SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

11 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 9(1) – Kunċett ta’ ‘persuna taxxabbli’ – Soċji ta’ soċjetà rregolata mid-dritt ċivili mingħajr personalità ġuridika – Artikolu 193 – Determinazzjoni tal-persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa”

Fil-Kawża C‑796/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura

Česká síť s. r. o.

vs

Odvolací finanční ředitelství

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn J. Passer, President tal-Awla, D. Gratsias u B. Smulders (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Česká síť s. r. o., minn V. Křivánek, advokát,

–

għall-Gvern Ċek, L. Březinová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u J. Hradil, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Lulju 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/43/UE tat‑22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 201, p. 4) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Česká síť s. r. o., kumpannija kummerċjali rregolata mid-dritt Ċek, u l-Odvolací finanční ředitelství (id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi, ir-Repubblika Ċeka), dwar ordni indirizzata lil din il-kumpannija sabiex tħallas ammonti dovuti bħala taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif ukoll sabiex tħallas multa, peress li hija responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa bħala “soċju delegat” għal servizzi pprovduti lil klijenti stabbiliti f’dan l-Istat Membru minn impriżi li magħhom hija kkooperat u li, flimkien magħha, jagħmlu parti mill-istess “kumpannija”, fis-sens tad-dritt ċivili Ċek.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 huwa fformulat kif ġej:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi […] titqies bħala attività ekonomika.”

4

L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tal-VAT, kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.

Stat Membru li jeżerċita l-għażla prevista fl-ewwel paragrafu, jista’ jadotta kwalunkwe miżura meħtieġa biex jimpedixxi l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa permezz ta’ l-użu ta’ din id-dispożizzjoni.”

5

L-Artikolu 193 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199b u fl-Artikolu 202.”

6

L-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“L-Istati Membri li aderew wara l‑1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-eqwivalenti f’munita nazzjonali ta’ l-ammonti li ġejjin bir-rata tal-kambju fil-ġurnata ta’ adeżjoni tagħhom:

[…]

7) Ir-Repubblika Ċeka: EUR 35000;

[…]”

Id-dritt Ċek

Il-Liġi dwar il-VAT

7

Fi żmien il-fatti tal-kawża prinċipali, iz-zákon č. 235/2004 Sb., o dani z přidané hodnoty (il-Liġi Nru 235/2004 Sb dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”) kienet tinkludi sistema speċjali għas-soċji ta’ “soċjetà”, fis-sens tal-Artikolu 2716 taz-zákon č. 89/2012 Sb., občanský zákoník (il-Liġi Nru 89/2012 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”).

8

L-Artikolu 4a(3) tal-Liġi dwar il-VAT kien jipprovdi li d-dħul mill-bejgħ ta’ persuna taxxabbli, soċju ta’ “soċjetà”, fis-sens tal-Artikolu 2716 tal-Kodiċi Ċivili (iktar’ il quddiem is-“soċjetà”), li twettaq tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis tal-VAT, jinkludi d-dħul mill-bejgħ imwettaq mhux biss minn din il-persuna taxxabbli b’mod indipendenti barra mis-“ soċjetà” iżda wkoll mis-“soċjetà” kollha.

9

L-Artikolu 73(7) ta’ din il-liġi kien jipprovdi li, għat-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa għall-finijiet tal-attività tas-“soċjetà”, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT kien eżerċitat mis-“soċju delegat”.

10

L-Artikolu 100(4) tal-imsemmija liġi kien jipprovdi li l-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT, soċji tal-istess “soċjetà”, huma obbligati jżommu kontabbiltà separata għall-finijiet tal-VAT għall-attività li huma ssieħbu fiha u li din il-kontabbiltà għandha tinżamm għas-“soċjetà” mis-soċju delegat li, għan-nom tas-“soċjetà”, iwettaq l-obbligi kollha u jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw mill-istess liġi għas-soċji l-oħra.

