|
12.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 246/1 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1136
tat-30 ta’ Ġunju 2021
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “NIPPREŻERVAW IL-KOŻMETIĊI LI MA JINVOLVUX KRUDELTÀ — NIMPENJAW RUĦNA GĦAL EWROPA MINGĦAJR L-ITTESTJAR FUQ L-ANNIMALI”, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2021) 4950)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-21 ta’ Mejju 2021, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “NIPPREŻERVAW IL-KOŻMETIĊI LI MA JINVOLVUX KRUDELTÀ — NIMPENJAW RUĦNA GĦAL EWROPA MINGĦAJR L-ITTESTJAR FUQ L-ANNIMALI”. |
|
(2) |
L-objettivi tal-inizjattiva huma espressi kif ġej: “Flimkien mal-projbizzjoni tal-UE fuq it-testijiet tal-kożmetiċi fuq l-annimali ħarġet il-wegħda ta’ Ewropa li fiha l-annimali ma jibqgħux ibatu u jmutu minħabba l-kożmetiċi. Din il-wegħda nkisret. L-awtoritajiet għadhom jitolbu t-testijiet fuq l-annimali fir-rigward ta’ ingredjenti użati fil-kożmetiċi, li jmur kontra l-aspettattivi u x-xewqat tal-pubbliku u l-intenzjoni tal-leġiżlaturi. Madankollu, qatt ma kellna għodod daqshekk b’saħħithom li ma jinvolvux annimali biex tiġi żgurata s-sikurezza jew opportunità tad-deheb bħal din biex nirrevoluzzjonaw il-protezzjoni tal-bniedem u tal-ambjent. Il-Kummissjoni Ewropea għandha żżomm u ssaħħaħ il-projbizzjoni u t-tranżizzjoni lejn il-valutazzjoni tas-sigurtà mingħajr l-ittestjar fuq l-annimali.” |
|
(3) |
Il-grupp ta’ organizzaturi jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni li ġejja: (1) “Tipproteġi u ssaħħaħ il-projbizzjoni tal-ittestjar tal-kożmetiċi fuq l-annimali. Tniedi bidla leġiżlattiva biex tinkiseb il-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u tal-ambjent fir-rigward tal-ingredjenti kożmetiċi kollha mingħajr ma jsiru testijiet fuq l-annimali għall-ebda skop u fl-ebda ħin”; (2) “Tittrasforma r-regolament tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi. Tiżgura li s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jiġu protetti billi jiġu ġestiti sustanzi kimiċi mingħajr iż-żieda ta’ rekwiżiti ġodda għall-ittestjar fuq l-annimali”; (3) “L-immodernizzar tax-xjenza fl-UE. Impenn għal proposta leġiżlattiva li tfassal pjan direzzjonali għat-tneħħija gradwali tal-ittestjar kollu fuq l-annimali fl-UE qabel tmiem il-leġiżlatura attwali”. |
|
(4) |
L-Anness jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva. L-Anness huwa maqsum fi tlieta: “Il-Projbizzjonijiet Pijunieri tal-UE fl-ambitu tal-Ittestjar ta’ Prodotti Kożmetiċi fuq l-Annimali u l-Kummerċjalizzazzjoni tagħhom”, “It-Trasformazzjoni tar-Regolament dwar is-Sustanzi Kimiċi” u l-“Modernizzazzjoni tax-Xjenza fl-UE”. L-Anness jispjega kif, skont l-organizzaturi, ir-Regolamenti (KE) Nru 1223/2009 (2) u (KE) Nru 1907/2006 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jenħtieġ li jiġu riveduti. L-Anness jipprovdi informazzjoni ta’ sfond li tispjega, b’mod partikolari, kif l-inizjattiva tikkontribwixxi għall-objettivi politiċi tal-Kummissjoni stabbiliti fl-“Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà (5)” u fil-“Patt Ekoloġiku Ewropew” (6). L-Anness jipproponi wkoll li l-Kummissjoni tieħu miżuri ta’ appoġġ, bħall-iżgurar tal-implimentazzjoni ta’ projbizzjonijiet eżistenti fuq l-ittestjar fuq l-annimali jew it-tfassil ta’ strateġija ta’ ttestjar għall-ingredjenti kożmetiċi bl-użu biss ta’ strateġiji disponibbli ta’ valutazzjoni li ma jinvolvux l-annimali. Miżuri bħal dawn jidhru li jikkomplementaw il-proposti għal atti legali li l-Kummissjoni qed tiġi mistiedna tadotta u għalhekk jistgħu jitqiesu bħala sempliċement anċillari. |
|
(5) |
Il-grupp ta’ organizzaturi ppreżenta wkoll informazzjoni addizzjonali fil-forma ta’ dokument ta’ politika li jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar it-tliet sejħiet ewlenin tiegħu għal azzjoni. |
|
(6) |
Sa fejn l-inizjattiva tfittex l-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri, li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposta għal att legali abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat. |
|
(7) |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(8) |
Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fattwali u sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mad-drittijiet fundamentali, jkunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(9) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament. |
|
(10) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma hija manifestament kuntrarja għall-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(11) |
L-inizjattiva intitolata “NIPPREŻERVAW IL-KOŻMETIĊI LI MA JINVOLVUX KRUDELTÀ — NIMPENJAW RUĦNA GĦAL EWROPA MINGĦAJR L-ITTESTJAR FUQ L-ANNIMALI” għandha għalhekk tiġi rreġistrata, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “NIPPREŻERVAW IL-KOŻMETIĊI LI MA JINVOLVUX KRUDELTÀ — NIMPENJAW RUĦNA GĦAL EWROPA MINGĦAJR L-ITTESTJAR FUQ L-ANNIMALI” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “NIPPREŻERVAW IL-KOŻMETIĊI LI MA JINVOLVUX KRUDELTÀ — NIMPENJAW RUĦNA GĦAL EWROPA MINGĦAJR L-ITTESTJAR FUQ L-ANNIMALI”, irrappreżentat mis-Sinjura Sabrina ENGEL u mis-Sur Cezary WYSZYŃSKI li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33).
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 intitolata “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles Mit-Tossiċità”, COM(2020) 667 final.
(6) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM(2019) 640 final.