6.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/127


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1797

tat-23 ta' Mejju 2017

dwar l-iskemi ta' għajnuna SA.42393 (2016/C) (ex 2015/N) implimentata mill-Ġermanja għal ċerti konsumaturi aħħarin (tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għal CHP) u SA.47887 (2017/N) li l-Ġermanja beħsiebha timplimenta bil-għan li testendi l-iskema ta' sostenn lis-CHP rigward installazzjonijiet ta' CHP użati f'netwerks magħluqa

(notifikata bid-dokument C(2017) 3400)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet ikkonċernati jressqu l-kummenti tagħhom (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Wara li kkunsidrat ukoll it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 108(3) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fit-28 ta' Awwissu 2015, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni l-abbozz ta' liġi dwar ir-Riforma tal-Att dwar il-Ġenerazzjoni Kkombinata tas-Sħana u tal-Elettriku (Kraft-Wärme-Kopplungsgesetz, “il-KWKG 2016, kif innotifikat”), li mbagħad ġie adottat fil-leġiżlazzjoni fil-21 ta' Diċembru 2015. Il-KWKG 2016 issostitwixxa l-Att dwar il-Ġenerazzjoni Kkombinata tas-Sħana u tal-Elettriku tad-19 ta' Marzu 2002 (“il-KWKG 2002”).

(2)

B'ittra tal-24 ta' Ottubru 2016 (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”), il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ġermaniżi li kienet approvat l-appoġġ għall-installazzjonijiet u għall-faċilitajiet ta' ħżin ta' sħana u enerġija kkombinati (CHP, Combined Heat and Power) u għan-netwerks ta' tisħin/tkessiħ distrettwali mogħti fil-qafas tal-KWKG 2016, kif innotifikat, iżda li kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat rigward it-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għal CHP għal ċerti konsumaturi aħħarin mogħti skont il-KWKG 2016, kif innotifikat.

(3)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri ta' għajnuna.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti min-naħa tal-partijiet interessati. Hija bagħtithom lill-awtoritajiet Ġermaniżi, li ngħataw l-opportunità jirreaġixxu; il-kummenti tagħhom waslu fit-13 ta' Jannar 2017 b'ittra li ġġib l-istess data.

(5)

L-awtoritajiet Ġermaniżi ressqu l-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni ta' ftuħ fl-10 ta' Novembru 2016. Fuq talbiet għal informazzjoni tas-6 ta' Frar 2017, id-29 ta' Marzu 2017 u t-28 ta' April 2017, huma pprovdew informazzjoni addizzjonali fl-10 ta' Frar 2017, fil-31 ta' Marzu 2017 u fit-2 ta' Mejju 2017.

(6)

L-awtoritajiet Ġermaniżi infurmaw ukoll lill-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas addizzjonali għal CHP u t-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għal CHP għal ċerti konsumaturi aħħarin, li kienu l-objettiv tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, kienu ġew emendati b'liġi tat-22 ta' Diċembru 2016 li temenda d-dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni tal-elettriku bil-koġenerazzjoni u l-awtoġenerazzjoni (Gesetz zur Änderung der Bestimmungen zur Stromerzeugung aus Kraft-Wärme-Kopplung und zur Eigenerzeugung, l-“Att tat-22 ta' Diċembru 2016”).

(7)

Fid-29 ta' Marzu 2017, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni modifika ppjanata tas-sostenn lill-installazzjonijiet ta' CHP li l-Kummissjoni kienet approvat fl-24 ta' Ottubru 2016. In-notifika ta' din l-emenda ġiet irreġistrata taħt SA.47887 (2017/N). Fit-3 ta' April 2017, l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew informazzjoni addizzjonali. Il-valutazzjoni preliminari ta' dik l-emenda skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE u l-Artikolu 4 of tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (3) hija inkluża fid-deċiżjoni preżenti (Taqsima 7).

(8)

Fil-25 ta' April 2017, fiż-żewġ proċeduri, l-awtoritajiet Ġermaniżi infurmaw lill-Kummissjoni li jaċċettaw b'mod eċċezzjonali li d-deċiżjoni fiż-żewġ każijiet SA.42393 u SA.47887 tiġi adottata u nnotifikata bil-lingwa Ingliża.

2.   DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-MIŻURA TA' GĦAJNUNA LI DWARHA NFETĦET IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI (ĦLASIJIET ADDIZZJONALI GĦAL CHP IMNAQQSA)

2.1.   Preżentazzjoni tal-KWKG 2016: objettivi u kuntest

(9)

Il-KWKG 2016 (kif innotifikat u kif emendat) jimmira li jtejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-produzzjoni tal-enerġija fil-Ġermanja b'żieda tal-produzzjoni netta tal-elettriku mill-installazzjonijiet ta' CHP għal 110 Twh/sena sal-2020 u għal 120 Twh/sena sal-2025 meta mqabbla mal-produzzjoni annwali attwali ta' 96 TWh/sena. L-awtoritajiet Ġermaniżi jistennew li tali żieda se tikkontribwixxi għal tnaqqis addizzjonali tal-emissjonijiet tas-CO2 b'4 miljun tunnellati sal-2020 fis-settur tal-elettriku billi fil-Ġermanja, l-elettriku mill-installazzjonijiet ta' CHP qed jissostitwixxi l-produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku minn impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam. Jifforma parti mid-diversi miżuri adottati fil-qafas tal-Energiewende (tranżizzjoni enerġetika).

(10)

Fil-qafas tal-KWKG 2016, tingħata għajnuna lill-installazzjonijiet ta' CHP ta' effiċjenza għolja ġodda, immodernizzati u mmodifikati (4). Sal-2019, il-Ġermanja tagħti wkoll appoġġ lill-installazzjonijiet ta' CHP eżistenti li jaħdmu bil-gass fis-settur tat-tisħin distrettwali, bil-għan li l-livell ta' produzzjoni attwali ta' 15 Twh/sena tal-installazzjonijiet eżistenti fis-settur tat-tisħin distrettwali jinżamm u possibbilment jitreġġa' lura għal-livell preċedenti ta' 20 sa 22 TWh/sena. Barra minn hekk, il-KWKG 2016 jappoġġja faċilitajiet ta' ħżin għat-tisħin/tkessiħ ġodda jew faċilitajiet ta' ħżin immodifikati billi dawn iżidu l-flessibilità tal-faċilitajiet ta' CHP u b'hekk jistgħu jgħinu fit-tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tal-elettriku. Fl-aħħar, tista' tingħata l-għajnuna għall-bini jew l-espansjoni ta' netwerks tat-tisħin/tkessiħ peress li l-użu ta' installazzjonijiet ta' CHP f'konnessjoni mat-tisħin distrettwali jżid l-effiċjenza enerġetika tas-sistema. Dawn il-miżuri ta' għajnuna kollha ġew approvati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta' ftuħ tagħha (5).

(11)

Il-KWKG 2016, kif innotifikat, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016. Ma ssospendiex id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas addizzjonali u t-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali. L-Att tat-22 ta' Diċembru 2016 jemenda d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas addizzjonali għal CHP, u t-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għal CHP għal ċerti konsumaturi finali (“il-KWKG 2016, kif emendat”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017.

(12)

Il-KWKG 2002, issostitwit bil-KWKG 2016, kien diġà jsegwi objettivi ta' protezzjoni tal-klima, ħarsien tal-ambjent u effiċjenza enerġetika. B'mod speċifiku, diġà kien jipprovdi ħlas ta' primjum lill-operaturi tal-installazzjonijiet ta' CHP bil-għan li l-emissjonijiet tas-CO2 fil-Ġermanja jitnaqqsu b'10 miljuni fl-2005 u b'mill-inqas 20 miljun fl-2010 (meta mqabbla mal-1998). Il-primjum ġie stabbilit bil-KWKG 2002 u nkiseb fuq il-prezz miksub mill-bejgħ tal-elettriku. L-appoġġ skont il-KWKG 2002 kien ukoll iffinanzjat bi ħlas addizzjonali (minn hawn 'il quddiem imsemmi wkoll “il-ħlas addizzjonali għal CHP”), u l-KWKG 2002 ipprovda tnaqqis ta' dan il-ħlas addizzjonali lil ċerti konsumaturi aħħarin. Madankollu, il-KWKG 2002 ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

2.2.   Il-ħlasijiet addizzjonali għal CHP u t-tnaqqis għal ċerti konsumaturi aħħarin

2.2.1.   Ħlas addizzjonali għal CHP normali u tnaqqis għal ċerti konsumaturi aħħarin skont il-KWKG 2016

(13)

L-appoġġ għal installazzjonijiet ta' CHP, lill-faċilitajiet ta' ħżin u lin-netwerks tat-tisħin/tkessiħ distrettwali huwa ffinanzjat bi ħlas addizzjonali impost fuq l-elettriku fornut lill-konsumaturi aħħarin permezz tal-grilja elettrika pubblika jew permezz ta' netwerk ta' distribuzzjoni magħluq (“il-ħlas addizzjonali għal CHP”). Jinġabar mill-operaturi tan-netwerks bħala suppliment għall-ħlasijiet għan-netwerk. Dan il-ħlas addizzjonali jissejjaħ KWKG-Umlage fil-KWKG 2016 (ara l-paragrafu 26(1) tal-KWKG 2016). L-operaturi tan-netwerks huma obbligati jżommu kontijiet separati għall-ħlas addizzjonali għal CHP miġbur (paragrafu 26(1) tal-KWKG 2016, kif innotifikat, u paragrafu 26(3) tal-KWKG 2016, kif emendat).

(14)

L-ammont tal-ħlas addizzjonali għal CHP jiġi kkalkulat ta' kull sena mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni bħala rata uniformi għal kull kWh fornut lill-konsumaturi aħħarin konnessi mal-grilja pubblika jew ma' netwerks ta' distribuzzjoni magħluqa.

(15)

Il-paragrafu 27b tal-KWKG 2016, kif emendat, jistabbilixxi li l-elettriku maħżun huwa soġġett għall-ħlas addizzjonali għal CHP meta jiġi rtirat mill-faċilità ta' ħżin u mhux meta jiddaħħal fil-faċilità ta' ħżin.

(16)

Madankollu, xi kategoriji ta' konsumaturi aħħarin jibbenefikaw minn rata mnaqqsa stabbilita skont il-KWKG 2016. Għall-konsumaturi aħħarin b'konsum annwali ta' aktar minn 1 GWh (“konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B”), il-KWKG 2016, kif innotifikat, stabbilixxa ħlas addizzjonali għal CHP massimu ta' 0,04 EUR ċenteżmu/kWh. Il-kategorija l-oħra ta' konsumaturi aħħarin li tibbenefika minn rata mnaqqsa għal CHP hija dik tal-konsumaturi aħħarin li joperaw fis-settur tal-manifattura b'konsum li jaqbeż il-1 GWh u li għalihom l-ispejjeż tal-elettriku jirrappreżentaw aktar minn 4 % tal-fatturat (“konsumaturi aħħarin tal-Kategorija C”). Għall-kategorija ta' konsumaturi aħħarin tal-aħħar, il-KWKG 2016, kif innotifikat, jistabbilixxi ħlas addizzjonali għal CHP massimu ta' 0,03 EUR ċenteżmu/kWh (paragrafu 26(2) tal-KWKG 2016, kif innotifikat). Il-konsumaturi aħħarin li jħallsu l-ħlas addizzjonali għal CHP kollu jissejħu “konsumaturi aħħarin tal-Kategorija A”.

(17)

Ir-rati tal-ħlas addizzjonali għal CHP (f'EUR ċenteżmi/kWh) (6) li kienu applikabbli skont il-KWKG 2016, kif innotifikat, għas-sena 2016 huma elenkati fit-Tabella 1 ta' hawn taħt:

Tabella 1

Rati ta' ħlas addizzjonali għal CHP fl-2016

Kategorija A

Kategorija B

Kategorija C

0,445

0,04

0,03

(18)

Abbażi tal-previżjonijiet (7) li saru minn operaturi ta' netwerks ta' trażmissjoni biex jiġi ddeterminat il-ħlas addizzjonali għal CHP fl-2016 (8), l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew iċ-ċifri li ġejjin, li juru d-daqs relattiv ta' kull waħda mill-kategoriji u l-importanza tat-tnaqqis:

Tabella 2

Sehem relattiv mill-konsum u mill-finanzjament tas-CHP għal kull kategorija ta' konsumaturi aħħarin

 

Total

Kat. A

Kat. B

Kat. C

Konsum previst f'GWh

485 149

259 748

143 883

81 518

Sehem mill-konsum totali

100 %

53,54 %

29,66 %

16,80 %

Ħlas addizzjonali għal CHP fl-2016 (EUR ċenteżmi/kWh), imqarreb għall-eqreb numru sħiħ

 

0,445

0,04

0,03

Ħlas addizzjonali għal CHP previst (total f'miljuni ta' EUR)

1 239

1 157

58

24

Sehem mid-dħul totali

100 %

93 %

5 %

2 %

Ħlas addizzjonali għal CHP nozzjonali (9) fl-2016 (EUR ċenteżmi/kWh), imqarreb għall-eqreb numru sħiħ

0,255

 

 

 

Differenza meta mqabbel mal-ħlas addizzjonali għal CHP nozzjonali

 

– 0,19 (10)

0,215 (11)

0,225 (12)

Vantaġġ (f'miljuni ta' EUR), imqarreb għall-eqreb numru sħiħ

 

– 494

310

184

(19)

It-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għal CHP ġie introdott mill-KWKG 2002. Għall-konsumaturi aħħarin b'konsum annwali ta' aktar minn 100 000 kWh (“konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B”), il-KWKG 2002 stabbilixxa ħlas addizzjonali għal CHP massimu ta' 0,05 EUR ċenteżmi/kWh. Għall-konsumaturi aħħarin li joperaw fis-settur tal-manifattura b'konsum li jaqbeż il-100 000 kWh u li għalihom l-ispejjeż tal-elettriku jirrappreżentaw aktar minn 4 % tal-fatturat (“konsumaturi aħħarin tal-Kategorija C”), il-KWKG 2002 stabbilixxa ħlas addizzjonali għal CHP massimu ta' 0,025 EUR ċenteżmi/kWh.

2.2.2.   Il-ħlas addizzjonali għal CHP u t-tnaqqis skont il-KWKG 2016, kif emendat fit-22 ta' Diċembru 2016

(20)

L-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li mill-1 ta' Jannar 2017 'il quddiem, it-tnaqqis se jingħata biss lill-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-elettriku u li jkunu eliġibbli għal tnaqqis fis-soprataxxa EEG (jiġifieri l-ħlas addizzjonali li fil-Ġermanja qed jiġi impost fuq l-elettriku għal finijiet ta' ffinanzjar tas-sostenn lis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli skont l-EEG) abbażi tal-paragrafu 63 (1) tal-Att dwar is-Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli (Erneuerbare-Energien-Gesetz, EEG 2014 (13)) flimkien mal-paragrafu 64 tal-EEG (ara l-paragrafu 27a tal-KWKG 2016, kif emendat). Dan ir-rekwiżit jimplika li:

(a)

l-impriża għandha tifforma parti minn wieħed mis-setturi elenkati fl-Anness 4 mal-EEG;

(b)

l-elettriku li huwa soġġett għas-soprataxxa tal-EEG u li ntuża mill-impriża stess kien mill-inqas 1 GWh tul l-aħħar sena finanzjarja fil-punt ta' konsum ikkonċernat;

(c)

l-impriża kkonċernata tista' tiġi kklassifikata fil-punt ta' konsum ikkonċernat f'wieħed mis-setturi tal-Anness 4 għall-EEG;

(d)

l-intensità elettrika tal-impriża tammonta għal:

—

14 % għall-impriżi tal-lista 1 tal-Anness 4 għall-EEG;

—

20 % għall-impriżi tal-lista 2 tal-Anness 4 għall-EEG;

(e)

l-impriża għandha tapplika sistema ta' mmaniġġjar tal-enerġija jew ambjentali ċċertifikata. Jekk ikollha konsum ta' inqas minn 5 GWh, tista' tuża sistemi alternattivi għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika.