Il-Kodiċi Ċivili

11

Il-Kodiċi Ċivili jinkludi, fl-Artikoli 2716 et seq. tiegħu r-regoli li jirregolaw l-entità ddenominata “soċjetà”, jiġifieri assoċjazzjoni ta’ persuni mingħajr personalità ġuridika.

12

L-Artikolu 2737 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li, l-ewwel nett, jekk soċju jinnegozja ma’ terz f’kawża komuni, huwa jitqies bħala l-mandatarju tas-soċji kollha, it-tieni nett, il-fatt li s-soċji jkunu ftiehmu mod ieħor ma jistax jiġi invokat kontra terz in bona fide, it-tielet nett, jekk soċju jinnegozja ma’ terz, f’kawża komuni, f’ismu stess, is-soċji l-oħra jistgħu jinvokaw id-drittijiet li jirriżultaw minn dan, filwaqt li t-terz ikun madankollu marbut biss fir-rigward ta’ dak li jkun innegozja legalment miegħu u, ir-raba’ nett, din id-dispożizzjoni ma tapplikax jekk it-terz kien jaf li s-soċju kien qiegħed jinnegozja f’isem is-“soċjetà”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Matul is-sena 2017, Česká síť ikkooperat ma’ tliet kumpanniji stabbiliti fl-Istati Uniti li kienu joperaw fir-Repubblika Ċeka permezz ta’ fergħat (iktar ’il quddiem il-“fergħat ikkonċernati”).

14

Česká síť u l-fergħat ikkonċernati kienu jipprovdu servizzi lil klijenti finali li jikkonsistu prinċipalment fil-provvista ta’ konnessjonijiet mal-internet lil dawn tal-aħħar. Kull waħda minn dawn il-fergħat kienet tinnegozja mal-klijenti tagħha stess u f’isimha, u fl‑2017 irreġistrat dħul minn dawn is-servizzi.

15

Is-soċju uniku ta’ Česká síť kien jiffirma d-dokumenti kuntrattwali f’isem il-fergħat ikkonċernati u fihom kien jindika ċerti dettalji dwar Česká síť, b’mod partikolari, is-sit internet tagħha u l-indirizz tal-posta elettronika tagħha. Barra minn hekk, matul l‑2009 u l‑2010, din is-soċjetà kienet ittrasferixxiet iktar minn 170 mill-klijenti tagħha mingħajr ħlas lil dawn il-fergħat. Hija kienet tipprovdi lill-imsemmija fergħat l-infrastrutturi neċessarji u kienet tixtri hija stess il-konnessjonijiet tal-internet meħtieġa mill-klijenti finali. Il-klijenti kollha kienu konnessi mal-internet permezz tal-istess punt ta’ aċċess. Il-fergħat ikkonċernati la ddikjaraw ebda beni tanġibbli jew intanġibbli, u lanqas spejjeż salarjali, fir-Repubblika Ċeka.

16

F’Novembru 2020, il-Finanční úřad pro Plzeňský kraj (l-Uffiċċju tal-Finanzi ta’ Plzeň, ir-Repubblika Ċeka) ħareġ tnax-il avviż ta’ ħlas addizzjonali għall-attenzjoni ta’ Česká síť li jikkonċernaw il-VAT dovuta għall-perijodi mensili ta’ tassazzjoni minn Jannar sa Diċembru 2017. Għal kull wieħed minn dawn il-perijodi, huwa evalwa l-VAT dovuta għal ammont ta’ 30713 koruni Ċeki (CZK), jiġifieri total ta’ CZK 368556, u kkundanna lil Česká síť għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont totali ta’ CZK 73704.

17

Dawn l-avviżi ta’ ħlas addizzjonali kienu bbażati fuq il-kunsiderazzjoni li bejn Česká síť u l-fergħat ikkonċernati kienu jeżistu rabtiet li wasslu lill-awtorità tat-taxxa tikkonkludi li kien hemm “soċjetà”, li Česká síť kienet is-“soċju ddelegat” tagħha. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar kienet responsabbli għall-ħlas tal-VAT għas-“soċjetà” kollha. B’hekk, din l-awtorità kkalkolat l-ammont tal-VAT dovut minn Česká síť billi inkludiet fl-ammont taxxabbli tagħha kemm it-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minnha kif ukoll dawk imwettqa mill-fergħat ikkonċernati, bħala soċji tas-“soċjetà”.

