|
25.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 252/161 |
RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-5 ta' Mejju 2010
li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2008
IL-PARLAMENT EWROPEW
wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2008,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (1),
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 (5827/2010 – C7-0061/2010),
wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta' Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0067/2010),
|
A. |
billi l-Qorti tal-Awdituri indikat li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2008 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati huma legali u regolari, |
|
B. |
billi fit-23 ta' April 2009, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2007 (5), u billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta' kwittanza, inter alia,
|
|
1. |
Jinnota bi pjaċir li l-Qorti tal-Awdituri rnexxielha tikseb assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2008 kienu affidabbli fl-aspetti konkreti kollha u li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati, meta meqjusa globalment, kienu legali u regolari; |
Prestazzjoni
|
2. |
Jisħaq fuq l-importanza li ċ-Ċentru jfassal l-objettivi SMART u l-indikaturi RACER fil-programmazzjoni tiegħu sabiex jevalwa l-eżekuzzjonijiet tiegħu; jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru ddikjara li qies dawn il-kunsiderazzjonijiet fil-programm ta' ħidma tiegħu għall-2009; |
|
3. |
Barra minn hekk, jistieden liċ-Ċentru biex iqis l-introduzzjoni ta' organigramma ta' Gantt fil-programmazzjoni ta' kull attività operattiva tiegħu, b'tali mod li tindika b'mod mgħaġġel iż-żmien li jkun ħa kull uffiċjal fuq proġett u jħeġġeġ approċċ favur il-kisba tar- riżultati; |
|
4. |
Jinnota li fis-snin li ġejjin il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għandha tiġi bbażata aktar fuq il-prestazzjoni taċ-Ċentru matul is-sena; |
Verifika interna
|
5. |
Jirrikonoxxi li mill-2006, l-Aġenzija implimentat 15 mill-41 rakkomandazzjoni tas-Servizz tal-Verifika Interna (IAS); jinnota li mis-26 li għadhom għaddejjin, 14 huma meqjusa “vera importanti” u prinċipalment jikkonċernaw il-livell ta' preparazzjoni tar-rilokazzjoni (fir-rigward tal-kontroll tal-kwalità tal-post il-ġdid, tal-prekawzjonijiet kontra d-dannu mill-għargħar, tal-pjan ta' kontinwità tax-xogħol u tal-investiment fl-apparat) u l-implimentazzjoni tal-istandards tal-kontroll intern (fir-rigward tal-promozzjoni u tal-valutazzjoni tal-persunal, tal-immaniġġjar tar-riskji u tar-reġistrazzjoni tal-eċċezzjonijiet); |
|
6. |
Jinnota li fis-sena 2008 ċ-Ċentru rrappurta dħul mill-interessi ta' EUR 107 591,31; jikkonkludi li mir-rendikonti finanzjarji u mil-livell tal-pagamenti tal-interessi ċ-Ċentru għandu livell tar-riżervi ta' flus kontanti permanentement għoli; jinnota li sal-31 ta' Diċembru 2008 l-ammont tar-riżervi ta' flus kontanti taċ-Ċentru kien ta' EUR 1 635 537,86 u li fil-bidu tas-sena 2009 approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 354 051,31 EUR, minħabba żball fil-kontabilità min-naħa tal-bank, iddaħħlu bħala ammont irċevut fil-kontijiet taċ-Ċentru; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina modi biex tassigura li l-prinċipju ta' ġestjoni ta' kontanti abbażi tal-ħtiġijiet stabbilit mill-Artikolu 15(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, jiġi mplimentat bi sħiħ, u x'tibdil irid isir fl-istrateġija sabiex ir-riżervi ta' flus kontanti taċ-Ċentru jinżammu permanentament baxxi kemm jista' jkun; |
|
7. |
Jirreferi, għal osservazzjonijiet oħra ta' natura orizzontali, li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 (6) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 304, 15.12.2009, p. 148.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(3) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1.
(4) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(5) ĠU L 255, 26.9.2009, p. 137.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0139 (Ara paġna 241 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).