(f)

l-intensità elettrika tal-impriża tiġi kkalkulata bħala l-proporzjon bejn l-ispejjeż tal-elettriku u l-medja aritmetika tal-valur miżjud gross (GVA) tul l-aħħar 3 snin fiskali li ngħalqu. L-ispejjeż rilevanti tal-elettriku jikkorrispondu għall-konsum tal-elettriku preżunt tal-impriża mmultiplikat bil-prezz tal-elettriku preżunt. Il-konsum tal-elettriku preżunt jikkorrispondi għall-medja aritmetika tul l-aħħar 3 snin fiskali li ngħalqu (14). Il-prezz tal-elettriku preżunt jikkorrispondi għall-prezz medju tal-elettriku bl-imnut li jgħodd għall-impriżi b'livell simili ta' konsum tal-elettriku.

(21)

Għal impriża li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, il-ħlas addizzjonali għal CHP għandu limitu kif ġej:

(a)

konsum sa 1 GWh: l-ebda limitu massimu — ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ;

(b)

għall-bqija tal-konsum: 15 % tal-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ.

(22)

Madankollu, l-ammont totali tal-ħlas addizzjonali huwa limitat, għall-punti ta' konsum kollha li jibbenefikaw minn tnaqqis bil-perċentwali li ġejjin applikati għall-medja aritmetika tal-GVA tal-impriża tul l-aħħar 3 snin ta' kontabilità li ngħalqu, għal:

(a)

0,5 % tal-GVA għall-impriżi li jilħqu intensità elettrika ta' mill-inqas 20 %;

(b)

4 % tal-GVA għall-impriżi b'intensità elettrika taħt l-20 %.

(23)

F'kull każ, it-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għal CHP li jirriżulta mil-limiti massimi ma jistax jirriżulta f'ammont aktar baxx minn 0,03 EUR ċenteżmi/kWh għall-elettriku li jaqbeż il-1 GWh.

(24)

Għas-sena 2017, il-KWKG 2016, kif emendat, jistabbilixxi l-livell tal-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ b'0,438 EUR ċenteżmi/kWh (paragrafu 37 tal-KWKG 2016, kif emendat).

2.2.3.   Il-pjan ta' aġġustament

(25)

L-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw ir-rati ta' ħlas addizzjonali għal CHP għall-perjodu 2011-2016 kif ġej:

 

Rata sħiħa

(f'EUR ċenteżmi/kWh)

Konsumaturi aħħarin tal-Kat. B

Konsumaturi aħħarin tal-Kat. C

(f'EUR ċenteżmi/kWh)

% tar-rata sħiħa

(f'EUR ċenteżmi/kWh)

% tar-rata sħiħa

2011

0,03

0,03

100

0,025

83

2012

0,002

0,05

2 500

0,025

1 250

2013

0,126

0,06

48

0,025

20

2014

0,178

0,055

31

0,025

14

2015

0,254

0,051

20

0,025

10

2016

0,445

0,04

9

0,03

7

(26)

L-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw li billi l-ħlas addizzjonali kien stabbilit abbażi tal-ħtiġijiet ta' finanzjament stmati għall-appoġġ u b'mekkaniżmu ta' korrezzjoni fil-każijiet fejn l-istimi kienu għoljin iżżejjed (jew baxxi żżejjed), il-ħlas addizzjonali għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija A ġieli kien baxx ħafna, jew peress li l-appoġġ stmat kien baxx tul ċerta sena jew minħabba korrezzjonijiet għal snin preċedenti li fihom il-ħlas addizzjonali kien għoli żżejjed. Dan ġara, pereżempju, fil-każ tas-sena 2012, fejn il-ħlas addizzjonali għal CHP kien baxx minħabba korrezzjoni dovuta għall-ħlas addizzjonali għal CHP tal-2009, li nstab li kien għoli żżejjed meta mqabbel maċ-ċifri reali. Min-naħa l-oħra, il-ħlas addizzjonali għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija Ċ baqa' f'livell fiss u b'hekk fl-2012 jirrappreżenta perċentwal ogħla tal-ħlas addizzjonali normali.

(27)

L-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw pjan ta' aġġustament għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B u Ċ. Dan il-pjan jimmira biex b'mod progressiv iġib il-ħlasijiet addizzjonali għal CHP imħallsa mill-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B u Ċ fil-livell ta' 100 %, fil-każ tal-utenti mingħajr użu intensiv tal-elettriku, u fil-livell ta' 15 % tal-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ, fil-każ tal-utenti b'intensità elettrika għolja, sal-2019.

(28)

Il-pjan ta' aġġustament jibda mill-2011. Billi l-ħlasijiet addizzjonali mħallsa mill-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B u Ċ rrappreżentaw total ta' aktar minn 100 % tal-ħlas addizzjonali normali għall-2011 u l-2012, il-pjan ta' aġġustament japplika għall-utenti li ma jużawx l-elettriku b'mod estenżiv mill-2013 'il quddiem biss. Il-konsumaturi tal-Kategorija B fir-realtà ħallsu b'kollx, għall-2013-2016, aktar minn dak li jeħtieġ il-pjan ta' aġġustament (21 % minflok sa 12,5 %), u b'hekk fil-prattika l-aġġustament tagħhom ikollu jsir biss mill-2017 'il quddiem. L-aġġustament tal-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija C se jsir mill-2016 'il quddiem peress li għall-perjodu 2013-2015 huma ħallsu total li jaqbeż dak li kien jirrikjedi l-pjan ta' aġġustament (13 % minflok sa 12,5 %).

(29)

Fejn jidħlu l-utenti b'intensità elettrika għolja, dawn ħallsu total ta' 15 % tal-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ għall-perjodu mill-2011 sal-2016. Il-pjan ta' aġġustament se jgħodd għalihom fil-prattika mill-2017 'il quddiem.

(30)

Għas-snin 2017 u 2018, il-pjan ta' aġġustament huwa bbażat fuq ir-regola li l-ħlas addizzjonali jirrappreżenta darbtejn il-ħlas addizzjonali tas-sena ta' qabel, jiġifieri l-ħlas addizzjonali se jammonta għal 0,060 EUR ċenteżmi/kWh jew 0,080 EUR ċenteżmi/kWh fl-2017, skont jekk il-konsumaturi aħħarin jiffurmawx parti mill-Kategorija B jew Ċ, u għal 0,120 EUR ċenteżmi/kWh jew 0,160 EUR ċenteżmi/kWh fl-2018, skont jekk il-konsumaturi aħħarin jiffurmawx parti mill-Kategorija B jew Ċ. Fl-2019, huma se jħallsu 100 % tal-ħlas addizzjonali. Madankollu, għall-utenti b'intensità elettrika għolja, il-ħlas addizzjonali għal CHP mhux se jkun jista' jaqbeż il-15 % tal-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ.

(31)

Il-pjanijiet ta' aġġustament isegwu l-iskema li ġejja:

(%)

 

Konsumaturi aħħarin tal-Kat. B (mingħajr użu intensiv tal-elettriku)

Konsumaturi aħħarin tal-Kat. C (mingħajr użu intensiv tal-elettriku)

Utenti intensivi tal-elettriku

2011

7

7

7

2012

8,1

8,1

8,1

2013

9,2

9,2

9,2

2014

10,3

10,3

10,3

2015

11,4

11,4

11,4

2016

12,5

12,5 (0,056 EUR ċenteżmi/kWh)

12,5

2017

18,3 (0,08 EUR ċenteżmi/kWh)

13,7 (0,06 EUR ċenteżmi/kWh)

13,7 (0,06 EUR ċenteżmi/kWh) jekk ikun eks konsumatur aħħari tal-Kategorija C u 15 % jekk ikun eks konsumatur aħħari tal-Kategorija B.

2018

36,5 (0,16 EUR ċenteżmi/kWh)

27,4 (0,12 EUR ċenteżmi/kWh)

15

2019

100

100

15

(32)

Fil-każ li l-ħlas addizzjonali għal CHP imħallas fil-passat kien aktar baxx mil-livell stabbilit fil-pjan ta' aġġustament, il-benefiċjarji jintalbu jħallsu d-differenza.

(33)

Dan hu l-każ tal-utenti mingħajr użu intensiv tal-elettriku tal-Kategorija Ċ. Għall-2016, se jkunu mitluba jħallsu ammont addizzjonali ta' 0,026 EUR ċenteżmi/kWh peress li huma ħallsu 0,03 EUR ċenteżmi/kWh filwaqt li kellhom iħallsu 0,056 EUR ċenteżmi/kWh skont il-pjan ta' aġġustament (ara l-paragrafu 36 tal-KWKG 2016, kif emendat). Dan l-ammont se jiġi inkluż fil-kont finali għall-2016. Madankollu, l-impriża mhux se jkollha tħallas l-ammont addizzjonali ta' 0,026 EUR ċenteżmi/kWh jekk il-valur totali tat-tnaqqis għall-perjodu 2014-2016 ma jaqbiżx il-EUR 160 000. Il-Ġermanja indikat li dan il-livell limitu jiżgura li t-tnaqqis ma jissodisfax il-kriterji kollha li jikkaratterizzaw għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tar-regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (15) (de minimis).

(34)

Il-pjan ta' aġġustament ġie promulgat mill-2016 bl-Att tat-22 ta' Diċembru 2016 (paragrafu 36 tal-KWKG 2016, kif emendat).

2.3.   Aktar dettalji dwar l-istabbiliment u l-ġbir tal-ħlas addizzjonali għal CHP

(35)

Sabiex jiġi żgurat li kull operatur ta' netwerk jiġi kkumpensat għall ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-obbligu tiegħu ta' kumpens, il-KWKG 2016 jorganizza sistema li biha l-piż li jirriżulta mill-obbligi ta' xiri u ta' kumpens jinfirex b'mod ugwali bejn l-operaturi tan-netwerks ta' trażmissjoni proporzjonalment mal-konsum tal-konsumaturi aħħarin konnessi mal-grilja tagħhom jew in-netwerks ta' distribuzzjoni konnessi man-netwerks ta' trażmissjoni tagħhom, u mbagħad huma jingħataw kumpens sħiħ permezz tal-ħlas addizzjonali għal CHP, li huwa wkoll proporzjonali għall-konsum fin-netwerk rispettiv tagħhom (paragrafi 26-28 tal-KWKG 2016, kif innotifikat, u l-paragrafu 29 tal-KWKG 2016, kif emendat). Il-karatteristiki tas-sistema jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

(a)

l-operaturi tan-netwerks jiġbru l-ħlas addizzjonali għal CHP mill-konsumaturi aħħarin konnessi mal-grilja tagħhom;

(b)

l-operaturi kollha tan-netwerks ta' distribuzzjoni jistgħu jitolbu kumpens sħiħ tal-ispejjeż żejda (li jirriżultaw mill-obbligu tagħhom li jħallsu primjums għall-installazzjonijiet ta' CHP konnessi mal-grilja tagħhom, ara l-premessa 65 tad-deċiżjoni tal-ftuħ) mingħand l-operatur rispettiv tagħhom tan-netwerk ta' trażmissjoni; b'hekk, il-piż jiġi ttrasferit lill-operaturi tan-netwerks ta' trażmissjoni;

(c)

l-operaturi tan-netwerks ta' trażmissjoni jibbilanċjaw il-piż finanzjarju bejniethom b'tali mod li kull wieħed minnhom iġorr l-istess piż proporzjonalment mal-konsum tal-konsumaturi aħħarin konnessi (b'mod dirett jew indirett) mal-grilja tagħhom; imbagħad

(d)

l-operaturi tan-netwerks ta' trażmissjoni jingħataw kumpens mill-operaturi tan-netwerks ta' distribuzzjoni biex b'hekk kull operatur ta' netwerk iġorr l-istess piż proporzjonalment mal-konsum tal-konsumaturi aħħarin konnessi man-netwerks ta' distribuzzjoni rispettivi u proporzjonalment mal-ħlas addizzjonali għal CHP miġbur. F'termini konkreti, dan jimplika li l-operaturi tan-netwerks ta' distribuzzjoni jittrasferixxu l-flejjes miġbura mill-ħlas addizzjonali għal CHP lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni rispettiv tagħhom (peress li huma wkoll diġà ttrasferixxew il-piż finanzjarju kollu lilhom kif spjegat taħt il-pass b ta' hawn fuq) (16).

(36)

Din is-sistema tinżamm skont il-KWKG 2016, kif emendat; titfisser, però, f'aktar dettalji u b'mod aktar ċar fil-KWKG 2016, kif emendat. Hemm tibdila waħda ċara rigward kif il-ħlas addizzjonali għal CHP jinġabar mingħand il-benefiċjarji: wara l-emendi introdotti bl-Att tat-22 ta' Diċembru 2016, il-ħlas addizzjonali għal CHP imnaqqas li jħallsu l-utenti b'intensità elettrika għolja jinġabar direttament mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (paragrafu 27(2) tal-KWKG 2016, kif emendat).

(37)

Kif diġà ġie deskritt fid-deċiżjoni tal-ftuħ (premessa 79), il-KWKG 2016, kif innotifikat, jistabbilixxi l-metodoloġija li għandha tintuża mill-operaturi tan-netwerks ta' trażmissjoni biex jikkalkulaw il-ħlas addizzjonali għal CHP. Minn naħa, il-livell tal-ħlas addizzjonali għal CHP huwa funzjoni tal-ammont ipproġettat tal-għajnuna u l-provvista pproġettata tal-elettriku lill-konsumaturi aħħarin konnessi mal-grilja pubblika u n-netwerks ta' distribuzzjoni magħluqa. Min-naħa l-oħra, se jqis korrezzjonijiet għas-snin preċedenti u tnaqqis għal ċerti kategoriji ta' konsumaturi aħħarin. Il-liġi wkoll tistabbilixxi limitu ta' kull sena għall-baġit tal-iskema u b'hekk anki tal-ħlas addizzjonali totali (paragrafu 29 tal-KWKG 2016, kif innotifikat).

(38)

Din il-metodoloġija tinżamm fil-KWKG 2016, kif emendat (paragrafu 26a tal-KWKG 2016, kif emendat). Madankollu għall-2017, il-KWKG 2016, kif emendat, jiddevja minn din il-metodoloġija u jistabbilixxi l-livell tar-rata normali tal-ħlas addizzjonali għal CHP direttament fil-liġi (b'ammont ta' 0,438 EUR ċenteżmi/kWh, ara l-paragrafu 37(1) tal-KWKG 2016, kif emendat).

2.4.   Durata

(39)

L-awtoritajiet Ġermaniżi impenjaw ruħhom li jerġgħu jinnotifikaw it-tnaqqis tal-ħlas addizzjonali għal CHP mhux aktar tard minn 10 snin mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

2.5.   Riċevitur(i)

(40)

Qabel l-emendi li saru bl-Att tat-22 ta' Diċembru 2016, kien hemm żewġ kategoriji ta' benefiċjarji tat-tnaqqis.

(41)

Minn naħa, dawn kienu indirizzati lill-hekk imsejħa konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B, jiġifieri l-konsumaturi aħħarin b'konsum annwali li jaqbeż il-1 GWh (ara wkoll il-premessa 15 ta' hawn fuq). L-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettew li huma m'għandhomx informazzjoni preċiża dwar is-setturi li fihom ikunu qed joperaw il-benefiċjarji tal-Kategorija B, iżda indikaw li b'mod ġenerali, il-kumpaniji mis-setturi tal-manifattura kellhom konsum ta' aktar minn 1 GWh, bl-eċċezzjoni ta' 17-il settur, b'konsum medju ta' 1 GWh/a, kif elenkati fit-Tabella 23 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(42)

L-informazzjoni pprovduta matul il-fażi ta' investigazzjoni preliminari wkoll uriet li l-impriżi li joperaw fis-settur tas-servizzi ġeneralment ikollhom livelli ta' konsum taħt il-1 GWh, bl-eċċezzjoni ta' ftit setturi, bħall-kura fl-isptarijiet u l-lukandi (ara t-Tabelli 6 u 7 tad-deċiżjoni tal-ftuħ u l-premessa 127 tagħha.)

