|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2522 |
19.12.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2522
tat-23 ta’ Jannar 2025
dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38330 (2019/C) (ex 2016/FC) li l-Polonja implimentat għal PCC MCAA Sp. z o. o.
(notifikata bid-dokument C(2025) 402)
(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), l-ewwel subparagrafu tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1), il-punt (a), tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fl-14 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni rċeviet ilment (l-“ilment”) imressaq minn CABB GmbH (l-“Ilmentatur”), li allega li r-Repubblika tal-Polonja (“il-Polonja”) kienet tat għajnuna illegali mill-Istat lil PCC MCAA Sp. z o. o. (2) (“PCC”) biex tistabbilixxi stabbiliment ġdid għall-produzzjoni tal-aċidu monokloroaċetiku (“MCAA”, Monochloroacetic Acid) fis-Silesia ta’ Isfel. L-Ilmentatur allega li dik l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni bagħtet il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment lill-Polonja fit-28 ta’ Marzu 2014. Fit-23 ta’ Lulju 2014, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew kummenti dwar l-ilment. |
|
(3) |
Fit-23 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni bagħtet il-valutazzjoni preliminari tagħha tal-allegata għajnuna mill-Istat lill-Ilmentatur. L-Ilmentatur ipprovda kummenti ulterjuri fit-23 ta’ Ottubru 2014, fit-13 ta’ Mejju 2015, fil-25 ta’ Awwissu 2016 u fis-7 ta’ Ġunju 2018. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari mill-Polonja fid-9 ta’ Frar 2015, fit-2, fil-11 u fl-24 ta’ Marzu 2015, fit-23 ta’ Ġunju 2015, fid-9 ta’ Ottubru 2015, fl-20 ta’ Novembru 2015, fl-4 ta’ Settembru 2017, fl-14 ta’ Settembru 2018 u fis-7 ta’ Diċembru 2018. Il-Polonja ppreżentat informazzjoni ulterjuri fil-5, fis-16, u fit-30 ta’ Marzu 2015, fl-20 ta’ Lulju 2015, fit-13 ta’ Novembru 2015, fil-21 ta’ Diċembru 2015, fit-12 ta’ Jannar 2016, fl-20 ta’ Jannar 2017, fit-12 ta’ Lulju 2017, fit-8 ta’ Marzu 2018, fit-8, fil-21 u fit-28 ta’ Mejju 2018, fit-30 ta’ Ottubru 2018, fil-5 ta’ Novembru 2018, fit-13, fl-14 u fid-19 ta’ Marzu 2019. |
|
(5) |
Fil-25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni kellha laqgħa mal-Ilmentatur. |
|
(6) |
Fis-27 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni kellha laqgħa mal-awtoritajiet Pollakki. |
|
(7) |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Pollakki li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“Trattat”) fir-rigward tal-għajnuna (id-“Deċiżjoni ta’ ftuħ”). |
|
(8) |
Id-Deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ April 2020 (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom fi żmien xahar. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni rċeviet 26 sottomissjoni wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ. Fit-13 ta’ Mejju 2020, Seda Group Sp. z o. o. ippreżenta kummenti. Fl-14 ta’ Mejju 2020, ġew ippreżentati kummenti minn impjegat ta’ PCC (li ppreżenta kummenti ta’ 25 impjegat ta’ PCC), l-Amministrazzjoni Lokali Distrettwali ta’ Wołowski, ARAPneumatik L.T.M. Kościelniak Sp. j., Główny Instytut Górnictwa, in-Network ta’ Riċerka “Łukasiewicz” – iċ-Ċentru Pollakk tal-Iżvilupp Teknoloġiku “PORT” u l-Kamra Pollakka tal-Industrija Kimika. Fil-15 ta’ Mejju 2020, Rinnen Polska Sp. z o. o. Spedycja Międzynarodowa, Proton SC, l-Awtorità Muniċipali ta’ Miękinia, VTU Engineering GmbH, ABB Sp. z o. o., Bulk Tainer Logistics Limited, PC Logistic Sp. z o. o., u PCC Autochem Sp. z o. o. ippreżentaw il-kummenti tagħhom. L-Awtorità Muniċipali ta’ Brzeg Dolny għamlet żewġ sottomissjonijiet f’dik id-data. Fit-18 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn espert tat-teknoloġija tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, minn PCC Exol SA, żewġ sottomissjonijiet mill-Bord tal-fergħa tat-trade union tas-Silesia ta’ Isfel, NSZZ “Solidarność”, mill-Politechnika Wrocławska, mill-Awtorità Muniċipali ta’ Wołów, minn PCC SE fil-Ġermanja, mill-Uffiċċju tal-Marixxall tas-Silesia ta’ Isfel u minn PCC. Fl-1 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni għaddiet il-kummenti lill-Polonja (4); il-kummenti tagħha b’rispons għal dan waslu permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ Awwissu 2020 (ippreżentata mill-ġdid bl-Ingliż permezz ta’ ittra reġistrata lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Settembru 2020). |
|
(10) |
L-Ilmentatur ma ppreżentax kummenti wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ. |
|
(11) |
Fil-11 ta’ Awwissu 2020, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom telekonferenza mal-awtoritajiet Pollakki. |
|
(12) |
Fis-16 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni rċeviet kummenti ulterjuri minn PCC. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni talbet informazzjoni ulterjuri mingħand il-Polonja fit-18 ta’ Mejju u fis-16 ta’ Lulju 2021, fis-7 u fit-8 ta’ April, u fit-13 u fis-16 ta’ Mejju, fit-23 ta’ Ġunju u fis-6 ta’ Lulju 2022. Il-Polonja ppreżentat informazzjoni fis-16 ta’ Ġunju u fl-1 ta’ Settembru 2021, fil-21 ta’ Marzu, fl-4 u fl-10 ta’ Mejju, fl-14 u fis-6 ta’ Ġunju, u fis-6 ta’ Lulju 2022. |
|
(14) |
Fid-29 ta’ Settembru 2022 u fid-9 ta’ Jannar 2023, PCC ippreżentat informazzjoni ulterjuri lill-Kummissjoni. Fit-28 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni talbet informazzjoni minn PCC, li din tal-aħħar ipprovdiet fl-24 ta’ April 2023. Fis-17 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni bagħtet il-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni ta’ PCC lill-awtoritajiet Pollakki, u talbithom informazzjoni ulterjuri. L-awtoritajiet Pollakki ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom fit-28 ta’ Ġunju u fl-10 ta’ Lulju 2023. |
|
(15) |
Fit-22 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni talbet informazzjoni ulterjuri mingħand il-Polonja, li hija pprovdiet fit-30 ta’ Ottubru 2023. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-PROĠETT U TAL-ALLEGATA GĦAJNUNA
2.1. Il-benefiċjarju tal-għajnuna
|
(16) |
Il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa PCC, intrapriża li tappartjeni lil PCC SE (il-“grupp PCC”). PCC tikkwalifika bħala intrapriża kbira, u twaqqfet fl-2010 biex timplimenta l-investiment fil-kostruzzjoni ta’ impjant li jipproduċi MCAA ultra pur (“UP MCAA”, Ultra-Pure MCAA). |
|
(17) |
Il-grupp PCC huwa grupp internazzjonali attiv f’diversi setturi, li jinkludu s-sustanzi kimiċi, il-loġistika u l-enerġija. Il-grupp PCC għandu 3 300 impjegat, u siti fi 17-il pajjiż (5). |
2.2. Il-proġett ta’ investiment
|
(18) |
Il-proġett jikkonċerna investiment inizjali f’impjant ġdid għall-produzzjoni tal-UP MCAA fi Brzeg Dolny, is-Silesia ta’ Isfel, li tinsab fir-reġjun ta’ PL51 Dolnośląskie (il-“Proġett”). Il-kostijiet eliġibbli għall-Proġett kienu jikkonsistu fil-kostijiet ta’ assi materjali ġodda, jiġifieri l-akkwiżizzjoni ta’ art, ta’ binjiet u ta’ tagħmir. |
|
(19) |
Il-Proġett jinsab fiż-Żona Ekonomika Speċjali ta’ Wałbrzych. |
|
(20) |
L-għan tal-Proġett kien li jistabbilixxi faċilità tal-produzzjoni innovattiva għall-UP MCAA, forma ta’ MCAA b’kontenut sa 90 ppm ta’ aċidu dikloroaċetiku (“DCAA”, Dichloroacetic Acid), b’kapaċità tal-produzzjoni annwali (“nominali”) massima teoretika ta’ 42 kt. |
|
(21) |
L-MCAA huwa prodott intermedju li jintuża f’diversi proċessi ta’ sinteżi organika, inkluża l-manifattura ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ta’ fertilizzanti, ta’ plastiks, ta’ deterġenti, ta’ żebgħat, ta’ kożmetiċi u ta’ prodotti tal-iġjene personali. L-użu primarju tal-MCAA huwa l-manifattura tal-karbossimetilċelluloża (“CMC”, Carboxymethylcellulose) użata, pereżempju, fil-manifattura ta’ adeżivi, deterġenti, sapun, aġent li jħaxxen iż-żebgħa ta’ emulsjoni, aġent li jgħaqqad l-ikel, emulsjonant u stabbilizzatur. Dan jintuża wkoll fil-produzzjoni tal-betaini (aġenti tensjoattivi amfoteriċi li jintużaw fil-prodotti tax-xagħar), bħall-aċidu tijoglikoliku (“TGA”, Thioglycolic Acid), fl-industrija tal-agrokimiċi, u b’diversi modi oħra (6). |
2.3. Objettiv tal-miżuri ta’ għajnuna
|
(22) |
Fl-2012 u fl-2013, l-awtoritajiet Pollakki taw lil PCC żewġ miżuri ta’ għajnuna separati għall-Proġett, waħda fil-forma ta’ għotja diretta u l-oħra bħala eżenzjoni mit-taxxa (il-“miżuri ta’ għajnuna”, individwalment “miżura ta’ għajnuna”). Il-Proġett fittex li jappoġġa l-iżvilupp tar-reġjun, li fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna, kien żona eliġibbli għall-assistenza skont l-Artikolu 107(3), il-punt (a), tat-Trattat. Skont il-mappa tal-għajnuna reġjonali fis-seħħ fl-2012 u fl-2013 (“il-mappa tal-għajnuna reġjonali Pollakka 2007-2013”) (7), l-intensità massima tal-għajnuna għar-reġjun ikkonċernat kienet ta’ 40 % għall-intrapriżi l-kbar. |
2.4. Il-miżuri ta’ għajnuna
2.4.1. L-ewwel miżura ta’ għajnuna (l-għotja)
|
(23) |
Fl-4 ta’ April 2012, il-Ministeru Pollakk għall-Ekonomija ta għajnuna lil PCC fil-forma ta’ għotja diretta fl-ammont ta’ PLN 66 995 311,50 (EUR 16 124 798,18 (8)), f’valur skontat, għal proġett ta’ investiment b’kostijiet eliġibbli ta’ PLN 223 317 705 (EUR 53 749 327 (9)), f’valur skontat (l-“għotja”). |
|
(24) |
L-għotja allegatament ingħatat skont skema ta’ għajnuna mill-Istat (l-“iskema ta’ għotjiet”) li kellha l-għan li tiffaċilita l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal investimenti ta’ importanza kbira għall-ekonomija skont il-Programm Operazzjonali Ekonomija Innovattiva, 2007-2013 (l-“IEOP”, Innovative Economy Operational Programme). L-iskema ta’ għotjiet iddaħħlet fis-seħħ bħala miżura ta’ għajnuna għall-investiment reġjonali skont l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (“ir-Regolament 800/2008”) (10). |
|
(25) |
Il-bażi legali nazzjonali tal-iskema ta’ għotjiet kienet ir-Regolament Ministerjali tat-8 ta’ Mejju 2009 dwar investimenti finanzjarji ta’ importanza ekonomika kbira fil-kuntest tal-Programm Operazzjonali Ekonomija Innovattiva (ir-“Regolament IEOP”) (11). It-Taqsima 19 tar-Regolament IEOP speċifikat li dan jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu. Dan ġie ppubblikat, u daħal fis-seħħ, fl-20 ta’ Mejju 2009. L-iskema ta’ għotjiet stabbiliet il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-IEOP, bħan-numru ta’ impjiegi li għandhom jinħolqu minn proġett u l-intensità massima tal-għajnuna disponibbli. |
|
(26) |
Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 800/2008, l-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni informazzjoni fil-qosor dwar skema ta’ għajnuna fi żmien 20 jum tax-xogħol wara d-dħul fis-seħħ ta’ skema ta’ għajnuna. |
|
(27) |
Permezz ta’ ittra tal-Ministeru tal-Ekonomija, datata d-29 ta’ Lulju 2009, l-awtoritajiet Pollakki għaddew lill-Kummissjoni informazzjoni fil-qosor dwar l-iskema ta’ għotjiet. L-iskema ta’ għotjiet ġiet irreġistrata mal-Kummissjoni fid-29 ta’ Lulju 2009, bin-numru SA.29131 (X 656/2009), għall-perjodu mill-20 ta’ Mejju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2013. |
|
(28) |
Permezz tar-Regolament Ministerjali tat-2 ta’ Marzu 2010 (ir-“Regolament Emendatorju IEOP”) (12), l-awtoritajiet Pollakki emendaw ir-Regolament IEOP, biex jipprevedu, fost l-oħrajn, tnaqqis fin-numru minimu ta’ impjiegi li huwa meħtieġ li jinħolqu minn investimenti fis-settur tal-manifattura, minn 200 għal 150, u żieda fl-intensità massima tal-għajnuna disponibbli għal proġetti implimentati fis-settur tal-manifattura, minn 25 % għal 30 %. |
|
(29) |
It-Taqsima 3 tar-Regolament Emendatorju IEOP speċifikat li dan jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu. Dan ġie ppubblikat, u daħal fis-seħħ, fis-16 ta’ Marzu 2010. Il-Polonja ma għaddietx informazzjoni fil-qosor aġġornata dwar l-iskema emendata (l-“iskema ta’ għotjiet emendata”) lill-Kummissjoni. |
|
(30) |
Fil-15 ta’ Diċembru 2010 (13), PCC applikat għal għotja għall-Proġett skont l-iskema ta’ għotjiet emendata. L-applikazzjoni għall-għotja nnotat li l-kostijiet eliġibbli għall-Proġett kienu jammontawgħal PLN 223 317 705 u talbet għajnuna li kienet tammonta għal PLN 66 995 311,50. Fil-formola tal-applikazzjoni, PCC iddikjarat li l-għotja tippermetti li l-Proġett “jiġi implimentat bis-sħiħ fit-territorju tal-Unjoni Ewropea – il-Polonja”. Il-Proġett ikkwalifika bħala “proġett kbir” skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (14) (“ir-Regolament 1083/2006”). Bħala parti mill-applikazzjoni tagħha, PCC ipprovdiet dikjarazzjonijiet li ma kinitx tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà. L-awtoritajiet Pollakki vverifikaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ PCC meta rrieżaminaw l-applikazzjoni tagħha. Kif iċċaraw l-awtoritajiet Pollakki matul l-investigazzjoni formali, fit-2 ta’ Marzu 2011, dawk l-awtoritajiet kitbu lil PCC, u ddikjaraw li kienu ddeċidew li jaġġudikaw l-għotja. F’dik l-ittra, l-awtoritajiet Pollakki talbu lil PCC biex “tipprovdi dokumentazzjoni sħiħa għall-konferma tal-għajnuna mill-Kummissjoni Ewropea” (15). |
|
(31) |
Fl-4 ta’ April 2012, l-awtoritajiet Pollakki taw l-għotja lil PCC, permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ għotja (16) (il-“Ftehim ta’ Għotja”). Il-preambolu tal-Ftehim ta’ Għotja fakkar, fost l-oħrajn, fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament IEOP (kif emendat) u tar-Regolament 800/2008. It-Taqsima 1(1) tal-Ftehim ta’ Għotja nnotat li l-Proġett jitwettaq taħt is-Sottomiżura 4.5.1 tal-IEOP, “Appoġġ għall-investimenti fis-settur tal-manifattura”. It-Taqsima 5(27) tal-Ftehim ta’ Għotja ddikjarat li, jekk il-benefiċjarju jimplimenta proġett kbir (17) skont it-tifsira tar-Regolament IEOP (kif emendat mir-Regolament Emendatorju IEOP), l-għotja titħallas bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun awtorizzat, jew titqies li awtorizzat, l-għajnuna, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (“ir-Regolament 659/1999”) (18). It-Taqsima 4(3) tal-Ftehim ta’ Għotja ddikjarat li, jekk il-kost tal-Proġett jiżdied lil hinn mill-kostijiet eliġibbli nnotati ta’ PLN 223 317 705 (EUR 53 749 327), tali żieda ma tkunx eliġibbli għall-appoġġ u titħallas minn PCC. |
|
(32) |
B’kostijiet eliġibbli ta’ aktar minn EUR 50 miljun, il-Proġett jikkostitwixxi proġett kbir ta’ investiment skont it-tifsira tal-Artikolu 2(12) (19) tar-Regolament 800/2008. Skont l-Artikolu 9(4) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri kienu meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni fil-qosor dwar l-għajnuna reġjonali lil proġetti kbar ta’ investiment, mogħtija abbażi ta’ skema, fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-jum li fih tkun ingħatat l-għajnuna. L-awtoritajiet Pollakki ppreżentaw informazzjoni fil-qosor fir-rigward tal-għotja lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Ġunju 2012 (20). |
|
(33) |
Fl-2014, bħala parti mill-eżerċizzju ta’ monitoraġġ ex post annwali tagħha ta’ kampjun ta’ miżuri ta’ għajnuna implimentati mill-Istati Membri skont ir-Regolament 800/2008, il-Kummissjoni rrieżaminat l-iskema ta’ għotjiet emendata, u l-applikazzjoni tagħha fir-rigward ta’ diversi benefiċjarji (21). F’dak iż-żmien, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda tħassib fir-rigward tal-konformità tal-iskema ta’ għotjiet emendata mar-Regolament 800/2008. |
|
(34) |
Fil-25 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni approvat kontribuzzjoni finanzjarja għall-Proġett mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”) (id-“deċiżjoni dwar Proġett Kbir”). (22) |
2.4.2. It-tieni miżura ta’ għajnuna (l-eżenzjoni mit-taxxa)
|
(35) |
Matul l-eżami preliminari tal-ilment, il-Kummissjoni skopriet li l-Polonja kienet tat it-tieni miżura ta’ għajnuna lil PCC fir-rigward tal-Proġett (l-“eżenzjoni mit-taxxa”), abbażi ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-investimenti fiż-żoni ekonomiċi speċjali (“SEZ”, Special Economic Zone) tal-Polonja (l-“iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa”). |
|
(36) |
Il-bażi legali nazzjonali tal-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa kienet ir-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri tal-10 ta’ Diċembru 2008 dwar l-għajnuna pubblika għall-imprendituri li joperaw abbażi ta’ permess għat-twettiq ta’ attività ekonomika f’żoni ekonomiċi speċjali (ir-“Regolament SEZ”) (23), li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2008, flimkien mal-Att Speċjali dwar iż-Żoni Ekonomiċi tal-20 ta’ Ottubru 1994 (l-“Att dwar l-SEZ”) (24), u l-“Att dwar it-Taxxa Korporattiva fuq l-Introjtu (CIT, Corporate Income Tax) tal-15 ta’ Frar 1992 (l-“Att dwar is-CIT”) (25). Kif indikat fl-Artikoli 2 u 3 tal-Att dwar l-SEZ, l-SEZ tista’ tiġi stabbilita f’partijiet mhux abitati tal-Polonja, biex jitħaffef l-iżvilupp ekonomiku ta’ parti mill-pajjiż. Skont l-Artikoli 12 u 16(1) tal-Att dwar l-SEZ u l-Artikolu 17(1)(34) tal-Att dwar is-CIT, l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa fl-SEZ skont permess ikunu intitolati għal eżenzjoni mit-taxxa korporattiva fuq l-introjtu. |
|
(37) |
L-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa daħlet fis-seħħ bħala miżura ta’ għajnuna għall-investiment reġjonali skont l-Artikolu 13 tar-Regolament 800/2008. L-awtoritajiet Pollakki ppreżentaw l-informazzjoni fil-qosor dwar l-iskema lill-Kummissjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament 800/2008 (il-premessa (26)), permezz ta’ ittra tal-Ministeru għall-Ekonomija datata t-12 ta’ Frar 2009. |
|
(38) |
L-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa ġiet irreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ Frar 2009, bin-numru SA.27752 (X 193/2009), għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013. |
|
(39) |
Fil-15 ta’ Jannar 2013, Wałbrzyska Specjalna Strefa Ekonomiczna IP Sp. z o. o. (il-“Maniġer tal-SEZ”) ippubblika stedina biex wieħed japplika għal permess għat-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi fl-“Invest-Park” tad-WSSE (Wałbrzyska Specjalna Strefa Ekonomiczna), li jinħareġ wara proċedura negozjata (l-“Istedina għall-Preżentazzjoni tal-Offerti”). L-Istedina għall-Preżentazzjoni tal-Offerti indikat li l-permessi jinħarġu abbażi tal-Att dwar l-SEZ u tar-Regolament SEZ, u jkunu soġġetti għat-termini u għall-kundizzjonijiet imniżżla fl-ispeċifikazzjonijiet (l-“Ispeċifikazzjonijiet”). L-Ispeċifikazzjonijiet indikaw li n-negozjati jitwettqu abbażi, fost l-oħrajn, tal-Att dwar l-SEZ, tal-Att tat-30 ta’ April 2004 li jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura għall-għajnuna mill-Istat (l-“Att dwar l-għajnuna mill-Istat”) (26), tar-Regolament SEZ, tar-Regolament 800/2008, tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (il-“Linji Gwida tal-2007”) (27), u tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri tat-13 ta’ Ottubru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ mapep tal-għajnuna reġjonali (28) (ir-“Regolament dwar il-mapep tal-għajnuna reġjonali”). |
|
(40) |
Fil-11 ta’ Frar 2013, PCC applikat mal-Maniġer tal-SEZ għal permess biex twettaq il-Proġett fl-SEZ, li jkun jintitolaha għall-eżenzjoni mit-taxxa. Fil-formola tal-applikazzjoni, PCC indikat li l-kostijiet eliġibbli tal-Proġett ikunu ta’ PLN 200 000 000, filwaqt li fi pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li ġie ppreżentat mal-applikazzjoni, hija nnotat li l-kostijiet eliġibbli tagħha jkunu ta’ mill-inqas PLN 200 000 000, u li l-kostijiet eliġibbli massimi jkunu ta’ PLN 300 000 000. Analiżi finanzjarja ppreżentata flimkien mal-applikazzjoni indikat kostijiet ta’ investiment ta’ PLN 301 478 910. PCC ipprovdiet ukoll informazzjoni finanzjarja ulterjuri, biex turi li ma kinitx tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà. Fl-applikazzjoni, PCC iddikjarat li kienet irċeviet l-għotja b’ammont massimu ta’ PLN 66,9 miljun. Hija indikat li se tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-Proġett ta’ aktar minn 25 % tal-kostijiet eliġibbli, f’forma li tkun ħielsa minn kwalunkwe appoġġ pubbliku. PCC iddikjarat ukoll li ma kinitx bdiet ix-xogħol fuq il-Proġett qabel ma ppreżentat l-applikazzjoni, u li aċċettat it-termini tan-negozjati u l-Ispeċifikazzjonijiet, mingħajr riżerva. |
|
(41) |
Fit-12 ta’ Frar 2013, saru n-negozjati bejn PCC u l-kumitat ta’ negozjar stabbilit mill-Maniġer tal-SEZ dwar l-applikazzjoni ta’ PCC għal permess. Tfassal rekord tal-proċeduri (ir-“Rapport dwar in-Negozjati”), li indika li ntlaħaq qbil li PCC tingħata permess biex twettaq il-proġett fl-SEZ. Il-kostijiet għall-Proġett ikunu ta’ aktar minn PLN 200 000 000, u l-kostijiet eliġibbli massimi jkunu ta’ PLN 300 000 000. Ir-Rapport dwar in-Negozjati nnota li PCC kienet ġiet infurmata li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat kienu stabbiliti fid-dritt Pollakk u tal-Unjoni, b’mod partikolari, fl-Att dwar l-għajnuna mill-Istat, fir-Regolament dwar il-mapep tal-għajnuna reġjonali, fir-Regolament SEZ, fir-Regolament 800/2008 u fil-Linji Gwida tal-2007. |
|
(42) |
Fid-19 ta’ Frar 2013, il-Maniġer tal-SEZ ħareġ permess lil PCC biex twettaq attività ekonomika fiż-Żona Ekonomika Speċjali ta’ Wałbrzych (il-“permess għall-SEZ”) (29). Dan intitola lil PCC għal eżenzjoni mit-taxxa korporattiva b’rabta mal-Proġett. Il-permess għall-SEZ speċifika li, sabiex jikseb l-eżenzjoni mit-taxxa, il-Proġett irid, fost l-oħrajn, iġarrab kostijiet eliġibbli minimi ta’ PLN 200 000 000 (EUR 47 985 796) (30) (valur nominali) u kostijiet eliġibbli massimi ta’ PLN 300 000 000 (EUR 71 978 694) (31) (valur nominali). L-awtoritajiet Pollakki infurmaw lill-Kummissjoni li l-kostijiet eliġibbli massimi tal-Proġett f’valur skontat sad-data tal-permess għall-SEZ kienu ta’ PLN 271 513 408 (EUR 65 143 935) (32). |
|
(43) |
Il-permess għall-SEZ ma speċifikax l-ammont ta’ għajnuna li għaliha kienet tkun intitolata PCC b’riżultat tal-eżenzjoni mit-taxxa, u lanqas ma nnota li PCC kienet irċeviet l-għotja, jew l-ammont tagħha. |
|
(44) |
Peress li l-Proġett jikkostitwixxi proġett kbir ta’ investiment skont it-tifsira tar-Regolament 800/2008 (il-premessa (30)), l-awtoritajiet Pollakki kienu meħtieġa, skont l-Artikolu 9(4) ta’ dak ir-Regolament, jippreżentaw informazzjoni fil-qosor lill-Kummissjoni fi żmien 20 jum mill-jum li fih ingħatat l-għajnuna. Il-Polonja ppreżentat l-informazzjoni fil-qosor fis-16 ta’ Lulju 2015 (33), jiġifieri, aktar minn sentejn wara nħareġ il-permess għall-SEZ. |
|
(45) |
F’dik l-informazzjoni fil-qosor, l-awtoritajiet Pollakki indikaw li l-ammont massimu ta’ għajnuna għall-Proġett ikun ta’ PLN 95 797 682 (EUR 23 086 560) (34), f’valur skontat. Huma indikaw ukoll li jenħtieġ li jitqies l-ammont ta’ PLN 66 995 311,50 (EUR 16 124 798,18) (il-premessa (23)) ta’ għajnuna diġà pprovduta lill-Proġett, li jfisser li l-eżenzjoni mit-taxxa tammonta għal massimu ta’PLN 28 802 370 (EUR 6 910 523) (35), f’valur skontat – jiġifieri d-differenza bejn dawk iż-żewġ ammonti. |
|
(46) |
Matul l-investigazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Pollakki qiesu li l-eżenzjoni mit-taxxa kienet ingħatat bi ksur tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament 800/2008, li jirrikjedi li l-benefiċjarju japplika għall-għajnuna qabel ma jibda x-xogħlijiet fuq il-proġett megħjun. Il-Polonja qieset li PCC bdiet ix-xogħol fuq il-Proġett fl-14 ta’ Settembru 2012, minkejja li applikat għall-eżenzjoni mit-taxxa fil-11 ta’ Frar 2013 biss. Konsegwentement, fil-31 ta’ Marzu 2016, il-Ministru Pollakk għall-Iżvilupp u għall-Finanzi beda investigazzjoni dwar l-illegalità tal-eżenzjoni mit-taxxa, u, aktar tard, beda proċedimenti ex officio għall-annullament tal-permess għall-SEZ. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 290/DI/16 tat-30 ta’ Diċembru 2016, il-Ministru għall-Iżvilupp u għall-Finanzi annulla l-permess għall-SEZ, minħabba li l-għajnuna ma kellhiex effett ta’ inċentiv. |
|
(47) |
Fit-23 ta’ Jannar 2017, PCC talbet rieżami tad-deċiżjoni ta’ revoka, filwaqt li asseriet li kienet sempliċement wettqet “studji ta’ fattibbiltà” qabel l-applikazzjoni tagħha għall-permess għall-SEZ, u ma kinitx bdiet ix-xogħlijiet. Wara dik it-talba, il-Ministeru għall-Intrapriża u għat-Teknoloġija rrieżamina l-każ, u, fis-6 ta’ Marzu 2018, ħareġ id-Deċiżjoni Nru 46/DI/18, li kkonfermat ir-revoka. |
|
(48) |
Fil-11 ta’ April 2018, PCC ressqet appell kontra dik id-deċiżjoni fil-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Varsavja. Fit-28 ta’ Novembru 2018, il-Qorti Amministrattiva Reġjonali annullat ir-revoka tal-permess għall-SEZ (36). Fil-25 ta’ Frar 2019, l-awtoritajiet Pollakki ressqu appell kontra dik is-sentenza quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema. |
|
(49) |
Fit-22 ta’ Settembru 2022, il-Qorti Amministrattiva Suprema ċaħdet l-appell imressaq mill-awtoritajiet Pollakki, u kkonfermat l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-2016 u tal-2018 tal-awtoritajiet Pollakki (37) (is-“sentenza tal-Qorti Amministrattiva Suprema”). Għalhekk, il-permess għall-SEZ kurrentement huwa fis-seħħ u effettiv bis-sħiħ (38). |