18

Česká síť ippreżentat rikors ġerarkiku amministrattiv kontra dawn l-avviżi ta’ ħlas addizzjonali, li ġie miċħud. Sussegwentement, hija ppreżentat rikors quddiem il-Krajský soud v Plzni Krajský soud v Plzni (il-Qorti Reġjonali ta’ Plzeň, ir-Repubblika Ċeka) li ġie miċħud. Fl-aħħar nett, hija ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju.

19

Quddiem din l-aħħar qorti, Česká síť sostniet li s-sistema speċjali għas-soċji ta’ “soċjetà”, li kienet tinkludi l-Liġi dwar il-VAT fi żmien il-fatti fil-kawża prinċipali, kienet tmur kontra d-Direttiva 2006/112 sa fejn din is-sistema ppermettiet lill-awtorità tat-taxxa tqis li hija kienet responsabbli għall-ħlas tal-VAT mhux biss għall-attivitajiet taxxabbli tagħha stess, iżda wkoll għal dawk tal-fergħat ikkonċernati minħabba li, bħalha, dawn kienu jagħmlu parti mill-istess “soċjetà”.

20

L-imsemmija qorti ssostni, qabelxejn, li din is-sistema speċjali ma kinitx intiża sabiex tittrasponi r-regoli fil-qasam tal-VAT applikabbli għal “grupp ta’ persuni”, kif previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/112, sussegwentement, li l-Artikolu 5a(1) tal-Liġi dwar il-VAT, li min-naħa tiegħu, kien intiż li jwettaq tali traspożizzjoni, kien jipprevedi li l-membru ta’ grupp ma jistax ikun simultanjament is-soċju ta’ “soċjetà” u, fl-aħħar nett, li l-awtorità tat-taxxa ma ddikjaratx li Česká síť kienet tagħmel parti minn tali grupp, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11.

21

Il-qorti tar-rinviju tosserva li hija tikkonstata li l-kooperazzjoni bejn Česká síť u l-fergħat ikkonċernati kienet tissodisfa l-kriterji meħtieġa sabiex l-istruttura tal-attivitajiet tagħhom tiġi kklassifikata bħala “soċjetà”, peress li l-eżistenza ta’ kuntratt bil-miktub ma kinitx neċessarja f’dan ir-rigward.

22

Madankollu, dik il-qorti tiddikjara li tikkondividi r-riżervi ta’ Česká síť sa fejn, fil-fehma tagħha, din ma kellhiex titqies li kienet responsabbli għall-ħlas tal-VAT fir-rigward tas-servizzi taxxabbli pprovduti mill-fergħat ikkonċernati lill-klijenti finali tagħhom, minkejja l-fatt li, skont ir-regoli tad-dritt ċivili rilevanti, Česká síť u l-imsemmija fergħat kienu jikkostitwixxu “soċjetà” waħda.

23

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm ukoll lok li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi li fihom aġixxa s-soċju tas-“soċjetà” li nnegozja ma’ klijenti finali fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet taxxabbli inkwistjoni quddiemha, peress li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom soċju wieħed ta’ tali “soċjetà” jista’ jorbot lis-soċji kollha.

24

Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta tali soċju jikkonforma ruħu mal-proċedura prevista fl-Artikolu 2737(1) tal-Kodiċi Ċivili, jiġifieri meta jinnegozja f’kawża komuni fil-kwalità ta’ mandatarju tas-soċji kollha u abbażi ta’ prokura min-naħa tagħhom, li jimplika li huwa jinnegozja f’isem u għan-nom tas-soċji kollha u li l-atti tiegħu jobbligaw in solidum lil dawn tal-aħħar, konformement mal-Artikolu 2736 ta’ dan il-kodiċi.

