European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1965

16.7.2024

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/1965

tal-15 ta’ Lulju 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1542 li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1964 tal-15 ta’ Lulju 2024 li temenda d-Deċiżjoni (CSFP) 2018/1544 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 (2) u r-Regolament (UE) 2018/1542 (3) li jikkonċernaw miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi.

(2)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 u r-Regolament (UE) 2018/1542, u sabiex tiġi ffaċilitata azzjoni umanitarja bbażata fuq il-prinċipji minn atturi umanitarji imparzjali, ċerti organizzazzjonijiet u aġenziji li jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu eżentati mill-projbizzjoni li jagħmlu fondi jew riżorsi ekonomiċi disponibbli għal persuni, entitajiet u korpi deżinjati, għal finijiet esklużivament umanitarji. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ deroga għal dawk l-organizzazzjonijiet u l-atturi involuti f’attivitajiet umanitarji li ma jistgħux jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni umanitarja.

(3)

Fil-15 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1964 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544. Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1964 tintroduċi eċċezzjonijiet umanitarji għall-miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi.

(4)

Dawk l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bl-intenzjoni li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1542 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (UE) 2018/1542, jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

1.   L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għall-fondi jew riżorsi ekonomiċi li jsiru disponibbli minn organizzazzjonijiet u aġenziji li huma vvalutati skont il-pilastru mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni ffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni, dment li l-għoti ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji.

2.   F’każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u b’deroga mill-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet speċifiċi jew ġenerali, taħt tali kundizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi li huma jqisu xierqa, biex jirrilaxxaw ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew biex jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, dment li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji.

3.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2, l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 2 jew 3 fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-għoti ta’ dik l-awtorizzazzjoni.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L, 2024/1964, 16.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1964/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1544 tal-15 ta’ Ottubru 2018 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi (ĠU L 259, 16.10.2018, p. 25).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1542 tal-15 ta’ Ottubru 2018 li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi (ĠU L 259, 16.10.2018, p. 12).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1965/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)