2.5. L-ilment
|
(50) |
L-Ilmentatur huwa kumpanija tal-manifattura tal-kimika, li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha fil-Ġermanja, li topera, fost l-oħrajn, faċilitajiet għall-produzzjoni tal-MCAA fl-Unjoni u internazzjonalment. L-Ilmentatur huwa kompetitur dirett ta’ PCC fis-suq tal-MCAA, u għalhekk jikkwalifika bħala “parti interessata” skont it-tifsira tal-Artikolu 1, il-punt (h), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (39) (“ir-Regolament 2015/1589”) u l-Artikolu 1, il-punt (h), tar-Regolament 659/1999, li kien fis-seħħ fiż-żmien meta l-ilment ġie ppreżentat lill-Kummissjoni. |
|
(51) |
L-ilment kien jikkonċerna l-għotja esklużivament. L-Ilmentatur jasserixxi li l-għotja ġiet aġġudikata b’mod illegali, u hija inkompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, l-Ilmentatur sostna li l-għotja kienet nieqsa mill-effett ta’ inċentiv, u kellha fil-mira suq b’kapaċità żejda. F’dak ir-rigward, l-Ilmentatur asserixxa li s-suq tal-prodott rilevanti huwa dak għall-UP MCAA, u mhux l-MCAA kollu kemm hu, u li s-suq ġeografiku rilevanti huwa ż-ŻEE, b’mod partikolari peress li l-kostijiet għoljin tat-trasport ifissru li l-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti ma humiex profittabbli. L-ilment huwa miġbur f’sommarju dettaljat fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, b’mod partikolari fil-premessi (20) sa (30). |
3. RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA
|
(52) |
Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-31 ta’ Ottubru 2019. Fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, adottata f’dik id-data, hija pprovdiet il-valutazzjoni preliminari tagħha tal-appoġġ ipprovdut mill-awtoritajiet Pollakki lil PCC. |
|
(53) |
Kif stabbilit fil-premessi (57) sa (62) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għotja u l-eżenzjoni mit-taxxa kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li ma kienx ikkontestat mill-awtoritajiet Pollakki (il-premessa (62) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). Imbagħad, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-konformità tal-miżuri ta’ għajnuna mar-regolamenti rilevanti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern skont il-linji gwida applikabbli. |
3.1. Konformità tal-miżuri ta’ għajnuna mar-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija
3.1.1. Konformità tal-iskema ta’ għotjiet emendata
|
(54) |
Il-Kummissjoni qieset li r-Regolament Emendatorju IEOP ġab bidliet sostanzjali fl-iskema ta’ għotjiet, u, peress li l-Polonja la ppreżentat informazzjoni fil-qosor aġġornata, u lanqas ma nnotifikat l-iskema ta’ għotjiet emendata skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, u li dik l-iskema bdiet tiġi applikata b’mod illegali mit-2 ta’ Marzu 2010, meta ġew promulgati l-emendi (il-premessi (65) sa (70) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
3.1.2. Konformità tal-għotja
|
(55) |
L-għotja ngħatat abbażi tal-iskema ta’ għotjiet emendata. B’riżultat ta’ dan, u minħabba li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament 800/2008 dwar l-għajnuna ad hoc reġjonali supplimentari ma kienx japplika, kienet notifikabbli skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, u, peress li l-Polonja ma nnotifikathiex, il-Kummissjoni qieset li kienet illegali (il-premessi (71) sa (73) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(56) |
Sussidjarjament, il-Kummissjoni nnotat li, anke li kieku kellha tbiddel il-konklużjoni preliminari tagħha dwar l-iskema ta’ għotjiet emendata, hija xorta waħda tqis li l-għotja ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 800/2008, peress li l-att tal-għoti tal-għajnuna ma kienx fih ir-referenzi espliċiti meħtieġa mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament 800/2008, u l-Polonja ma ppreżentatx informazzjoni fil-qosor fir-rigward tal-għotja, kif meħtieġ mill-Artikolu 9(4) (il-premessa (30)) (il-premessi (74) sa (78) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
3.1.3. Konformità tal-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa
|
(57) |
Il-Kummissjoni nnotat li, filwaqt li l-Polonja ma ppreżentatx informazzjoni fil-qosor dwar l-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fi żmien 20 jum tax-xogħol, kif meħtieġ mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament 800/2008, dak in-nuqqas ġie rrimedjat mit-12 ta’ Frar 2009. Il-Kummissjoni ma kellha l-ebda indikazzjoni li ma kinux ġew issodisfati kundizzjonijiet applikabbli oħra tar-Regolament 800/2008 (il-premessa (81) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
3.1.4. Konformità tal-eżenzjoni mit-taxxa
|
(58) |
Il-Kummissjoni nnotat il-pożizzjoni tal-Polonja li l-eżenzjoni mit-taxxa ma kinitx konformi mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament 800/2008, peress li PCC kienet bdiet ix-xogħol fuq il-Proġett qabel ma applikat għal dik l-għajnuna (il-premessa (46)). Il-Kummissjoni qablet b’mod preliminari ma’ dik il-valutazzjoni, iżda nnotat li r-revoka konsegwenti tal-permess għall-SEZ sa issa ma kinitx saret effettiva, peress li ġiet ikkontestata minn PCC u kienet soġġetta għal proċedimenti legali nazzjonali li għadhom għaddejjin (il-premessa (82) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(59) |
Madankollu, il-Kummissjoni identifikat dubji addizzjonali dwar jekk l-eżenzjoni mit-taxxa kinitx konformi mar-Regolament 800/2008. L-ewwel nett, il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar jekk il-Polonja kinitx ivverifikat jekk il-Proġett kienx jitwettaq fir-reġjun fin-nuqqas ta’ għajnuna, kif meħtieġ mill-Artikolu 8(3), il-punt (d) ta’ dak ir-Regolament, u nnotat li l-eċċezzjoni għal dak ir-rekwiżit, stabbilita fl-Artikolu 8(4), ma kinitx tapplika (il-premessi (85) sa (87) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(60) |
It-tieni, il-Kummissjoni nnotat li l-permess għall-SEZ jagħti d-dritt lil PCC li tuża l-eżenzjoni mit-taxxa fir-rigward tal-kostijiet eliġibbli sa massimu ta’ PLN 271,5 miljun (EUR 65,4 miljun), f’valur skontat (40), filwaqt li n-nefqa eliġibbli identifikata fl-applikazzjoni għal għotja kienet ta’ PLN 223 miljun (EUR 56,2 miljun), f’valur skontat. Dik iż-żieda fil-kostijiet ma tidhirx li tirriżulta minn żieda fid-daqs jew fl-ambitu tal-Proġett (il-premessa (88) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(61) |
It-tielet, peress li l-permess għall-SEZ ma identifikax l-ammont massimu ta’ għajnuna mogħtija, ma nnotax li l-għotja kienet ingħatat, u ma imponiex limitu massimu ta’ akkumulazzjoni, ma kienx konformi mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament 800/2008 (il-premessa (89) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(62) |
Ir-raba’, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-eżenzjoni mit-taxxa tkun b’żieda mal-għotja, u dan jista’ jwassal biex l-għajnuna taqbeż l-intensità massima permissibbli tal-għajnuna skont il-mappa tal-għajnuna reġjonali Pollakka 2007-2013 u l-Artikolu 13(3) tar-Regolament 800/2008 (il-premessa (90) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(63) |
Il-ħames, dan l-ammont ta’ għajnuna kombinat deher li jaqbeż il-livell limitu ta’ notifika individwali applikabbli, li jirriżulta fi ksur tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament 800/2008 (il-premessa (90) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(64) |
Is-sitt, il-Polonja ma ppreżentatx l-iskeda tas-sommarju fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa sas-16 ta’ Lulju 2015 (il-premessa (44)), bi ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament 800/2008 (il-premessa (91) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(65) |
Fl-aħħar nett, l-att tal-għoti tal-għajnuna għall-eżenzjoni mit-taxxa (jiġifieri l-permess għall-SEZ) ma kienx fih ir-referenzi espliċiti obbligatorji meħtieġa mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament 800/2008 (il-premessa (92) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(66) |
Bħala kunsiderazzjoni sussidjarja, il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament 800/2008 ma kienx japplika (il-premessa (93) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(67) |
Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li l-eżenzjoni mit-taxxa ma setgħetx tibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija skont ir-Regolament 800/2008, u ngħatat b’mod illegali (il-premessa (93) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
3.1.5. Applikazzjoni retroattiva tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014
|
(68) |
Il-Kummissjoni qieset jekk l-għotja u l-eżenzjoni mit-taxxa setgħux jibbenefikaw mill-applikazzjoni retroattiva tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (“ir-Regolament 651/2014”) (41), skont l-Artikolu 58(1) tiegħu. |
|
(69) |
L-Artikolu 14(12) tar-Regolament 651/2014 iddikjara li l-intensità tal-għajnuna f’ekwivalenti ta’ għotja gross (“GGE”, Gross Grant Equivalent) ma għandhiex taqbeż l-intensità massima tal-għajnuna li kienet fis-seħħ fiż-żona kkonċernata fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna. Filwaqt li l-għotja, waħedha, irrispettat il-limitu massimu skont il-mappa tal-għajnuna reġjonali Pollakka 2007-2013, ma kienx ċar jekk għamlitx dan meta kkombinata mal-eżenzjoni mit-taxxa (il-premessa (96) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(70) |
Barra minn hekk, u f’konformità mal-prattika tal-każistika preċedenti tagħha (42), il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 14(2), moqri flimkien mal-Artikolu 2, il-punt (27) tar-Regolament 651/2014, kien jeħtieġ li l-intensitajiet tal-għajnuna fil-mappa tal-għajnuna reġjonali Pollakka 2014-2020 (43) jiġu rrispettati wkoll. Il-limitu massimu standard għall-intrapriżi l-kbar f’PL51 Dolnośląskie tnaqqas għal 25 % tal-GGE għall-2014-2020. L-applikazzjoni tal-limitu massimu aġġornat tal-għajnuna reġjonali, flimkien mal-formula ta’ tnaqqis fl-iskala applikabbli għal proġetti kbar ta’ investiment, għall-kostijiet eliġibbli ddikjarati fl-applikazzjoni għal għotja, irriżultat f’ammont massimu ta’ għajnuna permissibbli ta’ EUR 12 968 666 (intensità tal-għajnuna ta’ 24,13 %). Il-Polonja kienet tat għajnuna ta’ mill-inqas EUR 23 086 560, f’valur skontat (intensità tal-għajnuna ta’ 38,6 %). Konsegwentement, l-għotja u l-eżenzjoni mit-taxxa, flimkien, ma setgħux jibbenefikaw mill-applikazzjoni retroattiva tar-Regolament 651/2014 (il-premessi (96) sa (99) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(71) |
Billi l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet b’mod preliminari li r-Regolament 800/2008 ma kienx japplika għall-iskema ta’ għotjiet emendata, u li la r-Regolament 800/2008 u lanqas ir-Regolament 651/2014 ma kienu japplikaw għall-għotja, jew għall-eżenzjoni mit-taxxa, hija qieset li l-bażi rilevanti għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom kienu l-Linji Gwida tal-2007 (il-premessi (100) u (101) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
3.2. Kompatibbiltà skont il-Linji Gwida tal-2007
|
(72) |
Il-Kummissjoni wettqet eżami preliminari tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għotjiet emendata u tal-miżuri ta’ għajnuna skont il-Linji Gwida tal-2007. |
3.2.1. L-iskema ta’ għotjiet emendata
|
(73) |
Il-Kummissjoni nnotat li ma setgħetx tikkonferma li l-iskema ta’ għotjiet emendata kienet konformi mal-paragrafu 38 jew 74 tal-Linji Gwida tal-2007. Għalhekk, hija kienet tal-fehma preliminari li l-iskema ta’ għotjiet emendata ma setgħetx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (il-premessi (102) sa (107) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
3.2.2. Il-miżuri ta’ għajnuna
|
(74) |
Il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar il-konformità tal-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lil PCC (44) mal-paragrafi 38, 67, u 71 tal-Linji Gwida tal-2007. |
|
(75) |
Fir-rigward tal-paragrafu 38, il-Kummissjoni nnotat li l-awtorità Pollakka kompetenti ma tidhirx li ħarġet “ittra ta’ intenzjoni, soġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżura, li taġġudika l-għajnuna” qabel ma beda x-xogħol fuq il-Proġett, għall-għotja jew għall-eżenzjoni mit-taxxa (il-premessi (108) sa (112) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(76) |
Fir-rigward tal-paragrafu 67, ma kienx ċar għall-Kummissjoni għaliex PCC ipprovdiet kostijiet eliġibbli differenti fl-applikazzjonijiet għall-għotja u għall-eżenzjoni mit-taxxa. Il-Kummissjoni użat l-ammont indikat għall-għotja (PLN 223 317 710 (EUR 53 749 328), f’valur skontat) biex tikkalkola intensità massima tal-għajnuna ta’ 38,6 %. Il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar kemm il-miżuri ta’ għajnuna kombinati jirrispettaw dak il-limitu massimu (il-premessi (113) sa (123) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(77) |
Fir-rigward tal-paragrafu 71, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet tal-għoti rilevanti jenħtieġ li jiżguraw rispett għar-regoli tal-akkumulazzjoni fil-mument(i) tal-għoti tal-għajnuna, u mhux biss meta jsir il-ħlas, li ma kienx jidher li huwa l-każ għall-eżenzjoni mit-taxxa. Il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar kemm il-limiti massimi ta’ akkumulazzjoni jiġu rrispettati (il-premessi (124) u (125) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(78) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li l-miżuri ta’ għajnuna flimkien ma kinux kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Linji Gwida tal-2007. Madankollu, hija nnotat li l-għotja, minnha nnifisha, tista’ tkun kompatibbli, jekk tista’ tintwera li tikkonforma mal-paragrafu 38 (il-premessi (126) u (127) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
3.3. Applikazzjoni tat-testijiet previsti fil-paragrafi 68(a) u (b) tal-Linji Gwida tal-2007
|
(79) |
Fil-premessa (129) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li ma setgħetx teskludi li l-għajnuna għall-Proġett kienet taqa’ taħt il-paragrafu 68 tal-Linji Gwida tal-2007 (45), u ma setgħetx tikkonkludi dwar l-identifikazzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti u tas-suq ġeografiku rilevanti (il-premessi (132) sa (146) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). Barra minn hekk, ma setgħetx teskludi li jintlaħqu l-limiti fil-paragrafi 68(a) u (b), u għalhekk ma setgħetx teskludi l-ħtieġa li titwettaq verifika dettaljata li l-għajnuna kienet neċessarja biex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment, u li l-benefiċċji tal-għajnuna kienu jisbqu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett li jirriżultaw fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (il-premessi (147) sa (160) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
|
(80) |
Il-Kummissjoni nnotat ukoll li, anke jekk ma kellhiex għalfejn twettaq it-testijiet stabbiliti fil-paragrafu 68, jew jekk l-eżitu ta’ dawk it-testijiet ma kienx jirrikjedi valutazzjoni fil-fond, ma setgħetx tistabbilixxi li l-bilanċ tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna kien pożittiv b’mod ċar, u li l-għajnuna ma twassalx għal distorsjonijiet inaċċettabbli tal-kompetizzjoni (il-premessi (161) u (162) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). |
4. KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI
|
(81) |
Din it-taqsima tiġbor fil-qosor il-kummenti ppreżentati lill-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni ta’ ftuħ minn PCC u minn 24 parti terza oħra. |
|
(82) |
PCC għamlet sottomissjonijiet legali sostantivi, li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu jikkoinċidu mal-kummenti inizjali dwar id-Deċiżjoni ta’ ftuħ ippreżentati mill-Polonja. Il-partijiet terzi l-oħra, fil-biċċa l-kbira tagħhom, għamlu dikjarazzjonijiet dwar il-benefiċċji li l-Proġett ġab għar-reġjun. |
4.1. Kummenti minn PCC
4.1.1. Skema ta’ għotjiet emendata
|
(83) |
Fir-rigward tal-iskema ta’ għotjiet emendata, PCC innotat li l-Linji Gwida tal-2007 ma kinux jipprevedi numru minimu ta’ impjiegi li għandhom jinħolqu minn investiment. Għalhekk, it-tnaqqis fir-Regolament Emendatorju IEOP (il-premessa (28)), tan-numru ta’ impjiegi meħtieġa li jinħolqu minn investiment kien emenda minuri u ma affettwax il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għotjiet emendata mal-Linji Gwida tal-2007. |
|
(84) |
PCC ma taqbilx li l-iskema ta’ għotjiet emendata ma kinitx tirrikjedi lill-awtorità amministrattiva, wara l-applikazzjoni għall-għajnuna, tikkonferma bil-miktub li, soġġett għal verifika dettaljata, il-proġett, fil-prinċipju, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-iskema. Dak ir-rekwiżit huwa stabbilit fit-termini u fil-kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura tal-applikazzjoni għall-għajnuna, u, barra minn hekk, PCC irċeviet tali konferma, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Jannar 2011. Barra minn hekk, qabel ma bdiet ix-xogħlijiet fuq il-Proġett, PCC, fil-fatt, kienet ingħatat l-għajnuna. |
4.1.2. Effett ta’ inċentiv
4.1.2.1. Żieda fil-kostijiet
|
(85) |
PCC spjegat għaliex, fl-applikazzjonijiet tagħha għall-għotja u għall-eżenzjoni mit-taxxa, hija nnotat kostijiet eliġibbli differenti għall-Proġett (il-premessa (60)). |
|
(86) |
PCC spjegat li, qabel il-Proġett, il-grupp PCC kien identifika fallimenti serji fis-suq tal-MCAA, l-aktar minħabba nuqqas ta’ innovazzjoni mill-manifatturi l-kbar eżistenti li joperaw fis-suq. Il-grupp PCC, meta kkunsidra jekk jinvestix fi stabbiliment tal-manifattura ġdid, għażel li jibni faċilità ġdida, ibbażata fuq teknoloġija innovattiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-għajnuna mill-Istat li tkun disponibbli biex tappoġġaha. L-istima tal-kost inizjali għall-Proġett kienet ta’ madwar PLN 223 000 000. |
|
(87) |
Peress li l-grupp PCC ma kellux esperjenza b’investimenti kumplessi bħal dawn, huwa qabbad konsulent estern, il-Grupp Siemens (“Siemens”), biex jikkonferma l-livell tan-nefqa kapitali u biex jgħinu jiddeċiedi approċċi tekniċi speċifiċi. Wara l-analiżi tiegħu, Siemens ta parir li n-nefqa kapitali minima neċessarja jkollha tiżdied għal madwar PLN 300 000 000. Peress li r-redditu fuq l-investiment kien, imbagħad, ikun baxx wisq, PCC iddeċidiet li tapplika għall-eżenzjoni mit-taxxa, flimkien mal-għotja. PCC tindika li, minn meta saret taf dwar il-ħtieġa li tiżdied in-nefqa għall-Proġett, hija rreferiet għaċ-ċifra ogħla fil-korrispondenza kollha mal-awtoritajiet Pollakki u mal-Kummissjoni. |
|
(88) |
PCC tasserixxi li huwa biss wara li rċeviet konferma li hija kienet se tirċievi l-eżenzjoni mit-taxxa, fi Frar 2013, li PCC iddeċidiet li timplimenta l-Proġett. |
4.1.2.2. Bidu tax-xogħlijiet
|
(89) |
PCC ikkontestat il-valutazzjoni tal-Polonja, kondiviża b’mod preliminari mill-Kummissjoni (il-premessa (58)), li kienet bdiet ix-xogħlijiet fuq il-Proġett qabel ma applikat għall-eżenzjoni mit-taxxa. PCC iddikjarat li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni bdew fil-5 ta’ April 2013 (46), u li hija ħadet l-ewwel impenn sod tagħha li tordna tagħmir relatat mal-Proġett fis-16 ta’ Awwissu 2013 (47). Qabel dawk l-azzjonijiet, hija kienet wettqet biss studji tal-fattibbiltà preparatorji għall-Proġett, kif inhi l-prattika kummerċjali standard. |
|
(90) |
PCC issottolinjat in-natura innovattiva tal-metodu ta’ produzzjoni li jiġi varat wara l-Proġett. Sa mill-2008, kienet qiegħda tikkollabora ma’ konsulenti terzi biex tiżviluppa l-kunċett inizjali. Il-metodu ta’ produzzjoni jinvolvi diversi proċessi li ma jistgħux jiġu mmudellati kif xieraq mingħajr ittestjar empiriku, minħabba, fost l-oħrajn, il-kumplessità tagħhom u l-influwenza ta’ diversi varjabbli. Għalhekk, l-uniku mod kif tista’ tinġabar id-data neċessarja huwa f’kundizzjonijiet tal-laboratorju. […]. It-twettiq ta’ testijiet f’impjant fuq skala industrijali, […], tqies li kien jinvolvi riskju eċċessiv. […] (48) […]. Għalhekk, PCC, fuq il-parir ta’ Siemens, iddeċidiet li twettaq xogħlijiet fuq skala semiteknika, bl-użu ta’ installazzjoni pilota li toffri kundizzjonijiet simili għal dawk f’reatturi industrijali, biex tittestja l-fattibbiltà tal-Proġett […]. |
|
(91) |
PCC spjegat li l-installazzjoni pilota minnha nnifisha kienet sett ta’ diversi apparati żgħar, immuntati fuq żewġ oqfsa tal-azzar b’għoli ta’ madwar żewġ metri, u li jokkupaw żona żgħira (1 m x 2 m u 1 m x 1 m) f’waħda mill-kmamar maħsuba biex tintuża bħala spazju għar-riċerka. Ma kinitx imwaħħla b’mod permanenti mal-art, u setgħet tiżżarma u tiġi mċaqalqa faċilment xi mkien ieħor. L-ikkummissjonar tagħha ma kien jirrikjedi l-ebda xogħol ta’ kostruzzjoni. Fil-fatt, il-komponenti kollha tal-installazzjoni pilota ġew ittrasferiti lil Siemens, fil-Ġermanja, immedjatament wara li ġew ikkonsenjati lil PCC. |
|
(92) |
Il-kost kollu tal-installazzjoni pilota kien ta’ madwar EUR 150 000, li PCC innotat li huwa ammont negliġibbli mill-kost kumplessiv tal-Proġett. Fis-17 ta’ Ottubru 2012, PCC xtrat biss ftit elementi minuri tal-installazzjoni pilota, li kienu jiswew PLN 23 854,19 (EUR 5 814) (inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud) (49); il-biċċa l-kbira tal-kost iġġarrab wara li nħareġ il-permess għall-SEZ. |
|
(93) |
PCC innotat li, kieku r-riżultati tal-proġett pilota ma kinux sodisfaċenti, kienet tkun tista’ tirtira mill-Proġett u tkun ġarrbet biss kostijiet żgħar tax-xogħlijiet preparatorji. Barra minn hekk, PCC kienet qieset li, f’dak il-każ, hija kienet se tiddisponi mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali marbuta mal-proġett pilota, biex tnaqqas jew telimina kwalunkwe telf potenzjali. PCC indikat li, għalhekk, kienet irreġistrat il-kostijiet kollha relatati mal-proġett pilota bħala entrata separata fil-kontijiet analitiċi tagħha, biex tkun tista’ torbot il-kost tal-manifattura tagħha mal-prezz minimu tal-bejgħ li tkun tirrikjedi għal dik il-proprjetà intellettwali. |
|
(94) |
PCC sostniet li, b’mod partikolari f’konformità mal-Linji Gwida tal-2007 u mar-Regolament 651/2014, la t-twettiq ta’ studji tal-fattibbiltà u lanqas installazzjoni pilota ma jistgħu jitqiesu bħala l-bidu tax-xogħlijiet. |
|
(95) |
Barra minn hekk, wara s-sentenza tal-Qorti Amministrattiva Suprema (il-premessa (49)), PCC innotat li l-pożizzjoni uffiċjali tal-Istat Pollakk kienet li jenħtieġ li l-permess għall-SEZ ma jiġix annullat minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit formali dwar l-effett ta’ inċentiv. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, ma qajmet l-ebda dubju f’dak ir-rigward, jenħtieġ li hija tikkonkludi bl-istess mod. |
4.1.3. Konformità mal-Linji Gwida tal-2007
4.1.3.1. Paragrafu 68 – Valutazzjoni fil-fond
|
(96) |
PCC sostniet li ma kien hemm l-ebda ħtieġa li titwettaq il-valutazzjoni fil-fond skont il-paragrafu 68 tal-Linji Gwida tal-2007, peress li ma ntlaħaq l-ebda wieħed mil-limiti stabbiliti f’dan il-paragrafu. |
4.1.3.1.1. Paragrafu 68 – Limitu ta’ 75 %
|
(97) |
PCC tinnota li, sabiex japplika l-paragrafu 68 tal-Linji Gwida tal-2007, l-ammont totali ta’ għajnuna mis-sorsi kollha jrid jaqbeż il-75 % tal-ammont massimu ta’ għajnuna li jista’ jirċievi investiment b’nefqa eliġibbli ta’ EUR 100 miljun, bl-applikazzjoni tal-limitu massimu standard tal-għajnuna reġjonali fis-seħħ għall-intrapriżi kbar fil-mappa tal-għajnuna reġjonali approvata fid-data li fiha għandha tingħata l-għajnuna (il-“limitu ta’ 75 %”). PCC tinnota wkoll li ma huwiex ikkontestat li l-ammont rilevanti, fiż-żmien li ngħataw kemm l-għotja kif ukoll l-eżenzjoni mit-taxxa, kien ta’ EUR 30 miljun (50). PCC tissottolinja li l-ammont tal-għotja waħdu huwa ferm inqas minn dak l-ammont. |
|
(98) |
Barra minn hekk, PCC tasserixxi li l-eżenzjoni mit-taxxa hija limitata de lege, b’tali mod li l-miżuri ta’ għajnuna, flimkien, ma jistgħux jilħqu dak l-ammont. PCC tindika li t-Taqsima 4, il-paragrafu 5, tar-Regolament SEZ tinnota li: “meta l-valur totali tal-għajnuna reġjonali mogħtija mis-sorsi kollha jaqbeż il-75 % tal-valur massimu tal-għajnuna li tista’ tingħata għall-implimentazzjoni ta’ investimenti b’kostijiet eliġibbli ekwivalenti għal EUR 100 miljun, bl-użu tal-limiti massimi standard tal-għajnuna mill-Istat applikabbli għal intrapriżi kbar fil-mappa approvata tal-għajnuna reġjonali fid-data tal-għoti tal-għajnuna, il-proġett ta’ għajnuna individwali jrid jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea”. |
|
(99) |