(43)

Min-naħa l-oħra, qabel l-emendi li saru permezz tal-Att tat-22 ta' Diċembru 2016, it-tieni kategorija ta' benefiċjarji tat-tnaqqis kienu 'l hekk imsejħa konsumaturi aħħarin tal-Kategorija Ċ, jiġifieri konsumaturi aħħarin li joperaw fis-settur tal-manifattura b'konsum li jaqbeż il-1 GWh u li għalihom l-ispejjeż tal-elettriku jirrappreżentaw aktar minn 4 % tal-fatturat.

(44)

L-awtoritajiet Ġermaniżi ma pprovdewx informazzjoni ddettaljata dwar is-setturi jew it-tipi ta' impriżi li jikkonformaw ma' dawn il-kundizzjonijiet, iżda indikaw li l-parti l-kbira minnhom jikkwalifikaw bħala utenti b'intensità elettrika għolja skont it-tifsira kif stabbilita fl-Iskema ta' kumpens speċjali “Besondere Ausgleichregelung” fil-qafas tal-EEG (il-“BesAR”).

(45)

Wara l-emendi introdotti bl-Att tat-22 ta' Diċembru 2016, il-benefiċjarji tat-tnaqqis ikunu l-utenti b'intensità elettrika għolja li jissodisfaw il-kriterji deskritti taħt il-premessa 20 ta' hawn fuq. Jiġifieri, l-utenti b'intensità elettrika għolja skont it-tifsira tal-BesAR. F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu indikaw matul il-fażi ta' investigazzjoni preliminari li l-kumpaniji li qed jibbenefikaw mis-soprataxxi tal-EEG mnaqqsa u li huma inklużi fil-BesAR kienu qed joperaw primarjament fis-setturi elenkati fit-Tabella 3 ta' hawn taħt.

Tabella 3

Stampa ġenerali tas-setturi tal-BesAR

Attivitajiet ekonomiċi [WZ 2008]

Għadd ta' punti ta' twassil

Elettriku b'tariffa preferenzjali [GWh]

0800 Minjieri u estrazzjoni għajr materjal li jipproduċi l-enerġija

171

516

1000 Manifattura ta' prodotti tal-ikel

414

3 754

1100 Manifattura ta' xorb

38

364

1300 Manifattura ta' tessuti

63

687

1600 Manifattura ta' injam u ta' prodotti tal-injam u tas-sufra, għajr għamara; eċċ.

142

3 038

1700 Manifattura tal-polpa, tal-karta u tal-prodotti mill-karta

118

11 843

1800 Manifattura ta' karta u ta' prodotti tal-karta eċċ.

28

353

1900 Manifattura ta' kokk u prodotti taż-żejt (petroleum) raffinat

15

[…] (*1)

2000 Manifattura tal-kimiċi u tal-prodotti kimiċi

283

28 421

2200 Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik

351

3 984

2300 Manifattura tal-ħġieġ u ta' prodotti tal-ħġieġ, ċeramika eċċ.

285

7 550

2400 Manifattura ta' metalli bażiċi

280

24 351

2500 Manifattura ta' prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr makkinarju u tagħmir

205

1 453

2600 Manifattura tal-kompjuters eċċ.

21

337

2700 Manifattura ta' tagħmir elettriku

26

799

2800 Makkinarju

21

474

2900 Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers

30

320

3100 Manifattura tal-għamara

5

[…] (*1)

3800 Attivitajiet ta' ġbir u trattament ta' skart u disponiment minnu; eċċ.

90

544

4900 Trasport bl-art u trasport permezz ta' servizzi ta' pipeline

130

12 443

Għajnuna lil setturi oħrajn

61

1 624

Total

2 777

105 935

Sors: BAFA, Mejju 2016.

(46)

L-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw ukoll li bis-sistema ta' tnaqqis il-ġdida, il-benefiċjarji se jammontaw għal madwar 2 000 kumpanija tal-manifattura, b'konsum annwali totali stmat tal-elettriku ta' madwar 100 TWh.

2.6.   L-objettiv tal-ħlas addizzjonali mnaqqas

(47)

L-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw li fil-fehma tagħhom, it-tnaqqis huwa meħtieġ sabiex ikun jista' jinżamm is-sostenn għas-CHP peress li dan is-sostenn huwa possibbli biss jekk l-imposti ma jipperikolawx il-kompetittività tal-kumpaniji kkonċernati. L-awtoritajiet Ġermaniżi jibżgħu li l-ħlas addizzjonali sħiħ jista', fuq medda medja ta' żmien, iwassal għal tnaqqis sinifikanti fl-investimenti u dgħajfien fil-ktajjen tal-valur fil-Ġermanja u jżidu li mingħajr it-tnaqqis, l-appoġġ għas-CHP kif ukoll l-objettiv relatat ta' effiċjenza enerġetika u tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 kieku ma jibqgħux jiġu aċċettati.

(48)

Fl-aħħar, l-awtoritajiet Ġermaniżi enfasizzaw li l-piż tal-ħlas addizzjonali għal CHP jiżdied mal-piż diġà maħluq mis-soprataxxa tal-EEG, ukoll immirata biex tipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jiġi ffinanzjat appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, b'dan tal-aħħar ikun politika mmirata — bħall-appoġġ għas-CHP — għad-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku fil-Ġermanja.

2.7.   Raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura

(49)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni rrikonoxxiet is-similaritajiet bejn l-appoġġ għas-CHP u l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u s-similaritajiet bejn il-ħlasijiet addizzjonali għal CHP u s-soprataxxi għall-enerġija rinnovabbli. Irrikonoxxiet li jista' jkun hemm raġunijiet għaliex wieħed jiffinanzja s-sostenn għas-CHP mill-ħlasijiet addizzjonali fuq l-elettriku u li t-tnaqqis għal ċerti konsumaturi aħħarin jista' jkun neċessarju sabiex jiġi żgurat sors ta' finanzjament regolari, iżda wkoll sostenibbli, għall-appoġġ u b'hekk jinżammu l-objettivi ambizzjużi dwar it-tibdil fil-klima li qed jiġu segwiti bl-appoġġ għas-CHP. Madankollu, il-Kummissjoni għandha dubji fejn jidħlu l-proporzjonalità u n-neċessità tal-miżura ta' għajnuna u b'hekk anki t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

(50)

Il-Kummissjoni indikat ukoll li kienet se tuża l-kriterji ta' eliġibbiltà u ta' proporzjonalità tal-premessi 185 sa 192 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija 2014-2020 (17) (“l-EEAG”) bħala gwida u osservat, f'dan ir-rigward, li t-tnaqqis mogħti mill-Ġermanja ma kienx limitat għall-istess kategorija ta' utenti, u b'mod partikolari t-tnaqqis ma deherx li kien limitat għall-impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-elettriku u li qed jiffaċċjaw il-kompetizzjoni internazzjonali (u għaldaqstant ma jkunux f'pożizzjoni jgħaddu l-ispejjeż tagħhom lill-klijenti).

(51)

Għalhekk il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali.

3.   IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI RIGWARD IL-ĦLAS ADDIZZJONALI GĦAL CHP MNAQQAS

3.1.   Kummenti minn BV Glas

(52)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn BV Glas, il-korp kummerċjali tal-industrija Ġermaniża tal-ħġieġ. BV Glas tindika li l-industrija tal-ħġieġ timpjega b'mod dirett 53 000 ruħ fil-Ġermanja, għandha fatturat ta' EUR 9,2 biljun (2015), li s-settur jinsab espost ħafna għall-kummerċ u li l-parti l-kbira tal-kumpaniji li jipproduċu l-ħġieġ jikkwalifikaw bħala konsumaturi aħħarin tal-Kategorija C.

(53)

BV Glas issostni li l-miżura ma tikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat peress li ma tinvolvix flussi finanzjarji mill-baġit tal-Istat. Hija ma tipprovdi l-ebda dettall biex issostni din l-idea, iżda biss tosserva li l-ħlas addizzjonali għal CHP huwa simili għas-soprataxxa tal-EEG, li skont hi wkoll ma tikkwalifikax bħala riżorsa statali, u tirreferi għall-kummenti li hija bagħtet lill-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura SA.33995 (2013/C) (18). Tqis ukoll li l-miżura mhux qed tipprovdi vantaġġ, mhijiex selettiva u m'għandhiex impatt fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni, mingħajr ma tipprovdi aktar spjegazzjonijiet.

(54)

Barra minn hekk, BV Glas tikkunsidra li t-tnaqqis mogħti lill-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B u Ċ huwa kompatibbli mas-suq intern billi huma neċessarji għall-iżgurar tal-Energiewende fil-Ġermanja u tal-objettivi relatati tal-protezzjoni tal-klima. Mingħajr it-tnaqqis, l-objettiv dwar it-tibdil fil-klima segwit bis-saħħa tal-miżuri ta' appoġġ iffinanzjati bil-ħlas addizzjonali jitqiegħed f'periklu: minn naħa, mingħajr tnaqqis, il-ħlas addizzjonali għal CHP mhuwiex sostenibbli għas-setturi kkonċernati. Kieku jirriżulta f'telf ta' tant impjiegi li l-politika dwar l-appoġġ għas-CHP kien ikollha tiġi abbandunata (flimkien mal-objettivi ambizzjużi dwar it-tibdil fil-klima); barra minn hekk, kien ikun probabbli li l-industrija timxi lejn pajjiżi b'politiki dwar il-klima inqas ambizzjużi. Il-proporzjonalità tal-miżura tirriżulta mill-fatt li l-benefiċjarji kkonċernati xorta jħallsu ċertu sehem mill-ħlas addizzjonali għal CHP.

(55)

B'mod partikolari fl-industrija tal-ħġieġ, l-għajbien tal-ħlasijiet addizzjonali għal CHP ikun jimplika żieda ta' 17-il darba l-ħlas addizzjonali, li jkollu jitħallas flimkien mat-taxxa fuq l-enerġija, is-soprataxxa ta' EEG u ħlasijiet miżjuda għan-netwerk li jirriżultaw mis-sehem dejjem jiżdied tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-produzzjoni. F'dan il-kuntest, BV Glas tenfasizza li l-investimenti fl-industrija tal-ħġieġ fil-Ġermanja qed jonqsu, u dan hu dovut għall-ħlasijiet addizzjonali għoljin imposti fuq l-enerġija. BV Glas tiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ktajjen tal-valur marbuta mal-industrija tal-ħġieġ; dawn kieku jispiċċaw ukoll kieku l-industrija tal-ħġieġ titmexxa lejn pajjiżi oħrajn.

(56)

BV Glas tqis ukoll li l-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-Kategorija Ċ għall-konsumaturi aħħarin li joperaw fis-settur tal-manifattura ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni u tikkonforma wkoll mal-loġika tas-sistema peress li b'mod ġenerali, għall-kuntrarju tal-fornituri ta' servizz, is-settur tal-manifattura huwa prenditur tal-prezzijiet, jiffaċċja kompetizzjoni internazzjonali qawwija u ma jistax jgħaddi l-ispejjeż lill-klijenti. Barra minn hekk, BV Glas issostni li ġeneralment, is-settur tas-servizzi għandu emissjonijiet aktar baxxi tas-CO2, u d-delokalizzazzjoni ta' attivitajiet ta' servizz, kieku, ma timplikax riskji ta' rilokazzjoni ta' tnixxijiet ta' karbonju; dawk ukoll ġeneralment jitmexxew lejn Stat Membru ieħor u ma joħorġux barra mill-Unjoni.

(57)

BV Glas tispjega wkoll li l-industrija tal-ħġieġ diġà laħqet livell għoli ta' effiċjenza enerġetika u li rata ogħla ta' ħlasijiet imposti kieku ma sservix ta' inċentiv għal aktar tnaqqis. Barra minn hekk, BV Glas tispjega li l-utenti b'intensità elettrika għolja qed jiġu inċentivati b'mod kontinwu biex itejbu l-effiċjenza enerġetika minħabba s-sehem għoli li jirrappreżentaw il-prezzijiet tal-enerġija mit-total tal-ispejjeż tal-produzzjoni (ta' spiss bejn 20 % u 50 %). Qed jiġi enfasizzat ukoll li tul is-snin l-industrija Ġermaniża tal-ħġieġ tejbet b'mod kontinwu r-rata tagħha ta' effiċjenza enerġetika u li l-industrija Ġermaniża tal-ħġieġ qed tieħu sehem f'diversi inizjattivi mmirati biex itejbu l-effiċjenza enerġetika. Tifforma wkoll parti minn ftehim (permezz tal-Federazzjoni tal-Industriji Ġermaniżi BDI) li bih l-industrija impenjat ruħha li ttejjeb l-effiċjenza enerġetika b'1,35 % fis-sena.

(58)

Fl-aħħar nett, BV Glas tqis li aspettattivi leġittimi jipprevjenu l-irkupru fil-każ attwali, billi f'deċiżjoni tal-2002, il-Kummissjoni kkonkludiet li verżjoni preċedenti tal-KWKG ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna.

3.2.   Trimet

(59)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll ittra qasira mingħand Trimet, li fiha Trimet tqis it-tnaqqis bħala meħtieġ peress li l-ħlas addizzjonali sħiħ kieku jirrappreżenta ammont ta' madwar EUR […] (*2) u b'hekk kieku jikkonsma parti kbira mir-riżultat tal-grupp. Trimet indikat li kienet favur l-idea li t-tnaqqis għandu jiġi limitat għall-utenti intensivi fl-użu tal-elettriku eliġibbli għal tnaqqis fis-soprataxxa ta' EEG fil-qafas tal-BesSAR.

4.   KUMMENTI SOTTOMESSI MILL-AWTORITAJIET ĠERMANIŻI WARA D-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ RIGWARD IL-ĦLAS ADDIZZJONALI GĦAL CHP IMNAQQAS

(60)

L-awtoritajiet Ġermaniżi jqisu li l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali ma kienx iġġustifikat peress li matul il-fażi tal-investigazzjoni preliminari ntwera li t-tnaqqis kien meħtieġ u proporzjonat. Il-Ġermanja ma tipprovdix elementi addizzjonali fuq dan il-punt, iżda tindika li s-sistema ta' tnaqqis ġiet emendata u li issa t-tnaqqis jingħata biss lill-utenti intensivi fl-użu tal-elettriku li qed jiffaċċjaw kompetizzjoni internazzjonali.

(61)

L-awtoritajiet Ġermaniżi jenfasizzaw li s-sistema l-ġdida ta' tnaqqis li ġiet introdotta bl-Att tat-22 ta' Diċembru 2016 hija bbażata kollha fuq il-kriterji ta' eleġibbiltà u ta' proporzjonalità użati għall-għoti tat-tnaqqis fis-soprataxxa EEG fil-qafas tal-BesAR li l-Kummissjoni approvat fil-kawża SA.38632 (2014/N) il-Ġermanja — EEG 2014 — Riforma tal-liġi dwar l-enerġija rinnovabbli.

