|
30.10.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 284/100 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1952
tad-29 ta' Ottubru 2015
li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 fuq l-importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż il-1,35 mm imma ma taqbiżx 4,0 mm li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu li fih mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trasversali massima taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Il-miżuri eżistenti
|
(1) |
F'Ġunju 2010, b'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (“ir-Regolament bażiku”), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv ta' 64,3 % fuq l-importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż il-1,35 mm imma ma taqbiżx l-4,0 mm, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”), permezz tar-Regolament (UE) Nru 511/2010 (2) (“il-miżuri fis-seħħ”; “l-investigazzjoni oriġinali”). |
|
(2) |
F'Jannar 2012, wara investigazzjoni kontra l-evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-Kunsill estenda l-miżuri fis-seħħ għal importazzjonijiet tal-istess prodott ikkonsenjat mill-Malasja, sew jekk iddikjarat li joriġina fil-Malasja u sew jekk le bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 14/2012 (3) (“l-ewwel investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni”). |
|
(3) |
F'Settembru 2013, wara t-tieni investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-Kunsill estenda l-miżuri fis-seħħ għal importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, li fih, f'piż, 97 % jew aktar iżda inqas minn 99,95 % ta' molibdenu, b'dimensjoni trażversali massima li taqbeż il-1,35 mm imma ma taqbiżx l-4,0 mm li joriġina mir-RPĊ bir- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 871/2013 (4) (“it-tieni investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni”). |
1.2. It-talba
|
(4) |
Fis-26 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-allegata ċirkomvenzjoni tal-miżuri eżistenti u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, suġġetti għal reġistrazzjoni. |
|
(5) |
It-talba tressqet minn Plansee SE, produttur tal-Unjoni ta' ċerti wajers tal-molibdenu (“l-applikant”). |
1.3. Bidu
|
(6) |
Wara li ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li teżisti biżżejjed informazzjoni prima facie għall-bidu ta' investigazzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga l-allegata ċirkomvenzjoni tal-miżuri eżistenti u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, suġġetti għal reġistrazzjoni. |
|
(7) |
L-investigazzjoni nbdiet permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/395 tal-10 ta' Marzu 2015 (5) (“ir-Regolament tat-tnedija”). |
1.4. L-investigazzjoni
|
(8) |
Il-Kummissjoni nnotifikat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-produtturi esportaturi f'dak il-pajjiż, lill-importaturi magħrufa fl-Unjoni li huma konċernati u lill-industrija tal-Unjoni dwar it-tnedija tal-investigazzjoni. |
|
(9) |
Formoli ta' eżenzjoni ntbagħtu lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ u lill-importaturi magħrufa fl-Unjoni. |
|
(10) |
Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ skont iż-żmien stipulat fir-Regolament li jagħti bidu. Il-partijiet kollha kienu infurmati li nuqqas ta' kooperazzjoni jista' jwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli. |
|
(11) |
Produttur esportatur fir-RPĊ u importatur relatat fl-Unjoni ppreżentaw tweġiba għall-formola ta' eżenzjoni lill-Kummissjoni u ngħataw smigħ. |
|
(12) |
Żewġ importaturi ppreżentaw tweġiba għall-formola ta' eżenzjoni lill-Kummissjoni. Wieħed biss minnhom importa kwantitajiet żgħar ta' wajer tal-molibdenu matul il-perjodu ta' investigazzjoni (ara l-premessa (15)). |
|
(13) |
Negozjant wieħed għamel sottomissjoni u ngħata seduta ta' smigħ. |
|
(14) |
Il-Kummissjoni għamlet żjajjar ta' verifika fl-uffiċċji tal-kumpaniji li ġejjin:
|
1.5. L-investigazzjoni u perjodi ta' rappurtar
|
(15) |
Il-perjodu ta' investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2014. Inġabret id-dejta ta' matul il-perjodu ta' investigazzjoni sabiex tiġi mistħarrġa, fost l-oħrajn, il-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri u l-estensjoni tagħhom għall-Malasja fl-2012, (ara l-premessa (2)) u soġġetta għal importazzjonijiet ta' prodott kemmxejn modifikat fl-2013 (ara l-premessa (3)) u l-eżistenza ta' xi prassi, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni ta' dazju. |