PCC tinnota wkoll li, skont it-Taqsima 1 tar-Regolament SEZ, l-għajnuna mill-Istat tista’ tingħata taħt l-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa biss f’konformità mal-kundizzjonijiet tar-Regolament 800/2008. Bħala tali, ammont li jaqbeż il-limitu ta’ 75 %, li ma setax jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija skont dak ir-Regolament, ma setax jingħata taħt dik l-iskema. Bħala evidenza ulterjuri ta’ dan, PCC tinnota li l-Artikolu 17(1)(34) tal-Att dwar is-CIT (51) jiddikjara li “l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija permezz ta’ [l-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa] ma jistax jaqbeż l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat għal impriża[,] disponibbli fl-ogħla ammont possibbli[,] għal żoni eliġibbli għall-għajnuna, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet separati”. Dawk id-“dispożizzjonijiet separati” jinkludu r-Regolament SEZ, inkluż il-limitu ta’ 75 %. Skont PCC, l-effett tar-Regolament SEZ u tal-Att dwar is-CIT huwa li, meta l-għajnuna tilħaq il-limitu ta’ 75 %, l-investitur jitlef, unikament de lege, l-intitolament għal kwalunkwe eżenzjoni ulterjuri mit-taxxa marbuta ma’ proġetti segwiti fl-SEZ. |
|
(100) |
PCC tenfasizza wkoll li l-limitazzjoni għal-limiti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni ddaħħlet fil-leġiżlazzjoni Pollakka bħala parti minn riforma sinifikanti taż-żoni ekonomiċi speċjali li tagħmel parti mill-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni. Qabel din, l-eżenzjonijiet mit-taxxa kienu limitati fiż-żmien biss, u mhux fl-ammont. |
|
(101) |
PCC tindika li, peress li l-limitu ta’ 75 % ġej direttament minn dispożizzjoni tal-liġi applikabbli b’mod ġenerali, adottata minn awtorità kompetenti u promulgata kif xieraq, dan huwa kompletament trasparenti u aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha. Għaldaqstant, kwalunkwe imprenditur ikun konxju li, irrispettivament mid-dispożizzjonijiet ta’ permess partikolari għat-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi fl-SEZ, il-limitu ta’ 75 % huwa applikabbli. Kwalunkwe imprenditur li xorta jitlob eżenzjoni mit-taxxa ogħla minn dak il-limitu jkun qiegħed jissottovaluta b’mod illegali l-ammont ta’ taxxa dovuta, u l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom id-dritt li jirkupraw l-arretrati tat-taxxa, bl-imgħax. It-talba deliberata ta’ ammonti żejda tista’ saħansitra tirriżulta f’responsabbiltà kriminali. |
|
(102) |
F’dak ir-rigward, PCC tinnota li l-impriżi jeħtiġilhom jirrapportaw dwar l-eżenzjoni mit-taxxa tagħhom fid-dikjarazzjoni tat-taxxa annwali tagħhom, u huma obbligati jżommu rekords relatati mal-eżenzjoni mit-taxxa. L-awtoritajiet tat-taxxa għandhom għodod legali, proċedurali u tal-IT effettivi biex jiżguraw verifika effiċjenti tal-ammont ta’ eżenzjoni mit-taxxa li għaliha tkun intitolata impriża, inkluż id-dritt għall-impriżi tal-awditjar li jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa. |
|
(103) |
PCC tasserixxi li, bl-applikazzjoni tal-formula ta’ tnaqqis fl-iskala, l-ammont massimu ta’ għajnuna li tista’ tirċievi għall-Proġett huwa ta’ EUR 23 086 560, li huwa inqas mil-limitu ta’ 75 % li jiskatta l-paragrafu 68. PCC tindika li l-Kummissjoni preċedentement aċċettat (52) sempliċi impenn minn Stat Membru li jiġu applikati r-regoli dwar it-tnaqqis fl-iskala skont il-Linji Gwida tal-2007, u, bħala tali, ikun sproporzjonat li jiġi konkluż li regola tad-dritt Pollakk, flimkien ma’ diversi salvagwardji proċedurali appoġġati minn sanzjonijiet finanzjarji u kriminali, ma tkunx biżżejjed biex tiġi żgurata l-konformità. |
4.1.3.1.2. Paragrafu 68 – swieq rilevanti
|
(104) |
Minkejja li ma rċevietx għajnuna ogħla mil-limitu ta’ 75 %, PCC targumenta li l-limiti stabbiliti fil-paragrafi 68(a) u (b) ma kinux ġew issodisfati. Sabiex tiddetermina dan, PCC identifikat is-suq tal-prodott rilevanti u s-suq ġeografiku rilevanti li ġejjin. |
4.1.3.1.2.1. Suq tal-prodott
|
(105) |
PCC iddikjarat li l-prodott ikkonċernat mill-Proġett huwa l-MCAA bħala tali, mhux varjazzjoni speċifika tiegħu, u qablet mad-dikjarazzjonijiet fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ (53) li kellhom it-tendenza li jappoġġaw dik il-pożizzjoni. PCC innotat li, bħala parti mill-Proġett, tiġi offruta l-firxa sħiħa ta’ klassijiet ta’ purità, ta’ karatteristiċi u ta’ funzjonijiet tal-MCAA, skont il-ħtiġijiet tax-xerrejja, u dawn ma jiġux ittrattati bħala prodotti separati. Id-DCAA, l-element kimiku bażiku tal-MCAA, jinsab fl-MCAA ta’ kull klassi, u, konsegwentement, l-MCAA ta’ kull klassi jgħaddi minn reazzjonijiet kimiċi simili, u dan jagħti riżultati simili. L-għażla ta’ klassi partikolari ta’ purità tiddependi mit-teknoloġija u mid-deċiżjonijiet kummerċjali tal-klijenti; ma huwiex minnu li l-iżvilupp ta’ ċerti prodotti jirrikjedi ċerti klassijiet ta’ purità. Lanqas ma huwa neċessarjament minnu li l-klassijiet ta’ purità ogħla jiswew aktar mill-MCAA ta’ grad tekniku, peress li l-prezzijiet huma ddeterminati b’referenza għall-ħtiġijiet u għall-profili tal-klijenti. |
|
(106) |
PCC innotat li, skont il-Linji Gwida tal-2007, is-suq tal-prodott rilevanti jinkludi l-prodott u s-sostituti tiegħu, li huma rikonoxxuti bħala tali mill-konsumatur jew mill-produttur, permezz tal-flessibbiltà tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni (54). L-installazzjonijiet fi ħdan il-qafas tal-Proġett jagħtu lil PCC flessibbiltà kważi bla limitu biex taqleb mill-produzzjoni ta’ klassi ta’ purità partikolari għal oħra. PCC fakkret li l-Ilmentatur kien irrikonoxxa wkoll li kemm l-impjanti tiegħu kif ukoll l-impjanti ta’ Akzo Nobel joffru flessibbiltà sħiħa fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu prodotti l-klassijiet kollha ta’ purità tal-MCAA (55). |
|
(107) |
PCC innotat ukoll li l-Linji Gwida tal-2007 (56) jindikaw li, għall-finijiet tal-paragrafu 68, il-bejgħ u l-konsum apparenti se jiġu ddefiniti fil-livell xieraq tal-klassifikazzjoni Prodcom (57). Il-kodiċi rilevanti tal-klassifikazzjoni Prodcom mhux biss ikopri l-livelli kollha ta’ purità tal-MCAA, iżda anke d-diversi aċidi kloroaċetiċi plurali l-oħra, u dan jagħmilha ferm usa’ (58). |
|
(108) |
PCC innotat ukoll li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ddefinew is-suq tal-MCAA bħala suq wieħed (59). |
4.1.3.1.2.2. Suq ġeografiku
|
(109) |
PCC tasserixxi li s-suq ġeografiku rilevanti huwa s-suq tal-MCAA li jkopri mill-inqas iż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”), l-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika t’Isfel, u li, f’konformità mal-paragrafu 70 tal-Linji Gwida tal-2007, is-suq taż-ŻEE ma huwiex xieraq, u hemm statistika disponibbli faċilment fir-rigward tas-segmentazzjoni korretta tas-suq (60). PCC tinnota b’approvazzjoni l-identifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kunflitt fl-asserzjoni tal-Ilmentatur li s-suq huwa ż-ŻEE, filwaqt li l-Ilmentatur innifsu, irrefera għall-importazzjonijiet Ċiniżi lejn iż-ŻEE, u l-istatistika kummerċjali tirrapporta l-esportazzjonijiet Ewropej lejn l-Istati Uniti (61). |
|
(110) |
PCC tasserixxi li d-domanda għall-MCAA fiż-ŻEE, fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Amerika t’Isfel prinċipalment hija relatata ma’ prodotti bi klassijiet ta’ purità relattivament għoljin, li huma prodotti biss minn produtturi Ewropej (u, sa ċertu punt, produtturi lokali tal-Amerika ta’ Fuq). Dawn ma humiex manifatturati minn produtturi Asjatiċi. |
|
(111) |
Ir-reġjuni tal-Amerika ta’ Fuq u tal-Amerika t’Isfel huma tradizzjonalment ikkaratterizzati minn defiċit kbir fil-provvista tal-MCAA, li jwassal biex il-klijenti jfittxu MCAA ta’ kwalità adegwata mill-atturi tad-duopolju Ewropew, l-Ilmentatur u Akzo Nobel. L-Ilmentatur huwa dominanti fis-suq tal-MCAA, irrispettivament mir-reġjun, u, fl-2006, kellu ishma ta’ 47 % fiż-ŻEE, ta’ 40 % fl-Amerika ta’ Fuq u ta’ 55 % fl-Amerika t’Isfel. Fl-istess ħin, Akzo Nobel kellha ishma ta’ 39 %, ta’ 23 % u ta’ 14 % f’dawk is-swieq, rispettivament (62). Għalhekk, l-istruttura duopolistika tas-suq hija karatteristika, u komuni għas-suq ġeografiku kollu li jkopri ż-ŻEE, l-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika t’Isfel (63). Minħabba li l-Ilmentatur stess għandu ishma kbar bħal dawn mis-swieq tal-Amerika ta’ Fuq u tal-Amerika t’Isfel, PCC tiddikjara li l-asserzjonijiet tal-Ilmentatur li dawk ir-reġjuni huma separati miż-ŻEE u ma jistgħux jinqdew b’mod vijabbli mill-manifatturi Ewropej ma jistgħux jiġu appoġġati. |
|
(112) |
PCC indikat ukoll li jista’ jiġi argumentat li s-suq ġeografiku rilevanti huwa s-suq globali, peress li hemm xi provvista ta’ MCAA ta’ purità inferjuri lejn iż-ŻEE, lejn l-Amerika ta’ Fuq, u lejn l-Amerika t’Isfel minn manifatturi Asjatiċi (iċ-Ċina u l-Indja huma esportaturi netti tal-MCAA). Madankollu, dawk il-manifatturi Asjatiċi jikkonċentraw l-aktar fuq territorji bħat-Turkija u l-Awstralja. Bħala tali, hija tqis li s-suq ġeografiku korrett huwa ż-ŻEE, u l-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel. |
4.1.3.1.3. Paragrafu 68(a) – sehem tal-bejgħ tal-prodott
|
(113) |
Skont il-paragrafu 68(a) tal-Linji Gwida tal-2007, il-valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna tista’ tkun meħtieġa meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-bejgħ tal-prodott(i) ikkonċernat(i) fis-suq/swieq ikkonċernat(i) qabel l-investiment, jew ikun jirrappreżenta aktar minn 25 % wara l-investiment. |
|
(114) |
PCC tfakkar li s-suq rilevanti huwa s-suq tal-MCAA tal-klassijiet kollha ta’ purità, li jkopri mill-inqas iż-ŻEE, u l-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel. PCC tindika li ma kinitx tikseb sehem ta’ 25 % tal-bejgħ f’dak is-suq wara t-tlestija tal-Proġett, u li dan jidher ċar anke mill-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, abbażi ta’ data indipendenti (64). Fil-fatt, dik l-informazzjoni turi wkoll li PCC ma kinitx se tilħaq sehem ta’ bejgħ bħal dan anke jekk is-suq ġeografiku jkun limitat għaż-ŻEE (65). PCC issostni li l-kalkoli proprji tal-Ilmentatur (66) ma humiex korretti. |
|
(115) |
Għalhekk, PCC tasserixxi li f’dan il-każ ma hijiex meħtieġa valutazzjoni fil-fond skont il-paragrafu 68(a) tal-Linji Gwida tal-2007. |
4.1.3.1.4. Paragrafu 68(b) – sehem tal-kapaċità tal-produzzjoni
|
(116) |
Skont il-paragrafu 68(b) tal-Linji Gwida tal-2007, valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna tista’ tkun meħtieġa meta l-kapaċità tal-produzzjoni maħluqa minn proġett tkun aktar minn 5 % tas-suq imkejla bl-użu ta’ data dwar il-konsum apparenti (il-produzzjoni flimkien mal-importazzjonijiet li minnhom jitnaqqsu l-esportazzjonijiet) għall-prodott ikkonċernat, sakemm ir-rata ta’ tkabbir annwali medja tal-konsum apparenti tiegħu matul l-aħħar 5 snin ma tkunx ogħla mir-rata ta’ tkabbir annwali medja tal-prodott domestiku gross (“PDG”) taż-ŻEE. |
|
(117) |
PCC ma taqbilx mal-metodoloġija użata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ biex tikkalkola r-rati ta’ tkabbir tas-suq, peress li ma kkonformatx mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida tal-2007 u d-data użata ma hijiex ikkonfermata minn data indipendenti oħra. Fi kwalunkwe każ, PCC targumenta li l-metodoloġija tar-rata ta’ tkabbir annwali komposta (“CAGR”, Compound Annual Growth Rate) tinjora l-fluttwazzjonijiet li jseħħu matul perjodu u tqis biss is-snin ta’ limitu. F’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ dik il-metodoloġija, mingħajr suppożizzjonijiet addizzjonali, tista’ twassal għal konklużjonijiet żbaljati dwar id-dinamika inerenti tas-suq. L-2011 u l-2012 – is-snin ta’ qabel l-aġġudikazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna individwali lil PCC – ma kinux snin ordinarji f’ċiklu ekonomiku li jiżviluppa b’mod normali, iżda kienu parti minn perjodu ta’ tranżizzjoni bejn il-kriżi finanzjarja u l-irkupru. Għaldaqstant, il-valur tal-konsum apparenti fis-snin ta’ limitu ma huwiex valur referenzjarju affidabbli għall-valutazzjoni tas-suq tal-MCAA. PCC tqis li, minħabba li l-perjodu ta’ referenza kien distort minn kriżi ekonomika mingħajr preċedent, huwa aktar importanti li jitbassar it-tkabbir dinamiku tas-suq fi tmiem dak il-perjodu. |
|
(118) |
Għalhekk, PCC tasserixxi li f’dan il-każ ma hijiex meħtieġa valutazzjoni fil-fond skont il-paragrafu 68(b) tal-Linji Gwida tal-2007. |
4.1.3.2. Test ta’ bbilanċjar
|
(119) |
PCC tfakkar fil-ġurisprudenza Smurfit Kappa (67), li skont din il-Kummissjoni tista’ twettaq test ta’ bbilanċjar fir-rigward tal-għajnuna meta ma jkunx ċar li l-effetti pożittivi tagħha jisbqu dawk negattivi. F’dak ir-rigward, PCC tissottolinja li l-Kummissjoni jeħtiġilha twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-miżuri ta’ għajnuna kkontestati, sabiex, meta tadotta d-deċiżjoni finali jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-aktar informazzjoni kompluta u affidabbli possibbli għal dak l-għan. Bħala tali, hija tasserixxi li l-Kummissjoni ma tistax issib li l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli biss abbażi ta’ preżunzjoni negattiva li tirriżulta minħabba nuqqas ta’ informazzjoni li tippermetti li jinstab il-kuntrarju. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax issib li s-suq tal-MCAA kien sejjer lura jew kellu provvista żejda minħabba li l-Polonja jew parti oħra ma pprovdietx evidenza li turi bil-kontra. Għall-finijiet ta’ ċertezza legali, il-Kummissjoni jeħtiġilha tkun tista’ tipprovdi r-raġunijiet għas-sejbiet tagħha, u mhux biss tibbaża fuq preżunzjonijiet. |
|
(120) |
PCC iżżid tgħid li, bil-preżunzjoni li ma tistax tiġi prodotta evidenza plawżibbli, speċifika u affidabbli fis-suq tal-MCAA 2006 – 2011, huwa raġonevoli u ġġustifikat li tiġi eżaminata wkoll id-data ta’ wara l-2011 li turi l-iżvilupp reali tas-suq tal-MCAA wara dak il-perjodu. Meta tagħmel it-test ta’ bbilanċjar, il-Kummissjoni ma hijiex ristretta biex teżamina l-perjodi qabel l-investiment biss, u tista’ tuża informazzjoni ex post biex tivverifika l-impatt reali tal-għajnuna mill-Istat fuq is-suq rilevanti (68). |
4.1.3.2.1. Effetti pożittivi tal-għajnuna
|
(121) |
PCC issostni li l-effetti pożittivi tal-għajnuna mill-Istat għall-Proġett jisbqu bil-kbir kwalunkwe impatt negattiv potenzjali ta’ dik l-għajnuna. |
|
(122) |
PCC ittenni l-pożizzjoni tagħha li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv formali. Hija tinnota li l-għajnuna hija proporzjonata, peress li tirrispetta l-limitu massimu applikabbli tal-għajnuna reġjonali, inkluż il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis fl-iskala. |
|
(123) |
Qabel ma applikat għall-għajnuna, PCC ikkalkolat il-prospettiva ta’ investiment tal-Proġett, u kkonkludiet li, fin-nuqqas tal-miżuri ta’ għajnuna, l-investiment jirriżulta f’valur preżenti nett (“VPN”) negattiv ta’ –PLN [1,3-1,5] miljun, u f’rata ta’ redditu finanzjarju (“FRR”, Financial Rate of Return) ta’ –[6,8-7,9] %. Bil-miżuri ta’ għajnuna, il-Proġett jikseb VPN ta’ madwar PLN [62-72] miljun, u FRR ta’ [12,7-15] %. Li kieku ma rċevietx il-miżuri ta’ għajnuna, PCC kienet tillimita l-investiment għall-kostruzzjoni ta’ installazzjoni ta’ dissoluzzjoni sempliċi, b’kost stmat ta’ PLN [48-58] miljun, b’VPN ta’ madwar PLN [15-18]-il miljun u b’FRR ta’ [8,6-10,2] %. PCC tinnota li l-ammont reali tal-għajnuna mill-Istat li jirriżulta mill-eżenzjoni mit-taxxa huwa kontinġenti fuq il-profittabbiltà tagħha, u dan ikompli juri li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jitwettaq il-Proġett. |
|
(124) |
PCC tosserva li l-effett pożittiv ħafna tal-għajnuna ġie vverifikat u kkonfermat mill-Kummissjoni stess matul il-proċedura biex tapprova l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-Proġett mill-FEŻR (il-premessa (34)). |
4.1.3.2.2. Struttura u xejriet tas-suq
|
(125) |
Fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna lil PCC, l-Ilmentatur u Akzo Nobel kienu jiffurmaw duopolju fis-suq tal-MCAA, u ftit li xejn kellhom pressjoni mill-kompetituri. Il-Kummissjoni sabet li kienu joperaw bħala parti minn kartell għall-MCAA mill-1984 sal-1999 (id-“Deċiżjoni dwar il-kartell”) (69). Għalhekk, billi tiffaċilita d-dħul ta’ kompetitur ġdid, l-għajnuna ġġib magħha effetti pożittivi fis-suq. Barra minn hekk, Akzo Nobel kienet irċeviet għajnuna mill-Istat li ammontat għal madwar EUR 64 miljun – ħafna aktar mill-ammont mogħti lil PCC – għar-rilokazzjoni tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-kloru u tal-MCAA fin-Netherlands, approvata mill-Kummissjoni fl-2004 (70). PCC temmen li l-Ilmentatur ressaq l-ilment kontriha purament biex ifixkel l-operazzjonijiet tagħha, u jimblokka parteċipant ġdid fis-suq tal-MCAA. |
|
(126) |
PCC tinnota wkoll li n-natura duopolistika tas-suq tfisser li l-konsumaturi spiss ikunu marbuta ma’ fornitur partikolari, u ma jkollhomx għażliet oħra f’każ ta’ kapaċità tal-produzzjoni insuffiċjenti. Il-produzzjoni tal-MCAA hija kumplessa, u l-unitajiet tal-manifattura ta’ spiss ikunu soġġetti għal interruzzjonijiet inevitabbli għall-manutenzjoni. Dan jirriżulta f’nuqqasijiet regolari ta’ provvista, speċjalment peress li l-Ilmentatur u Akzo Nobel għandhom faċilitajiet ta’ ħżin limitati li permezz tagħhom jistgħu jipprovdu għal interruzzjonijiet bħal dawn. Il-preżenza ta’ PCC, permezz tal-Proġett, tgħin biex ittaffi din il-problema, u biex tistabbilizza s-suq. Fil-fatt, PCC tindika li, minn meta l-Proġett sar operattiv, l-Ilmentatur innifsu talab lil PCC biex tfornilu l-MCAA minħabba l-interruzzjoni għall-manutenzjoni tal-impjant tal-Ilmentatur. |
|
(127) |
PCC tasserixxi wkoll li l-klijenti tal-MCAA jippreferu l-kwalità tas-servizz għall-klijenti tagħha minn dak tad-duopolisti preeżistenti, peress li tipprovdi servizz aktar miftuħ u personalizzat, flimkien ma’ approċċ innovattiv. |
|
(128) |
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-kapaċità żejda, PCC issostni li d-domanda għall-MCAA ilha tiżdied b’mod konsistenti, inkluż fir-rigward tal-produzzjoni tal-betaini (aġenti tal-kura personali u tat-tindif) u tas-CMC (użata bħala aġent li jgħaqqad għall-ikel, il-prodotti farmaċewtiċi, il-kura personali, u l-applikazzjonijiet għall-fratturazzjoni); PCC tindika, mingħajr ma tidentifika s-sorsi, li dawk is-setturi għandhom CAGR ta’ aktar minn [3,3-4]-[5,8-7] %. Il-betaini (grupp ta’ aġenti tensjoattivi), b’mod partikolari, huma mistennija jesperjenzaw tkabbir fid-domanda, b’PCC li tinnota użu mbassar ta’ [98-118-il] kt/sena fis-suq tal-Istati Uniti. Jekk wieħed jassumi li l-konsum tal-MCAA fil-produzzjoni tal-betaini huwa ta’ madwar [11,4-12,8] %, dan jissuġġerixxi konsum tal-MCAA ta’ [11,5-12,7] kt/sena għal dik il-parti speċifika tas-suq tal-aġenti tensjoattivi biss. Sadanittant, il-produzzjoni tas-CMC, hija t-tieni l-akbar utent tal-MCAA, u kienet mistennija tesperjenza tkabbir sinifikanti sal-2023 (71). PCC innotat li l-esportazzjonijiet ta’ CMC mill-Unjoni qegħdin jiżdiedu (72), u dan jindika domanda dejjem akbar għall-MCAA ta’ oriġini mill-Unjoni, u jmur kontra l-allegazzjonijiet tal-Ilmentatur ta’ suq tal-MCAA li sejjer lura jew staġnat. |
|
(129) |
PCC tissottolinja li x-xejra ’l fuq kostanti fis-suq tal-MCAA hija parti minn xejra aktar ġenerali għas-settur kollu tas-sustanzi kimiċi, li, wara tnaqqis qawwi fl-2009, juri tkabbir stabbli u fit-tul (73). PCC tissottolinja wkoll li s-suq tal-Istati Uniti, suq tal-bejgħ sinifikanti għall-produtturi tal-MCAA fl-Unjoni (74), u huwa mistenni li jiżdied b’mod kostanti. |
|
(130) |
PCC targumenta li, meta l-Ilmentatur jissuġġerixxi li l-livelli tal-provvista tal-MCAA jaqbżu d-domanda, ikun qiegħed jinterpreta ħażin id-data. L-Ilmentatur jargumenta li mill-2010 sal-2016 ġew prodotti 200 kt/sena ta’ MCAA fis-suq Ewropew, iżda madwar 144-147 kt/sena biss ġew ikkonsmati, li jfisser li t-42 kt/sena prodotti minn PCC wara l-Proġett huma superfluwi (ara l-premessi (26) u (27) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ). PCC tasserixxi li l-metodoloġija simplistika li jiżdiedu l-kapaċitajiet nominali massimi tal-faċilitajiet tal-produzzjoni ma tirriflettix ir-realtà li s-siti ta’ manifattura huma soġġetti għal interruzzjonijiet sistemiċi, regolari u inevitabbli fil-produzzjoni bħala parti normali mill-proċess ta’ manutenzjoni tagħhom: il-kapaċità tal-produzzjoni reali hija eqreb għal 80-90 % tal-kapaċità nominali (75). PCC tissuġġerixxi li d-domanda aggregata fis-suq tal-MCAA għall-Ewropa u għall-Istati Uniti tkun madwar [255-305] kt/sena, filwaqt li l-provvista hija [215-258] kt/sena – in-nuqqas ta’ [34-40] kt/sena jikkorrispondi għall-kapaċità reali tal-provvista – għall-kuntrarju tal-kapaċità nominali – tal-Proġett. |
|
(131) |
PCC tosserva li l-azzjonijiet proprji tal-Ilmentatur jikkontradixxu l-interpretazzjoni preżunta tiegħu tas-suq. Fir-rapporti ta’ kummerċjalizzazzjoni uffiċjali tiegħu, l-Ilmentatur ippreżenta ripetutament l-MCAA bħala suq promettenti bi tkabbir dinamiku, u enfasizza wkoll l-inkapaċità tiegħu li jlaħħaq mad-domanda tal-klijenti (rapport tal-2013). Fl-2018, huwa ħabbar ukoll li kien se jespandi l-kapaċitajiet tal-produzzjoni u ta’ ħżin tiegħu (76). |
|
(132) |
F’termini ta’ prospettiva tas-suq, PCC tinnota li Akzo Nobel u l-Ilmentatur it-tnejn ħabbru investimenti fl-MCAA f’dawn l-aħħar snin (77). PCC tasserixxi li dan juri li l-miżuri ta’ għajnuna ma naqqsux il-kapaċità tas-suq tal-operaturi stabbiliti. Barra minn hekk, f’Awwissu 2020, Nouryon (preċedentement Akzo Nobel) ħabbret li kienet se tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni tal-MCAA tagħha fin-Netherlands, filwaqt li nnotat, b’mod partikolari, li l-MCAA jaqdi setturi b’rata għolja ta’ tkabbir, li jinkludu dawk tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-Kontinent Amerikan, u tal-prodotti farmaċewtiċi fl-Indja u fi swieq emerġenti oħra. PCC tasserixxi li dak l-investiment kien xprunat mill-istess domanda dinamika apparenti tas-suq li sostniet il-Proġett. PCC tinnota wkoll li t-tħabbira ta’ Nouryon tikkorrobora l-fehma proprja ta’ PCC li s-suq tal-MCAA jikkonsisti f’mill-inqas iż-ŻEE u l-Istati Uniti, jekk mhux saħansitra suq globali. |
|
(133) |
PCC tenfasizza li hija eżaminat id-data rilevanti disponibbli fiż-żmien meta ħadet id-deċiżjoni tagħha li tinvesti fil-Proġett. Skont ir-rapport dwar l-MCAA ta’ Tecnon Orbichem 2008 – 2018 (ir-“rapport ta’ Tecnon Orbichem”), is-CAGR għall-konsum tal-MCAA għall-2005 – 2015 kienet imbassra għal [2-2,4] % għall-Ewropa u għall-Kontinent Amerikan, b’CAGR possibbli ta’ [2,5-3] % – [3-3,6] % globalment. F’rapport imħejji fl-2010, Kline & Company bassret żidiet kbar fil-produzzjoni annwali Ewropea tas-CMC ([3-3,6] %) u tat-TGA ([2,5-3] %) – l-applikazzjonijiet ewlenin għall-MCAA. Sadanittant, rapport tal-2011 minn SRI Consulting (“ir-Rapport ta’ SRI tal-2011”) (78), innota li, fl-Amerika ta’ Fuq, is-suq tal-aġenti tensjoattivi kellu l-akbar impatt fuq il-konsum tal-MCAA, u kien hemm żieda fid-domanda għas-CMC fl-industrija petrokimika u sitwazzjoni tajba ħafna fl-industrija tal-klorur tal-polivinil (“PCV”, Polyvinyl Chloride), fejn jintuża t-TGA. Dan indika żieda regolari fil-konsum tal-aċidu fl-Istati Uniti għall-perjodu 2004-2008, imfixkla biss mill-kriżi ekonomika globali fl-2009. Tecnon Orbichem irrapportat sejbiet simili għas-suq Ewropew, b’żieda fil-konsum tal-MCAA għall-aġenti tensjoattivi ([2,5-3] %-[3-3,6] % fis-sena), għas-CMC ([1,9-2,3] % fis-sena), u għat-TGA ([0,9-1,1]-[1,9-2,3] % fis-sena). Id-data tas-suq tal-SRI uriet ukoll żieda qawwija fid-domanda għall-MCAA fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (CAGR 2002-2010 ta’ [8,2-9,5] %). |
|
(134) |
PCC tenfasizza li r-raġunament ewlieni tal-Proġett kien l-estensjoni tal-katina tal-valur tal-kloru eżistenti fi ħdan il-grupp PCC f’sustanzi bi prospettiva promettenti tas-suq. L-MCAA tqies li huwa adatt għal din l-istrateġija, peress li l-kloru huwa l-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tiegħu, u s-suq tal-MCAA tqies li kien ta’ volatilità limitata minħabba d-diversità wiesgħa tiegħu fis-swieq finali, li dawk ewlenin tiegħu kellhom tendenza lejn tkabbir globali. Konsegwentement, minħabba l-istruttura duopolistika tas-suq tal-MCAA, il-kapaċitajiet użati sew tal-membri tad-duopolju fis-swieq tal-UE u tal-Istati Uniti, domanda dejjem akbar għall-MCAA li hija fil-biċċa l-kbira immuni għal fluttwazzjonijiet ekonomiċi fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien, u provvista interna xierqa ta’ kloru fi ħdan il-grupp PCC, il-Proġett tqies li huwa investiment leġittimu u raġonevoli. |
4.1.3.2.3. Impatti reġjonali tal-għajnuna
|
(135) |
PCC tfakkar li l-investiment jinsab f’żona eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3), il-punt (a), tat-Trattat, li għall-2007-2013 kellha PDG per capita ta’ 47,52 % biss tal-medja tal-EU-25. Dik iż-żona baqgħet żona “a” għall-perjodu 2014-2021, b’PDG per capita ta’ 65,33 % tal-medja tal-EU-25. Barra minn hekk, iż-żona speċifika li fiha jinsab il-proġett hija saħansitra aktar żvantaġġata miż-żona kollha kemm hi, u, fil-perjodu ta’ qabel l-investiment, kellha rata tal-qgħad ta’ 21,6 %, u 46 % mill-persuni qiegħda kienu qiegħda fit-tul. |
|
(136) |
Il-Proġett wassal għall-ħolqien ta’ 150 impjieg dirett, inkluż għal inġiniera u għal maniġers tal-produzzjoni bi kwalifiki għoljin. Wassal ukoll għall-ħolqien ta’ madwar 600 impjieg indirett, inkluż għall-fornituri lokali. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’PCC huma aħjar mill-profil standard fiż-żona, eż. permezz tal-aċċess għat-taħriġ u benefiċċji in natura. |
