European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2463

13.9.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2463

tat-12 ta’ Settembru 2024

li jistabbilixxi l-metodi analitiċi applikabbli għall-kontrolli uffiċjali mwettqa għall-verifika tal-konformità tal-operaturi tan-negozji tal-ikel mar-Regolament (KE) Nru 2073/2005

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 34(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli dwar il-kontrolli u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, fost l-oħrajn fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel f’kull stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni. L-Artikolu 37 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jagħżlu laboratorji uffiċjali biex iwettqu l-analiżijiet, it-testijiet u d-dijanjożi tal-laboratorju fuq kampjuni meħuda matul il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (2) jistipula l-kriterji mikrobijoloġiċi għal ċerti mikroorganiżmi u r-regoli ta’ implimentazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom l-operaturi tan-negozji tal-ikel fir-rigward tar-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi tal-iġjene msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jivverifikaw il-konformità tal-operaturi tan-negozji tal-ikel mar-regoli u mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 billi, fost affarijiet oħra, jieħdu kampjuni matul il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra (“kampjuni uffiċjali”) fil-bini tal-operaturi tan-negozji tal-ikel u jibagħtuhom għall-analiżi lil-laboratorji uffiċjali magħżula.

(3)

Ma hemm l-ebda regola tal-Unjoni dwar il-metodi speċifiċi tal-analiżijiet tal-laboratorju li għandhom jintużaw matul il-kontrolli uffiċjali bl-għan li tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli u mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005. Din is-sitwazzjoni tista’ tkun ta’ detriment għall-kwalità tal-kontrolli uffiċjali tal-oġġetti tal-ikel imqiegħda fis-suq u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, sabiex jiġu żgurati uniformità, affidabbiltà u konsistenza akbar tal-kontrolli uffiċjali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tal-Unjoni għall-metodi analitiċi li jridu jintużaw mil-laboratorji uffiċjali huma u janalizzaw il-kampjuni uffiċjali skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Huma u janalizzaw il-kampjuni meħuda matul il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli u mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005, il-laboratorji uffiċjali magħżula mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2017/625 għandhom jużaw il-metodi ta’ referenza analitika msemmija fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw lil-laboratorji uffiċjali magħżula biex jużaw metodi analitiċi alternattivi, inklużi metodi proprjetarji, dment li dawn il-metodi analitiċi alternattivi jkunu vvalidati skont il-metodi ta’ referenza analitika msemmija fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 f’konformità mal-protokoll stabbilit fl-istandard EN ISO 16140-2 u jkunu vvalidati jew għall-kategorija tal-ikel speċifikata fil-kriterju mikrobijoloġiku rilevanti stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 jew għal firxa wiesgħa ta’ oġġetti tal-ikel kif imsemmi fl-istandard EN ISO 16140-2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ukoll lil-laboratorji uffiċjali magħżula biex jużaw metodi analitiċi alternattivi jekk dawn il-metodi analitiċi alternattivi jiġu vvalidati f’konformità ma’ protokolli xjentifiċi oħra aċċettati internazzjonalment.

3.   Meta l-metodi alternattivi msemmija fil-paragrafu 2 ikunu metodi proprjetarji, dawn għandhom jiġu ċċertifikati minn korp indipendenti taċ-ċertifikazzjoni. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tinkludi sommarju tar-riżultati tal-validazzjoni tal-metodu proprjetarju, jew ikun fiha referenza għalihom, u dikjarazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-proċess tal-produzzjoni tal-metodu. Iċ-ċertifikazzjoni għandha turi li l-assigurazzjoni tal-proċess tal-produzzjoni tal-manifattur ġiet evalwata u tkun soġġetta, mill-inqas kull 5 snin, għal valutazzjoni mill-ġdid permezz ta’ proċeduri ta’ tiġdid.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2073/oj).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/852/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2463/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)