|
(16) |
Inġabret dejta aktar iddettaljata għall-perjodu tar-rapport bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-31 ta' Diċembru 2014 sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed jheddu l-effett ta' rimedju tal-miżuri fis-seħħ f'dak li għandu x'jaqsam ma' prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza ta' dumping. |
2. IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI
2.1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
(17) |
Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta' evażjoni possibbli saret billi ġie analizzat suċċessivament:
|
2.2. Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat
|
(18) |
Il-prodott ikkonċernat mill-evażjoni possibbli huwa l-prodott soġġett għall-miżuri fis-seħħ, kif deskritt hawn fuq fil-premessa (1). Jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 8102 96 00 . Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, il-prodott ikkonċernat jintuża prinċipalment fis-settur tal-karozzi għall-kisi tal-metalli permezz ta' sprejjar termali ta' partijiet tal-muturi li huma suġġetti għal tqagħbir qawwi, bħalma huma ċ-ċrieki tal-pistun, iċ-ċrieki tas-sinkronizzatur jew komponenti tat-trażmissjoni, biex tiżdied ir-reżistenza tagħhom kontra l-brix. |
|
(19) |
Il-prodott li qed jiġi investigat huwa prodott definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' bidu, jiġifieri i) wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm u li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 8102 96 00 (kodiċi TARIC 8102 96 00 20), u ii) wajer tal-molibdenu, li fih, f'piż, 97 % jew aktar iżda inqas minn 99,95 % ta' molibdenu, b'dimensjoni trażversali massima li taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm u li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 8102 96 00 (kodiċi TARIC 8102 96 00 40). Il-prodott li qed jiġi investigat joriġina fir-RPĊ u jissejjaħ ukoll wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm. |
2.3. Livell ta' kooperazzjoni
|
(20) |
Produttur esportatur Ċiniż wieħed biss, il-kumpanija Luoyang Hi-tech Metals Co. Ltd (“LHTM”) u importatur relatat tal-Unjoni Chemiemetall (“CM”) ppreżentaw ruħhom u talbu eżenzjoni minn xi estensjoni possibbli tal-miżuri fis-seħħ. Kemm LHTM kif ukoll CM ikkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni. Il-volum tal-importazzjoni tagħhom irrappreżenta madwar 55 % tal-importazzjonijiet totali Ċiniżi fl-Unjoni matul il-perjodu ta' rappurtar. |
|
(21) |
Madwar 40 % tal-importazzjonijiet totali Ċiniżi fl-Unjoni ġejjin minn produtturi li ma kkooperawx. B'mod partikolari, il-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw fit-tieni investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni iżda li ma ġewx eżentati mill-miżuri fis-seħħ, ma kkooperawx. |
2.4. Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ
|
(22) |
It-tabella ta' hawn taħt tiġbor dejta mit-tieni investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, mit-talba, minn Comext u l-bażi ta' dejta miġbura skont 14(6) tar-Regolament bażiku kif ukoll informazzjoni miġbura minn LHTM. |
|
(23) |
Billi produttur esportatur wieħed biss ikkoopera mal-investigazzjoni, iċ-ċifri kollha relatati ma' dejta sensittiva kellhom jiġu indiċjati jew jingħataw f'firxa għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità. |
|
(24) |
It-total ta' wajers tal-molibdenu għall-isprejjar rrappurtati jakkumula:
|
|
(25) |
F'konformità mas-sejbiet tat-tieni investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prattikament waqfu wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji fl-investigazzjoni oriġinali (6) mill-2010. Huma kważi għebu fl-2011, l-2012 u l-2013 u kienu jirrappreżentaw biss madwar 5 % tat-total tal-importazzjonijiet matul il-perjodu ta' rappurtar, 2014. Dawn ġew sostitwiti minn importazzjonijiet ta' ċirkomvenzjoni identifikati fit-tieni investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni bejn is-snin 2010 u l-2012. Sa mill-bidu tat-tieni investigazzjoni ta' kontra ċ-ċirkomvenzjoni u r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet minn Diċembru 2012 (7) dawn l-importazzjonijiet ta' ċirkomvenzjoni kważi waqfu fl-2013 u fil-perjodu ta' rappurtar. |