|
(137) |
PCC tikkoopera mill-qrib mal-universitajiet u mal-komunitajiet tal-istudenti, inkluż permezz tal-provvista ta’ internships, ta’ workshops, ta’ taħriġ, ta’ sħubijiet għal kompetizzjonijiet, filwaqt li toffri taħriġ prattiku, bonusijiet għar-riżultati edukattivi, tistabbilixxi programmi ta’ patroċinju ma’ skejjel lokali, u tieħu sehem f’firxa wiesgħa ta’ avvenimenti soċjali. |
|
(138) |
PCC tindika li l-Proġett inċentiva investimenti kollaterali fir-reġjun minn ditti oħra, marbuta mal-faċilità tal-MCAA, b’mod partikolari bl-involviment ta’ kumpaniji fi ħdan il-grupp PCC, iżda wkoll ta’ xi kumpaniji esterni oħra (eż. fornituri esterni tal-loġistika). Barra minn hekk, l-għanijiet ewlenin tal-innovazzjoni tal-Proġett kienu punt tat-tluq għal attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (“R&Ż”) ulterjuri fi ħdan PCC, u minn PCC f’kollaborazzjoni ma’ network ta’ stabbilimenti xjentifiċi u ta’ ditti esperti tar-R&Ż, pereżempju, […], li jwasslu għat-tixrid ta’ għarfien ulterjuri. Il-Proġett ipprovda wkoll punt ta’ tluq għal proġetti sussegwenti ta’ R&Ż magħżula għal appoġġ separat iffinanzjat mill-UE. |
|
(139) |
Barra minn hekk, il-Proġett jipprovdi pjattaforma għal attivitajiet imfassla biex itaffu l-impatt tal-manifattura tal-MCAA fuq l-ambjent, pereżempju, permezz tal-livell baxx ta’ użu tal-enerġija fil-proċess tal-produzzjoni innovattiv tiegħu. |
|
(140) |
Il-Proġett ħoloq sinerġiji sinifikanti ma’ impjanti u ma’ attivitajiet reġjonali oħra ta’ PCC, li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent u jevita t-trasport ta’ materjali perikolużi bit-triq. |
|
(141) |
Il-Proġett wassal għal trasferimenti sinifikanti tat-taxxa għall-baġit pubbliku, u għal titjib fl-infrastruttura industrijali fiż-żona, għall-benefiċċju tan-negozji lokali kollha. |
4.2. Kummenti minn partijiet terzi oħra (79)
|
(142) |
PCC SE, il-kumpanija azzjonarja tal-Grupp PCC, innotat li PCC ilha […] mit-tlestija tal-impjant (l-irrankar fil-produzzjoni u l-bejgħ kummerċjali tal-MCAA bdew fl-aħħar tal-2016). Il-kloru użat minn PCC fil-proċess tal-produzzjoni tagħha huwa pprovdut minn PCC Rokita, li tinsab fl-istess sit, u din, min-naħa tagħha, tipprovdi lil […] bl-MCAA li teħtieġ għall-produzzjoni ta’ aġenti tensjoattivi. PCC tikkoopera mill-qrib mas-sussidjarji tal-loġistika, PCC Autochem Sp. z o. o. u PCC Intermodal SA. |
|
(143) |
PCC SE tinnota li PCC hija waħda biss minn tliet kumpaniji minn madwar id-dinja li għandhom it-teknoloġija tagħhom stess biex jipproduċu MCAA ta’ kwalità għolja, u l-faċilità tal-produzzjoni innovattiva hija l-unika waħda ta’ din ix-xorta fl-Ewropa tal-Lvant. PCC tirċievi feedback eċċellenti mill-klijenti, u rebħet premji għas-sostenibbiltà (u hekk ukoll PCC Exol). PCC SE tiddeskrivi l-influwenza pożittiva ta’ PCC Rokita fir-reġjun, u tinnota li l-Proġett jirrappreżenta kontinwazzjoni, konsolidazzjoni u tisħiħ tas-suċċess ta’ […]. PCC SE titlob lill-Kummissjoni tikkunsidra s-sinerġiji, l-effiċjenzi u l-impatt pożittiv tal-investiment ta’ PCC fis-Silesia ta’ Isfel, li ma kinux iseħħu mingħajr l-għajnuna inkwistjoni. |
|
(144) |
Barra minn hekk, PCC SE, ippreżentat mill-ġdid is-sottomissjoni tagħha tal-14 ta’ Marzu 2019, ipprovduta fil-kuntest tal-eżami preliminari mill-Kummissjoni tal-miżuri ta’ għajnuna, filwaqt li nnotat li din kienet għadha rilevanti. F’dik is-sottomissjoni, hija nnotat, b’mod partikolari, in-natura duopolistika tas-suq tal-MCAA, il-benefiċċji miġjuba minn PCC, u t-tħassib tagħha li l-Ilmentatur kien ressaq ilment qarrieqi lill-Kummissjoni f’tentattiv biex jistrumentalizza r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jagħmel pressjoni fuq kompetitur ġdid. |
|
(145) |
PCC Autochem Sp. z o. o., li tispeċjalizza fit-trasport bit-triq u intermodali ta’ sustanzi kimiċi likwidi, iddeskriviet il-benefiċċji li esperjenzat mill-kooperazzjoni ma’ PCC, inkluż titjib fis-sikurezza tal-ħaddiema (pereżempju permezz ta’ żieda fit-taħriġ tal-persunal fit-tħejjija għat-trasport tal-prodotti ta’ PCC), żieda fil-kompetittività (permezz, pereżempju, ta’ viżibbiltà u kredibbiltà akbar tal-marka PCC Autochem), stabbiltà tas-saħħa tas-suq u l-iżvilupp tal-esperjenza. |
|
(146) |
PCC Exol SA, produttur ta’ aġenti tensjoattivi għall-industrija, […]. Huwa jenfasizza li PCC hija sieħeb kummerċjali affidabbli u trasparenti li jforni MCAA tal-ogħla kwalità u purità, li huwa partikolarment importanti għal […], peress li huma komponenti ta’ kożmetiċi u ta’ prodotti tal-kura personali. |
|
(147) |
Sitta u għoxrin impjegat ta’ PCC ippreżentaw testimonjanzi, li ssottolinjaw l-importanza tal-Proġett għar-reġjun. Huma enfasizzaw li PCC tipprovdi impjiegi stabbli u li jnisslu sens ta’ arrikkiment personali f’żona li kienet tbati minn nuqqas ta’ impjiegi. Hija tinvolvi lil varjetà ta’ żgħażagħ b’ħiliet għolja u tippermettilhom jagħmlu użu minn opportunitajiet ta’ taħriġ u jiżviluppaw il-karriera tagħhom, filwaqt li tipprovdi wkoll sigurtà għall-familji fiż-żona. Il-Proġett huwa integrali għan-nisġa ekonomika u soċjali tar-reġjun, u, jekk il-miżuri ta’ għajnuna jiġu rtirati, il-konsegwenzi għaż-żona jistgħu jkunu severi. |
|
(148) |
Il-Bord tal-fergħa tat-trade union tas-Silesia ta’ Isfel, NSZZ “Solidarność”, innota li PCC wettqet il-Proġett kif meħtieġ, u dan involva ammont kbir ta’ riżorsi finanzjarji. Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr il-miżuri ta’ għajnuna. PCC u l-Proġett huma importanti għall-komunità lokali, u ġabu żieda fl-impjiegi diretti u indiretti u dħul akbar mit-taxxa lokali li jista’ jintuża għall-iżvilupp tar-reġjun. It-telf tal-għajnuna mill-Istat ikollu konsegwenzi diżastrużi għal PCC, għall-grupp PCC, u għall-impjegati ta’ PCC u għall-familji tagħhom. |
|
(149) |
SEDA Group Sp. z o. o., kumpanija tal-kostruzzjoni Pollakka li ħadmet ma’ PCC fuq il-Proġett, innotat li b’PCC kisbet klijent ġdid, li magħha għandha kooperazzjoni produttiva. Il-ħidma tagħha ma’ PCC ippermettitilha żżid l-impjiegi, u tipprovdi tagħmir u taħriġ għall-persunal. |
|
(150) |
ARAPneumatik L.T.M. Kościelniak Sp. j, fornitur ta’ PCC, sostna li l-Proġett ippermettielu jżid kemm il-bejgħ kif ukoll l-impjiegi, u kellu impatt fuq is-sħab lokali tiegħu wkoll. It-telf ta’ PCC bħala klijent stabbli jkun sinifikanti ħafna. |
|
(151) |
L-Istitut Ċentrali tal-Estrazzjoni mill-Minjieri (Główny Instytut Górnictwa) ipprovda servizzi analitiċi u ta’ riċerka lil PCC, li ffaċilitaw it-trasferiment tal-għarfien u kienu esperjenza kemm għall-Istitut kif ukoll għall-impjant ta’ monitoraġġ ambjentali tiegħu (Zakład Monitoringu Środowiska GIG). Dan jissottolinja l-innovazzjoni tal-Proġett, u li kkontribwixxa għal riżultati sinifikanti fir-R&Ż. |
|
(152) |
Proton SC, fornitur ta’ PCC, jinnota li, permezz tal-ħidma stabbli tiegħu ma’ PCC, huwa seta’ jiżviluppa l-attivitajiet tiegħu u jżid il-fatturat tiegħu. |
|
(153) |
ABB Sp. z o. o., li forna tagħmir ta’ kontroll u ta’ kejl lil PCC, indika li l-kollaborazzjoni tiegħu ma’ PCC tipprovdilu klijent stabbli, u ppermettietlu jiżviluppa l-produzzjoni tat-tagħmir speċjalizzat tiegħu, iżid il-fatturat tal-bejgħ tiegħu u jtejjeb l-għarfien tekniku tal-persunal tiegħu. |
|
(154) |
Rinnen Polska Sp. z o. o. Spedycja Międzynarodowa, kumpanija tat-trasport, tiddikjara li l-ordnijiet tat-trasport li ngħatawlha minn PCC jirriżultaw f’operazzjonijiet ottimizzati, li jissarrfu direttament f’żieda fil-profittabilità, u tnaqqis fil-konsum u fl-emissjonijiet tal-fjuwil. Hija tistma li l-ħidma tagħha ma’ PCC irriżultat f’żieda fl-impjiegi tagħha bi 3,5 karigi ġodda, minbarra li tipprovdi benefiċċji indiretti għal ħafna setturi tal-industrija tal-karozzi, bħall-fornituri ta’ parts operatorji. |
|
(155) |
VTU Engineering GmbH, parti mill-Grupp VTU li jiddisinja l-impjanti għall-industrija tal-ipproċessar, innotat li stabbiliet kooperazzjoni fit-tul ma’ PCC minn meta ġiet stabbilita, li ppermettiet żvilupp reċiproku fil-qasam tax-xjenza u tar-riċerka. It-tim ta’ VTU li jieħu ħsieb il-proġetti ta’ PCC huwa bbażat l-aktar fl-Awstrija u fl-Italja, u dan iwassal għal impatt pożittiv f’dawk l-oqsma l-oħra tan-negozju tagħha. Il-Proġett iżid l-innovazzjoni, u jirriżulta fi trasferiment tal-għarfien lejn Brzeg Dolny. |
|
(156) |
In-Network ta’ Riċerka “Łukasiewicz” – iċ-Ċentru Pollakk tal-Iżvilupp Teknoloġiku “PORT” saħaq fuq l-impatt pożittiv tal-Proġett fuq l-iżvilupp tar-reġjun, inkluż permezz tat-twessigħ tas-suq tax-xogħol, l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni mal-kumpaniji, u l-istimulazzjoni tal-intraprenditorija. Il-miżuri ta’ għajnuna huma meħtieġa biex jixprunaw l-iżvilupp ta’ PCC, u biex jittrasferixxu l-innovazzjoni tagħha fis-suq. |
|
(157) |
Bulk Tainer Logistics Limited, operatur tat-tankijiet, jinnota li, minn meta beda jaħdem ma’ PCC fl-2016, huwa kiseb stabbiltà akbar fir-reġjun, minħabba t-trasport regolari tiegħu tal-MCAA lejn u mill-Polonja, li jippermetti żieda sinifikanti fil-kompetittività tal-miżuri tiegħu u żieda fin-numru ta’ sottokuntratturi lokali. Il-marka tiegħu tgawdi minn rikonoxximent u minn kredibbiltà aħjar fis-suq lokali. Il-ħidma ma’ PCC ippermettietlu jżid l-impjiegi, itejjeb l-esperjenza u jiżviluppa t-teknoloġiji tat-trasport tiegħu. |
|
(158) |
L-Amministrazzjoni Lokali Distrettwali ta’ Wołowski nnotat li l-istabbiliment ta’ Wałbrzych SEZ wassal għal influss ta’ investimenti siewja, li kellhom impatt kbir fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tad-distrett. Hija tinsab sodisfatta li nkisbu l-benefiċċji mistennija kollha tal-Proġett, b’mod partikolari tnaqqis fil-qgħad, permezz tal-ħolqien ta’ 170 impjieg, li 120 minnhom huma okkupati minn residenti ta’ Wołowskie. L-investiment huwa wkoll stimolu biex tingħata spinta lill-intraprenditorija fir-reġjun, u għandu impatt dirett fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi fil-qasam tal-inġinerija kimika. |
|
(159) |
L-Awtorità Muniċipali ta’ Wołów tinnota li għandha suddiviżjoni tal-SEZ ta’ Wałbrzych u li hija involuta b’mod attiv fl-iżvilupp tagħha, li kellu impatt pożittiv fuq il-muniċipalità, fuq l-impjiegi u fuq l-intraprenditorija. |
|
(160) |
Il-Marixxall tal-Provinċja tas-Silesia ta’ Isfel jenfasizza li l-Proġett jinsab f’żona ta’ privazzjoni sostnuta, u kwalunkwe investiment fir-reġjun jikkontribwixxi b’mod viżibbli għat-titjib tal-kundizzjonijiet tiegħu. Is-settur tas-sustanzi kimiċi kien ġie identifikat fir-reġjun bħala industrija ewlenija, bil-potenzjal għal innovazzjoni u għal implimentazzjoni sinifikanti, u għal titjib tar-rabtiet bejn is-settur privat u l-komunità tar-riċerka. Il-Proġett huwa allinjat mal-istrateġija reġjonali u nazzjonali u mal-politiki tal-Unjoni, jipprovdi impjiegi attraenti, u jwassal għat-trasferiment tal-għarfien lejn il-Polonja. |
|
(161) |
L-Awtorità Muniċipali ta’ Miękinia, il-muniċipalità ġara tal-post tal-Proġett, tikkonferma l-impatt pożittiv li kellu fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjun, permezz tal-ħolqien ta’ aktar minn 150 impjieg ġdid, li wassal ukoll għal aktar diversità u għal provvista arrikkita ta’ ħaddiema, u l-ġenerazzjoni ta’ impjiegi indiretti addizzjonali. Il-preżenza ta’ post tax-xogħol fuq skala kbira f’qasam teknoloġiku ħafna toffri opportunitajiet ta’ żvilupp enormi għas-suq tax-xogħol lokali, u tħeġġeġ l-investiment f’Miękinia. Kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar itejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunità, u jgħinu biex jinbena sens ta’ identità soċjali. |
|
(162) |
L-Awtorità Muniċipali ta’ Brzeg Dolny esprimiet tħassib li l-effetti pożittivi tal-Proġett fuq l-impjiegi, fuq l-innovazzjoni, u fuq id-dħul mit-taxxa lokali, fuq l-ekonomija u fuq l-intraprenditorija jistgħu jintilfu. |
|
(163) |
Il-Politechnika Wrocławska ssostni li l-Proġett huwa ta’ importanza konsiderevoli għas-Silesia ta’ Isfel, permezz tal-kontribut tiegħu għall-iżvilupp tar-R&Ż u tal-edukazzjoni, il-promozzjoni tiegħu tas-Silesia ta’ Isfel bħala produttur ta’ prodotti ta’ kwalità fis-suq internazzjonali, it-tnaqqis tal-qgħad, u t-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. |
|
(164) |
Il-Kamra Pollakka tal-Industrija Kimika ssottolinjat l-importanza tal-Proġett għall-Polonja, għall-Ewropa u għall-industrija kimika, peress li jipproduċi prodotti ta’ kwalità eċċellenti f’installazzjoni innovattiva, li hija ta’ interess għar-riċevituri madwar id-dinja tal-MCAA. Dan iġib attur ġdid fis-suq tal-MCAA, u joħloq impjiegi ġodda u sostenibbli fir-reġjun (u fil-Ġermanja). It-twettiq tal-investiment fil-Polonja jevita trasferiment tal-investiment barra mill-Ewropa, lejn iċ-Ċina jew l-Indja. Il-Proġett jelimina t-trasport tal-kloru (80), u b’hekk itejjeb il-ħarsien tal-ambjent. Huwa ċar għall-industrija kimika li, peress li l-Proġett kien riskjuż, diffiċli biex jiġi implimentat u innovattiv ħafna, ma setax jiġi implimentat bis-sħiħ mingħajr għajnuna pubblika. Minn mindu PCC daħlet fis-suq tal-MCAA, is-sitwazzjoni minn hemm ’il quddiem tjiebet b’mod sinifikanti, kemm f’termini ta’ disponibbiltà kif ukoll ta’ sigurtà tal-provvista, kif ukoll f’termini ta’ kwalità tas-servizz. L-irtirar tal-għajnuna huwa theddida serja għall-Proġett u għal PCC. |
|
(165) |
PC Logistic Sp. z o. o. tinnota li l-ħidma ma’ PCC bħala trasportatur għenitha ttejjeb, fost l-oħrajn, il-proċessi, it-taħriġ tal-persunal u t-tagħmir tagħha. Dan irriżulta f’rikonoxximent akbar tal-marka u f’pożizzjoni mtejba tas-suq. |
|
(166) |
Ċittadin, li jasserixxi li huwa espert fit-teknoloġija tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jenfasizza l-innovazzjoni tal-ħidma ta’ PCC, u jinnota li l-Proġett ippermettielu jespandi pakkett ta’ prodotti kimiċi moderni li se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Huwa jinnota li r-“Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH, Registration, Evaluation, Authorisation and Restriction of Chemicals)” (81) żied il-kostijiet għall-kumpaniji, u b’hekk għamel l-għajnuna mill-Istat neċessarja għal kumpaniji bħal PCC biex jiżviluppaw prodotti ġodda. […]. […] eżistenti fil-Polonja jkunu mġiegħla jittrasportawhom fuq distanzi twal, u dan iżid il-kostijiet, ir-riskji u l-emissjonijiet ambjentali. Dan jista’ jwassal ukoll għal disturbi sinifikanti fl-iżvilupp industrijali mhux uniformi tal-Unjoni. |
|
(167) |
Il-partijiet terzi jindikaw li l-irtirar tal-miżuri ta’ għajnuna jkollu konsegwenzi negattivi sinifikanti għall-ekonomija u għall-popolazzjoni lokali. |
|
(168) |
Minbarra l-partijiet terzi li ppreżentaw kummenti lill-Kummissjoni, mar-rispons ta’ PCC għad-Deċiżjoni ta’ ftuħ ġew mehmuża dikjarazzjonijiet minn GEA Process Engineering Sp. z o. o. u mill-Università Maria-Curie Skłodowska f’Lublin, li faħħru l-kooperazzjoni tagħhom ma’ PCC. |
5. KUMMENTI MILL-POLONJA
|
(169) |
Din it-taqsima tiddeskrivi l-kummenti tal-Polonja dwar id-Deċiżjoni ta’ ftuħ. Dawk il-kummenti jinkludu r-rimarki tal-Polonja dwar il-kummenti tal-partijiet terzi li ġew ippreżentati lill-Polonja f’format mhux kunfidenzjali. Din it-taqsima tinkludi wkoll informazzjoni ulterjuri ppreżentata mill-Polonja b’rispons għal mistoqsijiet speċifiċi mill-Kummissjoni. |
5.1. Implikazzjonijiet tal-konferma tal-kofinanzjament tal-FEŻR għal proġett kbir
|
(170) |
Qabel ma indirizzat il-kwistjonijiet imqajma fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Polonja stabbiliet il-pożizzjoni tagħha li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni qabel ma ħarġet id-deċiżjoni dwar Proġett Kbir diġà suppost li taffiet il-biċċa l-kbira tat-tħassib tagħha fir-rigward tal-Proġett. Il-Polonja tgħid li l-Kummissjoni ma tistax tinjora l-valutazzjoni tagħha stess skont id-deċiżjoni dwar Proġett Kbir. Bħala parti minn dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat in-natura u l-istruttura tas-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 41(1) tar-Regolament 1083/2006, dik il-valutazzjoni kienet meħtieġa biex tikkonferma l-konsistenza tal-Proġett mal-politika ta’ koeżjoni u ma’ politiki oħra, li jinkludu l-politika tal-kompetizzjoni (82). Filwaqt li l-Polonja tammetti li l-proċedura skont ir-Regolament 1083/2006 ma hijiex l-istess bħall-proċedura skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, hija xorta waħda tqis li huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni milħuqa fid-deċiżjoni dwar Proġett Kbir jenħtieġ li japplikaw għal proċeduri oħra, inklużi l-kontrolli tal-konformità dwar ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
|
(171) |
Il-Polonja tinnota wkoll li l-iskema ta’ għotjiet emendata kienet soġġetta għal awditu, li kien jikkonċerna l-konformità tagħha mal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat. Fl-4 ta’ April 2017, il-Kummissjoni (83) infurmat lill-awtoritajiet Pollakki bir-riżultati tal-awditu, u ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tar-regolarità tal-għajnuna mogħtija skont dik l-iskema (84). |
|
(172) |
F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-Polonja tqis li deċiżjoni negattiva dwar l-għotja tmur kontra l-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, kemm fir-rigward tal-Polonja kif ukoll fir-rigward ta’ PCC. Il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tas-suq rilevanti u tas-sitwazzjoni kompetittiva approvata mill-Kummissjoni skont il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni dwar Proġett Kbir jenħtieġ li tkun vinkolanti għaliha anke meta tivvaluta l-eżenzjoni mit-taxxa. |
5.2. Konformità tal-għajnuna mar-Regolament 800/2008
|
(173) |
L-awtoritajiet Pollakki pprovdew kummenti dwar il-konformità tal-miżuri ta’ għajnuna mar-Regolament 800/2008. |
5.2.1. L-iskema ta’ għotjiet emendata
|
(174) |
Il-Polonja ma taqbilx mal-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li l-iskema ta’ għotjiet emendata ilha tiġi applikata b’mod illegali mit-2 ta’ Marzu 2010, meta ġie ppromulgat ir-Regolament Emendatorju IEOP, peress li hija tikkontesta li hija kellha tipprovdi skeda tas-sommarju aġġornata fir-rigward ta’ dik l-iskema, f’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament 800/2008. Hija tindika li l-unika bidla introdotta mir-Regolament Emendatorju IEOP li kienet ta’ rilevanza għar-Regolament 800/2008 kienet iż-żieda tal-intensità massima permissibbli tal-għajnuna minn 25 % għal 30 %, u li din ma kinitx taqbeż il-massimu stabbilit fil-mappa tal-għajnuna reġjonali Pollakka 2007-2013. |
|
(175) |
Il-Polonja tinnota li, fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-emenda għall-iskema ta’ għotjiet jenħtieġ li titqies b’mod simili għal bidla fl-għajnuna eżistenti skont it-tifsira tar-Regolament 659/1999. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (85) jispeċifika li modifika fl-għajnuna eżistenti hija bidla għajr modifiki ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistgħux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna. |
|
(176) |
Madankollu, il-Polonja tfakkar li l-iskemi ta’ għajnuna koperti minn eżenzjoni ta’ kategorija ma humiex “għajnuna eżistenti” skont it-tifsira tar-Regolament 659/1999, u ma humiex ivvalutati għall-kompatibbiltà fuq bażi ex ante. Bħala tali, il-ħtieġa u l-objettiv li tiġi pprovduta l-iskeda tas-sommarju jenħtieġ li jiġu kkunsidrati biss f’termini ta’ konformità mar-Regolament 800/2008. Dan huwa differenti minn modifika fl-għajnuna eżistenti, meta l-kompatibbiltà tkun ġiet ivvalutata qabel, u għalhekk kwalunkwe emenda tkun meħtieġa li tiġi kkonfermata bħala li tibqa’ fi ħdan il-kriterji għall-kompatibbiltà. |
|
(177) |
Skont l-awtoritajiet Pollakki, il-Qrati tal-Unjoni ma ddeċidewx dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament 800/2008. Madankollu, l-Avukat Ġenerali Wahl indika li l-iskop tiegħu kien li jippermetti lill-Kummissjoni twettaq, fi żmien qasir, monitoraġġ effettiv tal-konformità mill-Istat Membru kkonċernat mal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni (86). Il-Polonja tissottolinja li l-iskema ta’ għotjiet emendata ssodisfat il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni, peress li ż-żieda fl-intensità tal-għajnuna ma kinitx taqbeż il-massimu permess. Barra minn hekk, l-informazzjoni ppubblikata qabel dwar l-iskema ta’ għotjiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kienet għadha valida. Fi kwalunkwe każ, il-Polonja tinnota li l-iskema ta’ għotjiet emendata ġiet immonitorjata mill-Kummissjoni, u ma tqajjem l-ebda tħassib dwar il-konformità tagħha mar-Regolament 800/2008 (il-premessa (33)). |
5.2.2. L-għotja
|
(178) |
Fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha stabbilita fil-premessi (174) sa (177), il-Polonja ma tqisx li l-għotja hija illegali minħabba li ngħatat taħt skema illegali. Il-Polonja ssostni wkoll li l-att tal-għoti tal-għajnuna kien fih ir-referenzi obbligatorji meħtieġa mill-Artikolu 3(2), peress li l-premessa 7 tal-preambolu għall-Ftehim ta’ Għotja tirreferi għar-Regolament 800/2008 u għar-referenza tal-pubblikazzjoni tiegħu. Il-Ftehim ta’ Għotja jirreferi wkoll għar-Regolament IEOP, li fih referenza espliċita għar-Regolament 800/2008, b’mod partikolari l-Kapitolu I u l-Artikolu 13 tiegħu. Barra minn hekk, il-Polonja tiddikjara li l-Ftehim ta’ Għotja fih kopja tal-applikazzjoni għall-għotja, li fiha wkoll referenza għar-Regolament 800/2008 u għall-Artikolu 13 tiegħu. |
|
(179) |
Fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ informazzjoni fil-qosor dwar l-għajnuna individwali għal proġett kbir ta’ investiment, meħtieġa mill-Artikolu 9(4) tar-Regolament 800/2008, il-Polonja tinnota li din intbagħtet lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Ġunju 2012. Il-Polonja tissuġġerixxi li kwalunkwe difett relatat mas-sottomissjoni tard tagħha jenħtieġ li jiġi rettifikat mid-data li fiha l-informazzjoni tkun waslet għand il-Kummissjoni. L-ebda għajnuna ma tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ PCC qabel ma ġiet ippreżentata l-informazzjoni, b’mod partikolari peress li d-dritt finali tagħha li tirċievi l-għajnuna kien kontinġenti fuq l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-kofinanzjament tal-FEŻR. |
5.2.3. L-eżenzjoni mit-taxxa
5.2.3.1. Differenza fil-kostijiet eliġibbli
|
(180) |
Il-Polonja tiċħad li, meta ppreżentat il-kostijiet eliġibbli differenti għall-Proġett fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għal għotja u għal eżenzjoni mit-taxxa, PCC qarrqet bl-awtoritajiet tal-għoti. |
|
(181) |
L-ewwel nett, il-Polonja tindika li r-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa taħt programmi operazzjonali, bħall-IEOP, huma aktar stretti mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat dwar il-kost eliġibbli (li kienu japplikaw għall-eżenzjoni mit-taxxa). Għalhekk, uħud mill-kostijiet eliġibbli għall-appoġġ tal-għajnuna mill-Istat jistgħu ma jiġux ikklassifikati bħala kostijiet eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni. |
|
(182) |
It-tieni, il-Polonja tenniet is-sottomissjoni ta’ PCC (il-premessi (86) u (87)) li l-applikazzjoni għall-għotja saret abbażi tal-projezzjonijiet disponibbli f’dik id-data. L-istima inizjali ta’ madwar PLN 223 miljun (EUR 54 miljun) (valur skontat) ġiet riveduta fis-snin sussegwenti wara l-verifika tal-aspetti teknoloġiċi u finanzjarji tal-Proġett mill-Grupp Siemens. L-analiżi tiegħu (87), li kopja tagħha ġiet ipprovduta mill-Polonja, irriżultat fiż-żieda tal-kostijiet tal-Proġett għal madwar PLN 300 miljun (EUR 72 miljun) (valur nominali), li kienet tirriżulta f’redditu fuq l-investiment aktar baxx milli kien meħtieġ. Peress li l-proċeduri għall-iżborż tal-fondi tal-IEOP kienu jagħmluha impossibbli li jiżdied l-ammont ta’ finanzjament b’għotjiet għall-Proġett (88), ma kien hemm l-ebda ħtieġa li jiġu aġġornati l-kostijiet eliġibbli nnotati fil-kuntest tal-għotja. Minflok, l-ammont aġġornat tal-kostijiet eliġibbli kien iddikjarat fl-applikazzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxa. |
|
(183) |
Barra minn hekk, il-Polonja tiddikjara li hija prattika kummerċjali fl-industrija li l-istimi tal-kostijiet tal-investiment jevolvu maż-żmien. Skont ir-rakkomandazzjoni (89) tal-Association for the Advancement of Cost Engineering (“AACE International”), il-proċess tal-istima tal-kostijiet tal-investiment jiddistingwi mill-inqas ħames livelli ta’ akkuratezza tal-istima, mill-ħames klassi (l-aktar livell baxx ta’ akkuratezza, fil-bidu tal-ippjanar tal-investiment), sal-ewwel klassi (l-ogħla livell ta’ akkuratezza, fi tmiem l-ippjanar tal-investiment). Il-Polonja tinnota li l-verifika teknoloġika u finanzjarja tal-Proġett imwettqa minn Siemens kienet tinvolvi t-tranżizzjoni mir-raba’ klassi (studji jew studji ta’ fattibbiltà), għat-tielet klassi (ibbaġitjar, awtorizzazzjoni jew kontroll). Iż-żieda bejn ir-raba’ u t-tielet klassijiet kienet kompletament konformi mal-istandards tas-suq. |
|
(184) |