(62)

L-awtoritajiet Ġermaniżi jispjegaw ukoll li l-objettiv tal-ħlas addizzjonali għal CHP huwa li jikkontribwixxi għall-għan komuni tal-effiċjenza enerġetika u tal-ħarsien tal-ambjent. Huma jammettu li teoretikament, tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku inġenerali jista' jnaqqas l-inċentiv biex wieħed jiffranka l-elettriku, iżda li dan mhuwiex il-każ hawnhekk peress li għal min jagħmel użu intensiv mill-elettriku, il-prezz tal-elettriku fih innifsu huwa inċentiv suffiċjenti biex huwa jsir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-ħlas addizzjonali għal CHP, imqarr imnaqqas, iżid l-ispejjeż tal-elettriku għal dawk il-kumpaniji u l-inċentiv biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(63)

L-awtoritajiet Ġermaniżi jagħtu eżempju ta' kumpanija b'konsum tal-enerġija annwali totali ta' 10 GWh li għandha potenzjal ta' ffrankar ta' 1 GWh. L-iffrankar potenzjali jammonta għal EUR 112 000 kieku jitħallas il-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ. Bi ħlas addizzjonali għal CHP imnaqqas, l-iffrankar xorta jkun jammonta għal EUR 109 000 (19). L-awtoritajiet Ġermaniżi jenfasizzaw li l-eżempju juri li l-iffrankar tal-elettriku huwa vallapena anki bit-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għal CHP. Barra minn hekk, il-benefiċjarji ġeneralment jużaw sistema ċċertifikata ta' ġestjoni tal-enerġija. Għaldaqstant, hekk kif qed jiżdied l-għarfien, il-probabbiltà li l-kumpaniji jidentifikaw u jimplimentaw miżuri ta' effiċjenza enerġetika sejra potenzjalment tiżdied. Barra minn hekk, minħabba l-paralleliżmu bejn l-iskemi ta' tnaqqis għall-ħlas addizzjonali għal CHP u għas-soprataxxa EEG, l-inċentivi għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija suppost jiżdiedu aktar bis-saħħa tas-soprataxxa EEG.

Image 1

(64)

L-awtoritajiet Ġermaniżi jenfasizzaw li s-sistema ta' tnaqqis il-ġdida li ġiet introdotta bl-Att tat-22 ta' Diċembru 2016 għandha fil-mira tagħha lil dawk l-utenti li jużaw ħafna elettriku soġġetti għall-kompetizzjoni internazzjonali, jiġifieri dawk mhedda b'falliment jew b'delokalizzazzjoni kieku jkollhom iġarrbu l-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ, iżda dawn il-kumpaniji madankollu se jibqgħu jikkontribwixxu għall-iffinanzjar tal-appoġġ (jiġifieri, 15 % tal-ħlas addizzjonali, għajr jekk il-ħlas addizzjonali jilħaq ċertu livell ta' GVA).

(65)

L-awtoritajiet Ġermaniżi nnutaw li t-tnaqqis għandu impatt limitat peress li f'termini relattivi, il-ħlas addizzjonali għal CHP ma tantx huwa għoli. F'kull każ, skont huma, l-impatti negattivi jiġu kkumpensati minn impatt pożittiv.

(66)

Abbażi tad-data disponibbli dwar il-kumpaniji eliġibbli għas-soprataxxa EEG imnaqqsa, l-awtoritajiet Ġermaniżi sabu permezz ta' simulazzjoni li l-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ kieku jammonta għal 0,255 EUR ċenteżmi/KWh li kieku ma jgħodd l-ebda tnaqqis (il-ħlas addizzjonali għal CHP “nozzjonali” fit-tabella ta' hawn taħt) u li din ir-rata xorta tirrappreżenta bejn 1 u 9 % tal-GVA għal kampjun ta' madwar 100 kumpanija eliġibbli għall- imposti mnaqqsa tal-EEG u b'konsum ta' aktar minn 1 GWh. Ġew ipprovduti ċifri aġġornati matul l-investigazzjoni formali li juru li għall-ewwel 20 kumpanija eliġibbli għall-BeSAR (skont il-konsum), il-ħlas addizzjonali għal CHP nozzjonali kieku jirrappreżenta bejn 0,8 u 6 % (abbażi taċ-ċifri tal-2015) tal-GVA u l-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ (li jammonta għal 0,445 EUR ċenteżmi/kWh) jirrappreżenta bejn 1 % u 11 % tal-GVA.

(67)

Ġiet sottomessa wkoll is-simulazzjoni li ġejja sabiex jintwera l-impatt possibbli ta' ħlas addizzjonali sħiħ fuq il-kumpaniji:

Tabella 4

Simulazzjoni tal-impatt ta' ħlas addizzjonali sħiħ

 

Ħlas addizzjonali għal CHP nozzjonali

Ħlas addizzjonali skont il-liġi tas-CHP tal-2016

Konsumatur aħħari

Konsum (GWh)

Piż mingħajr trattament preferenzjali (GWh)

Piż skont il-liġi tas-CHP KWKG 2016 (EUR)

Żieda fil-piż bil-fattur

Kat. B

0,255

0,04

Industrija 1

10

0,0255

8 050

3,17

 

 

 

Industrija 2

100

0,255

44 050

5,79

Kat. C

0,255

0,03

Industrija 3

1 000

2,55

304 150

8,38

(68)

Fl-aħħar mill-aħħar, il-Ġermanja enfasizzat li l-piż tal-ħlas addizzjonali għal CHP jiżdied mal-piż preeżistenti li jirriżulta mis-soprataxxa tal-EEG.

5.   DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-ISKEMA TA' GĦAJNUNA NNOTIFIKATA SOĠĠETTA GĦAL EŻAMINAZZJONI PRELIMINARI (SA.47887)

(69)

L-appoġġ għall-installazzjonijiet ta' CHP ġodda b'kapaċità installata ta' bejn 1 u 50 MWel li ġie nnotifikat mill-awtoritajiet Ġermaniżi bħala SA.42393 (2015/N) u approvat bid-deċiżjoni tal-ftuħ irid jingħata, mix-Xitwa 2017/2018, lill-operaturi magħżula bl-offerti (ara l-premessa 91 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ). Il-parteċipazzjoni f'dawn l-offerti kellha tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-elettriku kollu prodott fl-installazzjoni CHP jiġi injettat fil-grilja pubblika u li, jekk l-elettriku prodott mill-installazzjoni CHP jiġi kkonsmat direttament mill-proprjetarju tal-installazzjoni CHP jew jiġi injettat f'netwerk ta' distribuzzjoni magħluq mingħajr l-ewwel ma jiġi injettat fil-grilja pubblika, l-installazzjoni kkonċernata ma tkunx eliġibbli biex tieħu sehem fl-offerti. L-awtoritajiet Ġermaniżi kienu indikaw li mingħajr dik l-esklużjoni kieku ma kinux ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-proċedura tal-offerti. Ġie spjegat li, ladarba l-elettriku CHP li jiġi kkonsmat mill-produttur stess huwa eliġibbli għal soprataxxa EEG mnaqqsa, l-installazzjonijiet ta' CHP użati għall-awtokonsum kien ikollhom vantaġġ sistematiku meta mqabbla mal-installazzjonijiet ta' CHP li jipprovdu l-elettriku lill-grilja (ara l-premessa 94 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

(70)

Fid-29 ta' Marzu 2017, l-awtoritajiet Ġermaniżi infurmaw lill-Kummissjoni li kienu qegħdin jikkunsidraw li jagħmlu użu mill-awtorizzazzjoni stipulata fil-paragrafu 33a(2)(b)(bb) tal-KWKG 2016, kif emendat, biex jippermettu l-parteċipazzjoni fl-offerti ta' installazzjonijiet CHP li l-elettriku tagħhom jiddaħħal f'netwerk ta' distribuzzjoni magħluq flok li jiġi pprovdut lill-grilja pubblika. L-installazzjonijiet ta' CHP użati għall-awtokonsum, però, jibqgħu ineliġibbli għal parteċipazzjoni fl-appoġġ tal-offerti u l-emenda nnotifikata ma tikkonċernahomx.

(71)

Rigward l-installazzjonijiet ta' CHP użati f'netwerks ta' distribuzzjoni magħluqa, l-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw li l-esklużjoni kienet oriġinarjament ibbażata fuq is-suppożizzjonijiet li ġejjin: meta l-produzzjoni u l-konsum iseħħu fl-istess netwerk magħluq, it-tariffi tan-netwerk jistgħu jkunu aktar baxxi meta mqabbla ma' kostellazzjoni fejn il-konsum kollu jiġi prodott minn installazzjonijiet ta' CHP barra min-netwerk ta' distribuzzjoni magħluq. F'ċerti ċirkostanzi, dan jista' jippermetti lill-operatur tal-installazzjoni ta' CHP fin-netwerk ta' distribuzzjoni magħluq jikseb prezz aħjar għall-elettriku prodott meta mqabbel ma' operatur li jdaħħal l-elettriku fil-grilja pubblika. Fi proċedura tal-offerti li fiha l-operaturi jikkompetu għal primjum fiss li jitħallas b'żieda mal-prezz tas-suq, l-operaturi ta' installazzjonijiet ta' CHP maħsuba biex jintużaw f'netwerks ta' distribuzzjoni magħluqa setgħu kieku jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv, u li kieku dan il-vantaġġ kompetittiv kien sistematiku u sinifikanti, kien jippermetti lil dawk l-operaturi b'mod strateġiku jissottomettu offerti ogħla mill-ispejjeż tagħhom, ħaġa li kienet twassal għal kumpens żejjed. L-awtoritajiet Ġermaniżi żiedu li l-effett imsemmi hawn fuq jista' possibbilment jinqala' anki barra min-netwerks ta' distribuzzjoni magħluqa, iżda li vantaġġ għall-operatur ta' xi installazzjoni CHP ikun fattibbli biss jekk ikun hemm għadd żgħir biss ta' konsumaturi aħħarin konnessi mal-istess grilja. Għaldaqstant, fi grilja pubblika, l-effett ġeneralment ma jwassalx għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

(72)

Madankollu, wara li wettqu studju aktar fid-dettall tal-kwistjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi osservaw li netwerks ta' distribuzzjoni magħluqa jiġu f'konstellazzjonijiet differenti u li ġeneralment, it-tariffi tan-netwerks mhux qed jiġu ffrankati, jew l-iffrankar ikun ta' livell pjuttost baxx u r-riskji ta' offerti strateġiċi msemmija fil-premessa 71 ta' hawn fuq huma ħafna aktar baxxi milli wieħed jassumi. Din il-konklużjoni tirriżulta minn għadd ta' osservazzjonijiet li l-awtoritajiet Ġermaniżi rnexxielhom jagħmlu fil-frattemp.

(73)

L-ewwel, sabiex l-offerti strateġiċi jsiru realtà, l-installazzjoni tas-CHP ikollha bżonn tikseb prezz ħafna aħjar għall-elettriku prodott, u dan jimplika li l-iffrankar fit-tariffi tan-netwerk għandu jkun sostanzjali. Biex ikun hemm effett li jista' jitkejjel, sehem kbir mill-produzzjoni irid jinbiegħ għall-konsum lokali. Inkella m'hemmx potenzjal biex wieħed jikseb prezzijiet aħjar.

(74)

It-tieni, il-benefiċjarji ta' tariffi tan-netwerk aktar baxxi huma l-konsumaturi aħħarin kollha fin-netwerk ta' distribuzzjoni magħluq, irrispettivament minn jekk jikkonkludux kuntratt ta' provvista mal-operatur CHP jew le. Għaldaqstant, l-operatur CHP kien ikollu jidħol f'kuntratti mal-konsumaturi aħħarin kollha jew għallinqas mal-maġġoranza tagħhom. Jekk ikun hemm ħafna konsumaturi aħħarin konnessi man-netwerk ta' distribuzzjoni magħluqa, probabbli li dan jirriżulta f'imġiba kkaratterizzata minn opportuniżmu. Il-konsumaturi aħħarin ma jkunux lesti jħallsu lill-operatur ta' CHP prezzijiet ogħla billi t-tariffi tan-netwerk ikunu aktar baxxi f'kull każ. Billi l-installazzjonijiet ta' CHP ikunu assi fit-tul, l-operatur ikollu, barra minn hekk, jiżgura li jkollu kuntratti fit-tul mal-maġġoranza tal-konsumaturi aħħarin konnessi man-netwerk ta' distribuzzjoni magħluq, ħaġa li min-naħa tagħha tnaqqas il-possibbiltà li wieħed jikseb prezzijiet (ħafna) ogħla mingħand il-konsumaturi aħħarin.

(75)

It-tielet, il-konsumaturi aħħarin fin-netwerks ta' distribuzzjoni magħluqa ta' spiss ikunu utenti industrijali intitolati għal tariffi tan-netwerk imnaqqsa minħabba eżenzjonijiet differenti fil-paragrafu 19 tar-Regolament dwar it-Tariffi tan-Netwerks tal-Elettriku (Stromnetzentgeltverordnung). Billi t-tnaqqis huwa bbażat fuq il-profil tal-konsum stabbli jew speċifiku tal-konsumaturi aħħarin kkonċernati u mhux fuq il-fatt li n-netwerk huwa netwerk ta' distribuzzjoni magħluq, ftit li xejn ikun hemm marġni għal tnaqqis sinifikanti fit-tariffi tan-netwerks li jkunu jistgħu jintużaw għan-negozjar ta' prezzijiet ogħla.

(76)

B'riżultat ta' dan, l-awtoritajiet Ġermaniżi osservaw li l-allegat vantaġġ kompetittiv ma kienx neċessarjament sinifikanti u wkoll ma kienx ikun sistematiku, bil-konsegwenza li r-riskju ta' tfigħ ta' offerti strateġiċi kien ikun ħafna aktar baxx milli kien maħsub inizjalment (jekk jeżisti wara kollox). Għaldaqstant, l-awtoritajiet Ġermaniżi qed jikkunsidraw li jippermettu l-parteċipazzjoni ta' installazzjonijiet ta' CHP li jipproduċu l-elettriku li jiġi injettat f'netwerk ta' distribuzzjoni magħluq għall-offerti mingħajr tibdil ulterjuri fid-disinn tal-proċedura ta' offerti. Madankollu, jekk investigazzjonijiet oħrajn tul il-proċedura leġiżlattiva li għaddejja juru li għad hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u li hemm bżonn ta' miżuri speċifiċi fid-disinn tal-proċedura tal-offerti, l-awtoritajiet Ġermaniżi impenjaw ruħhom li jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dawk l-effetti u bi kwalunkwe kontromiżura. F'kull każ, l-awtoritajiet Ġermaniżi impenjaw ruħhom li jinkludu fl-evalwazzjoni tal-iskema ta' appoġġ tas-CHP anki l-parteċipazzjoni tal-installazzjonijiet ta' CHP li jipproduċu elettriku li jiddaħħal f'netwerks ta' distribuzzjoni magħluqa.

(77)

L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-installazzjonijiet ta' CHP ikkonċernati huma l-installazzjonijiet ta' CHP deskritti taħt il-premessi 23 u 63 tad-deċiżjoni tal-ftuħ u li għalihom l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu pprovdew il-kalkoli tal-kostijiet totali livellati tal-produzzjoni ta' enerġija (LCOE) li ġejjin.

Tabella 5

Kalkoli LCOE għal proġetti implimentati minn kuntratturi, mhux fil-qafas tal-BesAR, ikbar minn 100 kWel, fuq 15-il sena (2016 sa 2030) sa 10 MW u fuq 20 sena (2016 sa 2035) aktar minn 10 MW, rata ta' skont ta' 30 % fis-sena — f'EUR ċenteżmi/kWh (valuri tal-2013)

Settur li fih huwa attiv il-klijent tal-kuntrattur

Manifattura tal-komponenti tal-karozzi

manifattur tal-karozzi

manifattur tal-karozzi

manifattur tal-karozzi

manifattur tal-karozzi

manifattur tal-karozzi

Tip ta' installazzjoni

BHKW 5

BHKW 5

DT 1

GT 1

BHKW 6

GUD 1

Kapaċità elettrika

2 000  kW

2 000  kW

5 000  kW

10 000  kW

10 000  kW

20 000  kW

Sigħat b'tagħbija sħiħa

4 500 h/a

8 000 h/a

5 500 h/a

5 500 h/a

5 500 h/a

5 000 h/a

Rata tal-awtokonsum

50 %

100 %

100 %

100 %

100 %

80 %

LCOE

10,42

7,22

12,13

8,42

8,49

11,56

Prezz tas-suq medju

6,77

6,25

6,25

6,25

6,25

5,87

Differenza bejn LCOE u prezz tas-suq

3,65

0,97

5,88

2,17

2,24

5,7

(78)

Bħall-installazzjonijiet ta' CHP l-oħra li jistgħu jipparteċipaw fl-offerti, se jkollhom ikunu installazzjonijiet ta' CHP ta' effiċjenza għolja sabiex ikunu eliġibbli.