|
(26) |
Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li kienu ineżistenti jew insinifikanti fis-snin ta' qabel, żdiedu b'mod konsiderevoli fl-2013 u fil-perjodu ta' rappurtar. F'Ottubru 2013, matul il-perijodu ta' investigazzjoni, l-awtoritajiet doganali Taljani ħarġu Informazzjoni Vinkolanti rigward it-Tariffi (IVT) għall-klassifikazzjoni ta' wajer tal-molibdenu b'dijametru ta' 4,1 mm u 4,2 mm li fihom żieda żgħira ta' lantanum (bejn 0,22 % u 0,28 %) u aktar minn 97 % iżda anqas minn 99,95 % ta' molibdenu. Sussegwentement, f'Jannar 2014, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ħarġu IVT li tikklassifika wajers tal-molibdenu ta' aktar minn 99,95 % kontenut ta' molibdenu ta' dijametru ta' madwar 4,1 mm. Dawn l-IVT jikkonfermaw li l-prodott taħt investigazzjoni, varjazzjonijiet ta' wajer ta' molibdenu aktar pur u inqas pur b'dijametru ta' bejn 4,0 mm u 11,0 mm, bdew jokkorru. L-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni kienu jirrappreżentaw kważi t-totalità tal-importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu għall-isprejjar mir-RPĊ fl-2013 (madwar 99 %) u fil-perjodu ta' rappurtar (madwar 95 %). |
|
(27) |
Il-preżenza qawwija mill-2013 ta' importazzjonijiet li qabel kienu ineżistenti jew insinifikanti tal-prodott taħt investigazzjoni li b'mod ċar issostitwixxa importazzjonijiet ta' ċirkomvenzjoni skont it-tieni investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni kif ukoll l-għajbien parallel tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni jikkostitwixxi bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. |
2.5. L-eżistenza ta' prattiki ta' ċirkomvenzjoni
|
(28) |
L-attivitajiet tal-produttur esportatur li kkoopera u l-importatur relatat tiegħu ġew analizzati. Il-produttur esportatur li kkoopera ma esportax il-prodott ikkonċernat iżda wajer tal-molibdenu b'kontenut ta' molibdenu bil-piż mill-inqas 99,95 % u dimensjoni trasversali (dijametru) ta' aktar minn 4,0 mm iżda mhux aktar minn 11,0 mm. Dawn l-esportazzjonijiet jintbagħtu lejn l-importatur relatat tiegħu fil-Ġermanja. Dawn l-esportazzjonijiet attwalment mhumiex soġġetti għad-dazji anti-dumping fis-seħħ. |
|
(29) |
Sussegwentement, l-importatur relatat jipproċessa mill-ġdid l-importazzjonijiet tal-wajer tal-molibdenu b'dijametru iżgħar minn 4,0 mm u din l-operazzjoni effettivament tittrasformah eżattament fil-prodott ikkonċernat li huwa suġġett għall-miżuri fis-seħħ. L-importatur relatat ibigħ lill-klijenti finali tal-Unjoni, l-iktar fl-industrija awtomotiva. L-ipproċessar isir mill-importatur relatat bl-użu ta' tagħmir mixtri mingħand il-produttur esportatur li kkoopera. Fil-fatt, l-investigazzjoni wriet li l-operazzjoni ta' proċessar sempliċiment ġiet trasferita mir-RPĊ lejn il-Ġermanja. |
|
(30) |
L-importatur relatat beda jwettaq mill-ġdid il-proċess fi tmiem l-2012/kmieni fl-2013, speċjalment fi żmien meta importazzjonijiet tal-prodott investigat bdew jidhru (ara l-premessi (24) sa (26) hawn fuq). L-istudju tas-suq li wassal għall-investiment f'din it-tip ta' operazzjoni ġie mwettaq fuq talba tas-sid tal-grupp li għalih jappartejenu l-produttur esportatur li kkoopera u l-importatur relatat tiegħu, fl-2010, wara li kienu imposti miżuri provviżorji fl-investigazzjoni oriġinali. |
|
(31) |
L-investigazzjoni ma sabet l-ebda differenza fil-proċess ta' produzzjoni tal-prodott investigat u l-prodott ikkonċernat, minbarra l-fatt li l-aħħar pass ta' produzzjoni li tikkonsisti f'li l-wajer jinqasam f'dijametru inqas minn 4,0 mm isir fir-PRĊ għall-prodott ikkonċernat u fil-Ġermanja għall-prodott li qed jiġi investigat. |
|
(32) |
L-investigazzjoni wriet ukoll li l-prodott li qed jiġi investigat ma setax jintuża bħala tali għal kisi bl-isprej mill-utenti tal-Unjoni minħabba d-dijametru kbir wisq biex jiffittja ma' tagħmir għall-isprejjar eżistenti. Jista' jintuża biss wara li jiġi proċessat għal dijametri iżgħar, jiġifieri wara li dan jiġi ttrasformat fil-prodott ikkonċernat, hekk li dan jaqbel ma' apparat tal-isprej u li jista' jintuża għall-iskop tas-soltu tiegħu, jiġifieri l-kisi tal-metalli (ara l-premessa (18) hawn fuq). |
|
(33) |