Il-Polonja tissottolinja li l-fatt li PCC akkwistat id-dritt għall-għotja ma jfissirx li kienet assumiet obbligu definit biex timplimenta l-Proġett, li kien jagħmlu irriversibbli; li kieku naqset milli tipproċedi, l-unika konsegwenza kienet tkun ir-rifjut tal-assistenza. Għalhekk, kienet intitolata li tfittex għajnuna ulterjuri, fid-dawl tal-istimi tal-kostijiet miżjuda. Il-fatt li l-għotja, waħedha, ma kinitx tkun biżżejjed biex PCC tipproċedi bil-Proġett huwa evidenti mid-dokumenti li hija ppreżentat mal-applikazzjoni tagħha għall-eżenzjoni mit-taxxa. |
5.2.3.2. Effett ta’ inċentiv
|
(185) |
Il-Polonja tinnota li s-sentenza tal-Qorti Amministrattiva Suprema (il-premessa (49)) hija finali, u ssolvi t-tilwima favur PCC. Għalhekk, il-permess għall-SEZ huwa validu u fis-seħħ. |
|
(186) |
Il-Polonja tinnota wkoll li, fl-applikazzjoni għall-permess għall-SEZ, PCC kienet meħtieġa turi li l-eżenzjoni mit-taxxa kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament 800/2008. |
5.2.3.3. Ammont massimu tal-għajnuna u akkumulazzjoni
|
(187) |
Il-Polonja tiċħad li l-fatt li l-permess għall-SEZ ma jsemmix l-ammont massimu ta’ għajnuna mogħtija u ma jirreferix għall-għotja jfisser li l-għajnuna tingħata b’mod li taqbeż il-limitazzjonijiet permissibbli. |
|
(188) |
Il-Polonja tispjega li l-permess għall-SEZ ma huwiex att awtonomu, u li l-ambitu tal-għajnuna u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tiegħu huma stabbiliti fl-Att dwar l-SEZ u fir-Regolament SEZ. Ir-Regolament SEZ stabbilixxa intensitajiet massimi tal-għajnuna (90), l-ammont massimu permissibbli ta’ għajnuna għal proġetti kbar ta’ investiment (91), u rekwiżiti li l-eżenzjoni mit-taxxa, flimkien ma’ kwalunkwe għajnuna oħra, ma tistax taqbeż il-livelli massimi ta’ appoġġ permessi taħt l-għajnuna reġjonali (92). Dan ippreveda wkoll restrizzjonijiet fuq l-akkumulazzjoni tal-għajnuna. |
|
(189) |
Il-Polonja tispjega wkoll li r-Rapport dwar in-Negozjati jifforma wkoll parti integrali mill-att tal-għoti tal-għajnuna. Dak ir-rapport jidentifika l-għajnuna massima permessa għall-Proġett, billi jindika l-ammont massimu tal-kostijiet tal-proġett u jirreferi għar-Regolament dwar il-Mapep tal-għajnuna reġjonali. L-ammont ta’ għajnuna disponibbli jiġi ddeterminat billi jiġu mmoltiplikati l-livell massimu ta’ intensità tal-għajnuna u l-ammont ta’ kostijiet eliġibbli, li jitqabblu mal-għajnuna mill-Istat diġà miksuba (l-għotja), bl-użu ta’ ċifri skontati. L-ammont disponibbli huwa l-limitu massimu tas-somma tal-benefiċċji kollha miksuba fil-forma ta’ għajnuna reġjonali għall-Proġett; jekk jinkisbu forom oħra ta’ assistenza għal investiment implimentat fl-SEZ, jenħtieġ li jiġu osservati r-regoli tal-akkumulazzjoni għall-għajnuna minn sorsi differenti. |
|
(190) |
Barra minn hekk, il-Polonja tinnota li, meta applikat għall-eżenzjoni mit-taxxa, PCC aċċettat it-termini tan-negozjati u l-ispeċifikazzjonijiet tat-termini essenzjali tan-negozjati. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet jinnotaw il-bażijiet legali li japplikaw għan-negozjati, inkluż l-Att dwar l-SEZ, l-Att dwar l-għajnuna mill-Istat, ir-Regolament SEZ, il-Linji Gwida tal-2007 u r-Regolament 800/2008. L-Istedina għall-Preżentazzjoni tal-Offerti, ippubblikata qabel l-applikazzjoni, innotat li kwalunkwe permess mogħti jkun soġġett għall-Att dwar l-SEZ u għar-Regolament SEZ. |
|
(191) |
Il-permess għall-SEZ jinnota l-ammont minimu u massimu ta’ kostijiet eliġibbli, iddikjarati f’valuri nominali, bħala PLN 200 miljun (madwar EUR 48 miljun) u PLN 300 miljun (madwar EUR 72 miljun), rispettivament. Skont l-Att dwar l-SEZ (93), permess irid jiddefinixxi l-firxa ta’ kostijiet eliġibbli, filwaqt li l-għajnuna tkun limitata billi jiġi speċifikat l-ammont massimu ta’ kostijiet eliġibbli (bħala salvagwardja kontra l-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet, ir-rati tal-kambju jew fatturi oħra li jistgħu jikkontribwixxu għaż-żieda jew għat-tnaqqis fl-ammont totali). L-ammont massimu ta’ kostijiet eliġibbli, f’valur skontat, kien ta’ PLN 271 513 408 (EUR 65 143 935) (94). Filwaqt li jitqies dan, flimkien mal-għotja, jista’ jiġi stabbilit il-limitu massimu tal-għajnuna mill-Istat li tista’ tinkiseb taħt il-permess għall-SEZ. Dak l-ammont qatt ma jaqbeż l-intensitajiet tal-għajnuna permissibbli. |
|
(192) |
Barra minn hekk, il-Polonja tinnota li, abbażi tal-introjtu riċevut minn PCC 2018-2022, hija kisbet għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa li tammonta għal PLN 18 386 294 (EUR 4 411 405) (95), li hija ferm inqas mill-ammont massimu li jkun permissibbli. |
|
(193) |
Għalhekk, il-Polonja tqis li l-eżenzjoni mit-taxxa tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikoli 6(2) u 7(1) tar-Regolament 800/2008. |
5.2.3.4. Informazzjoni u referenza espliċita
|
(194) |
Filwaqt li l-Polonja tirrikonoxxi li ppreżentat informazzjoni fil-qosor dwar l-eżenzjoni mit-taxxa tard ħafna (is-16 ta’ Lulju 2015), hija tqis li s-sottomissjoni xorta waħda rrimedjat kwalunkwe irregolarità b’tali mod li l-eżenzjoni mit-taxxa tikkonforma mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament 800/2008. Il-Polonja tinnota, bħala kunsiderazzjoni addizzjonali, li d-deċiżjoni li tingħata l-eżenzjoni mit-taxxa lil PCC ġiet ippubblikata fuq is-sit web tal-Maniġer tal-SEZ immedjatament wara li nħareġ il-permess għall-SEZ. |
|
(195) |
Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-permess għall-SEZ kienx fih ir-referenzi espliċiti meħtieġa mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament 800/2008, il-Polonja fakkret li l-permess għall-SEZ ma huwiex att awtonomu. Il-Polonja indikat li r-Rapport dwar in-Negozjati kien jinkludi referenzi għall-Att dwar l-SEZ, għar-Regolament SEZ u għar-Regolament 800/2008, inklużi d-dettalji rilevanti tal-pubblikazzjoni u referenza għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
5.3. Kompatibbiltà tal-għajnuna
|
(196) |
L-awtoritajiet Pollakki pprovdew kummenti dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna skont il-Linji Gwida tal-2007. |
5.3.1. L-iskema ta’ għotjiet emendata
|
(197) |
Il-Polonja ma taqbilx mal-opinjoni tal-Kummissjoni, innotata fil-premessa (103) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, li l-iskema ta’ għotjiet emendata ma kinitx tagħmel referenza espliċita għat-tieni kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007. |
|
(198) |
Il-Polonja tinnota li l-għajnuna ngħatat lil proġetti li rċevew l-ogħla punteġġ skont kriterji definiti minn qabel, bir-regoli tal-kompetizzjoni ppubblikati flimkien mal-avviżi għal sejħiet għal proposti. L-applikazzjonijiet ġew ivverifikati għall-ewwel darba għall-konformità ma’ kriterji formali, imbagħad saritilhom valutazzjoni sostantiva. L-applikanti ġew infurmati jekk il-proġetti tagħhom kinux jissodisfaw il-kriterji formali, u dawk li ssodisfawhom saritilhom valutazzjoni sostantiva. Dawk li rċevew riżultat pożittiv, u punteġġ għoli biżżejjed, intgħażlu għall-finanzjament. L-applikanti ngħataw struzzjonijiet bil-miktub. Il-Polonja pprovdiet kopja tar-regoli tal-kompetizzjoni, fejn indikat il-partijiet minnhom fejn hija deskritta din il-proċedura. Il-Polonja tasserixxi li, għall-kuntrarju ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Linji Gwida tal-2007 (96), il-verżjoni Pollakka ma tirrikjedix li qabel il-bidu tax-xogħlijiet trid tiġi pprovduta konferma bil-miktub li proġett, fil-prinċipju, jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà. |
|
(199) |
Il-Polonja lanqas ma taqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni, innotata fil-premessa (104) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, li l-iskema ta’ għotjiet emendata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kontroll tal-akkumulazzjoni, stabbiliti fil-paragrafu 74 tal-Linji Gwida tal-2007. |
|
(200) |
Il-Polonja tasserixxi li huwa adottat approċċ orizzontali skont id-dritt Pollakk, u li l-iskemi ta’ għajnuna kollha huma rregolati b’sett uniformi ta’ regoli, stabbiliti fl-Att dwar l-għajnuna mill-Istat, u bir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu. L-Att dwar l-għajnuna mill-Istat jirrikjedi li l-applikanti għall-għajnuna jipprovdu informazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat riċevuta fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna tagħhom. Il-Polonja tasserixxi li t-Taqsima 6 tal-Att dwar l-għajnuna mill-Istat tindika li l-informazzjoni ppreżentata mill-applikanti sussegwentement tiġi vverifikata mill-awtoritajiet tal-għoti skont id-data fis-Sistema ta’ Skedar, ta’ Reġistrazzjoni u ta’ Monitoraġġ għall-Għajnuna Pubblika. Il-punt sa fejn tista’ tiġi akkumulata l-għajnuna huwa definit individwalment f’kull skema ta’ għajnuna. Il-Polonja tinnota li l-Ftehim ta’ Għotja jirreferi għar-Regolament IEOP, inkluża t-Taqsima 12 tiegħu dwar l-akkumulazzjoni ta’ għajnuna minn sorsi differenti. |
5.3.2. Il-miżuri ta’ għajnuna
|
(201) |
Il-Polonja pprovdiet il-pożizzjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mal-Linji Gwida tal-2007. |
5.3.2.1. Effett ta’ inċentiv
|
(202) |
Fil-premessa (112) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-għotja, meqjusa bħala għajnuna ad hoc barra minn skema, kinitx konformi mar-rekwiżit tal-effett ta’ inċentiv stabbilit fil-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007. F’dak ir-rigward, il-Polonja nnotat li, fit-2 ta’ Marzu 2011, hija kienet ipprovdiet lil PCC b’ittra ta’ intenzjoni li taġġudikalha l-għotja, u pprovdiet kopja tagħha. |
|
(203) |
Fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa, wara s-sentenza tal-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja ma baqgħetx targumenta li PCC ma applikatx għall-eżenzjoni mit-taxxa qabel ma bdiet ix-xogħol fuq il-Proġett. Il-permess għall-SEZ inħareġ fid-19 ta’ Frar 2013. PCC tasserixxi li bdiet ix-xogħol fuq il-Proġett fil-5 ta’ April 2013. |
5.3.2.2. Intensità tal-għajnuna
|
(204) |
Fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni li l-miżuri ta’ għajnuna kombinati baqgħu fi ħdan il-limiti tal-intensità tal-għajnuna permissibbli, f’konformità mal-paragrafu 67 tal-Linji Gwida tal-2007 (ara l-premessi (113) sa (123) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ), il-Polonja rreferiet għall-argumenti tagħha nnotati fil-premessi (180) sa (184), u (187) sa (191). |
|
(205) |
Fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa, il-Polonja nnotat li r-Regolament SEZ jipprevedi li l-għajnuna hija limitata għall-ammont massimu permissibbli fil-mappa tal-għajnuna reġjonali (97), li l-intitolament għall-għajnuna għandu japplika biss sakemm jintlaħqu l-limiti massimi (98), u li l-għajnuna lil hinn mil-limitu ta’ 75 % trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni (99). Jeżistu restrizzjonijiet simili fl-Att dwar is-CIT (100). Il-Polonja tinnota wkoll li PCC iddikjarat li kienet irċeviet l-għotja meta applikat għall-eżenzjoni mit-taxxa, li jfisser li dan jitqies meta jiġi kkalkolat l-ammont massimu permissibbli ta’ għajnuna. |
|
(206) |
Għalhekk, il-Polonja tqis li l-ammont massimu ta’ għajnuna li ngħatat lil PCC permezz tal-miżuri ta’ għajnuna kien ta’ EUR 23 086 560 (PLN 95 797 682 (101)) f’valur skontat, li huwa fi ħdan il-limiti tal-intensità tal-għajnuna permissibbli. |
5.3.2.3. Kontroll tal-akkumulazzjoni
|
(207) |
Il-Polonja spjegat li l-akkumulazzjoni ta’ għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa ma’ forom oħra ta’ għajnuna hija mmonitorjata u kkontrollata mill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti. Mill-2015, id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa annwali jiġu ppreżentati f’format elettroniku (102). Il-benefiċjarji ta’ eżenzjoni mit-taxxa maħruġa għal attivitajiet ekonomiċi mwettqa fl-SEZ jeħtiġilhom jinkludu Anness CIT/8S mad-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom. Dak l-Anness CIT/8S jinkludi informazzjoni speċifika dwar l-eżenzjoni mit-taxxa tal-SEZ, bħall-kostijiet eliġibbli mġarrba għall-investiment rilevanti, l-ammont ta’ għajnuna diġà użata fl-eżenzjoni mit-taxxa, u l-ammont ta’ kwalunkwe għajnuna oħra riċevuta għall-investiment. L-aċċess għal dik l-informazzjoni f’format elettroniku jfisser li l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu faċilment jiddeterminaw l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat li għaliha huwa intitolat kontribwent, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet eliġibbli effettivament imġarrba u l-ammont ta’ għajnuna diġà riċevuta. Il-kontribwenti huma meħtieġa jżommu rekords għad-durata tal-perjodu ta’ limitazzjoni tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat. L-awtoritajiet tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tad-Dħul jivverifikaw perjodikament li l-informazzjoni ppreżentata f’għażla tal-Annessi CIT/8S hija korretta, biex jiżguraw il-konformità mal-Att dwar is-CIT. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jistgħu japplikaw xi sanzjonijiet. Għalhekk, il-Polonja ssostni li l-awtoritajiet tat-taxxa u tal-kontroll fiskali għandhom il-mezzi biex jivverifikaw b’mod effettiv li ma tintalabx għajnuna li taqbeż dik tal-intitolament, u perjodikament iwettqu kontrolli għal dak l-għan. |
5.3.2.4. Valutazzjoni fil-fond
|
(208) |
Fir-rigward tal-applikazzjoni potenzjali tal-paragrafu 68 tal-Linji Gwida tal-2007, il-Polonja, l-ewwel nett, innotat li, peress li qieset li l-miżuri ta’ għajnuna ma kinux jaqbżu l-limitu ta’ 75 % (il-premessi (204) sa (206)), dak il-paragrafu ma setax japplika. |
|
(209) |
It-tieni, fi kwalunkwe każ, meta wieħed iqis jekk il-paragrafi 68(a) jew (b) kinux japplikaw għall-miżuri ta’ għajnuna, il-Polonja kkondividiet il-fehmiet ta’ PCC (il-premessi (105) sa (112)), u kkonkludiet li s-suq tal-prodott huwa s-suq ġenerali għall-MCAA, irrispettivament mill-grad ta’ purità, u s-suq ġeografiku huwa mill-inqas iż-ŻEE, u l-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika t’Isfel (103). Il-Polonja kkondividiet ukoll il-konklużjoni ta’ PCC (il-premessi (113) sa (118)) li l-paragrafi 68(a) u 68(b) ma humiex applikabbli għall-miżuri ta’ għajnuna. |
5.3.2.5. Test ta’ bbilanċjar
|
(210) |
Il-Polonja targumenta li l-effetti pożittivi tal-miżuri ta’ għajnuna jisbqu l-effetti negattivi tagħhom. Bħal PCC (il-premessa (124)), il-Polonja tenfasizza li l-effetti pożittivi tal-għajnuna ġew ivverifikati u kkonfermati mill-Kummissjoni permezz tal-approvazzjoni tagħha tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-Proġett mill-FEŻR. |
|
(211) |
Il-Polonja tenfasizza li l-Proġett ġab 160 impjieg dirett, inklużi impjiegi għal professjonisti bi kwalifiki għoljin, kif ukoll impjiegi indiretti, f’żona żvantaġġata ħafna. Mhux biss iż-żona hija eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat, iżda anke (id-Distrett ta’) Wołowski Poviat, fejn huwa bbażat il-Proġett, huwa ferm aktar żvantaġġat miż-żona kollha kemm hi. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’PCC huma ferm aħjar minn dawk standard għar-reġjun. |
|
(212) |
L-investiment irriżulta fl-implimentazzjoni ta’ proċessi u ta’ soluzzjonijiet organizzazzjonali ġodda, kif ukoll f’aktar riċerka dwar it-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tal-produzzjoni tal-MCAA. Ir-riżultati tal-attivitajiet tar-R&Ż ta’ PCC, li kienu jitwettqu mingħajr l-għajnuna, saru disponibbli wkoll bħala parti mill-kooperazzjoni intensiva tagħha mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni lokali, mal-gradwati u mal-istudenti. |
|
(213) |
Il-Polonja tinnota wkoll li l-Proġett ħoloq sinerġiji ma’ impjanti u attivitajiet reġjonali oħra ta’ PCC Rokita, u, b’mod partikolari, ippermetta trasport tal-kloru aktar sikur u aktar ekoloġiku (104), minħabba l-prossimità tal-impjant tal-provvista. Il-proċess innovattiv użat minn PCC itejjeb l-effiċjenza enerġetika, u ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna. |
|
(214) |
Il-Polonja nnotat li s-sottomissjonijiet magħmula lill-Kummissjoni minn partijiet terzi (il-premessi (142) sa (167)) kellhom it-tendenza li jikkonfermaw il-fehmiet tal-awtoritajiet Pollakki dwar l-effetti tal-Proġett. |
|
(215) |
Il-Polonja tikkondividi wkoll il-fehmiet ta’ PCC (il-premessi (125) u (126)) li l-proġett irriżulta f’kompetizzjoni u f’sigurtà tal-provvista mtejba, minħabba d-dħul ta’ kompetitur ġdid f’suq duopolistiku. |
|
(216) |
Il-Polonja tindika li s-suq tal-MCAA kien u għadu jikber. Fid-deċiżjoni dwar il-Kartell, il-Kummissjoni nnotat tkabbir kemm f’termini ta’ volum kif ukoll ta’ valur mill-1996 sal-1998, u ppreżentatu bħala li kien qiegħed jikber b’rata medja stabbli. Bħal PCC (il-premessa (129)), il-Polonja tasserixxi li xejra ta’ żieda kostanti hija osservata fl-industrija kimika kollha kemm hi, ħlief għal tnaqqis qawwi fl-2009, b’mod partikolari fid-dawl tas-suq tal-Istati Uniti li qiegħed jikber li għandu provvista lokali limitata. Il-Polonja ttenni wkoll il-kummenti ta’ PCC (il-premessa (131)) billi tinnota li l-azzjonijiet tal-Ilmentatur ma jidhrux li jirriflettu l-asserzjonijiet tagħha ta’ kapaċità żejda fis-suq. |
|
(217) |
Il-Polonja pprovdiet numru ta’ rapporti li kienu disponibbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna, biex turi l-kundizzjonijiet tas-suq f’dak iż-żmien. Dawk ir-rapporti pprovdew kombinament ta’ data u ta’ projezzjonijiet stabbiliti. |
|
(218) |
L-ewwel nett, ir-Rapport ta’ SRI tal-2011, li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fiż-żmien tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, ipprovda ċifri dwar il-konsum għall-2007 u għall-2010, kif ukoll projezzjonijiet għall-2015. Tabella 1 Ir-Rapport ta’ SRI tal-2011, ċifri għall-konsum tal-MCAA f’kt/sena (2007 – 2015) (105)
|
|
(219) |
Wara d-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Polonja pprovdiet ir-Rapport ta’ Tecnon Orbichem lill-Kummissjoni, li kien fih data għall-2007, kif ukoll projezzjonijiet għall-2010, għall-2014 u għall-2015. Tabella 2 Ir-Rapport ta’ Tecnon Orbichem, ċifri għall-konsum tal-MCAA fi kt/sena (2007 – 2015)
|
|
(220) |
Il-Polonja pprovdiet ukoll rapport ta’ Mejju 2011 imħejji għal PCC minn Roland Berger Strategy Consultants, li ppreveda li r-rata ta’ tkabbir kombinata għad-domanda tal-MCAA għall-2010-2015 fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq tista’ tkun ta’ [1,9-2,3]-[3-3,6] % (106). Barra minn hekk, il-Polonja pprovdiet rapport imħejji għal PCC f’Ġunju 2010 minn KlineGroup, li ppreveda li jkun hemm tkabbir annwali qawwi fil-volum tal-konsum, b’medja ta’ [1,9-2,3] % u sa [3-3,6] %, fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq, għall-prodotti ewlenin li għalihom jintuża l-MCAA. |
|
(221) |
Il-Polonja tinnota li d-data pprovduta tindika li s-suq tal-MCAA kien qiegħed jikber fil-perjodu rilevanti, u li t-tkabbir tiegħu qabeż ir-rata medja annwali ta’ tkabbir fiż-ŻEE. Is-suq tal-MCAA ma kienx sejjer lura b’mod assolut (jiġifieri ma kellux rata ta’ tkabbir negattiva), u l-Polonja ssostni li ma kienx sejjer lura b’mod relattiv, peress li s-suq kiber b’mod sinifikanti aktar mill-PDG taż-ŻEE għall-perjodu 2010-2015. |
|
(222) |
Barra minn hekk, il-Polonja tissuġġerixxi li, peress li l-ewwel sena tal-operat tal-Proġett tkun l-2016, ikun xieraq li l-2010-2016 tittieħed bħala bażi għall-valutazzjoni tal-kapaċità tas-suq tal-MCAA (jew saħansitra itwal). Il-Polonja tissuġġerixxi li, jekk wieħed jassumi rata ta’ tkabbir annwali ta’ [2-2,4] % għas-suq tal-Ewropa u tal-Kontinent Amerikan għal dak il-perjodu, it-tkabbir ikun kważi ekwivalenti għall-kapaċità miżjuda mill-Proġett. |
|
(223) |
Il-Polonja tinnota wkoll li l-Ilmentatur u Akzo Nobel (issa Nouryon) ħadu deċiżjonijiet biex jinvestu fis-suq tal-MCAA (107), u b’hekk ikkonfermaw il-previżjonijiet ta’ PCC dwar iż-żieda fil-konsum tal-MCAA wara l-2016. Għalhekk, ma huwiex korrett li wieħed jgħid li l-investiment privat kien ġie ddevjat mis-suq bħala riżultat tal-għajnuna lil PCC, jew li l-kapaċità maħluqa mill-Proġett wasslet għal effett ta’ evizzjoni fis-suq. |
|
(224) |
Barra minn hekk, il-Polonja, taqbel mal-asserzjoni ta’ PCC (il-premessa (130)) li l-approċċ tal-Ilmentatur li sempliċement jiżdiedu l-kapaċitajiet nominali biex jiġi asserit li s-suq tal-MCAA huwa fornit iżżejjed huwa żbaljat, u li s-suq tal-Ewropa u tal-Istati Uniti fil-fatt għandu nuqqas fil-provvista ta’ bejn wieħed u ieħor l-ammont ta’ kapaċità maħluqa mill-Proġett. Il-Polonja ċċarat li, filwaqt li l-kapaċità nominali tal-Proġett kienet ta’ 42 kt/sena, il-kapaċità reali tagħha ma tkunx aktar minn [34 – 40] kt/sena (108), li minnha bejn wieħed u ieħor […]. |
6. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI TA’ GĦAJNUNA
6.1. Valutazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat
|
(225) |
Fil-premessa (62) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ta’ għajnuna jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (il-premessa (53)). Dan ma kienx ikkontestat mill-awtoritajiet Pollakki. |
|
(226) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma li l-miżuri ta’ għajnuna jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
6.2. Kompatibbiltà tal-għajnuna
|
(227) |
Il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tibda l-valutazzjoni finali tagħha b’eżami tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna abbażi tal-Linji Gwida tal-2007. |
|
(228) |
Fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna, meqjusa bħala għajnuniet ad hoc, mal-paragrafi 38, 67 u 71 tal-Linji Gwida tal-2007 (il-premessi (74) sa (78)). Il-Kummissjoni qajmet ukoll dubji dwar jekk kienx meħtieġ li jiġu applikati t-testijiet stabbiliti fil-paragrafu 68 tal-Linji Gwida għall-miżuri ta’ għajnuna, jew jekk ir-riżultati ta’ dawk it-testijiet jwasslux għall-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni fil-fond (il-premessa (79)). Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li, anke jekk ma kellhiex għalfejn twettaq dawk it-testijiet, jew jekk l-eżitu ta’ dawk it-testijiet ma kienx jirrikjedi valutazzjoni fil-fond, ma setgħetx tistabbilixxi li l-bilanċ tal-effetti tal-miżuri ta’ għajnuna kien pożittiv b’mod ċar (il-premessa (80)). |
|
(229) |
Il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tibda l-valutazzjoni finali tagħha b’eżami tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna abbażi ta’ dawk il-paragrafi. |
6.2.1. Kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mal-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007
|
(230) |
Il-paragrafu 38 (109) tal-Linji Gwida tal-2007 jipprevedi li, fil-każ ta’ għajnuna ad hoc, l-awtorità kompetenti jeħtiġilha tkun ħarġet ittra ta’ intenzjoni, soġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżura, li tagħti l-għajnuna qabel ma jibda x-xogħol fuq il-proġett. Jekk ix-xogħol jibda qabel ma jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu, il-proġett kollu ma jkunx eliġibbli għall-għajnuna. |
6.2.1.1. Bidu tax-xogħlijiet
|
(231) |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri ta’ għajnuna kinux konformi mal-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007, l-ewwel irid jiġi ddeterminat meta PCC bdiet taħdem fuq il-Proġett. |
|
(232) |
Il-Kummissjoni tinnota t-tilwima bejn PCC u l-Polonja fir-rigward tal-bidu tax-xogħlijiet (il-premessi (46) sa (48)). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota l-pożizzjoni espressa fis-sentenza tal-Qorti Amministrattiva Suprema (il-premessa (49)), meħuda wara l-avvenimenti deskritti fil-premessi (46) sa (48). F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar li għandha kompetenza esklużiva biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern (110), u jeħtiġilha tagħmel il-valutazzjoni tagħha stess. Il-Kummissjoni tista’ tqis il-pożizzjoni meħuda fis-sentenza tal-Qorti Amministrattiva Suprema. |
|
(233) |
Għall-finijiet tal-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007, “bidu tax-xogħol” tfisser jew il-bidu tax-xogħol ta’ kostruzzjoni jew l-ewwel impenn sod sabiex jiġi ordnat it-tagħmir, esklużi studji preliminari tal-fattibbiltà (111). |
|
(234) |
PCC tasserixxi li, qabel ma applikat għall-eżenzjoni mit-taxxa, hija kienet wettqet biss studji preliminari tal-fattibbiltà. Il-Kummissjoni tinnota li PCC spjegat li, minħabba n-natura innovattiva u kumplessa tal-Proġett, hija ddeċidiet li tibni installazzjoni pilota biex tittestja l-fattibbiltà tal-Proġett, qabel ma tintrabat li twettqu (il-premessa (90)). Dik l-installazzjoni pilota okkupat żona żgħira, ma kinitx imwaħħla b’mod permanenti, setgħet tiġi żarmata faċilment, ma kinitx tirrikjedi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, u fil-fatt ġiet ittrasferita lil Siemens immedjatament malli ġiet riċevuta (il-premessa (91)). Il-kost kollu tal-proġett pilota kien ta’ EUR 150 000, li minnhom EUR 5 814 (PLN 23 854,19) iġġarrbu f’Ottubru 2012 (il-premessa (92)). Li kieku r-riżultati tal-proġett pilota ma kinux sodisfaċenti, PCC kienet tkun tista’ tirtira mill-Proġett u tirkupra l-kostijiet tiegħu (il-premessa (93)). Matul l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni li tqajjem dubji dwar il-veraċità tas-sottomissjonijiet ta’ PCC. |
|
(235) |