25

Fir-rigward, f’dan il-każ, tal-mod kif il-persuni ġuridiċi assoċjati tas-“soċjetà”, li joperaw permezz tal-fergħat ikkonċernati, innegozjaw mal-klijenti finali permezz ta’ dawn il-fergħat, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dawn tal-aħħar innegozjaw f’isimhom stess u li l-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi kienu konklużi minnhom u mhux minn Česká síť. Il-fatt li d-dokumenti kuntrattwali kienu jinkludu ċerti dettalji tagħha ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli għat-tranżazzjonijiet taxxabbli inkwistjoni.

26

Barra minn hekk, mill-fajl amministrattiv ma jirriżultax li, fil-kuntratti konklużi mal-klijenti finali jew fir-relazzjonijiet magħhom, il-fergħat ikkonċernati kienu rreferew għal Česká síť b’mod li jidentifikaha bħala soċju.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Is-sitwazzjoni fejn, bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċjali fil-qasam [tal-VAT] applikabbli għal ‘kumpanniji’ (assoċjazzjonijiet ta’ persuni mingħajr personalità ġuridika), il-persuna msejħa ‘soċju delegat’ tkun responsabbli għall-ħlas tal-VAT għall-‘kumpannija’ kollha, minkejja li soċju ieħor ikun innegozja mal-klijent finali għall-provvista ta’ servizzi, hija konformi mad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari mal-Artikolu 9(1) u mal-Artikolu 193 tagħha?

Il-konformità ta’ din is-sitwazzjoni mad-Direttiva 2006/112 tiddependi mill-fatt li dan is-soċju l-ieħor ikun naqas milli jsegwi r-regoli li japplikaw għall-atti li jikkonċernaw in-negozju tal-“kumpannija” u jkun innegozja mal-klijent finali f’ismu proprju?”

Fuq id-domanda preliminari

28

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li wieħed mis-soċji ta’ soċjetà rregolata mid-dritt ċivili li ma għandhiex personalità ġuridika distinta minn dik tal-membri tagħha u li tipprovdi servizzi taxxabbli, iddenominat is-“soċju delegat”, jitqies bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT relatata mas-servizzi taxxabbli pprovduti mis-soċji l-oħra ta’ din is-soċjetà, minkejja li dawn ikunu nnegozjaw mal-klijenti finali tagħhom għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, u jekk huwiex rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li, għal dan il-għan, dawn is-soċji l-oħra ddevjaw mir-regoli tad-dritt ċivili dwar ir-rappreżentanza tal-imsemmija soċjetà fir-relazzjonijiet mat-terzi billi nnegozjaw mal-klijenti finali tagħhom f’isimhom stess.

29

Skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini użati fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari t-terminu “kull persuna”, jagħti lill-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” definizzjoni wiesgħa bbażata fuq l-indipendenza fit-twettiq ta’ attività ekonomika, fis-sens li kull persuna fiżika jew ġuridika, kemm jekk pubblika kif ukoll jekk privata, kif ukoll entitajiet li ma jkollhomx personalità ġuridika, li, b’mod oġġettiv, jissodisfaw il-kriterji ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jitqiesu li huma persuni suġġetti għall-VAT (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj, C‑519/21, EU:C:2023:106, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Sabiex jiġi ddeterminat min għandu jitqies bħala “persuna taxxabbli” suġġetta għall-VAT fir-rigward tat-tranżazzjonijiet taxxabbli inkwistjoni, hemm lok li jiġi vverifikat min eżerċita b’mod indipendenti l-attività ekonomika inkwistjoni. Fil-fatt, il-kriterju ta’ indipendenza jikkonċerna l-kwistjoni tar-rabta tat-tranżazzjoni kkonċernata ma’ persuna jew ma’ entità konkreta, filwaqt li jiggarantixxi, barra minn hekk, li din il-persuna jew entità tkun tista’ teżerċita kwalunkwe dritt tagħha għal tnaqqis b’mod ġuridikament sigur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj, C‑519/21, EU:C:2023:106, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għal dan il-għan, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-persuna kkonċernata twettaqx attività ekonomika f’isimha, għan-nom tagħha jew taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u jekk hija tinkarigax ruħha bir-riskju ekonomiku marbut mal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj, C‑519/21, EU:C:2023:106, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, meta persuna taġixxi waħedha fir-relazzjonijiet ma’ terzi, tinnegozja f’isimha u għan-nom tagħha stess u tinkariga ruħha bir-riskju ekonomiku marbut mat-tranżazzjonijiet taxxabbli inkwistjoni, il-fatt li din il-persuna tkun ikkonkludiet kuntratt li jiddenominaha, fir-relazzjonijiet mat-terzi, bħala li tinnegozja f’isem il-partijiet kontraenti kollha jew l-entità kkostitwita minn dan il-kuntratt, ma jistax jaffettwa l-kwalità tagħha ta’ persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, Valstybinė mokesčių inspekcija (Kuntratt ta’ attività komuni), C‑312/19, EU:C:2020:711, punti 43 sa 47).