(79)

L-għajnuna lill-installazzjonijiet ta' CHP magħżula fil-proċedura tal-offerti tingħata bħala primjum b'żieda mal-prezz tas-suq matul 30 000 siegħa ta' tħaddim b'tagħbija sħiħa. Ma jitħallas l-ebda primjum meta l-valur tal-kuntratti dwar il-provvista tal-elettriku bi prezz fis-siegħa jkun żero jew taħt iż-żero fil-kambju spot (ġurnata bil-quddiem) għall-Ġermanja (paragrafu 7(8) tal-KWKG 2016, kif innotifikat, paragrafu 7(7) tal-KWKG 2016, kif emendat). L-elettriku ġġenerat tul dak il-perjodu m'għandux jittieħed inkonsiderazzjoni għall-kalkolu tal-għadd ta' sigħat b'tagħbija sħiħa li matulhom jista' jingħata l-appoġġ. L-operatur tas-CHP huwa wkoll responsabbli għall-ibbilanċjar.

6.   VALUTAZZJONI TAT-TNAQQIS FIL-ĦLAS ADDIZZJONALI GĦAL CHP

6.1.   L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(80)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(81)

Sabiex ikun determinat jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-miżura:

(a)

tkunx tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi jew ċerti setturi (vantaġġ selettiv);

(b)

hijiex imputabbli lill-Istat u tinvolvix riżorsi statali;

(c)

twassalx għal tgħawwiġ jew theddida ta' tgħawwiġ tal-kompetizzjoni;

(d)

tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.1.   Vantaġġ selettiv

(82)

Kif fakkret il-Qorti fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Diċembru 2016 fil-kawżi magħquda Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group u Il-Kummissjoni vs Banco Santander u Santusa (20), sabiex tiġi stabbilita s-selettività ta' miżura fiskali jew imposta, jeħtieġ li ssir verifika ta' jekk dik il-miżura tintroduċix, bejn operaturi li huma, fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema fiskali ġenerali kkonċernata, f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, distinzjoni li mhijiex iġġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali ta' dik is-sistema.

(83)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kienet sabet li fil-prinċipju, il-ħlas addizzjonali għal CHP irid jitħallas fuq kull kWh fornut lill-konsumaturi aħħarin permezz tal-grilja pubblika jew tan-netwerk ta' distribuzzjoni magħluq imħaddem mill-operaturi tan-netwerks rispettivi. Dan il-ħlas addizzjonali huwa ħlas addizzjonali uniformi bil-kWh. Kif deskritt fit-taqsimiet 2.2.1 u 2.3 ta' hawn fuq, is-sistema għad-determinazzjoni tal-ħlas addizzjonali bażikament ma nbidlitx fil-qafas tal-KWKG 2016, kif emendat, u tibqa' bbażata fuq il-prinċipju ta' ħlas addizzjonali għal CHP uniformi. Il-ħlas addizzjonali għal CHP normali kien jammonta għal 0,445 EUR ċenteżmi/kWh fl-2016 u jammonta għal 0,438 EUR ċenteżmi/kWh fl-2017.

(84)

B'hekk, billi jillimita l-ħlas addizzjonali għal CHP rispettivment għal 0,04 EUR ċenteżmi/kWh u għal 0,03 EUR ċenteżmi/kWh, rispettivament, il-KWKG 2016, kif innotifikat, inaqqas il-ħlas addizzjonali għal CHP tal-kumpaniji li jikkwalifikaw bħala konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B jew Ċ u b'hekk jeħlishom minn piż li normalment ikollhom iġorru. Barra minn hekk, billi jillimita l-ħlas addizzjonali għal CHP għal 0,056 EUR ċenteżmi/kWh fl-2016, għal 0,06 u 0,08 EUR ċenteżmi/kWh fl-2017 u għal 0,12 EUR ċenteżmi/kWh u 0,16 EUR ċenteżmi/kWh fl-2018, il-KWKG 2016, kif emendat, inaqqas il-piż finanzjarju addizzjonali tal-impriżi li jikkwalifikaw bħala konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B jew Ċ u b'hekk jeħlishom minn piż li normalment ikollhom iġorru. Billi l-ħlas addizzjonali għal CHP jiġi limitat għal 15 % tal-ħlas addizzjonali sħiħ (u għal 0,5 % jew 4 % tal-GVA tagħhom) għall-utenti li jużaw ħafna elettriku li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-premessa 20 ta' hawn fuq tal-KWKG 2016, kif emendat, dan inaqqas ukoll il-piż finanzjarju addizzjonali tal-impriżi li jikkwalifikaw bħala konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B jew Ċ u b'hekk jeħlishom minn piż li normalment huma kien ikollhom iġorru. Tali tnaqqis jikkostitwixxi vantaġġ (21).

(85)

Il-vantaġġ huwa wkoll selettiv. Fil-fatt, fejn tidħol il-Kategorija Ċ, it-tnaqqis huwa limitat għas-settur tal-manifattura biss. Fil-qafas ta' dan is-settur, it-tnaqqis jingħata ulterjorment biss lill-kumpaniji li jkollhom konsum annwali ta' aktar minn 1 GWh u li jkollhom spejjeż tal-elettriku li jirrappreżentaw aktar minn 4 % tal-fatturat tagħhom (kriterju li jeskludi setturi oħra tal-manifattura peress li huma normalment ma jilħqux dawk il-valuri, ara l-premessa 127 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.) L-istess osservazzjoni tapplika għat-tnaqqis mogħti lill-utenti li jużaw ħafna elettriku li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-premessa 20 ta' hawn fuq. It-tnaqqis huwa selettiv minħabba li jingħata lill-impriżi li joperaw f'setturi speċifiċi biss, u fis-settur it-tnaqqis jingħata biss lill-impriżi li jilħqu konsum ta' 1 GWh f'ċertu punt ta' konsum partikolari u meta jilħqu ċertu livell limitu ta' intensità elettrika.

(86)

Rigward il-Kategorija B, il-vantaġġ huwa limitat għall-impriżi li jilħqu livell ta' konsum annwali ta' 1 GWh. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, minkejja li l-Kategorija B donnha miftuħa għas-setturi kollha, il-livell limitu ta' 1 GWh de facto jeskludi lil diversi setturi u impriżi mill-ekonomija li normalment qatt ma jilħqu dan il-livell limitu ta' konsum.

(87)

Madankollu, fid-dawl tal-objettiv segwit bil-ħlas addizzjonali (kontribut lejn l-appoġġ lis-CHP), il-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B jew Ċ u l-utenti intensivi tal-elettriku jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali simili. B'mod partikolari, dawk il-konsumaturi aħħarin jikkonsmaw elettriku injettat fil-grilja pubblika jew f'netwerk magħluq bħall-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija A. B'mod simili għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija A jibbenefikaw ukoll mil-livell aktar baxx ta' emissjonijiet tas-CO2 minħabba l-appoġġ lis-CHP ta' effiċjenza enerġetika għolja ffinanzjat bil-ħlas addizzjonali għal CHP.

(88)

L-awtoritajiet Ġermaniżi ma ssottomettew l-ebda kumment dwar is-selettività tal-miżura.

(89)

BV Glas donnha targumenta li l-fatt li t-tnaqqis huwa limitat għas-settur tal-manifattura jikkonforma mal-loġika tas-sistema peress li l-impriżi li joperaw fis-settur tal-manifattura ġeneralment jaħtfu l-prezzijiet u ma jkunu jistgħu jgħaddu l-ispejjeż addizzjonali tagħhom lill-klijenti filwaqt li s-setturi tas-servizzi ġeneralment jgħaddu l-ħlasijiet addizzjonali lill-klijenti.

(90)

Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel li, meta l-Kummissjoni stabbilixxiet li ċerta miżura toħloq differenzi bejn impriżi li, fir-rigward tal-objettiv tal-miżura inkwistjoni, jkunu jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, huwa l-obbligu tal-Istat Membru li jkun introduċa tali differenzjazzjoni fit-tariffi bejn impriżi li juri li dan huwa fil-fatt iġġustifikat min-natura u mill-iskema ġenerali tas-sistema inkwistjoni (22). L-awtoritajiet Ġermaniżi ma ppretendewx li t-tnaqqis iseħħ skont in-natura u l-iskema ġenerali tal-ħlas addizzjonali għal CHP. B'mod partikolari, il-Ġermanja ma saħqitx li l-ħlas addizzjonali għas-CHP jissejjes fuq il-prinċipju li l-ħlas addizzjonali għas-CHP jiġi impost fuq impriżi biss jekk huma jkunu jistgħu jgħaddu l-ispejjeż addizzjonali tagħhom lill-klijenti tagħhom. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà ma jappoġġjawx is-suppożizzjoni — mhux sustanzjata — li s-sistema normali ta' tariffi tal-ħlas addizzjonali għal CHP tissejjes fuq il-prinċipju li l-ħlas addizzjonali għal CHP jiġi impost fuq impriżi biss jekk huma jkunu jistgħu jgħaddu l-ispejjeż żejda tagħhom lill-klijenti tagħhom.

(91)

L-ewwel, l-eliġibbiltà għat-tnaqqis fil-qafas tal-KWKG 2016, kif innotifikat, ma tiddependix minn jekk l-impriżi jurux li huma ma jistgħux jgħaddu l-ispejjeż addizzjonali tagħhom lill-klijenti tagħhom. It-tieni, ma ġie pprovdut l-ebda element li wera li s-setturi u l-impriżi kollha li jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-Kategoriji B u Ċ de facto ma jistgħux jgħaddu l-ispejjeż żejda tagħhom u li dawk esklużi mit-tnaqqis jistgħu jgħaddu l-ispejjeż żejda kollha tagħhom. It-tielet, l-argument ta' BV Glas, li huwa normali li t-tnaqqis jiġi limitat għall-impriżi li joperaw fis-settur tal-manifattura, jikkontradixxi l-fatt li t-tnaqqis jingħata lill-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B: jistgħu jkunu attivi fis-settur tas-servizzi u m'hemmx għalfejn ikunu jikkunsmaw ħafna elettriku. Fejn jidħol il-KWKG 2016, kif emendat, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma ssottomettewx l-argument li l-ħlas addizzjonali għal CHP kien ibbażat fuq l-abbiltà tal-konsumaturi aħħarin li jgħaddu l-ispejjeż. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' ħila li wieħed jgħaddi l-ispejjeż mhijiex kundizzjoni formali ta' eliġibbiltà għat-tnaqqis.

(92)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li wieħed ma jistax iqis li t-tnaqqis jikkonforma mal-loġika tas-sistema ta' ħlas addizzjonali għal CHP u tinsisti fuq il-konklużjoni tagħha li t-tnaqqis li qed jiġi eżaminat jikkostitwixxi vantaġġ selettiv għall-benefiċjarji tat-tnaqqis.

(93)

L-awtoritajiet Ġermaniżi introduċew ukoll il-paragrafu 27b tal-KWKG 2016, kif emendat, li jistabbilixxi li l-elettriku maħżun huwa suġġett għall-ħlas addizzjonali għal CHP meta jiġi rtirat mill-faċilità ta' ħżin u mhux meta jiddaħħal fil-faċilità ta' ħżin. Il-Kummissjoni tqis li din id-dispożizzjoni hija fin-natura u fl-iskema ġenerali tas-sistema tal-ħlas addizzjonali għal CHP (u b'hekk ma tikkostitwixxix vantaġġ selettiv): timmira biex tiġi evitata t-taxxa doppja — prinċipju li qed jiġi applikat b'mod ġenerali fis-sistemi tat-taxxi jew tal-imposti. Din id-dispożizzjoni tikkonforma mal-prinċipju li l-ħlas addizzjonali huwa dovut meta l-elettriku jittieħed mill-grilja u jiġi kkonsmat. Il-Ġermanja spjegat li l-elettriku maħżun fil-faċilità ta' ħżin madankollu għadu ma ġiex ikkonsmat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni pprovduta fil-paragrafu 27b tal-KWKG 2016, kif emendat, mhijiex waħda selettiva.

6.1.2.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(94)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni sabet li t-tnaqqis kien imputabbli lill-Istat billi kull tnaqqis ingħata bil-liġi (KWKG 2016) u għaldaqstant kien imputabbli lill-Istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-BAFA (jiġifieri l-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Kontroll tal-Esportazzjoni, awtorità federali ogħla subordinata għall-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija) huwa inkarigat biex jivverifika li l-operaturi eliġibbli biss jingħataw l-appoġġ.

(95)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet ukoll fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha li t-tnaqqis kien iffinanzjat minn riżorsi statali.

(96)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni l-ewwel osservat li għall-iffinanzjar tal-appoġġ lis-CHP, il-Ġermanja introduċiet ħlas addizzjonali speċjali, il-ħlas addizzjonali għal CHP (ara l-paragrafu 26 tal-KWKG 2016, kif innotifikat, u l-paragrafu 26 tal-KWKG 2016, kif emendat, li jistabbilixxu l-ħlas addizzjonali għal CHP u jagħtu d-dritt lill-operaturi tan-netwerks li jimponu l-ħlas addizzjonali għal CHP fuq il-konsumaturi aħħarin) u ddefinixxiet l-għan tiegħu (jiġifieri, l-iffinanzjar tal-politiki tal-Istat fil-qasam tal-enerġija: Appoġġ lis-CHP u sussidji għall-investimenti għan-netwerks ta' ħżin u għan-netwerks distrettwali ta' tisħin/tkessiħ) u l-metodoloġija biex jiġi ddeterminat l-ammont tiegħu, li għal xi kategoriji ta' konsumaturi aħħarin jiġi stabbilit direttament mill-Istat (konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B u tal-Kategorija Ċ u utenti b'użu intensiż tal-elettriku). Issir ukoll korrezzjoni tad-defiċits u l-eċċessi tal-ħlas addizzjonali għal CHP miġbur (meta mqabbel mal-appoġġ meħtieġ) fis-sena ta' wara, u b'hekk jiġi żgurat li l-operaturi tan-netwerks jingħataw kumpens sħiħ għall-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-obbligu tagħhom li jħallsu l-appoġġ, iżda fl-istess ħin huwa implikat li ma jistgħux jużaw id-dħul mill-ħlas addizzjonali għall-ebda skop għajr l-iffinanzjar tal-appoġġ għall-elettriku mis-CHP, il-ħżin tat-tisħin u t-tkessiħ u t-tisħin/tkessiħ distrettwali. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-19 ta' Diċembru 2013 fil-każ Association Vent de Colère (23)!, l-Istat kien, fi ħdan il-qafas tal-KWKG 2016, ħoloq sistema fejn l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi tan-netwerks b'rabta mal-appoġġ għall-elettriku CHP, faċilitajiet ta' ħżin u netwerks ta' tisħin/tkessiħ distrettwali jkunu kompletament ikkumpensati mill-ħlas addizzjonali għal CHP impost fuq il-konsumaturi aħħarin tal-elettriku. Din iċ-ċirkostanza tagħmel distinzjoni bejn il-każ preżenti mill-każ li ta lok għas-sentenza tat-13 ta' Marzu 2001 fil-kawża PreussenElektra (24) billi f'dan il-każ tal-aħħar il-fornituri tal-elettriku kellhom jiffinanzjaw l-ispejjeż addizzjonali mir-riżorsi tagħhom stess. Barra minn hekk, la l-appoġġ tas-CHP mogħti lill-ġeneraturi tal-elettriku CHP u lanqas is-sussidji għall-investimenti mogħtija lill-operaturi tan-netwerks ta' tisħin/tkessiħ distrettwali u tal-faċilitajiet ta' ħżin ma jikkostitwixxu prezzijiet jew tariffi għal oġġetti jew servizzi. Fil-fatt, l-appoġġ lis-CHP jitħallas mill-operaturi tan-netwerks lill-operaturi tal-installazzjonijiet ta' CHP minkejja li l-elettriku ma jkunx qed jinbiegħ lill-operaturi tan-netwerks, iżda lil terzi; f'ċerti każijiet, jiġi saħansitra kkonsmat mill-istess operatur tal-installazzjoni CHP. Barra minn hekk, fejn jidħlu n-netwerk tat-tisħin/tkessiħ distrettwali u l-faċilitajiet ta' ħżin, dawn jibqgħu proprjetà tal-operatur li jitlob għas-sussidju, u l-ħlas tas-sussidju ma jintitola lill-operaturi tan-netwerks tal-elettriku għall-ebda dritt rigward in-netwerks ta' tisħin/tkessiħ distrettwali u l-faċilitajiet ta' ħżin ikkonċernati (dwar l-appoġġ lin-netwerks ta' tisħin/tkessiħ distrettwali u l-faċilitajiet ta' ħżin ara l-premessi 33 sa 45 tad-deċiżjoni tal-ftuħ).