Barra minn hekk, l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott li qed jiġi investigat hija pjuttost simili. Madankollu, l-ipproċessar tad-daqs huwa aktar għali (iktar mid-doppju) meta mwettaq fil-Ġermanja minflok fir-RPĊ. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-proċess fil-Ġermanja jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 15 %-20 % tal-miżuri fis-seħħ. Għalhekk, huwa iżjed ekonomiku li jsir il-proċess fil-Ġermanja milli titħallas it-taxxa. Peress li l-prodott aħħari huwa l-istess, il-prattika hija kkunsidrata bħala ċirkomvenzjoni tad-dazju. |
|
(34) |
Matul is-seduta ta' smigħ konġunt ta' LHTM u CM, huma primarjament iddikjaraw li l-attività attwali ta' importazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni kien pass essenzjali tal-mudell tan-negozju tagħhom żviluppat sabiex ikunu jistgħu jfornu wajer tal-molibdenu bi prezz kompetittiv. Issemma' wkoll li pjan ta' investiment biex tiżdied il-kapaċità ta' produzzjoni ġie sospiż skont l-eżitu tal-investigazzjoni preżenti li allegatament seta' kellha impatt serju fuq il-mudell ta' negozju tagħhom. |
|
(35) |
Rigward il-ġustifikazzjoni ekonomika ta' importazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni u sussegwentement il-proċessar fil-prodott ikkonċernat, u b'hekk l-evitar tal-miżuri fis-seħħ, il-produttur esportatur u l-importatur relatat argumentaw li l-operazzjoni tal-ipproċessar ippermettiet il-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-Unjoni; li l-ispejjeż baxxi tal-prodotti jistgħu jgħinu lill-industrija li ssegwi fil-katina tal-produzzjoni biex tkun aktar effiċjenti u biex tinżamm attività fl-Unjoni; li Plansee, il-produttur tal-Unjoni, għandha wisq setgħa fis-suq tal-Unjoni b'sehem tas-suq kbir u li t-tfassil mill-ġdid tal-operazzjoni jista' jgħin biex titnaqqas il-pożizzjoni dominanti ta' Plansee. |
|
(36) |
L-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jiġġustifika l-importazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni u l-ipproċessar sussegwenti tiegħu fil-prodott ikkonċernat għal raġunijiet oħra ħlief l-evitar tad-dazju anti-dumping fis-seħħ. |
|
(37) |
F'dak li għandu x'jaqsam mal-impjiegi, l-investigazzjoni wriet li t-tfassil mill-ġdid huwa l-aħħar stadju tal-proċess tal-produzzjoni u hu essenzjalment awtomatizzat. Il-ħaddiema huma obbligati jibdlu koljaturi ta' wajer, li jissorveljaw il-proċess u l-ispooling tal-wajer. L-ammont ta' xogħol huwa għaldaqstant limitat ħafna. L-għadd ta' impjiegi maħluqa fl-Unjoni għall-operazzjoni ta' proċessar fi kwalunkwe każ huwa baxx wisq sabiex jindirizza b'mod xieraq it-tħassib dwar in-nuqqas ta' impjieg fis-suq tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, anki jekk il-ħolqien tal-impjiegi jiġi rikonoxxut bħala konsegwenza ta' trasferiment tal-ipproċessar fl-Unjoni, huwa insostenibbli bħala ġustifikazzjoni ekonomika għax huwa għad-detriment tal-miżuri fis-seħħ. Għaldaqstant, l-argument huwa mwarrab. |
|
(38) |
Rigward l-argumenti dwar l-interessi tal-utenti li jużaw wajer orħos proċessat fl-Unjoni u dwar il-kompetizzjoni tas-suq tal-Unjoni, huwa mfakkar li l-investigazzjoni kurrenti qed titwettaq skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. L-iskop ta' investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni huwa li tipprovdi protezzjoni ġusta tal-miżuri fis-seħħ li kienu imposti wara li ġew ikkunsidrati diversi interessi fl-investigazzjoni oriġinali, inklużi dawk ta' importaturi u utenti. Għalhekk, huwa lil hinn mill-ambitu ta' din l-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, li tinvestiga mill-ġdid aspetti bħal dawn. Min-naħa l-oħra, dawn l-argumenti ma setgħux ikunu suffiċjenti għall-kawża jew ġustifikazzjoni ekonomika tal-prattika. Fil-fatt, jekk il-wajer tal-molibdenu huwa irħas wara l-ipproċessar fil-Ġermanja, dan huwa minħabba li d-dazju tal-anti-dumping mhuwiex impost fuq l-importazzjonijiet tal-prodott investigat (ara l-premessa (36) hawn fuq). Għaldaqstant, l-argument huwa mwarrab. |
|
(39) |
Għal dawn ir-raġunijiet, huwa konkluż li ma kienx hemm kawża adegwata suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-importazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni u sussegwentement l-ipproċessar fl-Unjoni għajr l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. L-ipproċessar mill-ġdid miksub mill-importatur relatat kien speċifikament iddiżinjat u mqiegħed fil-prattika bħala konsegwenza tal-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping. |