33

Barra minn hekk, l-eżistenza pprovata ta’ kooperazzjoni anki mill-qrib bejn diversi impriżi ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġi kkontestata l-indipendenza tagħhom fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, l-għażla ta’ tip ta’ kooperazzjoni tirriżulta minn għażla fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-impriżi u ma tistax waħedha tippermetti li jiġi konkluż li dawn ma jeżerċitawx l-attivitajiet tagħhom b’mod indipendenti jew li ma jinkarigawx ruħhom bir-riskju ekonomiku marbut mal-attività ekonomika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Nigl et, C‑340/15, EU:C:2016:764, punti 31 u 32).

34

Għalkemm, f’dan il-każ, filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq, jekk l-entitajiet inkwistjoni, jiġifieri l-fergħat ikkonċernati, għandhomx jitqiesu li jeżerċitaw “b’mod indipendenti” l-attività ekonomika inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tipprovdi lil din il-qorti risposti utli, tista’ tagħti indikazzjonijiet, ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub li ġew ippreżentati quddiemha, ta’ natura li jippermettu lil din tal-aħħar tiddeċiedi t-tilwima konkreta li tressqet quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj, C‑519/21, EU:C:2023:106, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dik il-qorti tqis li, fi żmien il-fatti tal-kawża prinċipali, skont ir-regoli tad-dritt ċivili rilevanti, Česká síť u l-fergħat ikkonċernati kellhom jitqiesu li huma s-soċji ta’ “soċjetà” waħda, jiġifieri soċjetà rregolata mid-dritt ċivili mingħajr personalità ġuridika distinta, peress li l-eżistenza ta’ kuntratt bil-miktub ma kinitx neċessarja sabiex tintlaħaq din l-evalwazzjoni.

36

Għaldaqstant, skont din il-qorti, skont ir-regoli tal-Liġi dwar il-VAT li jipprevedu sistema speċjali għal tali soċji, applikabbli fi żmien il-fatti tal-kawża prinċipali, Česká síť, bħala “soċju delegat” ta’ “soċjetà”, kellha l-kwalità ta’ “persuna taxxabbli” għall-VAT, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, fir-rigward mhux biss tal-provvista ta’ servizzi taxxabbli tagħha stess, iżda wkoll tal-provvisti ta’ servizzi pprovduti mis-soċji l-oħra tas-“soċjetà”, u kienet responsabbli għall-ħlas tal-VAT dovuta għal dawn il-provvisti kollha ta’ servizzi skont l-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva.

37

L-imsemmija qorti tirrileva barra minn hekk li din is-sistema speċjali, kif kienet prevista mil-Liġi dwar il-VAT fi żmien il-fatti tal-kawża prinċipali, ma kinitx intiża li tittrasponi l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/112 u li l-applikabbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jwettqu din it-traspożizzjoni barra minn hekk ma ġietx invokata mill-awtorità tat-taxxa, minkejja li din tevoka numru ta’ elementi fattwali li minnhom jidher li jirriżulta li Česká síť u l-fergħat ikkonċernati kienu marbuta mill-qrib fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv, fis-sens tal-Artikolu 11(1).