(97)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li l-operaturi tan-netwerk ta' trażmissjoni jaqdu rwol speċjali fis-sistema. Dawn ġew inkarigati bil-kalkolu tal-ħlas addizzjonali għas-CHP fuq il-bażi tal-metodoloġija stabbilita fil-KWKG 2016 u jimmaniġġjaw il-flussi finanzjarji tal-ħlas addizzjonali għas-CHP. Il-piż finanzjarju li rriżulta mill-appoġġ lis-CHP, lin-netwerk ta' tisħin distrettwali u lis-sistemi ta' tisħin hu ttrasferit lilhom kollu kemm hu; imbagħad, huma jridu jiżguraw li l-piż finanzjarju jitqassam b'mod indaqs bejn l-operaturi tan-netwerk ta' trażmissjoni (b'mod proporzjonat għall-konsumaturi aħħarin tal-kategoriji A, B u Ċ konnessi mal-grilja) u li dawn jiġu ttrasferiti l-ħlas addizzjonali għas-CHP mill-operaturi tan-netwerk ta' distribuzzjoni biex jiġu kkumpensati għall-piż finanzjarju li jirriżulta mill-appoġġ. Dawn iridu jwissu wkoll lill-BAFA f'każ li l-baġit ikun se jinqabeż. F'dak ir-rigward, dawn juru similaritajiet għas-sitwazzjoni tas-Samenwerkende Elektriciteits-Produktiebedrijven NV fil-każ li wassal għas-sentenza tas-17 ta' Lulju 2008 fil-kawża Essent Network Noord (25) u ma' dik tal-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni fil-każ li wassal għas-sentenza tal-10 ta' Mejju 2016 fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (EEG 2012) (26).

(98)

Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kienet sabet li l-elementi li ġejjin ikkonfermaw li l-ħlas addizzjonali għas-CHP jinsab taħt il-kontroll tal-Istat: il-ħlas addizzjonali għas-CHP irid jitqiegħed f'kont separat sabiex ir-regolatur ikun jista' jivverifika n-nuqqas ta' sussidji inkroċjati bejn id-diversi attivitajiet tal-operaturi tan-netwerk. Barra minn hekk, il-liġi teħtieġ li l-fatturar bejn l-operaturi tan-netwerk ta' trażmissjoni jiġi kkontrollat minn awditur jew minn kontabilista kkwalifikat. Finalment, il-liġi tillimita wkoll il-baġit totali tal-miżura u l-ammont totali tal-ħlas addizzjonali. Meta jkun hemm riskju li l-baġit jinqabeż, l-operaturi tan-netwerk ta' trażmissjoni jridu jwissu lill-BAFA li mbagħad tikkalkola rati ta' appoġġ ġodda iżda mnaqqsa bl-għan li tiżgura li l-baġit ma jinqabiżx. Din hi konferma oħra li l-ħlas addizzjonali għas-CHP jikkostitwixxi riżorsa taħt il-kontroll tal-Istat.

(99)

L-awtoritajiet Ġermaniżi ma ppreżentawx kummenti f'dan ir-rigward. BV Glas ikkummentat li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għaliex mhijiex qed tixħet piż fuq il-baġit tal-Istat. Madankollu, f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li skont il-ġurisprudenza stabbilita, m'hemmx għalfejn li r-riżorsi jgħaddu mill-baġit tal-Istat biex jitqiesu riżorsi tal-Istat. Biżżejjed li dawn jibqgħu taħt il-kontroll pubbliku (27). Huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta' riżorsi tal-Istat li għandhom jitqiesu li huma għajnuna bit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.Barra minn hekk, il-Qorti sabet li “[d]-distinzjoni bejn l-għajnuna mogħtija mill-Istat u l-għajnuna mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat isservi sabiex tinkludi fid-definizzjoni ta' għajnuna mhux biss l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat, iżda wkoll l-għajnuna mogħtija minn korpi pubbliċi jew privati nnominati jew stabbiliti mill-Istat” (28).

(100)

Fuq il-bażi ta' dawk l-elementi, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjoni tagħha li l-ħlas addizzjonali għas-CHP jikkwalifika bħala riżorsa tal-Istat u li, għalhekk, ir-rati mnaqqsa tal-ħlas addizzjonali għas-CHP huma ffinanzjati minn riżorsi tal-Istat ukoll. Dan it-tnaqqis huwa ffinanzjat minn riżorsi tal-Istat bħala l-appoġġ tas-CHP. Kwalunkwe tnaqqis tal-ħlas addizzjonali għas-CHP ġie stabbilit fil-liġi u u involva kontroll mill-istat sal-istess punt bħall-ħlas addizzjoanli sħiħ tas-CHP (ara iktar 'il fuq). Għaldaqstant, anki t-tnaqqis tal-ħlas addizzjonali għas-CHP irid jitqies bħala ffinanzjat minn riżorsi tal-Istat (29).

6.1.3.   L-effett fuq il-kummerċ u l-impatt fuq il-kompetizzjoni

(101)

Fir-rigward tat-tnaqqisiet tal-ħlasijiet addizzjonali tas-CHP, dawn jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi fi ħdan l-istess settur peress li mhux l-intrapriżi kollha huma eliġibbli (skont il-livell tal-konsum tagħhom tal-elettriku u/jew l-importanza rispettiva tal-ispejjeż tal-elettriku meta mqabbla mal-fatturat għal u/jew skont l-importanza rispettiva tal-ispejjeż tal-elettriku meta mqabbla mal-GVA) u huwa probabbli wkoll li dawn jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni mal-intrapriżi fi Stati Membri oħra. Tabilħaqq, l-intrapriżi li jibbenefikaw minn tnaqqis tipikament ikunu attivi f'ċerti setturi tal-manifattura fejn l-ispejjeż tal-elettriku jirrappreżentaw sehem ikbar tal-ispejjeż tal-produzzjoni (industrija tal-metall, settur tal-karta u kimiku, industrija tal-ħġieġ, raffineriji, industrija tal-injam, settur tal-ikel u tal-għalf, ara l-premessa 127 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ u anki t-Tabella 3 iktar 'il fuq). Kumpaniji attivi f'setturi bħas-settur kimiku, l-industrija tal-karta, il-manifattura ta' karozzi u l-provvista awtomobilistika huma f'kompetizzjoni ma' intrapriżi li jinsabu fi Stati Membri oħra.

(102)

BV Glas issottomettiet li ma kien hemm ebda impatt fuq il-kompetizzjoni iżda ma spjegatx għalxiex. BV Glas donnha timplika li ma jkun hemm ebda impatt fuq il-kompetizzjoni għaliex il-miżura għandha l-għan li tnaqqas żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma' intrapriżi fi Stati Membri oħra. Peress li l-ħlasijiet addizzjonali tas-CHP jeżistu wkoll fi Stati Membri oħra (pereżempju fi Franza (30)), dak l-argument mhuwiex sostnut mill-fatti. Barra minn hekk, hi ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li miżura hi mmirata biex tarmonizza permezz ta' miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri ma jipprevjenux lil tali miżura milli tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat (31).

6.1.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

(103)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tnaqqis tal-ħlas addizzjonali għas-CHP mogħtija lill-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B u Ċ u lil utenti elettrointensivi previsti fil-KWKG 2016 jinvolvu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat.

6.2.   L-għajnuna eżistenti/għajnuna ġdida u l-legalità tal-għajnuna

(104)

BV Glas saħqet li l-KWKG 2016 hi simili ħafna għall-KWKG 2002 u, għalhekk, tikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

(105)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li filwaqt li hemm ħafna similaritajiet bejn il-KWKG 2002 u l-KWKG 2016, dan ma jistax iwassal għall-konklużjoni li l-iskema ta' għajnuna tat-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għas-CHP kif prevista mill-KWKG 2016 tikkwalifika bħala skema ta' għajnuna eżistenti.

(106)

Hu minnu li l-Liġi tat-12 ta' Mejju 2000 għall-protezzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq il-bażi tas-CHP (“il-KWKG 2000”), waħda mill-prekursuri tal-KWKG 2016, ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni li ma tinvolvi ebda għajnuna mill-Istat (32). Madankollu, hekk kif il-Kummissjoni nnotat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha (premessa 288), il-KWKG 2000 ġiet abolita diġà fl-2002 u sostitwita mill-KWKG 2002 li min-naħa tagħha ġiet issostitwita mill-KWKG 2016.

(107)

B'hekk, il-miżura ta' għajnuna ma tistax titqies bħala għajnuna eżistenti, b'mod partikolari peress li hemm diversi differenzi sostanzjali bejn il-KWKG 2000 u l-KWKG 2016 u fil-fatt anki bejn il-KWKG 2000 u l-KWKG 2002.

(108)

L-ewwel differenza hi li t-tnaqqis tal-ħlas addizzjonali għas-CHP li huma s-suġġett tal-investigazzjoni formali ma kienx jeżisti fil-KWKG 2000 u l-Kummissjoni ma eżaminatux fid-deċiżjoni tagħha tat-22 ta' Mejju 2002 dwar l-Għajnuna mill-Istat NN 68/2000 — Il-Ġermanja — Liġi għall-protezzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq il-bażi tas-sħana u tal-enerġija kkombinati tat-12 ta' Mejju 2000 (33).

(109)

Barra minn hekk, skont il-KWKG 2000, il-liġi sempliċiment stabbilixxiet obbligu ta' xiri flimkien mal-prezz li għandu jitħallas għal dak il-prodott. Kien hemm qsim tal-piżijiet bejn l-operaturi tan-netwerk. Madankollu, il-liġi ma stabbilixxiet ebda ħlas addizzjonali għas-CHP biex tiffinanzja l-appoġġ u, kif intqal fil-premessa preċedenti, ma kien hemm ebda ħlas addizzjoanli mnaqqas tas-CHP għal ċerti kategoriji ta' konsumaturi aħħarin.

(110)

Il-KWKG 2016 hi differenti mill-KWKG 2000 fl-aspetti li ġejjin: l-ewwel, l-obbligu ta' xiri ġie ssostitwit mill-obbligu li jitħallas primjum għall-elettriku li ħafna mid-drabi ma jinxtarax mill-operatur tan-netwerk. It-tieni, il-KWKG 2016 tipprovdi wkoll għal appoġġ għall-elettriku li jiġi awtokkonsmat, jiġifieri għajnuna li lanqas ma hi injettata fil-grilji operati mill-operaturi tan-netwerk. It-tielet, il-KWKG 2016 tipprovdi wkoll għal appoġġ għal netwerks ta' ħżin tas-sħana u ta' tisħin distrettwali, jiġifieri infrastruttura mhux relatata mal-grilja tal-elettriku. Ir-raba', il-liġi tiggarantixxi li l-operaturi tan-netwerk jiġu kkumpensati bis-sħiħ għall-ispejjeż żejda tagħhom permezz tal-ħlas addizzjonali għas-CHP stabbilit mil-liġi u l-operaturi tan-netwerk ta' trażmissjoni jiċċentralizzaw il-flussi finanzjarji marbuta mal-pagamenti tal-primjum u l-ħlas addizzjonali għas-CHP. Il-ħlas addizzjonali għas-CHP hu ħlas addizzjonali uniformi għal kull kWh fin-netwerks kollha. Il-ħames, il-liġi fiha baġit massimu li jillimita wkoll iż-żieda tal-ħlas addizzjonali għas-CHP. U s-sitt, il-KWKG 2016 tipprovdi għal limitu massimu għall-ħlas addizzjonali tas-CHP għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B u tal-Kategorija Ċ. Finalment, l-appoġġ għall-installazzjonijiet tas-CHP, għan-netwerks ta' tisħin distrettwali eċċ. hu disponibbli biss wara li tkun inkisbet awtorizzazzjoni mingħand il-BAFA. Konferma tal-eliġibbiltà għall-appoġġ bħal din ma kinitx teżisti taħt il-KWKG 2000.

(111)

Il-KWKG 2002 diġà tippreżenta diversi tibdiliet importanti fil-KWKG 2000: obbligu li jitħallas primjum minbarra l-prezz tas-suq (minflok sempliċi obbligu ta' xiri tal-elettriku għal prezz partikolari), garanzija pprovduta mil-liġi li l-operaturi tan-netwerk se jiġu kkumpensati għall-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-obbligu li jħallsu l-primjum, il-ħolqien ta' ħlas addizzjonali uniformi tas-CHP, rwol ċentrali tal-operaturi tan-netwerk ta' trażmissjoni fiċ-ċentralizzazzjoni tal-flussi finanzjarji marbuta mal-pagamenti ta' appoġġ u mal-ħlas addizzjonali għas-CHP u l-introduzzjoni ta' limiti massimi għall-ħlas addizzjonali tas-CHG għal żewġ kategoriji ta' konsumaturi aħħarin (Kategorija B u Kategorija Ċ). Barra minn hekk, l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni mill-BAFA biex jinkiseb aċċess għall-appoġġ ġie introdott fl-2002. Fl-2009, il-KWKG 2002 ġiet emendata biex tipprovdi appoġġ għall-awtokonsum u għan-netwerks ta' tisħin distrettwali wkoll. Fl-2012, il-KWKG 2002 ġiet emendata biex tinkludi wkoll appoġġ għall-faċilitajiet ta' ħżin tat-tisħin u tat-tkessiħ kif ukoll għan-netwerks ta' tkessiħ distrettwali. Il-limitazzjoni tal-baġit ġiet introdotta bil-KWKG 2016.

(112)

Fuq il-bażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni b'hekk tikkonkludi li l-KWKG 2016 għandha diversi karatteristiċi komuni mal-KWKG 2002 iżda li din ma tistax tikkwalifika bħala miżura ta' għajnuna eżistenti peress li d-deċiżjoni fil-kawża NN 68/2000 (34) ma kinitx tikkonċerna l-KWKG 2002 iżda l-KWKG 2000 u peress li l-KWKG 2016 tippreżenta diversi tibdiliet sostanzjali meta mqabbla mal-KWKG 2000.