|
(40) |
Barra minn hekk, it-tieni investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni wriet li l-wajer tal-molibdenu li fih iktar minn 97 % iżda inqas minn 99,95 % ta' molibdenu, b'żieda ta' lantanu u elementi kimiċi oħrajn (“wajer tal-molibdenu trattat”) u dijametru li jaqbeż 1,35 mm imma ma jaqbiżx 4,0 mm huwa interkambjabbli ma' wajer tal-molibdenu aktar pur li fih aktar minn 99,95 % ta' molibdenu u l-istess dijametru billi m'hemmx differenzi fiżiċi rilevanti u għandhom l-istess użu jew applikazzjoni, jiġifieri għal kisi bl-isprej (8). |
|
(41) |
Kif spjegat fil-premessa (26) hawn fuq, l-investigazzjon wriet li f'Ottubru 2013, matul il-perijodu ta' investigazzjoni, l-awtoritajiet doganali Taljani ħarġu Informazzjoni Vinkolanti rigward Tariffi (IVT) għall-klassifikazzjoni ta' wajer tal-molibdenu b'dijametru ta' 4,1 mm u 4,2 mm li fihom żieda żgħira ta' lantanu (bejn 0,22 % u 0,28 %) u aktar minn 97 % iżda anqas minn 99,95 % ta' molibdenu. Din l-IVT tikkonferma li wajer tal-molibdenu trattat b'dijametru ta' bejn 4,0 mm u 11,0 mm beda jokkorri. |
|
(42) |
Kif spjegat fil-premessa (32) hawn fuq, tagħmir tal-isprej jista' jiffunzjona biss b'wajer tal-molibdenu (kemm trattat kif ukoll aktar pur) ta' dijametru li jaqbeż 1,35 mm imma ma jaqbiżx 4,0 mm. Minn dan isegwi li peress li l-wajer tal-molibdenu b'kontenut ta' aktar minn 99,95 % ta' molibdenu u dijametru ta' bejn 4,0 mm u 11,0 mm, wajer tal-molibdenu ta' molibdenu trattat b'dijametru ta' bejn 4,0 mm u 11,0 mm jista' jintuża biss wara l-ipproċessar tad-dijametru li jaqbeż 1,35 mm imma ma jaqbiżx 4,0 mm. |
|
(43) |
L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi l-oħra, li jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott li qed jiġi investigat fl-2014, ma ppreżentaw ruħhom u kkooperaw. Fuq din il-bażi, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-attività ta' produtturi esportaturi oħra huma bbażati fuq il-fatti disponibbli. F'dan ir-rigward, il-fatti disponibbli huma dawn li ġejjin: i) ma kienx hemm indikazzjonijiet li l-wajer tal-molibdenu trattat b'dijametru ta' bejn 4,0 mm u 11,0 mm daħal fis-seħħ għal xi skop speċifiku jew għal xi użu jew applikazzjoni differenti minn wajer tal-molibdenu b'dimensjoni trasversali (dijametru) ta' aktar minn 4,0 mm iżda li ma jaqbiżx 11,0 mm b'kontenut tal-molibdenu b'mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu; ii) għall-kuntrarju, fuq il-bażi tat-tieni s-sejbiet ta' kontra ċ-ċirkomvenzjoni (ara l-premessa (40) hawn fuq) u s-sejbiet tal-investigazzjoni attwali (il-premessa (42) hawn fuq), huwa meqjus li wajer tal-molibdenu trattat b'dijametru ta' bejn 4,0 mm u 11,0 mm jista' jintuża biss, għal kisi bl-isprej, wara li jiġi proċessat għal dijametru li jaqbeż 1,35 mm imma ma jaqbiżx 4,0 mm; iii) l-investigazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera u l-importatur relatat tiegħu tikkonferma li l-ipproċessar mill-ġdid tal-prodott li qed jiġi investigat biex jipproduċi l-prodott ikkonċernat hija meħtieġa; iv) il-fatt li l-ipproċessar mill-ġdid isir mill-importatur li qed jikkoopera li jammonta għal bejn wieħed u ieħor 15 %-20 % tal-miżuri fis-seħħ (ara l-premessa (33) hawn fuq) jista' jsir minn kwalunkwe operatur fl-Unjoni bit-tagħmir meħtieġ. |
|
(44) |
Għalhekk, fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, huwa kkunsidrat li l-prattika ta' importazzjoni ta' wajer tal-molibdenu, li mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm li joriġina fir-RPĊ, li ma għandu l-ebda eżistenza kummerċjali, u sussegwentement jiġi proċessat fl-Unjoni m'għandu l-ebda raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra ħlief l-evitar tal-miżuri fis-seħħ. |
|
(45) |