38

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat ukoll essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 34 sa 38 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jidhirx li jista’ jiġi eskluż li, fid-dawl ta’ dawn ir-rabtiet stretti, l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/112 tista’ f’dan il-każ tippermetti li Česká síť u l-fergħat ikkonċernati jiġu ttrattati bħala persuna taxxabbli waħda minkejja l-fatt li huma indipendenti minn perspettiva legali, jekk jintwera li t-tqassim tal-bejgħ bejn dawn l-erba’ kumpanniji, li kollha jidhru li direttament jew indirettament huma kkontrollati mis-soċju uniku ta’ Česká síť, jirriżulta minn arranġament purament artifiċjali li jikkostitwixxi abbuż. Tali konstatazzjoni jkollha l-konsegwenza li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 287(7) tad-Direttiva 2006/112 għar-Repubblika Ċeka ma tkunx applikabbli peress li d-dħul mill-bejgħ ikkombinat tal-imsemmiji soċjetajiet jeċċedi l-limitu previst f’din id-dispożizzjoni.

39

Fil-każ li ma tistax issir din il-konstatazzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li jkollha teżamina jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 sa 33 ta’ din is-sentenza, Česká síť jew il-fergħat ikkonċernati għandhom il-kwalità ta’ persuna suġġetta għall-VAT, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, fir-rigward tas-servizzi taxxabbli pprovduti minn dawn il-fergħat. Din il-kwalità tingħata lil dawn tal-aħħar jekk jiġi stabbilit li dawn ipprovdew dawn is-servizzi billi nnegozjaw b’mod indipendenti minn Česká síť. Dan ikun il-każ jekk jiġi stabbilit li l-imsemmija fergħat wettqu l-attività ekonomika kkonċernata f’isimhom, għan-nom tagħhom stess u taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess, u jekk huma jinkarigaw ruħhom bir-riskju ekonomiku marbut mal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju u bla ħsara għal verifika minn din il-qorti fid-dawl tal-fatti rilevanti kollha tal-kawża prinċipali, li, minkejja l-involviment ta’ Česká síť fl-organizzazzjoni tal-provvista mill-fergħat ikkonċernati ta’ servizzi lill-klijenti finali, dawn il-fergħat jidhru li għandhom jitqiesu bħala l-persuni taxxabbli fir-rigward ta’dawn is-servizzi.

41

Fil-fatt, kif tenfasizza dik il-qorti, l-imsemmija fergħat kienu jwettqu provvisti ta’ servizzi taxxabbli favur il-klijenti finali tagħhom stess, li kienu jikkonsistu prinċipalment fil-provvista ta’ konnessjonijiet mal-internet. Kull waħda mill-istess fergħat kienet twettaq dawn is-servizzi f’isimha u kienet tirreġistra d-dħul li hija kienet tikseb minnhom fis-sena fiskali kkonċernata.

42

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-fatt li, fir-relazzjonijiet mat-terzi, il-fergħat ikkonċernati ppreżentaw ruħhom, essenzjalment, mingħajr ma semmew direttament is-“soċjetà” jew wieħed mis-soċji tagħha, b’mod partikolari Česká síť, bħala l-parti kontraenti, minkejja li d-dokumenti kuntrattwali kienu jinkludu ċerti elementi li jistgħu a priori jippermettu li din tal-aħħar tiġi identifikata indirettament, għandu importanza partikolari f’dan ir-rigward.