F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tqis li x-xogħol fuq l-installazzjoni pilota jenħtieġ li ma jitqiesx bħala li jikkostitwixxi l-bidu tax-xogħlijiet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota l-fatt li, filwaqt li l-installazzjoni pilota kienet meħtieġa biex tiġi ttestjata l-fattibbiltà tal-Proġett u biex jiġi identifikat katalizzatur xieraq, din ma kinitx parti integrali mill-Proġett. L-installazzjoni pilota kienet tokkupa żona żgħira, ma kinitx imwaħħla b’mod permanenti, u ġiet ittrasferita għall-bini ta’ Siemens fil-Ġermanja, mal-wasla tagħha. Il-Kummissjoni tinnota li PCC kellha pjan biex tiddisponi mill-proprjetà intellettwali relatata mal-installazzjoni pilota, li kieku kellha tiddeċiedi li ma tipproċedix bil-Proġett (il-premessa (93)). Barra minn hekk, il-kost tal-installazzjoni pilota kien biss marġinali meta mqabbel mal-kostijiet tal-Proġett kumplessiv. Il-Kummissjoni ma tqisx li t-twettiq tal-installazzjoni pilota impenjat lil PCC biex tipproċedi bl-investiment kollu. Għalhekk, l-installazzjoni pilota jenħtieġ li titqies li tikkostitwixxi studju preliminari tal-fattibbiltà għall-Proġett, li ma jwassalx għall-“bidu tax-xogħol” għall-finijiet tal-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007. |
|
(236) |
Il-Kummissjoni tinnota li PCC ipprovdiet evidenza li bdiet ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fil-5 ta’ April 2013, u għamlet l-ewwel impenn sod tagħha sabiex tordna tagħmir relatat mal-Proġett fis-16 ta’ Awwissu 2013 (il-premessa (89)). L-ebda informazzjoni miġbura bħala parti mill-investigazzjonijiet fil-fond ma tindika li PCC kienet ħadet, minbarra l-installazzjoni pilota, xi impenn ieħor relatat mal-Proġett li ppreċeda s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-“bidu tax-xogħol” għall-Proġett seħħ fil-5 ta’ April 2013. |
6.2.1.2. Paragrafu 38: l-għotja
|
(237) |
Fil-premessa (112) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007 ma kinitx tidher li ġiet issodisfata mill-għotja, meqjusa bħala għajnuna ad hoc. |
|
(238) |
Il-Kummissjoni tinnota li PCC ippreżentat l-applikazzjoni tagħha għall-għotja fil-15 ta’ Diċembru 2010. Kif stabbilit matul l-investigazzjoni formali, fit-2 ta’ Marzu 2011, l-awtoritajiet Pollakki kitbu lil PCC, u infurmawha li kellhom l-intenzjoni li jaġġudikawlha l-għotja (il-premessa (202)). F’dik l-ittra, l-awtoritajiet Pollakki talbu lil PCC biex tipprovdi dokumentazzjoni għall-“konferma tal-għajnuna mill-Kummissjoni Ewropea” (il-premessa (30)). Fit-12 ta’ April 2012, l-awtoritajiet Pollakki kkonkludew il-Ftehim ta’ Għotja ma’ PCC, li indika li għal “proġetti kbar”, il-ħlas tal-għotja jkun soġġett għall-approvazzjoni jew għall-approvazzjoni meqjusa tal-Kummissjoni skont ir-Regolament 659/1999 (il-premessa (31)). Il-Ftehim ta’ Għotja għamel referenza wkoll, fost l-oħrajn, għar-Regolament IEOP (kif emendat) u għar-Regolament 800/2008 (il-premessa (31)). |
|
(239) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, qabel il-bidu tax-xogħlijiet fuq il-Proġett, l-awtoritajiet Pollakki mhux biss ħarġu ittra ta’ intenzjoni biex jaġġudikaw l-għotja lil PCC, iżda kienu ħarġu l-att ta’ għoti nnifsu. |
|
(240) |
Fl-ittra tat-2 ta’ Marzu 2011, l-awtoritajiet Pollakki kienu indikaw li l-għajnuna kellha tiġi kkonfermata mill-Kummissjoni. Il-Ftehim ta’ Għotja fakkar fir-Regolament IEOP (kif emendat), li indika li, jekk il-Proġett jirċievi aktar minn EUR 30 miljun ta’ għajnuna, jenħtieġ li l-għajnuna tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni (il-premessa (31)). Dan implika li, jekk il-Proġett jirċievi inqas minn dak l-ammont ta’ għajnuna, ma kienx meħtieġ li l-għajnuna tiġi nnotifikata. Dan jikkorrispondi għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament 800/2008, li għalihom għamel referenza wkoll il-Ftehim ta’ Għotja (il-premessa (31)). F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Pollakki kienu indikaw lil PCC li l-għotja ngħatat soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, sa fejn din kienet meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-awtoritajiet Pollakki kkonformaw mal-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007 f’dak ir-rigward. |
|
(241) |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinnota li, skont il-ġurisprudenza tal-Unjoni, sabiex tivvaluta l-eżistenza ta’ ittra ta’ intenzjoni skont it-tifsira tal-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007, hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tivvaluta ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali sabiex tiddetermina jekk il-prospett tal-għoti tal-għajnuna kienx probabbli biżżejjed biex jiġi ssodisfat il-kriterju relatat mal-inċentiv. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jeħtiġilha tqis il-forma u n-natura preċiżi tal-atti li jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ċirkostanzi rilevanti oħra sabiex tivvaluta l-eżistenza tal-element ta’ inċentiv (112). |
|
(242) |
Bl-applikazzjoni ta’ dak ir-raġunament, il-Kummissjoni tqis li l-kwistjoni ewlenija għad-determinazzjoni ta’ jekk ir-rekwiżiti tal-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007 humiex issodisfati f’dan il-każ hija jekk jistax jiġi konkluż li PCC ma bdietx xogħlijiet fuq il-Proġett qabel ma emmnet li kien raġonevolment probabbli li se tirċievi l-għotja. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li PCC bdiet ix-xogħlijiet fuq il-Proġett fil-5 ta’ April 2013 (il-premessa (236)), kważi sena sħiħa wara li kienet irċeviet, mhux biss ittra ta’ intenzjoni, iżda l-istrument propju għall-għoti tal-għajnuna, mill-awtoritajiet Pollakki (il-premessa (239)). |
|
(243) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Pollakki kienu ħarġu ittra ta’ intenzjoni biex jaġġudikaw l-għotja lil PCC, kif meħtieġ mill-paragrafu 38, qabel il-bidu tax-xogħlijiet fil-5 ta’ April 2013. |
|
(244) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għotja tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007. |
6.2.1.3. Paragrafu 38: l-eżenzjoni mit-taxxa
|
(245) |
Fil-premessi (109) sa (111) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007 ma tidhirx li hija ssodisfata mill-eżenzjoni mit-taxxa, meqjusa bħala għajnuna ad hoc. |
|
(246) |
Il-Kummissjoni tfakkar li, fiż-żmien tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Polonja qieset li PCC kienet bdiet ix-xogħlijiet fuq il-Proġett qabel ma applikat għall-eżenzjoni mit-taxxa (il-premessi (46) u (47)), u l-Kummissjoni qablet b’mod preliminari ma’ dik il-konklużjoni (il-premessa (57)). |
|
(247) |
Il-Kummissjoni, wara li eżaminat l-informazzjoni pprovduta, ikkonkludiet li x-xogħlijiet bdew fuq il-Proġett fil-5 ta’ April 2013 (il-premessa (236)). |
|
(248) |
PCC applikat għal permess biex twettaq attivitajiet ekonomiċi fl-SEZ, sabiex tirċievi l-eżenzjoni mit-taxxa, fil-11 ta’ Frar 2013 (il-premessa (40)). Fit-12 ta’ Frar 2013, il-Maniġer tal-SEZ qabel li jagħti lil PCC il-permess għall-SEZ, kif muri fir-Rapport dwar in-Negozjati (il-premessa (41)). Fid-19 ta’ Frar 2013, il-Maniġer tal-SEZ ħareġ il-permess għall-SEZ, li ta l-eżenzjoni mit-taxxa lil PCC (il-premessa (42)). |
|
(249) |
F’dawk iċ-ċirkostanzi, l-awtoritajiet Pollakki ma kinux ħarġu biss ittra ta’ intenzjoni (u kkonfermaw l-eliġibbiltà ta’ PCC għall-għajnuna) biex jaġġudikaw l-eżenzjoni mit-taxxa lil PCC qabel ma bdiet ix-xogħol fuq il-Proġett, iżda kienu ħarġu l-att ta’ għoti nnifsu. |
|
(250) |
Il-Kummissjoni tinnota li la r-Rapport dwar in-Negozjati u lanqas il-Permess għall-SEZ ma kienu indikaw li l-intenzjoni tal-awtoritajiet Pollakki li jaġġudikaw l-għajnuna kienet kundizzjonali fuq l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Pollakki li l-Permess għall-SEZ ma huwiex att awtonomu, u li diversi bażijiet legali huma inkorporati fih b’referenza (il-premessi (188) sa (190)). |
|
(251) |
F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-Istedina għall-Preżentazzjoni tal-Offerti li PCC irrispondiet għaliha billi applikat għall-eżenzjoni mit-taxxa indikat li l-permess għall-SEZ jinħareġ abbażi tal-Att dwar l-SEZ u tar-Regolament SEZ. Meta ppreżentat l-applikazzjoni tagħha, PCC aċċettat it-termini tan-negozjati u l-Ispeċifikazzjonijiet, mingħajr riżerva (il-premessa (40)). L-Ispeċifikazzjonijiet innotaw li n-negozjati jitwettqu abbażi, fost l-oħrajn, tal-Att dwar l-SEZ u tar-Regolament SEZ. Barra minn hekk, ir-Rapport dwar in-Negozjati jikkonferma li PCC ġiet infurmata li l-permess għall-SEZ jinħareġ soġġett, fost l-oħrajn, għar-Regolament SEZ u għar-Regolament 800/2008 (il-premessa (41)). |
|
(252) |
Għalhekk, il-Kummissjoni taqbel li l-permess għall-SEZ ma kienx att awtonomu, u li l-atti legali nnotati – b’mod partikolari, l-Att dwar l-SEZ u r-Regolament SEZ – kienu inkorporati fih, b’referenza. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti kienu japplikaw għall-eżenzjoni mit-taxxa aġġudikata lil PCC. |
|
(253) |
F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li t-Taqsima 4(5) tar-Regolament SEZ tispeċifika li, meta l-għajnuna għal proġett kbir ta’ investiment taqbeż il-75 % tal-għajnuna massima li tista’ tingħata għal investimenti b’kostijiet eliġibbli ekwivalenti għal EUR 100 miljun, bl-applikazzjoni tal-limiti massimi standard tal-għajnuna applikabbli għal intrapriżi kbar fil-mappa approvata tal-għajnuna reġjonali fid-data tal-għoti tal-għajnuna, din trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Dan implika li, jekk il-Proġett jirċievi inqas minn dak l-ammont ta’ għajnuna, ma kienx meħtieġ li l-għajnuna tiġi nnotifikata. Dan jikkorrispondi għar-rekwiżit ta’ notifika ta’ għajnuna għal proġetti kbar ta’ investiment stabbilit fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament 800/2008. F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tqis li l-permess għall-SEZ inħareġ soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, sa fejn tali approvazzjoni kienet meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni. |
|
(254) |
Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-kwistjoni ewlenija li tiddetermina jekk ir-rekwiżiti tal-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007 kinux issodisfati hija jekk jistax jiġi konkluż li PCC ma bdietx ix-xogħlijiet fuq il-Proġett qabel ma ddeterminat li kien raġonevolment probabbli li se tirċievi l-eżenzjoni mit-taxxa (il-premessa (242)). F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li, meta PCC bdiet ix-xogħlijiet fuq il-Proġett fil-5 ta’ April 2013 (il-premessa (236)), hija ma kinitx irċeviet biss ittra ta’ intenzjoni li tagħti l-għajnuna, iżda l-istrument reali għall-għoti tal-għajnuna, mill-awtoritajiet Pollakki (il-premessa (249)). |
|
(255) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Pollakki kienu ħarġu ittra ta’ intenzjoni li taġġudika l-eżenzjoni mit-taxxa lil PCC, kif meħtieġ mill-paragrafu 38, qabel il-bidu tax-xogħlijiet fil-5 ta’ April 2013. |
|
(256) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni mit-taxxa tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa skont il-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007. |
6.2.1.4. Paragrafu 38: il-miżuri ta’ għajnuna
|
(257) |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta’ għajnuna (kemm l-għotja kif ukoll l-eżenzjoni mit-taxxa) mogħtija lil PCC jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa skont il-paragrafu 38 tal-Linji Gwida tal-2007 (il-premessi (244) u (256)). |
6.2.2. Kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mal-paragrafu 67 tal-Linji Gwida tal-2007
|
(258) |
Il-paragrafu 67 (113) tal-Linji Gwida tal-2007 jipprevedi limitu massimu aġġustat tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri ta’ għajnuna jikkonformawx ma’ dak il-limitu massimu, l-ewwel nett huwa neċessarju li jiġi stabbilit l-ammont ta’ kostijiet eliġibbli li jenħtieġ li jitqies għall-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna, imbagħad, it-tieni, li jiġi vverifikat jekk il-miżuri ta’ għajnuna jirrispettawx dak il-limitu massimu. |
6.2.2.1. Kostijiet eliġibbli
|
(259) |
Fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kienet innotat li ma kienx ċar għaliex PCC ipprovdiet kostijiet eliġibbli differenti għall-Proġett fl-applikazzjonijiet għal għotja u għal eżenzjoni mit-taxxa, u qieset li l-ammont indikat fl-applikazzjoni għal għotja kien xieraq (il-premessa (76)). |
|
(260) |
Il-Kummissjoni tinnota l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Polonja (il-premessi (180) sa (184)) u minn PCC (il-premessi (85) sa (88)) dwar għaliex il-kostijiet eliġibbli li abbażi tagħhom PCC applikat għall-għotja kienu differenti minn dawk innotati fl-applikazzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxa. Essenzjalment, il-Polonja u PCC isostnu li, bejn l-applikazzjoni għall-għotja u l-applikazzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxa, PCC irċeviet parir mingħand parti terza li wassalha biex iżżid il-kostijiet stmati tagħha. Peress li l-Proġett ma jkunx profittabbli biżżejjed biex jitwettaq fid-dawl ta’ dik iż-żieda, PCC talbet aktar għajnuna, fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa. |
|
(261) |
Il-Kummissjoni tfakkar li PCC bdiet ix-xogħlijiet fuq il-Proġett fil-5 ta’ April 2013 (il-premessa (236)), u applikat għall-eżenzjoni mit-taxxa fil-11 ta’ Frar 2013 (il-premessa (40)). Peress li PCC ma kinitx bdiet ix-xogħlijiet meta applikat għall-eżenzjoni mit-taxxa, kellha d-dritt li titlob aktar għajnuna għall-Proġett. |
|
(262) |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, meta PCC applikat għall-għotja, hija kienet iddikjarat li l-għotja tkun biżżejjed biex twettaq il-Proġett fil-Polonja (il-premessa (30)). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, meta ffirmat il-Ftehim ta’ Għotja fl-4 ta’ April 2012, PCC aċċettat li kwalunkwe żieda fil-kost tal-Proġett ma tkunx eliġibbli għall-appoġġ u tiġġarrab minn PCC (il-premessa (31)). |
|
(263) |
F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni taqbel mal-Polonja (il-premessa (184)), li l-akkwiżizzjoni tad-dritt għall-għotja minn PCC ma kinitx tobbligaha twettaq il-Proġett. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tqisx li l-Ftehim ta’ Għotja żamm lil PCC milli tfittex xi għajnuna oħra mill-Istat fil-każ ta’ żieda fil-kostijiet, iżda minflok, indikat li, skont it-termini tal-Ftehim ta’ Għotja, l-ebda għajnuna ulterjuri ma tingħata mill-IEOP, jekk jiġri hekk. |
|
(264) |
Il-Polonja ppreżentat kopja tar-rapport ipprovdut minn Siemens lil PCC (il-premessa (182)), li indika li l-kost tal-Proġett jenħtieġ li jiżdied għal [EUR 66 340 000-80 340 000] ([EUR 72 290 000-87 500 000], li kieku kellu jiġi inkluż provvediment għal kontinġenzi) (114). Il-Kummissjoni tinnota, f’dak ir-rigward, li l-Polonja spjegat li hija prattika tal-industrija li jiġu riveduti l-istimi tal-kostijiet għal proġetti bħal dawn maż-żmien (il-premessa (183)). Il-Kummissjoni tosserva li l-analiżi finanzjarja ppreżentata minn PCC flimkien mal-applikazzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxa indikat kostijiet ta’ investiment ta’ PLN 301 478 910 (il-premessa (40)). Dik l-applikazzjoni, u l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ appoġġ tagħha, indikaw kostijiet eliġibbli massimi ta’ PLN 300 000 000 (il-premessa (40)). Filwaqt li dawk l-ammonti ma humiex identiċi, jibqgħu fl-istess ordni ta’ daqs (mingħajr ma jitqies il-provvediment għal kontinġenzi fir-rapport ta’ Siemens (115)); il-Kummissjoni tinnota wkoll li dawn ġew espressi f’muniti differenti, li setgħu wasslu għal diskrepanzi, skont ir-rati tal-kambju użati. Għalhekk, l-ammont massimu li saret applikazzjoni għalih u li ġie aġġudikat fil-permess għall-SEZ (116) huwa sostanzjat mir-rapport ta’ Siemens u mill-analiżi finanzjarja ppreżentata mal-applikazzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxa. |
|
(265) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa l-ammont indikat fil-permess għall-SEZ li jenħtieġ li jitqies meta jiġi vvalutat jekk l-ammont massimu ta’ għajnuna kombinat aġġudikat lil PCC kienx konformi mal-limitu massimu applikabbli. |
6.2.2.2. Ammont massimu tal-għajnuna
|
(266) |
Wara li jiġu stabbiliti l-kostijiet eliġibbli, irid jiġi ddeterminat l-ammont massimu tal-għajnuna disponibbli għall-Proġett, billi tintuża l-formula stabbilita fil-paragrafu 67 tal-Linji Gwida tal-2007: l-ammont massimu tal-għajnuna = R x (50 + 0,50 × B + 0,34 × C), fejn R huwa l-limitu massimu mhux aġġustat tal-għajnuna reġjonali, B hija n-nefqa eliġibbli bejn EUR 50 miljun u EUR 100 miljun, u C hija n-nefqa eliġibbli ta’ aktar minn EUR 100 miljun. |
|
(267) |
Meta jitqies l-ammont massimu tal-kostijiet eliġibbli ta’ PLN 271 513 408 (EUR 65 143 935) (skontat), il-formula trid tiġi applikata kif ġej: 40 % x (50 miljun + 0,5 x 15 143 935 + 0,34 x 0). Dan jirriżulta f’ammont massimu ta’ għajnuna ta’ EUR 23 028 787 (PLN 95 981 681) (117). Espress bħala intensità tal-għajnuna, jiġifieri 35 % tal-kostijiet eliġibbli. |
|
(268) |
Il-Kummissjoni jeħtiġilha tistabbilixxi jekk il-miżuri ta’ għajnuna rrispettawx dak il-limitu massimu. Fir-rigward tal-għotja, huwa ċar li din tibqa’ taħt dak il-limitu massimu. Il-permess għall-SEZ innifsu, ma jsemmix il-miżura ta’ għajnuna preċedenti, u ma fih l-ebda dispożizzjoni li tipprevjeni l-ammont totali ta’ għajnuna għall-investiment reġjonali għall-Proġett (fil-forma tal-eżenzjoni mit-taxxa u tal-għotja) milli jaqbeż il-limitu massimu inkwistjoni. |
|
(269) |
Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li PCC kienet iddikjarat li kienet irċeviet l-għotja meta applikat għall-eżenzjoni mit-taxxa (il-premessa (40)). B’riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet Pollakki kienu konxji li PCC kienet diġà bbenefikat mill-għotja meta ddeċidew li jagħtuha l-eżenzjoni mit-taxxa. |
|
(270) |
Barra minn hekk, il-permess għall-SEZ ma huwiex att awtonomu, u diversi dispożizzjonijiet legali oħra huma inkorporati fih b’referenza, b’mod partikolari, għar-Regolament SEZ (il-premessa (252)). F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li r-Regolament SEZ stabbilixxa intensitajiet massimi tal-għajnuna, l-ammont massimu permissibbli ta’ għajnuna għal proġetti kbar ta’ investiment, u rekwiżiti li l-eżenzjoni mit-taxxa, flimkien ma’ kwalunkwe għajnuna oħra, ma tistax taqbeż il-livelli massimi ta’ appoġġ skont l-għajnuna reġjonali (il-premessa (188)). Il-limitazzjonijiet fuq l-għajnuna f’dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament SEZ jallinjaw mal-limitazzjonijiet fuq l-għajnuna stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2007. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li dawk id-dispożizzjonijiet, li huma inkorporati fil-permess għall-SEZ, jenħtieġ li joperaw biex jiżguraw li l-ammont massimu ta’ għajnuna mogħtija skont il-permess għall-SEZ ma jaqbiżx il-massimu permess mil-Linji Gwida tal-2007. |
|
(271) |
F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni ssib li l-ammont ta’ għajnuna li PCC tista’ tirċievi fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa jenħtieġ li jinftiehem bħala l-ammont massimu ta’ għajnuna disponibbli għall-Proġett abbażi tal-kostijiet eliġibbli stabbiliti fil-permess għall-SEZ (il-premessa (267)), bit-tnaqqis tal-ammont riċevut fil-forma tal-għotja (il-premessa (31)). |
|
(272) |
Fid-dawl ta’ din is-sejba, ikkorroborata mill-awtoritajiet Pollakki, l-ammont totali ta’ għajnuna għall-investiment reġjonali mogħtija għall-Proġett permezz tal-għotja u l-eżenzjoni mit-taxxa ma jaqbiżx l-ammont massimu ta’ għajnuna permissibbli skont il-Linji Gwida tal-2007. |
6.2.2.3. Konklużjoni: Paragrafu 67
|
(273) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (259) sa (272), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ta’ għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 67 tal-Linji Gwida tal-2007. |
6.2.3. Kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mal-paragrafu 71 tal-Linji Gwida tal-2007
|
(274) |
Il-paragrafu 71 (118) tal-Linji Gwida tal-2007 jispeċifika li, meta l-għajnuna tingħata fl-istess ħin taħt diversi skemi reġjonali jew flimkien ma’ għajnuna ad hoc, il-limiti massimi tal-intensità tal-għajnuna japplikaw għall-għajnuna totali. |
|
(275) |
Fid-dawl tas-sejbiet fil-premessi (271) u (272), il-Kummissjoni tinnota li l-għotja u l-eżenzjoni mit-taxxa, flimkien, ġew aġġudikati lil PCC biss sa fejn ma kinux jaqbżu l-intensitajiet massimi tal-għajnuna permissibbli skont il-Linji Gwida tal-2007. L-akkumulazzjoni ta’ għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa ma’ forom oħra ta’ għajnuna hija mmonitorjata u kkontrollata mill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti, li għandhom il-mezzi biex jivverifikaw b’mod effettiv li ma ssirx talba għal għajnuna eċċessiva u biex jimponu sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità (il-premessa (207)). Bħala kumment sussidjarju, il-Kummissjoni tinnota li, sal-lum, PCC irċeviet ferm inqas mill-ammont massimu possibbli ta’ għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa (il-premessa (192)), u dan jindika li ma hemm l-ebda tħassib partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-akkumulazzjoni tal-għajnuna lil PCC. |
|
(276) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ għajnuna jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 71 tal-Linji Gwida tal-2007. |
6.2.4. Kompatibbiltà mal-Linji Gwida tal-2007
|
(277) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ għajnuna jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafi 38, 67 u 71 tal-Linji Gwida tal-2007 (il-premessi (257), (273) u (276)). Il-Kummissjoni tfakkar li, fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, hija qajmet dubji dwar il-konformità tal-miżuri ta’ għajnuna ma’ dawk il-paragrafi biss (il-premessa (228)). Billi ma qajmitx dubji dwar il-konformità tal-miżuri ta’ għajnuna mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawk il-linji gwida, hija rrikonoxxiet b’mod impliċitu li ma kellhiex dubji f’dak ir-rigward (119). Madankollu, sabiex jiġi evitat kull dubju, il-Kummissjoni tinnota li hija tqis li l-miżuri ta’ għajnuna jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra tal-Linji Gwida tal-2007, kif ġej:
|
|
(278) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ għajnuna jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kompatibbiltà per se tal-Linji Gwida tal-2007. |
6.2.5. Applikazzjoni tal-paragrafu 68 tal-Linji Gwida tal-2007
|
(279) |
Wara li kkonkludiet li l-miżuri ta’ għajnuna jissodisfaw ir-rekwiżiti per se tal-Linji Gwida tal-2007 (il-premessa (278)), il-Kummissjoni issa jeħtiġilha tivvaluta jekk hijiex meħtieġa valutazzjoni fil-fond tal-miżuri ta’ għajnuna skont il-paragrafu 68 ta’ dawk il-linji gwida. |
|
(280) |
Il-paragrafu 68 (120) tal-Linji Gwida tal-2007 jistipula li, meta l-ammont totali ta’ għajnuna mis-sorsi kollha jaqbeż il-limitu ta’ 75 % (il-premessa (97)), il-Kummissjoni jeħtiġilha tapplika t-testijiet stabbiliti fil-paragrafi 68(a) u (b). Jekk l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 68(a) jew (b), l-għajnuna tista’ tiġi approvata biss wara valutazzjoni fil-fond. |
|
(281) |
Il-limitu ta’ 75 % applikabbli f’dan il-każ huwa ta’ EUR 30 miljun. Kif innotat minn PCC, dan ma huwiex ikkontestat (il-premessa (97)). L-ammont massimu tal-għajnuna aġġudikata lil PCC fir-rigward tal-Proġett kien ta’ EUR 23 028 787 (PLN 95 981 681) (il-premessi (267) sa (272)). Għalhekk, l-ammont totali tal-għajnuna mis-sorsi kollha għall-Proġett ma jaqbiżx il-limitu ta’ 75 %. |
|
(282) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-paragrafu 68 ma japplikax, mingħajr ma jkun neċessarju li jitwettqu t-testijiet stabbiliti fil-paragrafi 68(a) u (b) tal-Linji Gwida tal-2007. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li titwettaq valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna lil PCC, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 68. |
6.2.6. Test ta’ bbilanċjar
|
(283) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ta’ għajnuna jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafi 38 (il-premessa (257)), 67 (il-premessa (273)), u 71 (il-premessa (276)) tal-Linji Gwida tal-2007. Għalhekk, jissodisfaw ir-rekwiżiti per se għall-kompatibbiltà ta’ dawk il-linji gwida. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ta’ għajnuna ma jwasslux għall-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni fil-fond skont il-paragrafu 68 tal-Linji Gwida tal-2007 (il-premessa (282)). |
|
(284) |
Irrispettivament mill-eżitu tat-testijiet skont il-paragrafu 68, biex tikkonkludi dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna skont il-Linji Gwida tal-2007, il-Kummissjoni jeħtiġilha tiddetermina jekk l-effetti pożittivi tal-għajnuna jisbqux dawk negattivi, meta jkollha xi dubju f’dak ir-rigward (121). |
|
(285) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Polonja aġġudikat l-għotja f’April 2012 u l-eżenzjoni mit-taxxa fi Frar 2013. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu analizzati ċ-ċirkostanzi fattwali u d-data disponibbli hekk kif kienu f’dak iż-żmien. |