Fuq il-bażi tas-sejbiet fir-rigward tal-produttur li jesporta li kkoopera u fuq il-bażi ta' fatti disponibbli għall-produtturi esportaturi li ma kkoperawx, l-eżistenza ta' prattika ta' evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku hija stabbilita fil-livell ta' pajjiż għal kull importazzjoni tal-prodott investigat mir-RPĊ. Din il-prattika ta' ċirkomvenzjoni tikkonċerna modifika żgħira tal-prodott ikkonċernat biex jaqa' taħt kodiċijiet doganali li normalment ma humiex soġġetti għall-miżuri, jiġifieri l-prodott taħt investigazzjoni, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzjali tiegħu, kif previst fl-Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament bażiku, u l-ħtieġa għall-ipproċessar mill-ġdid tal-prodott investigat lejn l-Unjoni fil-prodott ikkonċernat. |
2.6. L-imminar tal-effetti remedjali tad-dazju f'termini ta' prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili
|
(46) |
Iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott investigat kienet sinifikanti kif spjegat fil-premessa (26) f'termini ta' kwantitajiet u kienu jirrappreżentaw kważi t-totalità tal-importazzjonijiet tal-wajers tal-molibdenu għall-isprejjar mir-RPĊ fl-2013 u l-perjodu ta' rappurtar. |
|
(47) |
Il-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat aġġustat kif xieraq minn spejjeż addizzjonali għat-tfassil mill-ġdid ġie mqabbel mal-livell ta' eliminazzjoni tad-danni stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. |
|
(48) |
Fir-rigward tal-produttur esportatur li kkoopera, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata matul l-investigazzjoni. Għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit fuq il-bażi tad-dejta tal-Eurostat, wara tnaqqis tal-esportazzjonijiet magħmula mill-produttur esportatur li kkoopera. Il-marġni li jkopri l-ispejjeż tal-manifattura ta' proċessar mill-ġdid kien ibbażat fuq informazzjoni miġbura u verifikata mill-importatur relatat li kkoopera. |
|
(49) |
Il-paragun tal-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara u l-prezz tal-esportazzjoni taż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw u l-produtturi esportatur li ma kkooperax kif stabbilit hawn fuq wera bejgħ bi prezz imraħħas sinifikanti. |
|
(50) |
Għaldaqstant ġie meqjus li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ qed jiġu mdgħajfa f'termini kemm ta' kwantità kif ukoll ta' prezz. |
2.7. L-evidenza ta' dumping fir-rigward tal-valur normali li kien stabbilit preċedentement għall-prodott simili
|
(51) |
Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku u biex jiġi stabbilit jekk il-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni kinux oġġett ta' dumping, il-prezzijiet tal-esportazzjoni taż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw u l-produtturi esportaturi li ma kkooperawx ġew iddeterminati kif deskritt fil-premessi (47) u (48) hawn fuq u meta mqabbla mal-valur normali stabbilit matul l-investigazzjoni oriġinali. |
|
(52) |
Il-paragun tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni juru li l-prodott li qed jiġi investigat huwa importat fi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' rappurtar miż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx. |
3. MIŻURI
|
(53) |
Minħabba s-sejbiet ta' hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju antidumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta' wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qed jiġu evitati permezz ta' importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm, li joriġina mir-RPĊ. |
|
(54) |
Skont l-ewwel sentenza tal-Arikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet ta' wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-RPĊ għandhom għalhekk jiġu estiżi għal importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm, li joriġina mir-RPĊ. |
|
(55) |
Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tat-tnedija, għandhom jinġabru dazji kontra d-dumping fuq dawn l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm, li joriġina mir-RPĊ. |
4. TALBIET GĦAL EŻENZJONI
|
(56) |
Il-produttur esportatur li kkoopera fir-RPĊ talab eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku u ppreżenta formola ta' talba ta' eżenzjoni. |
|
(57) |
Kif iddikjarat fil-premessa (39), il-produttur esportatur u l-kumpanija relatata tiegħu nstabu li kienu involuti fi prattiċi ta' ċirkomvenzjoni. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, ma tistax tingħata eżenzjoni lil dawn il-kumpaniji. |
5. DIVULGAZZJONI
|
(58) |
Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Ma sar l-ebda kumment. |
|