43

L-importanza ta’ dan il-fatt hija marbuta b’mod partikolari maċ-ċirkustanza li applikazzjoni tal-kriterji għall-identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli għall-VAT fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi taxxabbli minn operaturi differenti li huma indipendenti minn perspettiva legali, iżda li huma strettament marbuta bejniethom fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv, għandha tiżgura li tali identifikazzjoni tkun relattivament faċilment prevedibbli kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, li tipprovdi ċ-ċertezza legali tal-operaturi terzi kkonċernati, sabiex, fuq kollox, dawn tal-aħħar ikunu jistgħu effettivament jeżerċitaw id-dritt għal tnaqqis eventwali tagħhom b’mod ġuridikament sigur kif jeżiġi l-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

44

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar l-effett li jista’ jkollu fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari l-fatt li, sabiex jitwettqu t-tranżazzjonijiet taxxabbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fergħat ikkonċernati ddevjaw mir-regoli tad-dritt nazzjonali dwar ir-rappreżentanza tas-“soċjetà” fir-relazzjonijiet mat-terzi sa fejn huma nnegozjaw mal-klijent finali f’isimhom stess, din għandha tingħata risposta fin-negattiv.

45

Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li dawn il-fergħat ma dehrux fir-relazzjonijiet mat-terzi konformement mar-regoli ta’ rappreżentanza tas-“soċjetà” stabbiliti mid-dritt ċivili nazzjonali applikabbli ma hijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk Česká síť jew l-imsemmija fergħat infushom huma l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT għas-servizzi taxxabbli pprovduti mill-istess fergħat, iżda għandha bħala konsegwenza biss li s-“soċjetà” fl-ebda każ ma tista’ titqies li pprovdiet hija stess dawn is-servizzi u għalhekk ma jistax ikollha l-kwalità ta’ persuna suġġetta għall-VAT fir-rigward ta’ dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, Valstybinė mokesčių inspekcija (Kuntratt ta’ attività komuni), C‑312/19, EU:C:2020:711, punt 45).

46

Fl-aħħar nett, għalkemm, f’dan il-każ, ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112 ma kienet applikabbli, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-persuna taxxabbli għall-VAT fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-fergħat ikkonċernati hija wkoll responsabbli għal din it-taxxa.

47

Minn dan għandu jiġi konkluż li jekk, fi tmiem id-diversi verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, din kellha tqis li, konformement mal-Artikolu 9(1) u mal-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112, il-fergħat ikkonċernati huma l-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT fir-rigward tas-servizzi taxxabbli pprovduti minnhom, din l-aħħar dispożizzjoni tipprekludi li, skont leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din it-taxxa tiġi imposta fuq Česká síť minħabba li din tal-aħħar tkun is-“soċju delegat” ta’ “soċjetà” li tinkludi bħala soċji dawn il-fergħat.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li wieħed mis-soċji ta’ soċjetà rregolata mid-dritt ċivili li ma għandhiex personalità ġuridika distinta minn dik tal-membri tagħha u li tipprovdi servizzi taxxabbli, iddenominat is-“soċju delegat”, jitqies bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT relatata mas-servizzi taxxabbli pprovduti mis-soċji l-oħra ta’ din is-soċjetà, minkejja li dawn ikunu nnegozjaw mal-klijenti finali tagħhom għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, u li ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li, għal dan il-għan, dawn is-soċji l-oħra ddevjaw mir-regoli tad-dritt ċivili dwar ir-rappreżentanza tal-imsemmija soċjetà fir-relazzjonijiet mat-terzi billi nnegozjaw mal-klijenti finali tagħhom f’isimhom stess.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/43/UE tat‑22 ta’ Lulju 2013,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li wieħed mis-soċji ta’ soċjetà rregolata mid-dritt ċivili li ma għandhiex personalità ġuridika distinta minn dik tal-membri tagħha u li tipprovdi servizzi taxxabbli, iddenominat is-“soċju delegat”, jitqies bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud relatata mas-servizzi taxxabbli pprovduti mis-soċji l-oħra ta’ din is-soċjetà, minkejja li dawn ikunu nnegozjaw mal-klijenti finali tagħhom għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, u li ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li, għal dan il-għan, dawn is-soċji l-oħra ddevjaw mir-regoli tad-dritt ċivili dwar ir-rappreżentanza tal-imsemmija soċjetà fir-relazzjonijiet mat-terzi billi nnegozjaw mal-klijenti finali tagħhom f’isimhom stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.