(113)

Is-similaritajiet bejn il-KWKG 2002 u l-KWKG 2016 (obbligu ta' ħlas ta' primjum minbarra l-prezz tas-suq, garanzija pprovduta mil-liġi li l-operaturi tan-netwerk se jiġu kkumpensati għall-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-obbligu ta' ħlas tal-primjum, l-introduzzjoni ta' ħlas addizzjonali uniformi tas-CHP u l-introduzzjoni ta' ħlas addizzjonali mnaqqas tas-CHP għal ċerti konsumaturi aħħarin, ir-rwol ċentrali tal-operaturi tan-netwerk ta' trażmissjoni fiċ-ċentralizzazzjoni tal-flussi finanzjarji marbuta mat-tali pagamenti u l-ħlas addizzjoanli tas-CHP, l-awtorizzazzjonijiet mill-BAFA biex jinkiseb aċċess għall-appoġġ) u d-differenzi mill-KWKG 2000 fil-fatt wasslu għall-konklużjoni li t-tnaqqis tal-ħlas addizzjonali għas-CHP mogħti skont il-KWKG 2002 diġà kkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tagħraf li skont l-Artikolu 1(a)(iv) flimkien mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/1589, huwa biss it-tnaqqis tal-ħlas addizzjonali għas-CHP li ngħata 10 snin qabel l-24 ta' Ottubru 2016 jikkwalifika bħala għajnuna eżistenti.

(114)

Barra minn hekk, il-Ġermanja ssottomettiet il-pjan ta' aġġustament li jibda mill-2011 u b'hekk tirrikonoxxi b'mod espliċitu li t-tnaqqisiet tal-ħlas addizzjonali għas-CHP mill-2011 involva għajnuna ġdida mill-istat meta mqabbla mal-KWKG 2002.

6.3.   Kompatibbiltà mas-suq intern

(115)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat lil installazzjonijiet tas-CHP b'effiċjenza għolja, lil faċilitajiet tal-ħżin u lil netwerks tat-tisħin/tkessiħ distrettwali effiċjenti fl-enerġija mogħtija skont il-KWKG 2016 kienet kompatibbli mas-suq intern.

(116)

Madankollu, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk il-ħlasijiet addizzjonali tas-CHP għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B u tal-Kategorija Ċ jistgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3) c) tat-TFUE.

(117)

Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta' hawn taħt tkopri biss it-tnaqqis mogħti lil konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B u tal-Kategorija Ċ wara l-2007 u lil utenti elettrointensivi deskritti fil-premessa 20 iktar 'il fuq. Din id-Deċiżjoni ma tkoprix tnaqqis mogħti lil intrapriżi ferrovjarji għal pagamenti ta' ħlas addizzjonali għas-CHP. Dak it-tnaqqis ġie approvat bid-deċiżjoni SA.43666 (35).

(118)

Il-ħlas addizzjonali limitat jeħles lil konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B u tal-Kategorija Ċ u lil utenti elettrointensivi minn parti mill-ħlas addizzjonali għas-CHP li normalment kien ikollhom iġarrbu fl-operazzjonijiet ta' kuljum tagħhom bħala parti mill-ispejjeż tal-elettriku tagħhom; b'hekk, dan inaqqas l-ispejjeż operatorji għall-kumpaniji kkonċernati.

(119)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jipprevedi għall-prinċipju ġenerali ta' projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat fi ħdan l-Unjoni. L-Artikolu 107(2) u 107(3) tat-Trattat jipprovdi għal eżenzjonijiet minn dak il-prinċipju.

(120)

Kif il-Kummissjoni nnotat fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, it-tnaqqis ma jaqax fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-EEAG. L-ewwel, il-ħlas addizzjonali għas-CHP ma jikkwalifikax bħala taxxa ambjentali skont it-tifsira tat-taqsima 3.7.1 tal-EEAG. Tabilħaqq, il-ħlas addizzjonali għas-CHP ifittex objettiv speċifiku, jiġifieri li jiffinanzja appoġġ għall-installazzjonijiet tas-CHP. Għall-kuntrarju tat-taxxi ambjentali, il-ħlas addizzjonali għas-CHP m'għandux effett li jbiddel l-imġiba (ara l-paragrafi 167 u 181 tal-EEAG). M'għandux l-għan li jbiddel l-imġiba ta' dawk li jħallsu l-ħlas addizzjonali għas-CHP minnu nnifsu. B'hekk, il-valutazzjoni tat-tnaqqis tiegħu skont is-sezzjoni 3.7.1. tista' tiġi eskluża. Il-ħlas addizzjonali għas-CHP jippreżenta ħafna similaritajiet mal-ħlasijiet addizzjonali għar-rinnovabbli li huma ddedikati għall-finanzjament tal-appoġġ għall-elettriku rinnovabbli peress li għandu objettiv ambjentali indirett li jnaqqas l-emissjonijiet ta' CO2 tal-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-finanzjament tal-appoġġ għall-koġenerazzjoni. Madankollu, is-Sezzjoni 3.7.2 tal-EEAG tapplika biss għal ħlasijiet addizzjonali ddedikati għall-finanzjament tal-appoġġ tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u b'hekk ma tkoprix il-finanzjament ta' miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija bħal CHP b'effiċjenza għolja fl-enerġija. Ebda Linja Gwida oħra tal-Kummissjoni ma tista' tapplika għall-miżura nnotifikata.

(121)

Madankollu, il-Kummissjoni tista' tiddikajra miżura ta' għajnujna bħala kompatibbli direttament skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jekk tkun neċessarja u proporzjonata u jekk l-effetti pożittivi għall-ilħuq tal-objettiv komuni jkunu jegħlbu l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jitqiesu ssodisfati jekk il-mistoqsijiet li ġejjin jistgħu jitwieġbu fl-affermattiv:

(a)

Il-miżura ta' għajnuna li hija ppjanata għandha objettiv ta' interess komuni definit b'mod ċar? (36)

(b)

Il-miżura ta' għajnuna mill-Istat hija maħsuba għal ċirkostanzi meta l-għajnuna tkun tista' ġġib magħha titjib materjali li s-suq waħdu mhux kapaċi jikseb, pereżempju billi ssewwi falliment tas-suq)?

(c)

L-għajnuna hija mfassla tajjeb sabiex jintlaħaq l-għan ta' interess komuni? (37) B'mod partikolari:

—

Il-miżura tal-għajnuna hija strument xieraq u meħtieġ, jiġifieri hemm strumenti oħrajn, iktar adattati?

—

Hemm effett ta' inċentiv, jiġifieri l-għajnuna tbiddel l-imġiba tal-impriżi?

—

Il-miżura tal-għajnuna hija proporzjonali, jiġifieri l-istess bidla fl-atteġġjament tista' tinkiseb b'inqas għajnuna?

(d)

It-tfixkil fil-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ huma limitati sabiex il-bilanċ ġenerali jkun pożittiv?

6.3.1.   Objettiv ta' interess komuni

(122)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni osservat li l-ħlas addizzjonali għal CHP huwa ddedikat għall-finanzjament tal-appoġġ għall-koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja u għalhekk b'mod indirett jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi fil-mira ta' dawk il-miżuri ta' appoġġ, jiġifieri, it-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-produzzjoni tal-elettriku permezz taż-żieda fl-effiċjenza enerġetika tal-produzzjoni tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tal-elettriku, li l-Kummissjoni osservat li jikkorrispondi għal objettiv ta' interess komuni.

(123)

Il-Kummissjoni osservat ukoll li tnaqqis ta' ħlasijiet addizzjonali għal CHP iddedikat għall-finanzjament tas-sostenn għall-koġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija jista' wkoll jikkontribwixxi b'mod indirett għall-objettiv tal-miżuri ta' appoġġ iffinanzjati mill-ħlasijiet addizzjonali (jiġifieri ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika fil-produzzjoni tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 marbuta mal-konsum tal-elettriku) għax jista' jgħin jiggarantixxi bażi ta' finanzjament suffiċjenti għall-miżuri ta' appoġġ stess b'mod simili għal kif it-tnaqqis fil-finanzjament ta' appoġġ għall-elettriku rinnovabbli jgħin jiggarantixxi bażi ta' finanzjament suffiċjenti għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli (ara t-Taqsima 3.7.2 tal-EEAG u b'mod partikolari l-paragrafu 182 tal-EEAG). Għalhekk, jekk ikun meħtieġ tnaqqis sabiex jiġi garantit il-finanzjament ta' dawk il-miżuri ta' appoġġ, b'mod indirett dan jikkontribwixxi wkoll għall-objettivi fil-mira tal-miżuri ta' appoġġ eżaminati fit-taqsimiet 3.3.1 sa 3.3.5 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(124)

Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-Unjoni għadha ma stabbilixxietx miri obbligatorji għall-kull Stat Membru għall-produzzjoni ta' elettriku CHP b'effiċjenza għolja, għall-kuntrarju tal-każ fir-rigward tal-enerġiji rinnovabbli. Għalhekk, ġeneralment il-ħtiġijiet ta' finanzjament għas-sostenn ta' installazzjonijiet ta' CHP huma anqas mill-ħtiġijiet ta' finanzjament għas-sostenn tal-enerġija rinnovabbli, li jagħmilha anqas imperattiva li jiġu ffinanzjati l-miżuri ta' appoġġ minn imposta fuq il-konsum tal-elettriku. Madankollu, id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38) stabbilixxiet mira ewlenija għall-effiċjenza enerġetika ta' 20 % u tipprevedi miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza li għalihom installazzjonijiet ta' CHP ta' effiċjenza għolja, netwerks ta' tisħin distrettwali effiċjenti fl-enerġija u sistemi ta' ħżin jistgħu jagħtu kontribut importanti. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jivvalutaw il-potenzjal tagħhom għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' effiċjenza enerġetika, inklużi installazzjonijiet ta' CHP, tisħin distrettwali u biex jużaw il-potenzjali identifikat. B'riżultat ta' dan, il-ħtiġijiet ta' finanzjament għal miżuri ta' appoġġ għall-effiċjenza enerġetika potenzjalment jistgħu jsiru sinifikanti wkoll, u b'hekk iżidu l-ħtieġa li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffinanzjaw il-miżuri mill-imposta fuq il-konsum tal-enerġija. Barra minn hekk, il-mira ta' titjib ta' 27 % fl-effiċjenza enerġetika għall-2030 li l-Kunsill Ewropew approva fit-23 ta' Ottubru 2014 (39) ser tkompli tmexxi lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha lejn aktar tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 u lejn aktar iffrankar tal-enerġija.

(125)

Sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi finali tal-elettriku partikolarment affettwati mill-kostijiet ta' finanzjament tal-promozzjoni ta' CHP b'effiċjenza għolja (u l-promozzjoni relatata ta' netwerks ta' tisħin distrettwali effiċjenti fl-enerġija u faċilitajiet ta' ħżin tas-sħana mqabbda mal-installazzjonijiet ta' CHP) ikunu jistgħu jitpoġġew fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti, il-Ġermanja jista' jkollha tagħti tnaqqis parzjali, b'mod partikolari peress li l-ħlas addizzjonali għal CHP iżid mal-ħlas addizzjonali tal-EEG sabiex jiffinanzja sett ta' miżuri ta' sostenn fis-settur tal-elettriku biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u tiġi miġġielda l-bidla fil-klima. Tabilħaqq, il-falliment jew id-delokalizzazzjoni ta' wisq kumpaniji partikolarment affettwati mill-ħlas addizzjonali tal-EEG jew CHP jistgħu jagħmlu erożjoni tal-bażi ta' finanzjament: Minflok ma jħallsu ħlas addizzjonali mnaqqas, il-kumpaniji rilevanti ma jikkontribwixxu bl-ebda mod għall-finanzjament, u dan jimplika sforz finanzjarju saħansitra akbar minn konsumaturi finali oħra għall-finanzjament tal-appoġġ tas-CHP, li jerġa' jnaqqas l-aċċettabilità tal-ħlas addizzjonali u għalhekk tal-appoġġ tas-CHP bħala tali.

(126)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kienet osservat li filwaqt li l-ħlas addizzjonali għas-CHP ma kienx immirat biex joħloq inċentivi għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija iżda biex jiffinanzja miżuri ta' effiċjenza enerġetika biss, għandu jkun evitat li l-kobor tat-tnaqqis iġiegħel lill-kumpaniji jkunu anqas effiċjenti fl-enerġija, peress li dan imur kontra l-objettiv tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija sostnuti.

(127)

Rigward ir-riskju li jitnaqqsu l-inċentivi sabiex wieħed ikun effiċjenti fl-enerġija, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddikjaraw li t-tnaqqis ma jeliminax l-inċentivi għall-utenti li jużaw ħafna elettriku biex ikunu effiċjenti fl-enerġija peress li l-ħlas addizzjonali għal CHP jirrappreżenta biss proporzjon żgħir tal-kostijiet tal-elettriku. Is-sempliċi prezz tal-elettriku fih innifsu, minħabba l-proporzjon għoli tal-kostijiet tal-enerġija mqabbla mal-kostijiet totali tal-produzzjoni, jipprevedi inċentiv biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika (ara l-premessi 62 u ta' wara hawn fuq). Barra minn hekk, BV Glas iddikjarat li l-utenti li jużaw ħafna elettriku huma inċentivati b'mod kontinwu biex itejbu l-effiċjenza enerġetika minħabba l-proporzjon għoli li l-prezzijiet tal-enerġija jirrappreżentaw fil-kostijiet tal-produzzjoni totali (spiss bejn 20 % u 50 %).

(128)

Il-Kummissjoni taqbel li fil-każ ta' kumpaniji li jużaw ħafna elettriku esposti għall-kummerċ internazzjonali, is-sempliċi prezz tal-elettriku fih innifsu jista' jipprovdi inċentiv biex iżidu l-effiċjenza enerġetika minħabba li f'kumpaniji li jużaw ħafna enerġija, l-enerġija tirrappreżenta proporzjon għoli tal-kostijiet ta' produzzjoni. Dan l-inċentiv ser ikun aktar importanti għall-kumpaniji li qed jaffaċċjaw ċertu livell ta' kummerċ internazzjonali peress li l-pressjoni kompetittiva ser iġġiegħel lill-kumpaniji jkunu effiċjenti. Peress li dawn il-kumpaniji ser ikollhom iħallsu tal-anqas 15 % tal-ħlas addizzjonali għal CHP, dan il-kontribut minimu fil-verità ser isaħħaħ l-inċentivi li l-kumpaniji li jużaw ħafna elettriku u li qed jaffaċċjaw kompetizzjoni internazzjonali jridu jinvestu f'miżuri ta' effiċjenza enerġetika. Minkejja dan, ma ġie pprovdut l-ebda element biex juri li t-tnaqqis ma jeliminax l-inċentivi għall-kumpaniji li ma jużawx ħafna elettriku. Madankollu, l-awtoritajiet Ġermaniżi llimitaw it-tnaqqis għal utenti li jużaw ħafna elettriku u li jaffaċċjaw ċertu livell ta' kompetizzjoni internazzjonali mill-1 ta' Jannar 2017 u l-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji fl-2016 setgħu jitqiesu bħala utenti li jużaw ħafna enerġija. It-tnaqqis huwa wkoll soġġett għall-parteċipazzjoni f'sistema ta' mmaniġġjar tal-enerġija jew ambjentali. Finalment, kif ser jiġi eżaminat f'aktar dettall hawn taħt, l-awtoritajiet Ġermaniżi żammew kontribuzzjoni proprja ta' 15 % tal-ħlas addizzjonali għal CHP. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tnaqqis, kif emendat, mhux ser ineħħi l-inċentivi għall-utenti li jużaw ħafna enerġija biex iżidu l-effiċjenza enerġetika tagħhom. Fir-rigward tal-perjodu 2011-2018 u fir-rigward tal-utenti li ma jużawx ħafna elettriku, l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw pjan ta' aġġustament li ser iżid l-inċentivi għall-effiċjenza enerġetika għall-utenti li ma jużawx ħafna elettriku.