(59) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Id-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010 fuq l-importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż il-1,35 mm imma ma taqbiżx l-4,0 mm li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qed ikun estiż hawnhekk fuq l-importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu li fih mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, li minnu d-dimensjoni trażversali massima taqbeż l-4,0 mm imma ma taqbiżx il-11,0 mm li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi CN ex 8102 96 00 (kodiċijiet TARIC 8102 96 00 20 u 8102 96 00 40).
2. Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-wajer tal-molibdenu, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/395 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.
3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
1. It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju, estiżi permezz tal-Artikolu 1, isiru bil-miktub f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-entità li qed titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:
|
European Commission |
|
Directorate General for Trade |
|
Directorate H |
|
Office: CHAR 04/039 |
|
1049 Brussels |
|
Belgium |
2. F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni tista', tawtorizza b'deċiżjoni l-eżenzjoni ta' importazzjonijiet, il-kumpaniji li ma jevadux il-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010, mid-dazju estiż permezz tal-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
L-awtoritajiet doganali huma mitluba jieqfu mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/395.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 tal-14 ta' Ġunju 2010 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 150, 16.6.2010, p. 17).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 14/2012 tad-9 ta' Jannar 2012 li jestendi dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti fili tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta' ċerti fili tal-molibdenu kkonsenjati mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malasja u sew jekk le u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet konsenjati mill-Isvizzera (ĠU L 8, 12.1.2012, p. 22).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 871/2013 tat-2 ta' Settembru 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010 fuq importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, b'mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, b'dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, b'mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, b'dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 243, 12.9.2013, p. 2).
(5) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/395 tal-10 ta' Marzu 2015 li jniedi investigazzjoni dwar l-evażjoni possibbli ta' miżuri antidumping imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 fuq importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bl-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu kemxejn modifikati, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 66, 11.3.2015, p. 4).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1247/2009 tas-17 ta' Diċembru 2009 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 336, 18.12.2009, p. 16).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1236/2012 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jniedi investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli ta' miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 fuq importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bl-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu kemxejn modifikati, li fihom 97 % tal-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % tal-molibdenu, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 350, 20.12.2012, p. 51)
(8) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 871/2013 tat-2 ta' Settembru 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010 fuq importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, b'mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, b'dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' wajer tal-molibdenu, b'mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f'molibdenu, b'dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 243, 12.9.2013, p. 2), premessa (36).