku aggravju tiegħu huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 715/78
1. L-argumenti tal-partijiet
127. Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni litterali żbaljata u eċċessivament ristretta tal-Artikoli 2(3) u 3 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 peress li, sabiex tiġġustifika d-distinzjoni bejn l-effett tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni u dak tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni, tirreferi għad-differenza li teżisti fil-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet fir-rigward tal-effett erga omnes . In-nuqqas ta’ riferiment espress ta’ effett erga omnes fil-kliem tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 ma jeskludix illi din id-dispożizzjoni tagħti tali effett lis-sospensjoni, peress li l-għan komuni tal-interruzzjoni u tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni huwa li jitwaqqaf iż-żmien għall-impriżi kollha kkonċernati.
128. Fis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 144), il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx interpretazzjoni litterali u restrittiva tad-dispożizzjonijiet dwar it-termini tal-preskrizzjoni, peress li ħadet inkunsiderazzjoni, minbarra l-kliem tad-dispożizzjoni dwar is-sospensjoni tal-preskrizzjoni, l-għan imsemmi f’din id-direttiva, sabiex tikkonferma interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “deċiżjoni tal-Kummissjoni” li tinsab fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 715/78.
129. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat illi s-sospensjoni tipproteġi lill-Kummissjoni mill-effett tal-preskrizzjoni f’sitwazzjonijiet li fihom hija jkollha tistenna id-deċiżjoni tal-qorti tal-Unjoni. B’hekk, kemm l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni kif ukoll is-sospensjoni tagħha jippermettulha illi ssegwi u tissanzjona b’mod effiċjenti l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.
130. Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, interpretazzjoni restrittiva tal-effetti tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni ma għandhiex tiġi dedotta mill-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 154 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer (C‑278/02, Ġabra p. I‑6171, punt 40), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-interpretazzjoni tagħha fuq l-għan li għandu jintlaħaq mir-regoli tal-preskrizzjoni.
131. Fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali għas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363), il-Kummissjoni tqis li l-loġika ta’ din is-sentenza ma hijiex applikabbli għal miżuri ta’ investigazzjoni, bħall-verifiki u l-ispezzjonijiet, li l-kontestazzjoni tagħhom tinterrompi jew tissospendi l-preskrizzjoni.
132. Fil-fatt, kuntrarjament għall-eżerċizzju ta’ rikors kontra deċiżjonijiet finali, li għalih ma jistax jiġi eskluż li s-soluzzjoni li sabet il-Qorti Ġenerali hija valida, il-kontestazzjoni ta’ tali miżuri jista’ jkollha effett fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li tkompli l-proċedura fir-rigward tal-impriżi kollha implikati fil-ksur, anki jekk huma formalment indirizzati għal impriża waħda biss. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-imsemmija sentenza għas-sospensjoni tal-preskrizzjoni tippreġudika l-implementazzjoni korretta tad-dritt tal-kompetizzjoni, filwaqt li interpretazzjoni li żżomm l-effett erga omnes hija ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli ta’ dan id-dritt.
133. Il-Kummissjoni tippreċiża li s-sentenza appellata tobbligaha, meta kumpannija tkun ikkontestat miżura ta’ investigazzjoni indirizzata lilha, li tkompli l-investigazzjoni tagħha fil-konfront ta’ impriżi u kumpanniji oħrajn implikati u tuża, fid-deċiżjoni finali tagħha, dokumenti li l-legalità tagħhom tkun inċerta, taħt piena ta’ annullament ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, billi l-preskrizzjoni tkun qed tiddekorri fir-rigward ta’ impriżi oħrajn, hija ma tkunx tista’ tistenna l-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja fir-rigward tal-miżura ta’ investigazzjoni.
134. Konsegwentement, minn naħa, filwaqt li jistennew li l-kwistjoni dwar il-legalità tal-investigazzjoni tiġi deċiża mill-qorti tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-impriżi inkwistjoni għandhom ikomplu jiddedikaw riżorsi għat-tkomplija ta’ din l-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li ma jkunux introduċew rikorsi kontra l-miżura ta’ investigazzjoni jkollhom jintroduċu rikors kontra d-deċiżjoni finali filwaqt li jissollevaw l-illegalità ta’ din il-miżura f’numru ta’ rikorsi ġudizzjarji li jirrigwardaw kwistjoni identika. Fil-fatt, dawn l-impriżi, peress li huma affettwati legalment mill-imsemmija miżura ta’ investigazzjoni, anki jekk indirizzata għal impriża partikolari, għandhom ikunu jistgħu jissollevaw l-allegata illegalità tal-istess miżura quddiem l-imsemmija qorti.
135. Il-Kummissjoni tqis li din is-sitwazzjoni ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ miżuri ta’ investigazzjoni li ma jistgħux jiġu kkontestati meta, minn naħa waħda, hija tista’ tirrimedja, matul il-proċedura sussegwenti, għal eventwali problemi proċedurali u, min-naħa l-oħra, ma jkun hemm l-ebda kawża pendenti quddiem il-qorti tal-Unjoni.
136. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza appellata tiffaċilita l-evitar tal-ħlas tal-multa. Sakemm is-sospensjoni taffettwa biss lill-kumpannija li ppreżentat ir-rikors, din tista’ tkun is-suġġett ta’ ristrutturizzazzjoni jew ta’ trasferiment tal-beni tagħha, għaxar snin wara li jintemm il-ksur, lil kumpannija oħra li ma tkunx affettwata bis-sospensjoni, u din is-sitwazzjoni tippermetti għalhekk lill-grupp li jaħrab mill-multa.
137. Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 jikkoinċidu jirriżulta, minn naħa waħda, f’li l-imsemmi Artikolu 2(3) jirreferi, fir-rigward ta’ meta jerġa’ jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni wara interruzzjoni, għall-imsemmi Artikolu 3 u, min-naħa l-oħra, il-fatt li dan tal-aħħar jirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 2(3), jimmilita kontra d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali.
138. Il-Kummissjoni tqis li x-xogħol preparatorju tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perjodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 61), jikkonferma l-interpretazzjoni tagħha tad-Deċiżjoni Nru 715/78. Hija tirrileva li l-proposta inizjali kienet diġà tipprevedi li l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni jkollha effett erga omnes , li tirrifletti approċċ in rem tal-preskrizzjoni, kuntrarjament għall-approċċ in personam , li xi delegazzjonijiet kienu jiddefendu. Finalment intlaħaq kompromess li permezz tiegħu seta’ jiġi applikat l-ewwel approċċ. Id-dispożizzjoni dwar is-sospensjoni tal-preskrizzjoni ġiet introdotta biss, fuq proposta ta’ delegazzjoni, waqt it-tieni proposta emendata.
139. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li l-Kunsill żamm l-approċċ in rem tal-preskrizzjoni għar-regoli kollha relatati magħha, inkluż dawk li jikkonċernaw is-sospensjoni. Il-Kunsill ma tax iktar spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward, għax, peress li din l-għażla dwar in-natura tal-preskrizzjoni kienet saret, ma kienx meħtieġ illi jispeċifikaha wkoll għas-sospensjoni tal-preskrizzjoni.
140. Skont il-Kummissjoni, peress li l-preskrizzjoni hija eċċezzjoni li teżisti biss jekk tkun stipulata, il-prinċipju li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod ristrettiv ixaqleb ukoll lejn din il-pożizzjoni. Għalhekk, ma hemmx lok li r-regoli dwar il-preskrizzjoni jiġu interpretati b’mod wiesa’, favur l-impriżi. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma appoġġjat interpretazzjoni restrittiva tar-regoli dwar is-sospensjoni tal-preskrizzjoni.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
141. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa l-fatt stess li rikors huwa pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja li jiġġustifika s-sospensjoni tal-preskrizzjoni (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 153).
142. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, jekk destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni hija kompetenti biss fuq l-elementi tad-deċiżjoni li jikkonċernaw dan id-destinatarju. Min-naħa l-oħra, dawk l-elementi li jikkonċernaw destinatarji oħra, li ma ġewx ikkontestati, ma jaqgħux taħt is-suġġett li għandu jiġi deċiż mill-qorti tal-Unjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).
143. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-preskrizzjoni għall-infurzar tibda tiddekorri mill-ġurnata li fiha d-deċiżjoni ssir finali. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li dan it-terminu jibda jiddekorri għalhekk, b’mod partikolari, mid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tkun iddeċidiet dwar il-ksur u dwar il-multa, meta l-ebda rikors ma jkun ġie ppreżentat (ara, b’analoġija, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 137).
144. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa waħda, li fir-rigward tal-impriżi li ma ppreżentawx rikors kontra deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li timponi fuqhom multa bis-saħħa tal-Artikolu 65 KEFA jew tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, din id-deċiżjoni ssir finali u, min-naħa l-oħra, li din in-natura finali tad-deċiżjoni tibda fil-konfront tagħhom it-terminu għall-infurzar tal-imsemmija deċiżjoni, stipulat fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1/2003
145. Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ dawn l-impriżi, ir-rikors ta’ impriża oħra kontra l-istess deċiżjoni finali ma jista’ jkollu l-ebda effett sospensiv.
146. Barra minn hekk, kemm il-kliem tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u dak tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dawn l-artikoli jkopru fl-istess ħin ir-rikorsi ppreżentati kontra l-atti msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u fl-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 li jistgħu jiġu kkontestati kif ukoll ir-rikorsi kontra d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 146).
147. Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet li magħhom huwa marbut effett sospensiv, ma hemmx lok, kuntrarjament għat-talbiet tal-Kummissjoni, li jingħata effett erga omnes lir-rikorsi ppreżentati kontra l-atti msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 li jistgħu jiġu kkontestati.
148. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet illi l-effett sospensiv tal-preskrizzjoni li jorbot l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003 mal-proċeduri ġudizzjarji għandu biss effett inter partes .
149. F’din il-kawża, kif isostnu ġustament ProfilARBED u TradeARBED, id-deċiżjoni inizjali kienet issemmi biss lil ARBED u l-proċedura ġudizzjarja li wasslet għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, inkwantu kienet tikkonċerna lil ARBED, kienet biss bejn ARBED u l-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta li ma jista’ jiġi dedott l-ebda effett sospensiv mill-imsemmija proċedura fir-rigward ta’ ProfilARBED jew ta’ TradeARBED.
150. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑216/09 P għandu jiġi miċħud.
151. Peress li ProfilARBED u TradeARBED ippreżentaw l-appell inċidentali tagħhom fil-Kawża C‑216/09 P sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-appell tal-Kummissjoni, ma hemmx lok li jiġi evalwat l-imsemmi appell inċidentali.
VIII – Fuq l-ispejjeż
152. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l‑Artikolu 69(3) tal-imsemmija regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.
153. Peress li l-aggravji ta’ ARBED ma ntlaqgħux fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑201/09 P, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.
154. Fir-rigward tal-appell fil-Kawża C‑216/09 P, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża inkwistjoni, li tikkundanna lill-Kummissjoni, kif ukoll lil TradeARBED u lil ProfilARBED sabiex ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appelli huma miċħuda.
2) ArcelorMittal Luxembourg SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, relatati mal-appell fil-Kawża C‑201/09 P.
3) Il-Kummissjoni Ewropea, ArcelorMittal Belval & Differdange SA u ArcelorMittal International SA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-appell fil-Kawża C‑216/09 P.