6.2.6.1. Benefiċċji reġjonali
|
(286) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Proġett jagħti kontribut pożittiv sostanzjali għall-iżvilupp reġjonali, li huwa l-iskop tal-għajnuna reġjonali mill-Istat bħall-miżuri ta’ għajnuna li qegħdin jiġu eżaminati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota l-benefiċċji li ġejjin tal-Proġett, li setgħu ġew previsti fiż-żmien meta ġew aġġudikati l-miżuri ta’ għajnuna:
|
6.2.6.2. Effetti negattivi potenzjali: kapaċità żejda
|
(287) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Ilmentatur jasserixxi li l-Proġett kien immirat lejn suq b’kapaċità żejda (il-premessa (51)). |
|
(288) |
Sabiex jiġi vvalutat jekk il-Proġett kienx immirat lejn suq b’kapaċità żejda, u, jekk iva, l-impatt li jkollu fuq it-test ta’ bbilanċjar, l-ewwel iridu jiġu stabbiliti s-suq tal-prodott rilevanti u s-suq ġeografiku rilevanti. |
6.2.6.2.1. Suq tal-prodott rilevanti
|
(289) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Ilmentatur jasserixxi li s-suq tal-prodott rilevanti huwa s-suq għall-UP MCAA (il-premessa (51), u l-premessi (135) u (136) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ), filwaqt li l-Polonja u PCC jasserixxu li huwa s-suq għall-MCAA kollu kemm hu (il-premessi (105) sa (108), u (209)). |
|
(290) |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-paragrafu 69 tal-Linji Gwida tal-2007 jiddikjara li s-suq tal-prodotti rilevanti “jinkludi l-prodott ikkonċernat u s-sostituti tiegħu meqjusa bħala tali jew mill-konsumatur (minħabba l-karatteristiċi, il-prezzijiet u l-użu maħsub tal-prodott) jew mill-produttur (permezz tal-flessibbiltà tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni)” (enfasi miżjuda). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, jekk il-konsumatur jew il-produttur iqis li d-diversi klassijiet ta’ purità tal-MCAA jkunu sostitwibbli, jenħtieġ li jitqiesu li jiffurmaw parti mill-istess suq tal-prodott. |
|
(291) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li d-diversi rapporti tas-suq ipprovduti mill-Polonja (il-premessi (217) sa (219)) ma jagħmlux distinzjoni bejn il-klassijiet ta’ purità, iżda, pjuttost, jittrattaw is-suq tal-MCAA kollu kemm hu. Barra minn hekk, l-informazzjoni tas-suq ipprovduta mill-Ilmentatur matul il-fażi ta’ eżami preliminari (ara l-premessa (26) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ) ma tagħmilx distinzjoni bejn il-klassijiet ta’ purità, iżda tirreferi għas-suq tal-MCAA kollu kemm hu. Fil-prattika tal-każistika preċedenti tagħha, il-Kummissjoni sabet li ma jidhirx li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li klassijiet differenti ta’ purità jiġġustifikaw is-segmentazzjoni tas-suq tal-prodott u qieset is-suq tal-MCAA kollu kemm hu (122). |
|
(292) |
Fir-rigward tan-naħa tad-domanda, il-Kummissjoni tinnota li l-Ilmentatur isostni li hemm mill-inqas żewġ swieq distinti għall-prodotti tal-MCAA: wieħed għall-ogħla żewġ livelli ta’ purità, u ieħor għall-anqas żewġ livelli ta’ purità (il-premessa (136) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ), filwaqt li PCC tasserixxi li l-użu tal-grad ta’ purità tal-MCAA jiddependi mill-għażliet tal-klijenti, aktar milli mil-limitazzjonijiet relatati mal-karatteristiċi, mal-prezz u mal-użu maħsub tiegħu (il-premessa (105)). Il-Kummissjoni tinnota li l-użi ġenerali tal-MCAA (il-premessa (21)) huma fil-biċċa l-kbira l-istess, irrispettivament mill-purità. Għal xi użi speċifiċi tal-MCAA, jista’ jkun li l-klijenti jippreferu grad ta’ purità ogħla. |
|
(293) |
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tan-naħa tal-provvista, il-Kummissjoni tinnota li l-Ilmentatur, Nouryon (li qabel kien Akzo Nobel), u PCC it-tnejn li huma għandhom flessibbiltà sħiħa permezz tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni tagħhom biex jipproduċu MCAA tal-klassijiet kollha ta’ purità (il-premessa (106)). Għalhekk, jidher li, min-naħa tal-provvista, il-gradi differenti ta’ purità tal-MCAA jenħtieġ li jitqiesu bħala sostituti. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li, fid-dawl tal-grad għoli ta’ sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista, u tan-nuqqas ta’ indikaturi sinifikanti ta’ nuqqas ta’ sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda, ma huwiex xieraq li s-suq jinqasam aktar għall-MCAA, u li s-suq tal-prodott rilevanti huwa dak tal-MCAA, irrispettivament mill-grad ta’ purità. |
6.2.6.2.2. Suq ġeografiku rilevanti
|
(294) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Ilmentatur jasserixxi li ż-ŻEE hija s-suq ġeografiku rilevanti (il-premessa (51)), filwaqt li l-Polonja u PCC jasserixxu li dan huwa mill-inqas iż-żona li tkopri ż-ŻEE, l-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika t’Isfel (il-premessi (109) sa (112), u (209)). |
|
(295) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-prattika tal-każistika preċedenti tagħha ma hijiex konklużiva f’dan ir-rigward. Filwaqt li fid-deċiżjoni tagħha dwar il-fużjoni bejn Akzo u Nobel Industries tal-1994 (123), il-Kummissjoni sabet li kien xieraq li teżamina s-suq tal-Ewropa tal-Punent għall-MCAA, fl-2020, il-Kummissjoni nnotat li dak is-suq jista’ jkun li ma kienx għadu rilevanti u ħalliet id-definizzjoni tas-suq ġeografiku għall-MCAA miftuħa (124). |
|
(296) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li l-Ilmentatur innifsu, li huwa bbażat fl-Unjoni, jidher li huwa esportatur ewlieni għal mill-inqas is-swieq tal-Amerika ta’ Fuq u tal-Amerika t’Isfel (il-premessa (111)). Dan jidher li jmur kontra l-asserzjoni tagħha li s-suq huwa limitat għaż-ŻEE. |
|
(297) |
Il-Kummissjoni tinnota li jidher li hemm kummerċ qawwi fl-MCAA bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti. Ir-Rapport ta’ SRI tal-2011 jinnota li (125), fl-2010, 43 % tal-konsum mill-Istati Uniti tal-MCAA ġie minn importazzjonijiet, li minnhom il-Ġermanja pprovdiet 69 % u n-Netherlands ipprovdew 24 % (126). Hemm ukoll evidenza li hemm kummerċ sinifikanti bejn l-Ewropa u l-bqija tal-Amerika ta’ Fuq. Ir-Rapport ta’ SRI tal-2011 jindika li l-Kanada – li ma kellha l-ebda produttur domestiku tal-MCAA – timporta mill-Iżvezja, min-Netherlands u mill-Ġermanja (127), filwaqt li l-Messiku tradizzjonalment importa wkoll mill-Ġermanja (128). Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u tal-Amerika t’Isfel jidhru wkoll li jimportaw ammonti sinifikanti ta’ MCAA mill-Ewropa. Pereżempju, fl-2010, 34 % tal-importazzjonijiet tal-Arġentina kienu mill-Ġermanja, filwaqt li l-Brażil u l-Kolombja importaw ukoll l-MCAA (129). |
|
(298) |
Kif jindikaw il-Polonja u PCC (il-premessi (112) u (209)), jista’ jkun validu wkoll li wieħed jargumenta li s-suq ġeografiku huwa saħansitra usa’ mill-Ewropa u mill-Kontinent Amerikan. Pereżempju, ir-Rapport ta’ SRI tal-2011 jinnota li, fl-2006, il-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet lejn l-Ewropa tal-Punent kienu mill-Ġappun (41 %) u mill-Indja (39 %), filwaqt li, mill-2008, kważi l-importazzjonijiet kollha kienu mill-Indja; madankollu, dawn l-importazzjonijiet lejn l-Ewropa tal-Punent għadhom pjuttost marġinali. Fl-2010, ħafna mill-esportazzjonijiet tal-Ewropa tal-Punent kienu diretti lejn l-Istati Uniti, l-Arġentina u l-Afrika t’Isfel (130). Sadanittant, ir-rapport ta’ Tecnon Orbichem jidher li jissuġġerixxi li s-suq tal-MCAA huwa suq globali (131). Kif innotat minn PCC u mill-Polonja (il-premessi (112) u (209)), il-manifatturi Asjatiċi jistgħu jiffokaw l-attenzjoni tagħhom barra mis-swieq Ewropej u Amerikani. Madankollu, huwa ċar li jidher li hemm kummerċ stabbli bejn mill-inqas l-Ewropa u l-Kontinent Amerikan fl-MCAA. |
|
(299) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li s-suq għall-MCAA ma huwiex limitat għaż-ŻEE. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, ma għandhiex għalfejn tikkonkludi dwar is-suq ġeografiku rilevanti preċiż (lil hinn mill-fatt li tali suq rilevanti huwa usa’ miż-ŻEE), sabiex twettaq il-valutazzjoni tagħha, minħabba li l-grad sa fejn is-suq ġeografiku rilevanti jestendi lil hinn miż-ŻEE ma għandux impatt materjali fuq ir-riżultati tal-analiżi tal-Kummissjoni tax-xejriet rilevanti tas-suq (il-premessi ( 301) sa (305)). |
6.2.6.2.3. Xejriet tas-suq
|
(300) |
Fl-ilment tiegħu, l-Ilmentatur argumenta li s-suq għall-MCAA jbati minn kapaċità żejda, u li l-Proġett iżid ma’ dik il-kapaċità żejda. |
|
(301) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li d-data pprovduta mill-Ilmentatur (ara d-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-premessa (26)) ma tappoġġax l-asserzjoni ta’ kapaċità strutturali żejda fis-suq tal-MCAA fis-snin ta’ qabel id-deċiżjoni ta’ investiment ta’ PCC. Minflok, iċ-ċifri ppreżentati juru suq b’domanda relattivament stabbli (soġġett għall-effetti immedjati tal-kriżi finanzjarja tal-2008), livell relattivament għoli u stabbli ta’ esportazzjonijiet mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi, u importazzjonijiet f’livelli baxxi ħafna. Il-livelli tal-produzzjoni fl-Ewropa baqgħu stabbli b’mod proporzjonat mal-kapaċità kumplessiva. Il-Kummissjoni tinnota li l-fatt li d-domanda tibqa’ taħt il-kapaċità tal-produzzjoni assoluta ma huwiex, bħala tali, indikazzjoni ta’ kapaċità strutturali żejda, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt, kif ġie enfasizzat minn PCC u mill-Polonja, li l-kapaċità effettiva hija aktar baxxa mill-kapaċità nominali (il-premessi (130) u (224)) (132). Bl-istess mod, iċ-ċirkostanza li d-domanda Ewropea, bħala tali, kienet aktar baxxa mill-produzzjoni jew mill-kapaċità effettiva ma hijiex sinjal ta’ kapaċità strutturali żejda, minħabba li parti sinifikanti tal-produzzjoni Ewropea ġiet esportata kull sena, f’livell relattivament stabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tqisx li d-data pprovduta mill-Ilmentatur hija evidenza ta’ suq f’kapaċità żejda fiż-żmien meta PCC għamlet l-investiment tagħha. |
|
(302) |
Fir-rigward tal-asserzjoni li l-Proġett iżid mal-kapaċità żejda, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, tinnota li, kif imsemmi hawn fuq, is-suq ma kienx ikkaratterizzat minn kapaċità strutturali żejda qabel l-investiment. Madankollu, il-Kummissjoni vvalutat jekk l-investiment jistax joħloq kapaċità żejda. |
|
(303) |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Proġett kien imfassal biex ikollu kapaċità nominali annwali ta’ 42 kt (il-premessa (18)). Madankollu, il-kapaċità tal-produzzjoni reali tiegħu hija stmata li hi ta’ [34 – 40] kt/sena (il-premessi (130) u (224)). Huwa minnu li, jekk id-domanda lokali u l-esportazzjonijiet jibqgħu ugwali, dan iżid kapaċità sostanzjali fis-suq. Madankollu, kif ġie enfasizzat minn PCC u mill-Polonja, iż-żieda tal-kapaċità trid tiġi vvalutata fid-dawl tad-domanda prospettiva tas-suq fiż-żmien tal-investiment (133). |
|
(304) |
Ir-rapporti indipendenti pprovduti mill-Polonja, li kienu disponibbli fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna, jipprovdu previżjonijiet għall-2015. Ir-Rapport ta’ SRI tal-2011 jindika li, bejn l-2010 u l-2015, ikun hemm żieda assoluta fil-konsum annwali tal-MCAA fis-swieq ewlenin kollha, jiġifieri żieda ta’ [14-16,5] kt fl-Ewropa waħedha, [18-22] kt fl-Ewropa u fl-Istati Uniti flimkien, [20-24] kt fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq flimkien, [22-27] kt fl-Ewropa u fil-Kontinent Amerikan, b’kollox, u [150-180] kt fid-dinja (il-premessa (218)). Dan jissarraf fl-istennija ta’ CAGR pożittiva għall-2010-2015, abbażi tal-volum, ta’ [1,4-1,6] % għall-Ewropa, [1,4-1,6] % għall-Ewropa u għall-Istati Uniti, [1,4-1,6] % għall-Ewropa u għall-Amerika ta’ Fuq, [1,4-1,6] % għall-Ewropa u għall-Kontinent Amerikan, u [3,2-3,7] % għad-dinja. |
|
(305) |
Ir-Rapport ta’ Tecnon Orbichem, sadanittant, juri data ta’ previżjoni għas-snin 2010 sal-2015, li tindika żieda fil-konsum tal-MCAA, skont il-volum, fis-sena ta’ [14-15,2] kt fl-Ewropa, [22-26] kt fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq, [30-33] kt fl-Ewropa u fil-Kontinent Amerikan, u [90-105] kt fid-dinja (il-premessa 219)). Dan jissarraf fl-istennija ta’ CAGR pożittiva għall-2010-2015 ta’ [1,3-1,5] % għall-Ewropa, [1,4-1,6] % għall-Ewropa u għall-Amerika ta’ Fuq, [1,7-1,9] % għall-Ewropa u għall-Kontinent Amerikan, u [2,6-2,8] % għad-dinja. Dak l-istess rapport jindika CAGR pożittiva matul il-5 snin mill-2010 sal-2014 ta’ [1,2-1,4] % għall-Ewropa, [1,4-1,6] % għall-Ewropa u għall-Amerika ta’ Fuq, [1,6-1,9] % għall-Ewropa u għall-Kontinent Amerikan, u [2,7-3] % għad-dinja. |
|
(306) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-projezzjonijiet tat-tkabbir tas-suq fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna kienu neċessarjament ibbażati fuq stimi. Il-Kummissjoni tfakkar li, minkejja li r-rapporti msemmija fil-premessi (304) u (305) diġà bassru tkabbir tas-suq, rapporti oħra kienu saħansitra aktar ottimisti, f’dak ir-rigward. Ir-rapporti mħejjija għal PCC fiż-żmien tad-deċiżjoni ta’ investiment, pereżempju, indikaw aspettattiva ta’ tkabbir saħansitra ogħla ta’ [1,9-2,3]-[3-3,6] % għas-suq tal-MCAA fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq għall-2010-2015, kif ukoll rati ta’ tkabbir simili għas-swieq għall-prodotti downstream tiegħu (il-premessa (220)). |
|
(307) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, fiż-żmien li fih PCC ħadmet fuq il-Proġett, is-suq tal-MCAA kien jitqies bħala attraenti għall-investiment, peress li kemm l-Ilmentatur kif ukoll Akzo Nobel ħabbru investimenti biex iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom fis-snin ta’ qabel u wara l-bidu tax-xogħlijiet fuq il-Proġett (il-premessi (132) u (223)). Għalhekk, dan jikkonferma li s-swieq għall-MCAA u għall-prodotti downstream tiegħu kienu mistennija li jikbru u jassorbu l-kapaċità tal-produzzjoni li żdiedet mas-suq (il-premessi (129), (131), (133), u (217) sa (220)). |
|
(308) |
Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (301) sa (307), il-Kummissjoni tqis li, irrispettivament minn liema suq ġeografiku jiġi vvalutat, id-domanda għall-MCAA kienet mistennija li tikber fis-snin ta’ wara l-investiment. Għalhekk, meta ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna lil PCC, is-suq tal-MCAA ma kienx sejjer lura b’mod assolut jew f’kapaċità strutturali żejda, u, fid-dawl tal-previżjoni tat-tkabbir tas-suq, appoġġata minn evidenza, ma kienx mistenni li sejjer lura b’mod assolut jew f’kapaċità strutturali żejda għall-futur, filwaqt li titqies ukoll il-kapaċità maħluqa mill-Proġett. |
|
(309) |
Fl-aħħar nett, fl-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna, il-Kummissjoni tinnota li l-Ilmentatur u Akzo Nobel kellhom ishma mis-suq sinifikanti, irrispettivament mir-reġjun ikkonċernat. Ir-Rapport ta’ SRI tal-2011 jindika li, fl-2010, l-Ilmentatur u Akzo Nobel kienu jirrappreżentaw madwar 97 % tal-kapaċità tal-produzzjoni fl-Ewropa, 74 % tal-Ewropa u tal-Amerika ta’ Fuq, u 73 % tal-Ewropa u tal-Kontinent Amerikan. Id-dominanza ta’ dawk iż-żewġ atturi tas-suq ġiet rikonoxxuta wkoll fir-rapport ta’ Tecnon Orbichem, li ddeskriva Akzo Nobel bħala l-“attur ewlieni fuq livell dinji”, u l-Ilmentatur bħala t-“tieni l-akbar attur”. Dak ir-rapport indika li, għall-perjodu 2012-2013 (meta ġew aġġudikati l-miżuri ta’ għajnuna lill-Proġett), kien ipprojettat li l-Ilmentatur u Akzo Nobel ikollhom ishma kombinati ta’ 92 % tas-suq Ewropew, 73 % tas-suq Ewropew u tal-Amerika ta’ Fuq, u 71 % tas-suq tal-Ewropa, tal-Amerika ta’ Fuq u tal-Amerika t’Isfel. Il-Kummissjoni tinnota li l-Ilmentatur u Akzo Nobel storikament (134) kienu operaw kartell fis-suq tal-MCAA (il-premessa (125)). Il-Proġett ippermetta lil PCC tidħol fis-suq tal-MCAA, li qabel kien iddominat mid-duopolju magħmul mill-Ilmentatur u minn Akzo Nobel. Għalhekk, id-dħul ta’ PCC fis-suq kellu potenzjal reali li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għall-klijenti tal-MCAA (il-premessi (125), (126) u (215)). |
6.2.6.3. Riżultati tat-test ta’ bbilanċjar
|
(310) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li, fiż-żmien li fih PCC wettqet il-Proġett, u ngħatat għajnuna għalih, is-suq tal-MCAA ma kienx sejjer lura b’mod assolut, u kien ipproġettat li jikber fuq terminu qasir. Dan huwa rifless f’rapporti indipendenti kontemporanji għall-perjodu meta ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna, u huwa muri mill-fatt li dak iż-żmien atturi oħra tas-suq kienu qegħdin jinvestu f’kapaċità tal-produzzjoni addizzjonali. Il-Proġett mhux biss ġab benefiċċji sinifikanti lir-reġjun, iżda tejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tas-suq billi ppermetta lil parteċipant ġdid jidħol fis-suq duopolistiku tal-MCAA. Il-Kummissjoni tinnota li d-duopolisti eżistenti kienu preċedentement joperaw kartell fis-suq tal-MCAA. |
|
(311) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-effetti pożittivi tal-miżuri ta’ għajnuna jisbqu l-effetti negattivi li dawk il-miżuri jista’ jkollhom fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ, u li l-miżuri ta’ għajnuna ma jirriżultawx f’distorsjonijiet inaċċettabbli tal-kompetizzjoni. |
6.2.7. Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà mal-Linji Gwida tal-2007
|
(312) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ għajnuna jikkonformaw mal-kriterji ta’ kompatibbiltà per se tal-Linji Gwida tal-2007 u ma jwasslux għall-ħtieġa ta’ valutazzjoni fil-fond skont il-paragrafu 68 ta’ dawk il-linji gwida (il-premessa (283)). Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-effetti pożittivi tal-għajnuna jisbqu dawk negattivi (il-premessa (311)). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3), il-punt (a), tat-Trattat, kif interpretat mil-Linji Gwida tal-2007. |
|
(313) |
Peress li l-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ għajnuna huma kompatibbli skont il-Linji Gwida tal-2007, ma hemmx bżonn li jiġi vvalutat jekk jissodisfawx il-kriterji stabbiliti f’bażijiet oħra għall-kompatibbiltà, bħar-Regolament 800/2008. |
7. KONKLUŻJONI
|
(314) |
Il-Kummissjoni tqis li l-għotja u l-eżenzjoni mit-taxxa mogħtija mill-Polonja lil PCC fir-rigward tal-Proġett huma kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3), il-punt (a), tat-Trattat, kif interpretat mil-Linji Gwida tal-2007. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-Istat li l-Polonja implimentat għal PCC, li tammonta għal massimu ta’ PLN 95 981 681 (EUR 23 028 787), f’valur skontat, hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3), il-punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kummissjoni
Teresa RIBERA
Viċi President Eżekuttiv
(1) ĠU C 144, 30.4.2020, p. 42.
(2) Dak iż-żmien, bl-isem “PCC P4 Sp. z o. o.”, li nbidel għal “PCC MCAA SPÓŁKA Z OGRANICZONĄ ODPOWIEDZIALNOŚCIĄ” (PCC MCAA Sp. z o. o.) bl-entrata fir-Reġistru Pollakk tal-Qrati Nazzjonali (KRS, Krajowy Rejestr Sądowy) tat-28 ta’ Mejju 2014.
(3) Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.
(4) Il-Kummissjoni ma għaddietx il-kummenti ppreżentati minn PCC, peress li kienu mmarkati bħala kunfidenzjali u koperti minn sigriet professjonali.
(5) Ara Companies of the PCC Group - nearly 1000 chemical products (aċċessat l-aħħar fid-29 ta’ Lulju 2024).
(6) From shampoo to glyphosate or where monochloroacetic acid is used - PCC Group Product Portal (aċċessat l-aħħar fid-29 ta’ Lulju 2024).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 4010 tat-13 ta’ Settembru 2006 fil-Każ SA.21529 (Nru 531/06) – Il-Polonja – Mappa tal-għajnuna reġjonali 2007-2013 (ĠU C 256, 24.10.2006, p. 6).
(8) Ikkalkolat bl-applikazzjoni ta’ rata tal-kambju ta’ EUR/PLN 4,1548 li kienet applikabbli fl-4 ta’ April 2012, fid-data tal-għoti tal-għajnuna (ĠU C 102, 5.4.2012, p. 28).
(9) Ibid.
(10) ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3, http://data.europa.eu/eli/reg/2008/800/oj.
(11) Rozporządzenie Ministra Gospodarki z dnia 8 maja 2009 r. w sprawie udzielania pomocy finansowej dla inwestycji o dużym znaczeniu dla gospodarki w ramach Programu Operacyjnego Innowacyjna Gospodarka, 2007-2013 (Dz. U. z 2009 r. nr 75, poz. 638).
(12) Rozporządzenie Ministra Gospodarki z dnia 2 marca 2010 r. zmieniające rozporządzenie z dnia 8 maja 2009 r. w sprawie udzielania pomocy finansowej dla inwestycji o dużym znaczeniu dla gospodarki w ramach Programu Operacyjnego Innowacyjna Gospodarka, 2007-2013 (Dz. U. z 2010 r. nr 40, poz. 231).
(13) Wara applikazzjoni inizjali għall-għajnuna tat-2 ta’ Novembru 2010.
(14) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25, http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1083/oj).
(15) “Ponadto, zwracam się z prośbą o przekazanie pełnej dokumentacji dot. Potwierdzenia pomocy przez Komisję Europejską.”
(16) Il-Ftehim ta’ Għotja tal-4 ta’ April 2012 Nru POIG.04.05.01-00.028/10-00 għall-proġett “Installazzjoni innovattiva għall-produzzjoni tal-aċidu monokloroaċetiku ultra pur (U_P MCAA)” skont is-Sottomiżura 4.5.1 Appoġġ għal investimenti fis-settur tal-produzzjoni, il-Miżura 4.5 Appoġġ għal investimenti b’impatt sinifikanti fuq l-ekonomija – Assi Prijoritarju 4 Investimenti f’impriżi innovattivi taħt il-Programm Operazzjonali Ekonomija Innovattiva 2007-2013 (IEOP 2007-2013).
(17) It-Taqsima 7 tar-Regolament IEOP (kif emendat bir-Regolament Emendatorju IEOP) tirreferi għal proġetti kbar ta’ investiment bħal dawk li fihom il-valur totali tal-għajnuna maħsuba mis-sorsi kollha jaqbeż, fost l-oħrajn, it-EUR 30 miljun meta l-investiment isir f’reġjun b’intensità massima ta’ għajnuna ta’ 40 %.
(18) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1, http://data.europa.eu/eli/reg/1999/659/oj).
(19) L-Artikolu 2(12) jiddikjara li: “ ‘proġetti kbar ta’ investiment’ tfisser investiment f’assi kapitali bi spejjeż eliġibbli ’l fuq minn EUR 50 miljun, ikkalkolati bi prezzijiet u b’rati ta’ kambju fid-data meta tingħata l-għajnuna”.
(20) Irreġistrata mal-Kummissjoni bin-numru tal-każ SA.35025 (2012/MF).
(21) Irreġistrata mal-Kummissjoni bin-numru tal-każ SA.29131 (2014/MX).
(22) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6943 final, tal-25.9.2014, dwar proġett kbir “Tagħmir innovattiv għall-produzzjoni tal-aċidu monokloroaċetiku ultra pur (U-P MCAA)”, li jifforma parti mill-programm operazzjonali “Ekonomija Innovattiva” għall-assistenza strutturali mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt l-objettiv ta’ Konverġenza fil-Polonja.
(23) Rozporządzenie Rady Ministrów z dnia 10 grudnia 2008 r. w sprawie pomocy publicznej udzielanej przedsiębiorcom działającym na podstawie zezwolenia na prowadzenie działalności gospodarczej na terenach specjalnych stref ekonomicznych (Dz. U. z 2008 r. nr 232, poz. 1548).
(24) Obwieszczenie Marszałka Sejmu Rzeczypospolitej Polskiej z dnia 14 lutego 2007 r. w sprawie ogłoszenia jednolitego tekstu ustawy o specjalnych strefach ekonomicznych (Dz. U. z 2007 r. nr 42, poz. 274).
(25) Obwieszczenie Marszałka Sejmu Rzeczypospolitej Polskiej z dnia 9 marca 2011 r. w sprawie ogłoszenia jednolitego tekstu ustawy o podatku dochodowym od osób prawnych (Dz. U. z 2011 r. nr 74, poz. 397).
(26) Ustawa z dnia 30 kwietnia 2004 r. o postępowaniu w sprawach dotyczących pomocy publicznej, (Dz. U. z 2004 r. nr 123, poz. 1291).
(28) Rozporządzenie Rady Ministrów z dnia 13 października 2006 r. w sprawie ustalenia map pomocy regionalnej (Dz. U. z 2006 r. nr 190, poz. 1402).
(29) Il-Permess Nru 255 tas-17 ta’ Frar 2013 għat-twettiq ta’ attività ekonomika fiż-Żona Ekonomika Speċjali ta’ Wałbrzych “Invest Park”.
(30) Ikkalkolati bl-applikazzjoni ta’ rata tal-kambju ta’ EUR/PLN 4,1679 li kienet applikabbli fid-19 ta’ Frar 2013 (ĠU C 49, 20.2.2013, p.8). Ta’ min jinnota li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tuża r-rata tal-kambju ta’ referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għad-data rilevanti. Dan iwassal biex l-ammonti jvarjaw xi ftit minn dawk innotati mill-Polonja u minn PCC, u fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, li, xi drabi, użat rati tal-kambju differenti.
(31) Ibid.
(32) Fl-informazzjoni fil-qosor tagħha dwar l-eżenzjoni mit-taxxa, il-Polonja użat ir-rata tal-kambju ta’ PLN/EUR 4,1495, li tirriżulta f’PLN 271 513 408 (EUR 65 432 801), filwaqt li l-Kummissjoni tuża r-rata tal-kambju ta’ PLN/EUR 4,1679, ippubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għad-19 ta’ Frar 2013 (ĠU C 49, 20.2.2013, p. 8), li tirriżulta f’ammont ta’ PLN 271 513 408 (EUR 65 143 935).
(33) Irreġistrata mal-Kummissjoni bin-numru tal-każ SA.42750 (2015/MF).
(34) Il-Polonja indikat rata tal-kambju ta’ PLN/EUR 4,1495 fl-informazzjoni fil-qosor.
(35) Il-Polonja indikat rata tal-kambju ta’ PLN/EUR 4,1495 fl-informazzjoni fil-qosor, li tirriżulta f’PLN 28 802 370 (EUR 6 941 166), filwaqt li l-Kummissjoni tuża r-rata tal-kambju ta’ PLN/EUR 4,1679, ippubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għad-19 ta’ Frar 2013 (ĠU C 49, 20.2.2013, p. 8), li tirriżulta f’PLN 28 802 370,24 (EUR 6 910 523).
(36) Il-Fajl bir-Ref. VI SA/Wa 1642/18.
(37) Il-Fajl bir-Ref. II GSK 823/19. Is-sentenza tal-Qorti Amministrattiva Suprema ma kkonstatatx dwar meta PCC bdiet ix-xogħlijiet fuq il-Proġett.
(38) L-awtoritajiet Pollakki ċċaraw li l-permess għall-SEZ ilu fis-seħħ mit-28 ta’ Novembru 2018, meta l-Qorti Amministrattiva Reġjonali annullat ir-revoka tiegħu. Peress li PCC ma rreġistratx introjtu li seta’ jibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa sal-2019, ir-revoka tal-permess għall-SEZ ma rriżultat fl-ebda talba għal arretrati tal-eżenzjoni mit-taxxa minn PCC.
(39) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9, http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1589/oj).
(40) Il-permess għall-SEZ jindika ċifra massima ta’ PLN 300 000 000 (nominali). Fl-iskeda tas-sommarju dwar l-eżenzjoni mit-taxxa, il-Polonja nnotat li l-ammont skontat rilevanti huwa ta’ PLN 271 513 408,70.
(41) ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1, http://data.europa.eu/eli/reg/2014/651/oj.
(42) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5050 final, tal-20.7.2017, fil-każ SA.38121 (2016/FC) – is-Slovakkja – Għajnuna għall-investiment lill-produttur Slovakk tar-ramel tal-ħġieġ NAJPI a.s. (ĠU C 336, 6.10.2017, p. 1). Din il-pożizzjoni ma ġietx ikkontestata fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2020, Kerkosand vs Il-Kummissjoni, T-745/17, EU:T:2020:400, li annullat id-deċiżjoni inkwistjoni – ara l-punt 81 ta’ dik is-sentenza.
(43) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 865 final, tal-20.02.2014, fil-każ SA.37485 (2013/N) – il-Polonja – Mappa tal-għajnuna reġjonali 2014-2020 (ĠU C 210, 4.7.2014, p.1).
(44) Il-Kummissjoni nnotat li ma kienx neċessarju li tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa skont il-Linji Gwida tal-2007, peress li, minħabba li l-eżenzjoni mit-taxxa ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-iskema, trid titqies bħala għajnuna ad hoc barra minn dik l-iskema (in-nota 74 f’qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ).
(45) Peress li ma setgħetx teskludi li l-ammont totali ta’ għajnuna mis-sorsi kollha għall-Proġett qabeż il-75 % tal-ammont massimu li seta’ jirċievi investiment b’nefqa ta’ EUR 100 miljun, bl-applikazzjoni tal-limitu massimu standard tal-għajnuna fis-seħħ għal intrapriżi kbar fil-mappa approvata tal-għajnuna reġjonali fid-data li fiha tingħata l-għajnuna, jiġifieri EUR 30 miljun.
(46) Kif muri mill-ewwel entrata fir-reġistru tal-kostruzzjoni stabbilit minn PCC fir-rigward tal-Proġett.
(47) Il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ provvista ma’ […](*) rigward parti mit-tagħmir għall-produzzjoni tal-MCAA. [* Informazzjoni kunfidenzjali].
(48) […].
(49) Ikkalkolat bl-applikazzjoni ta’ rata tal-kambju ta’ EUR/PLN 4,1029 li kienet applikabbli fis-17 ta’ Ottubru 2012 (ĠU C 314, 18.10.2012, p. 2).
(50) 40 % x (75 % x EUR 100 miljun) = EUR 30 miljun.
(51) Applikabbli fiż-żmien meta l-permess għall-SEZ inħareġ lil PCC.
(52) Pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3507 final, tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar għajnuna mill-Istat C 34/2008 (ex N 170/2008) li l-Ġermanja qed tippjana li timplimenta favur Deutsche Solar AG (ĠU L 7, 11.1.2011, p. 40, http://data.europa.eu/eli/dec/2011/4(1)/oj), il-premessa (58).
(53) Il-premessi (26), (134), (137), (139), (140), (149) u (157).
(54) Il-Linji Gwida tal-2007, il-paragrafu 69.
(55) Kif iddikjarat mill-Ilmentatur matul l-eżami preliminari tal-miżuri, fis-sottomissjoni tiegħu lill-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2018 (il-premessa (3)).
(56) Il-Linji Gwida tal-2007, il-paragrafu 70.
(57) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar it-twaqqif ta’ stħarriġ fil-Komunità dwar il-produzzjoni industrijali (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 1, http://data.europa.eu/eli/reg/1991/3924/oj).
(58) 20.14.32.20 –Aċidi mono-, di-, jew tri- kloroaċetiċi; aċidi propjoniċi, butanojċi u pentanoiċi; l-imluħ u l-esteri tagħhom.
(59) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4876 finali tad-19 ta’ Jannar 2005 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV et al – Każ Nru COMP/E-1/.37.773 – MCAA), id-Deċiżjoni Sommarja tad-19.01.2005 (ĠU L 353, 13.12.2006, p. 12, http://data.europa.eu/eli/dec/2006/897/oj) (verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ Nru COMP/E-1/.37.773 – MCAA https://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/dec_docs/37773/37773_143_1.pdf), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 2026 finali tas-16 ta’ Ġunju 2004 fil-Każ SA.14224 (Nru 304/2003) – In-Netherlands– Għajnuna lil Akzo Nobel biex tillimita t-trasport tal-kloru (ĠU C 81, 2.4.2005, p. 4).
(60) Il-paragrafu 70 tal-Linji Gwida tal-2007 jiddikjara: “L-oneru tal-provi sabiex jintwera li s-sitwazzjonijiet li jirreferu għalihom il-paragrafi 68(a) u (b) ma japplikawx jaqa’ fuq l-Istat Membru. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-punti (a) u (b), il-bejgħ u l-konsum apparenti se jiġu ddefiniti fil-livell xieraq tal-klassifikazzjoni Prodcom, normalment fiż-ŻEE, jew, jekk tali informazzjoni ma tkunx disponibbli jew rilevanti, abbażi ta’ kwalunkwe segmentazzjoni tas-suq oħra aċċettata b’mod ġenerali li għaliha d-data statistika tkun faċilment disponibbli” (in-noti f’qiegħ il-paġna tħallew barra).
(61) Id-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-premessa (143).
(62) PCC tasserixxi li dan huwa muri b’rapport tal-2006 minn Tecnon OrbiChem – Monochloroacetic Acid 2005 2015: A Comprehensive World Survey, Forecast and Analysis – li hija ma pprovdietx kopja tiegħu, iżda li ġie pprovdut mill-awtoritajiet Pollakki matul l-iskambji tagħhom mas-servizzi tal-Kummissjoni (il-premessa (133)).
(63) PCC tagħmel referenza għal dokument ta’ diskussjoni tal-2013 minn Deloitte: “ Chloroacetic acids products – International trade flows ”, li hija tasserixxi li juri d-duopolju ssoktat tal-Ilmentatur u ta’ Akzo Nobel matul is-snin. PCC ma pprovdietx kopja ta’ dak ir-rapport, iżda r-rapport ġie fornit mill-awtoritajiet Pollakki matul l-iskambji tagħhom mas-servizzi tal-Kummissjoni.
(64) Id-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-premessa (150).
(65) Għall-fini ta’ akkuratezza, PCC tinnota li, fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, fil-kuntest tal-volum ta’ bejgħ wara li tlesta l-investiment, il-Kummissjoni tindika biss data dwar il-bejgħ tal-MCAA mill-2015 (fl-ammont ta’ 242,9 kt – li saħansitra jeskludi li PCC tqarreb il-25 % tal-konsum viżibbli tal-MCAA), filwaqt li l-investiment tlesta biss fl-2016. Madankollu, jekk wieħed jassumi li l-livell ta’ konsum viżibbli tal-MCAA fl-2016 ma varjax b’mod sinifikanti mil-livell indikat mill-Kummissjoni għall-2015, PCC fl-ebda każ ma kienet tilħaq il-livell ta’ konsum viżibbli ta’ 25 % wara l-investiment.
(66) Miġbura fil-qosor fil-premessa (26) tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ.
(67) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group plc vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351.
(68) PCC tasserixxi li dan l-approċċ jikkonforma mal-paragrafi 38, 41, 42, 45 u 47 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (ĠU C 223, 16.9.2009, p. 3).
(69) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4876 finali tad-19 ta’ Jannar 2005 dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, il-Każ Nru COMP/E-1/.37.773 – MCAA (ĠU L 353, 13.12.2006, p. 12, http://data.europa.eu/eli/dec/2006/897/oj). Id-Deċiżjoni dwar il-kartell kienet tinvolvi lill-kumpaniji predeċessuri tal-Ilmentatur, Clariant AG u Hoescht AG.
(70) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 2026 finali tas-16 ta’ Ġunju 2004 fil-Każ SA.14224 (Nru 304/2003) – in-Netherlands – Għajnuna favur Akzo Nobel sabiex jiġi minimizzat it-trasport tal-kloru (ĠU C 81, 2.4.2005, p. 4).
(71) PCC tikkwota r-Rapport ta’ Riċerka ta’ Markets & Markets, li jindika żieda ta’ [4-4,6] % (f’termini ta’ valur) tas-suq tas-CMC 2015-2020, u l-previżjoni ta’ Global Market Insights, li tindika żieda ta’ aktar minn [4-4,2] % fis-CAGR (skont l-użu) fl-2017-2023.
(72) Fl-2016, madwar 50 kt ta’ CMC ġew esportati mill-Unjoni, li żdiedu għal 100 kt mistennija għall-2018. PCC ma pprovdietx sorsi għal dawk iċ-ċifri.
(73) PCC tirreferi għar-rapport Chemdata International 2018 tal-Kunsill Ewropew għall-Industrija Kimika (“CEFIC”, European Chemical Industry Council) (Facts & Figures of the European chemical industry).
(74) Madwar 80 % tad-domanda tal-MCAA fl-Istati Uniti hija koperta minn importazzjonijiet mid-duopolju tal-Ilmentatur u ta’ Akzo Nobel; Il-produzzjoni domestika tal-Istati Uniti ma hijiex ipproġettata li tiżdied. PCC ma pprovdietx sorsi għal dawk l-asserzjonijiet.
(75) PCC tindika li Siemens u CEFIC jikkorroboraw dik iċ-ċifra.
(76) PCC tinnota li Akzo Nobel kienet ħabbret ukoll il-kostruzzjoni ta’ impjant ġdid tal-MCAA fl-Indja.
(77) PCC tfakkar li, fin-noti (36) u (37) f’qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li l-Ilmentatur żied il-kapaċità tal-produzzjoni tal-impjant Indjan tiegħu bi 22 kt fl-2008 u tal-impjant Ċiniż tiegħu b’25 kt fl-2013, filwaqt li Akzo Nobel żiedet il-kapaċità fl-impjant tal-MCAA tagħha b’25 kt, b’60 kt, u b’100 kt fl-2002, fl-2010 u fl-2012, rispettivament.
(78) Chemical European Handbook – SRI Consulting Marketing Research Report Monochloroacetic Acid, Lulju 2011.
(79) F’din it-Taqsima 4.2, il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor il-kummenti riċevuti mill-partijiet terzi wara d-Deċiżjoni ta’ ftuħ, irrispettivament minn jekk dawk il-partijiet terzi jikkwalifikawx bħala “partijiet interessati” skont it-tifsira tal-Artikolu 1, il-punt (h), tar-Regolament 2015/1589.
(80) Peress li l-Proġett jinsab ħdejn il-fornitur tal-kloru ta’ PCC, PCC Rokita SA, kumpanija oħra li tappartjeni għall-Grupp PCC.
(81) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).
(82) L-Artikolu 41(1) tar-Regolament 1083/2006 jistabbilixxi dan li ġej: “Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-proġett kbir, jekk ikun meħtieġ billi tikkonsulta esperti barranin, inkluż il-BEI, fid-dawl tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 40, tal-konsistenza tiegħu mal-prijoritajiet tal-programm jew programmi operattivi konċernati, tal-kontribut tiegħu biex jinkisbu l-għanijiet ta’ dawk il-prijoritajiet u tal-konsistenza tiegħu ma’ linji politiċi l-oħra tal-Unjoni.”
(83) Is-Servizzi tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana.
(84) L-ittra mill-Kummissjoni (DĠ REGIO) tal-4 ta’ April 2014 – Programme: Innovative Economy Operational Programme CCI: 2007PL161PO001, Final conclusions on mission no 2013/PL/REGIO/C4/1502/1 (Rapport tal-Awditjar Finali mehmuż).
(85) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1, http://data.europa.eu/eli/reg/2004/794/oj).
(86) Il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl tas-17 ta’ Marzu 2016, Dilly’s Wellnesshotel GmbH, C-493/14, EU:C:2016:174, il-punti 64 – 66.
(87) Ir-rapport finali ta’ Siemens indika li l-kostijiet tal-proġett x’aktarx (jiġifieri bi probabbiltà ta’ 80 %) jammontaw għal madwar EUR 70 340 000 (EUR 77 290 000, inkluż provvediment għall-kontinġenzi, “abbażi tal-kwantil ta’ 80 % tad-distribuzzjoni tal-probabbiltà tal-kostijiet kumplessivi tal-investiment”). Ir-rapport finali ġie pprovdut lil PCC f’Mejju 2013, iżda l-Polonja indikat li Siemens kien qiegħed jikkomunika s-sejbiet tiegħu lil PCC fl-2012, waqt li r-rapport kien qiegħed jitfassal.
(88) Il-Polonja tinnota li, f’konformità mat-Taqsima 4(3) tal-Ftehim ta’ Għotja, kwalunkwe nefqa li taqbeż l-ammont totali tal-kostijiet eliġibbli (jiġifieri aktar minn PLN 223 miljun (EUR 54 miljun) (f’valur skontat)), inklużi dawk li jirriżultaw minn żieda fil-kostijiet tal-proġett wara l-ftehim, tikkostitwixxi nefqa ineliġibbli li żżid il-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju. Għalhekk, il-ftehim kien jippermetti żieda fil-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-proġett, iżda mhux fl-ammont tal-għajnuna. L-ammont ta’ għotja nnotat fil-Ftehim ta’ Għotja huwa l-ammont massimu, kif jidher mit-Taqsima 5(1) tiegħu, iżda, li kieku l-kostijiet eliġibbli tal-Proġett kienu aktar baxxi minn dawk oriġinarjament preżunti, l-ammont tal-għotja kien jitnaqqas kif xieraq.
(89) Ara l-Prattika Rakkomandata ta’ AACE International Nru 18R-97, “Cost estimate classification system – as applied in engineering, procurement, and construction for the process industries”, il-Qafas tat-TCM: 7.3 – Cost Estimating and Budgeting 2005; 18R-97: Cost Estimate Classification System - As Applied in Engineering, Procurement, and Construction for the Process Industries (costengineering.eu) (Aċċessat l-aħħar fid-29 ta’ Lulju 2024).
(90) It-Taqsima 4(1) tar-Regolament SEZ tiddikjara kif ġej:
“1. L-intensità massima tal-għajnuna għall-investiment reġjonali, ikkalkolata bħala l-proporzjon tal-għotja grossa ekwivalenti għall-kostijiet eliġibbli (…) hija (…) 40 % - fi (…) Dolnośląskie (…)”.
(91) It-Taqsimiet 4(3) u (4) tar-Regolament SEZ jiddikjaraw kif ġej:
“3. Fil-każ ta’ għajnuna reġjonali mogħtija lil imprenditur għall-implimentazzjoni ta’ proġett kbir ta’ investiment, l-ammont massimu ta’ għajnuna jiġi ddeterminat skont il-formula:
I = R × (EUR 50 miljun + 0,5 × B + 0,34 × C),
fejn is-simboli individwali jfissru:
I - il-valur massimu tal-għajnuna għal proġett kbir ta’ investiment,
R - l-intensità tal-għajnuna għaż-żona tal-post tal-investiment, iddeterminata f’konformità mal-paragrafu 1,
B - l-ammont ta’ kostijiet eliġibbli għal għajnuna ogħla mill-ekwivalenti ta’ EUR 50 miljun, li ma jaqbżux l-ekwivalenti ta’ EUR 100 miljun,
C - l-ammont ta’ kostijiet eliġibbli għall-għajnuna, li jaqbżu l-ekwivalenti ta’ EUR 100 miljun.
4. Proġett kbir ta’ investiment jenħtieġ li jinftiehem bħala investiment ġdid imwettaq fuq perjodu ta’ 3 snin minn imprenditur wieħed jew aktar, li fil-każ tiegħu l-assi fissi jkunu marbuta flimkien b’mod ekonomikament indiviżibbli u l-kostijiet eliġibbli għall-għajnuna jaqbżu l-ekwivalenti ta’ EUR 50 miljun u jkunu ġew ikkalkolati bir-rata tal-kambju mħabbra mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja abbażi tal-prezzijiet u tar-rati tal-kambju fid-data tal-għoti tal-permess.”
(92) It-Taqsima 3(8) tar-Regolament SEZ taqra kif ġej:
“L-[għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa] imsemmija fil-paragrafu 1 tista’ tingħata flimkien ma’ għajnuna oħra għal investimenti ġodda jew il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, irrispettivament mis-sors u mill-forma tagħha, dment li l-valur totali ta’ din l-għajnuna ma jaqbiżx l-ammont permissibbli ta’ għajnuna speċifikat fit-Taqsima 4.”
(93) L-Artikolu 16.
(94) Ir-rata tal-kambju tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2013: PLN/EUR 4,1679 (ĠU C 49, 20.2.2013, p. 8).
(95) Skontat fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni u bl-użu tar-rata tal-kambju tal-Bank Ċentrali Ewropew applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-eżenzjoni mit-taxxa fid-19 ta’ Frar 2013 (EUR/PLN 4,1679).
(96) Pereżempju, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ispanjol.
(97) It-Taqsima 3(8).
(98) It-Taqsima 5(1).
(99) It-Taqsima 4(5).
(100) It-Taqsima 17(1)(34).
(101) Il-Polonja tindika r-rata tal-kambju ta’ EUR/PLN 4,1495 fl-informazzjoni fil-qosor ippreżentata fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa. Kif innotat fin-nota 28 f’qiegħ il-paġna, il-Kummissjoni tqis li huwa aktar xieraq li tintuża r-rata tal-kambju ta’ EUR/PLN 4,1679, li kienet ir-rata ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għad-19 ta’ Frar 2013, id-data li fiha nħareġ il-permess għall-SEZ.
(102) L-Artikolu 27(1c) tal-Att dwar is-CIT.
(103) Il-Polonja tinnota li PCC iddikjarat b’mod konsistenti li dan huwa s-suq tal-prodotti rilevanti, filwaqt li nnotat, pereżempju, li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li hija ppreżentat bħala parti mill-applikazzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxa kien ibbażat fuq dak is-suq.
(104) Il-Polonja tinnota li l-Kummissjoni qabel kienet approvat għajnuna mill-Istat lil Akzo Nobel, filwaqt li nnotat li l-limitazzjoni tat-trasport tal-kloru kienet kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna (nota 70 f’qiegħ il-paġna).
(105) Il-Kummissjoni tinnota li s-sottomissjoni tal-Polonja rreġistrat b’mod żbaljat ċerti ċifri minn din it-tabella, iżda ċ-ċifri mniżżla fit-Tabella 1 huma dawk indikati fir-Rapport ta’ SRI tal-2011.
(106) Ma speċifikax jekk dan kienx skont il-volum jew skont il-valur.
(107) Il-Polonja nnotat li l-Ilmentatur, permezz ta’ impriżi konġunti, investa fi 22 kt fl-Indja (2008) u f’25 kt fiċ-Ċina (2013). Akzo Nobel investiet f’45 kt fin-Netherlands (2006-2014) u f’75 kt fiċ-Ċina (2002-2012).
(108) Qabel l-investiment, PCC kienet stmat li tilħaq dak il-livell ta’ produzzjoni mill-2016 ’il quddiem.
(109) Il-paragrafu 38 jiddikjara kif ġej: “Huwa importanti li jiġi żgurat li l-għajnuna reġjonali tipproduċi effett ta’ inċentiv reali biex isiru investimenti li altrimenti ma jsirux fiż-żoni megħjuna. Għalhekk, l-għajnuna tista’ tingħata biss taħt skemi ta’ għajnuna jekk il-benefiċjarju jkun ippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna u l-awtorità responsabbli għall-amministrazzjoni tal-iskema tkun sussegwentement ikkonfermat bil-miktub li, soġġett għal verifika dettaljata, il-proġett fil-prinċipju jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti mill-iskema qabel il-bidu tax-xogħol fuq il-proġett. “Referenza espliċita għaż-żewġ kundizzjonijiet trid tiġi inkluża wkoll fl-iskemi ta’ għajnuna kollha. Fil-każ ta’ għajnuna ad hoc, l-awtorità kompetenti jeħtiġilha tkun ħarġet ittra ta’ intenzjoni, soġġetta għall-approvazzjoni tal-miżura mill-Kummissjoni, biex tagħti għajnuna qabel ma jibda x-xogħol fuq il-proġett. Jekk ix-xogħol jibda qabel ma jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu, il-proġett kollu ma jkunx eliġibbli għall-għajnuna” (in-noti f’qiegħ il-paġna tħallew barra).
(110) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich, C-368/04, ECLI:EU:C:2006:644, il-punt 68.
(111) In-nota 40 f’qiegħ il-paġna tal-Linji Gwida tal-2007.
(112) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2013, Fri-El Acerra Srl vs Il-Kummissjoni, EU:T:2013:430, il-punti 82 u 83.
(113) Il-paragrafu 67 jiddikjara kif ġej: “L-għajnuna għall-investiment reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment hija soġġetta għal limitu massimu aġġustat ta’ għajnuna reġjonali (61), abbażi tal-iskala li ġejja:
|
Nefqa eliġibbli |
Limitu massimu aġġustat ta’ għajnuna |
|
Sa EUR 50 miljun |
100 % tal-limitu massimu reġjonali |
|
Għall-parti bejn EUR 50 miljun u EUR 100 miljun |
50 % tal-limitu massimu reġjonali |
|
Għall-parti li taqbeż EUR 100 miljun |
34 % tal-limitu massimu reġjonali |
Għalhekk, l-ammont ta’ għajnuna permissibbli għal proġett kbir ta’ investiment se jiġi kkalkolat skont il-formula li ġejja: l-ammont massimu tal-għajnuna = R x (50 + 0,50 × B + 0,34 × C), fejn R huwa l-limitu massimu mhux aġġustat tal-għajnuna reġjonali, B hija n-nefqa eliġibbli bejn EUR 50 miljun u EUR 100 miljun, u C hija n-nefqa eliġibbli ta’ aktar minn EUR 100 miljun. Dan huwa kkalkolat abbażi tar-rati tal-kambju uffiċjali li jkun hemm fid-data tal-għoti tal-għajnuna, jew fil-każ ta’ għajnuna soġġetta għal notifika individwali, fid-data tan-notifika.”
In-nota (61) f’qiegħ il-paġna: “Il-punt tat-tluq għall-kalkolu tal-limitu massimu aġġustat tal-għajnuna dejjem ikun l-intensità massima tal-għajnuna permessa għall-għajnuna għal intrapriżi kbar f’konformità mat-taqsima 4.1.2 ta’ hawn fuq. Ma jista’ jingħata l-ebda bonus tal-SMEs għal proġetti kbar ta’ investiment.”
(114) Fil-paġna 15, ir-rapport ta’ Siemens jipprovdi ċ-ċifra f’EUR.
(115) Kif innotat fin-nota 87 f’qiegħ il-paġna, Siemens qies li l-kostijiet tal-Proġett kienu […] [EUR 66 340 000-80 340 000] – ammont ta’ kontinġenza ta’ […], fid-dawl tal-marġni ta’ errur potenzjali.
(116) Jiġifieri, PLN 300 000 000 (EUR 71 978 694) (f’valur nominali) jew PLN 271 513 408 (EUR 65 143 935) (f’valur skontat) (il-premessa (42)).
(117) Ikkalkolat bl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju tal-Bank Ċentrali Ewropew ta’ EUR/PLN 4,1679, applikabbli fid-19 ta’ Frar 2013 (ĠU C 49, 20.2.2013, p. 8).
(118) Il-paragrafu 71 jiddikjara kif ġej: “Il-limiti massimi tal-intensità tal-għajnuna stabbiliti fit-taqsimiet 4.1 u 4.3 ta’ hawn fuq japplikaw għall-għajnuna totali:
|
— |
meta l-għajnuna tingħata fl-istess ħin taħt diversi skemi reġjonali jew flimkien ma’ għajnuna ad hoc; |
|
— |
indipendentement minn jekk l-għajnuna tiġix minn sorsi lokali, reġjonali, nazzjonali jew Komunitarji.” |
(119) Barra minn hekk, ma wasal l-ebda kumment minn partijiet terzi matul l-investigazzjoni formali li ssuġġerixxa li l-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha dubji dwar il-konformità tal-miżuri ta’ għajnuna ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-Linji Gwida tal-2007.
(120) Il-paragrafu 68 jiddikjara kif ġej:
“Meta l-ammont totali tal-għajnuna li tiġi mis-sorsi kollha jaqbeż is-75 % tal-ammont massimu tal-għajnuna li jista’ jirċievi investiment b’nefqa eliġibbli ta’ EUR 100 miljun, bl-applikazzjoni tal-limitu massimu standard tal-għajnuna fis-seħħ għal intrapriżi kbar fil-mappa tal-għajnuna reġjonali approvata fid-data li fiha għandha tingħata l-għajnuna, u meta
|
(a) |
il-benefiċjarju tal-għajnuna jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-bejgħ tal-prodott(i) ikkonċernat(i) fis-suq/swieq ikkonċernat(i) qabel l-investiment jew se jirrappreżenta aktar minn 25 % wara l-investiment, jew |
|
(b) |
il-kapaċità tal-produzzjoni maħluqa mill-proġett tkun aktar minn 5 % tas-suq ikkalkolata bl-użu ta’ data ta’ konsum apparenti … għall-prodott ikkonċernat, sakemm ir-rata annwali medja tal-iżvilupp tal-konsum apparenti tiegħu tul l-aħħar 5 snin ma tkunx ogħla mir-rata annwali medja tat-tkabbir tal-PDG taż-Żona Ekonomika Ewropea, il-Kummissjoni tapprova l-għajnuna għall-investiment reġjonali biss wara verifika dettaljata, wara l-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat, li l-għajnuna tkun neċessarja biex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment u li l-benefiċċji tal-miżura ta’ għajnuna jisbqu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ li jirriżultaw bejn l-Istati Membri” (in-noti f’qiegħ il-paġna tħallew barra). |
(121) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, il-punti 89 sa 91.
(122) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4876 final tad-19 ta’ Jannar 2005 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, il-Każ Nru COMP/E-1/.37.773 – MCAA (ĠU L 353, 13.12.2006, p. 12, http://data.europa.eu/eli/dec/2006/897/oj); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10.01.1994 fil-Każ Nru IV/M.390 – AKZO / Nobel Industries, il-paragrafu 12; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4294 final, tat-23.06.2020, fil-Każ M.9756 – Nouryon / CP Kelco, il-paragrafu 42.
(123) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10.01.1994 fil-Każ Nru IV/M.390 – AKZO / Nobel Industries, il-paragrafu 13.
(124) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4294 final, tat-23.06.2020, fil-Każ M.9756 – Nouryon / CP Kelco, il-paragrafi 50 – 52.
(125) Il-paġna 16.
(126) L-Ilmentatur jinsab fil-Ġermanja, filwaqt li Nouryon (li qabel kien Akzo Nobel) tinsab fin-Netherlands.
(127) Il-paġna 18.
(128) Il-paġna 20. Għall-perjodu 2001-2006, 70 % tal-importazzjonijiet tal-Messiku ġew mill-Ġermanja, għalkemm sal-2010, 58 % tal-importazzjonijiet kienu mill-Indja.
(129) Ir-Rapport ta’ SRI tal-2011, il-paġna 21.
(130) Il-paġna 25.
(131) Il-paġna 59.
(132) Dan huwa korroborat mir-Rapport ta’ Tecnon Orbichem, li jindika li wieħed jista’ jassumi li l-kapaċità effettiva hija 90-95 % tal-kapaċità nominali, jew inqas.
(133) Il-Kummissjoni tinnota li, fir-rapport Chemdata International 2018 tal-Kunsill Ewropew għall-Industrija Kimika (“CEFIC”) (“Facts & Figures of the European chemical industry”) (in-nota 73 f’qiegħ il-paġna), huwa ddikjarat li “fl-2009, id-dħul mill-bejgħ [fl-industrija kimika] tilef aktar minn 20 % tal-valur oriġinali tiegħu tal-2008. Is-sena 2010 kienet is-sena tal-irkupru, u s-settur tas-sustanzi kimiċi rreġistra rpiljar gradwali…”.
(134) L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni dwar il-kartell jindika li l-kumpaniji fil-grupp ta’ Akzo Nobel kienu ħadu sehem fil-kartell bejn l-1 ta’ Jannar 1984 u s-7 ta’ Mejju 1999, Hoescht AG kienet ħadet sehem bejn l-1 ta’ Jannar 1984 u l-31 ta’ Ġunju 1997, u Clariant AG ħadet sehem bejn l-1 ta’ Lulju 1997 u s-7 ta’ Mejju 1999 (Hoescht u Clariant huma kumpaniji predeċessuri tal-Ilmentatur).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2522/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)