(129)

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ħlasijiet addizzjonali għal CHP imnaqqsa jikkontribwixxu għal objettiv komuni.

6.3.2.   Ħtieġa ta' intervent mill-Istat, adegwatezza tal-għajnuna u u effett ta' inċentiv

(130)

Fit-taqsimiet 3.3.1.2, 3.3.2.2, 3.3.4.2 u 3.3.5.2 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-promozzjoni ta' installazzjonijiet ta' koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja, netwerks ta' tisħin/tkessiħ distrettwali effiċjenti fl-enerġija u installazzjonijiet ta' ħżin tat-tisħin/tkessiħ ma titwassalx mis-suq biss u li l-miżuri ta' għajnuna (u l-finanzjament tagħhom) kienu meħtieġa biex jinċentivaw l-investimenti lejn u/jew l-operat ta' dawk l-installazzjonijiet u faċilitajiet.

(131)

Il-miżuri ta' għajnuna eżaminati fit-taqsimiet 3.3.1 sa 3.3.5 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ huma kollha mmirati biex iżidu l-effiċjenza enerġetika tal-produzzjoni tal-enerġija u biex inaqqsu l-marka tal-karbonju tal-produzzjoni tal-elettriku u għalhekk tal-konsum. Huma mmirati li jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima.

(132)

Filwaqt li l-ħlas addizzjonali għal CHP mhux l-unika mezz ta' finanzjament konċepibbli, huwa xieraq li l-miżuri ta' għajnuna jiġu ffinanzjati għall-produzzjoni ta' elettriku koġenerat b'effiċjenza għolja, netwerks ta' tisħin distrettwali effiċjenti fl-enerġija u faċilitajiet ta' ħżin tas-sħana abbażi ta' ħlas addizzjonali fuq l-elettriku kkunsmat mill-konsumaturi finali mqabbda mal-grilja u rtirati mill-grilja, minħabba r-rabta mill-qrib bejn il-miżuri sostnuti u l-elettriku rtirat mill-grilja. Barra minn hekk, tali ħlas addizzjonali jipprovdi fluss ta' finanzjament relattivament stabbli u ma jostakolax id-dixxiplina baġitarja. Dawn huma r-raġunijiet għaliex ta' spiss, tali sistema ta' finanzjament tintuża biex jiġi ffinanzjat l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli. Kif issemma' diġà fil-premessa 125 t'hawn fuq, il-ħtiġijiet tal-finanzjament għall-miżuri ta' appoġġ tal-effiċjenza enerġetika jistgħu jsiru sinifikanti u b'hekk tiżdied il-ħtieġa għall-Istati Membri li jkunu jistgħu jiffinanzjaw il-miżuri mill-ħlasijiet addizzjonali tal-elettriku.

(133)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għas-CHP jista' jitqies neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-effiċjenza enerġetika u l-protezzjoni ambjentali segwita mill-miżuri eżaminati fit-taqsimiet 3.3.1 sa 3.3.5 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ jekk, fin-nuqqas tat-tnaqqis tal-finanzjament tal-ħlas addizzjonali għas-CHP, dawk il-miżuri u l-għan segwit minn dawk il-miżuri, jitpoġġew f'riskju.

(134)

Dan jista' jkun il-każ jekk il-pagament tal-ħlas addizzjonali kollu tas-CHP jimplika d-delokalizzazzjoni jew il-falliment ta' għadd kbir ta' impriżi jew setturi. Min-naħa l-oħra, dan inaqqas b'mod sinifikanti l-aċċettabilità tal-ħlas addizzjonali għas-CHP kif ukoll l-għadd ta' pagaturi tal-ħlas addizzjonali u jirriskja li jipperikola l-miżuri ta' għajnuna bħala tali.

(135)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ tagħha (premissa (274)), il-Kummissjoni indikat li l-kriterji żviluppati fil-paragrafi 185, 186 u 187 tal-EEAG jistgħu jservu bħala gwida sabiex jiġu identifikati s-setturi li jinsabu f'riskju ta' delokalizzazzjoni jew falliment f'każ ta' ħlasijiet addizzjonali tal-enerġija għoljin wisq immirati lejn il-finanzjament tal-appoġġ tal-koġenerazzjoni. Dan jidher adegwat, b'mod partikolari minħabba li, minn naħa waħda, il-miżuri li huma ffinanzjati mill-ħlas addizzjonali għas-CHP iservu l-istess għan ambjentali bħall-miżuri li huma ffinanzjati mill-ħlasijiet addizzjonali rinnovabbli li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-taqsima 3.7.2 tal-EEAG (il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku) u minħabba li, min-naħa l-oħra, il-ħlas addizzjonali għas-CHP fil-Ġermanja iżid mal-ħlasijiet addizzjonali rinnovabbli (il-ħlas addizzjonali EEG fil-Ġermanja) u huwa strutturat b'mod simili. Minħabba li huwa impost proporzjonalment mal-elettriku meħud mill-grilja, il-ħlas addizzjonali għas-CHP ser ikollu impatt, b'mod partikolari, fuq l-impriżi li għalihom l-ispejjeż tal-elettriku jirrappreżentaw sehem importanti ta' valur miżjud gross u li ma jistgħux jgħaddu faċilment l-ispejjeż tagħhom lill-konsumaturi aħħarin minħabba l-intensità tal-kummerċ internazzjonali tas-settur li fihom dawn huma attivi. Dawk huma l-impriżi li l-kriterji previsti fil-paragrafi 185, 186 u 187 tal-EEAG jimmiraw li jidentifikaw.

(136)

Matul l-investigazzjoni preliminari, l-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw li tnaqqis fil-ħlasijiet addizzjonali tas-CHP kien meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-kumpanji (utenti tal-enerġija) ikkonċernati u li ultimament, dawn ikunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-finanzjament għall-miżuri ta' appoġġ. Madankollu, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma pprovdewx biżżejjed informazzjoni biex juru li t-tnaqqis fil-ħlasijiet addizzjonali tas-CHP kien meħtieġ għat-tipi kollha ta' impriżi jew setturi inklużi fi ħdan il-kategoriji tal-konsumaturi aħħarin Ċ u B sabiex jiġi żgurat il-finanzjament tal-miżuri ta' għajnuna stipulati fil-KWKG tal-2016, kif ġie nnotifikat. Dawn ipprovdew biss informazzjoni relatata ma' utenti li jużaw l-enerġija b'mod intensiv esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali u eliġibbli għat-tnaqqis ta' ħlasijiet addizzjonali rinnovabbli, filwaqt li, madankollu, irrikonoxxew li l-konsumaturi aħħarin fil-Kategoriji B u Ċ ma kinux kollha impriżi bħal dawn.

(137)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni osservat li hija aċċettat il-fatt li xi setturi li jużaw l-enerġija b'mod intensiv u b'esponiment għoli għall-kummerċ internazzjonali kellhom probabbiltà għolja li jiġu affettwati b'mod sinifikanti mill-ħlas addizzjonali sħiħ tal-EEG u li din it-theddida għall-kompetittività u l-vijabilità tagħhom tkun biżżejjed sabiex tipperikola l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli (40). Jekk wieħed jassumi li l-benefiċjarji jikkorrispondu għall-kumpaniji eliġibbli għall-appoġġ skont l-EEG, il-ħlas addizzjonali għas-CHP kollu jkun jirrappreżenta, għal għadd sinifikanti ta' dawk il-kumpanija, bejn 1 % u 9 % ta' valur miżjud gross. Tabilħaqq, dan jikkostitwixxi piż sinifikanti, b'mod partikolari peress li dan jiżdied mal-piż li diġà jirriżulta mill-ħlas addizzjonali tal-EEG, ħlas addizzjonali li jiffinanzja miżuri li jsegwu l-istess għan ambjentali bħall-miżuri ffinanzjati mill-ħlas addizzjonali għas-CHP.

(138)

Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma pprovdew l-ebda informazzjoni addizzjonali li tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika liema sehem tal-benefiċjarji tabilħaqq jikkorrispondi għall-impriżi eliġibbli għat-tnaqqis fil-ħlasijiet addizzjonali tal-EEG jew għal tnaqqis fit-Taqsima 3.7.2 tal-EEAG u lanqas ma pprovdew informazzjoni li turi l-ħtieġa ta' tnaqqis anke għall-kumpaniji li la jużaw l-enerġija b'mod intensiv u lanqas ma jiffaċċjaw kompetizzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, filwaqt li BV Glas issostni li t-tnaqqis kollu huwa meħtieġ, din ma ppreżentatx informazzjoni li tindika li anke t-tnaqqis għall-utenti li ma jużawx l-enerġija b'mod intesiv huwa meħtieġ. Fil-fatt, l-informazzjoni ppreżentata minn BV Glas hija limitata għall-utenti li jużaw l-enerġija b'mod intensiv. Madankollu, mill-1 ta' Jannar 2017, it-tnaqqis ser ikun limitat għall-utenti li jużaw l-enerġija b'mod intensiv li jikkwalifikaw għal tnaqqis tal-ħlas addizzjonali rinnovabbli (jiġifieri għall-EIU f'riskju ta' rilokazzjoni jew falliment). Utenti li ma jużawx l-enerġija b'mod intensiv tal-Kategorija B u Ċ mhumiex ser jibqgħu jkunu eliġibbli għat-tnaqqis. Għall-utenti li ma jużawx l-enerġija b'mod intensiv, l-awtoritajiet Ġermaniżi ipprovdew pjan ta' aġġustament li beda mill-2011, li skontu, it-tnaqqis ser jitneħħa kompletament sal-2019, filwaqt li anke t-tnaqqis mogħti lill-utenti li ma jużawx l-enerġija b'mod intensiv ġie aġġustat abbażi ta' pjan ta' aġġustament ippreżentat lill-Kummissjoni (ara wkoll it-taqsima 6.4 t'hawn taħt dwar il-pjan ta' aġġustament).

(139)

Abbażi ta' dawk l-elementi, b'mod partikolari l-modifiki u l-pjan ta' aġġustament ipprovduti mill-awtoritajiet Ġermaniżi li jiżguraw li t-tnaqqis huwa limitat għal utenti li jużaw l-enerġija b'mod intensiv esposti għall-kummerċ internazzjonali, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tnaqqis huwa adegwat u meħtieġ sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzjament tal-appoġġ ta' kofinanzjament u li jkollu effett ta' inċentiv.

6.3.3.   Proporzjonalità

(140)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni osservat li t-tnaqqis ma jistax jikkorrispondi għal eżenzjonijiet sħaħ jew ikun tant sinifikanti li jipperikola l-għan tal-miżura ta' appoġġ minħabba li dan jirriżulta f'piż kbir wisq fuq il-konsumaturi l-oħrajn aħħarin (premessa 269 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ). Barra minn hekk, tnaqqis sinifikanti żżejjed iżid it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnu. Huwa għalhekk li skont l-EEAG, sa fejn huwa kkonċernat it-tnaqqis fil-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-impriżi eliġibbli għat-tnaqqis għandhom iħallsu kontribut minimu li jikkorrispondi fil-prinċipju għal 15 % tal-imposta normali (ara l-paragrafu 188 tal-EEAG), bil-possibbiltà ta' tnaqqis addizzjonali meta l-imposta tirrappreżenta aktar minn sehem partikolari ta' GVA tal-kumpanija (paragrafu 189 tal-EEAG).

(141)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha (premessa 282), il-Kummissjoni indikat li din kellha tuża l-paragrafi 188 u 189 tal-EEAG bħala gwida sabiex tivvaluta l-proporzjonalità tat-tnaqqis. Dan jidher adegwat, b'mod partikolari minħabba li, min-naħa l-oħra, il-miżuri li huma ffinanzjati mill-ħlas addizzjonali għas-CHP iservu l-istess għan ambjentali bħall-miżuri li huma ffinanzjati mill-ħlasijiet addizzjonali rinnovabbli li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-taqsima 3.7.2 tal-EEAG (il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku) u minħabba li, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis jimmira lejn l-iżgurar tas-sostenibilità tal-finanzjament ta' dawk il-miżuri ta' appoġġ billi jiġi limitat il-piż għall-impriżi jew dawk li huma affettwati b'mod partikolari mill-ħlasijiet addizzjonali tal-enerġija iżda li minnhom għadhom jeħtieġu kontribuzzjoni proprja suffiċjenti.

(142)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha (premessa 283), il-Kummissjoni osservat li matul l-investigazzjoni preliminari, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma wrewx li l-limiti massimi ta' 0,04 u 0,03 EUR cent/kWh kienu limitati għall-minimi meħtieġa. L-awtoritajiet Ġermaniżi ma wrewx li tnaqqis inqas sinifikanti ma kienx ikun aċċettabbli. Dawn insistew fuq l-effett ta' kumulazzjoni mal-EEG iżda ma pprovdew l-ebda informazzjoni konkreta relatata mal-benefiċjarji tat-tnaqqis li jqabblu l-proporzjon bejn it-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għas-CHP u l-GVA mal-proporzjon bejn ħlasijiet addizzjonali tas-CHP ftit ogħla (pereżempju 15 %) u l-GVA jew mal-proporzjon bejn it-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali għas-CHP ikkumulat għat-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali tal-EEG u l-GVA.

(143)

L-awtoritajiet Ġermaniżi ma pprovdew l-ebda informazzjoni addizzjonali matul l-investigazzjoni formali. BV Glas ippreżentat li t-tnaqqis kien limitat għall-minimu meħtieġ iżda ma tatx spjegazzjoni għaliex it-tnaqqis ikun limitat għall-minimu.

(144)

Madankollu, il-Ġermanja mmodifikat il-KWKG 2016 u bħala riżultat, mill-1 ta' Jannar 2017, it-tnaqqis huwa limitat għall-utenti li jużaw l-enerġija b'mod intensiv li jikkwalifikaw għal tnaqqis tal-ħlas addizzjonali rinnovabbli u l-ħlas addizzjonali ser ikun mill-inqas 15 % tal-ħlas addizzjonali (ara l-premessa 21 t'hawn fuq). L-utenti li ma jużawx l-enerġija b'mod intensiv mhumiex ser jibqgħu jkunu eliġibbli għat-tnaqqis. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew pjan ta' aġġustament li beda mill-2011 għall-konsumaturi aħħarin preċedenti tal-Kategorija B u Ċ li skontu, sal-2019, it-tnaqqis ser jitneħħa totalment għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B u Ċ li ma jikkwalifikawx bħala utenti li jużaw l-enerġija b'mod intensiv u li skontu ġie aġġustat it-tnaqqis mogħti lill-utenti li ma użawx l-enerġija b'mod intensiv fil-passat. L-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew ukoll pjan ta' aġġustament, li beda mill-2011, għall-konsumaturi aħħarin preċedenti tal-Kategorija B u Ċ li jikkwalifikaw bħala utenti li jużaw l-enerġija b'mod intensiv.

(145)

Abbażi ta' dawk l-elemnti, b'mod partikolari l-modifiki introdotti mill-1 ta' Jannar 2017, fil-livell ta' tnaqqis u l-pjan ta' aġġustament ipprovdut mill-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tnaqqis tal-ħlasijiet addizzjonali tas-CHP huma proprozjonati mal-għan segwit.

6.3.4.   Tgħawwiġ fil-kompetizzjoni

(146)

Il-Kummissjoni osservat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha li kellha matul il-fażi tal-investigazzjoni preliminari, li din ma kisbitx biżżejjed elementi li jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-bilanċ globali tat-tgħwwiġ potenzjali fil-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, billi għadha ma ngħatatx prova tal-ħtieġa, tal-adegwatezza, tal-effett ta' inċentiv u tal-proporzjonalità tal-miżura ta' għajnuna, f'dan l-istadju l-Kummissjoni tiddubita kemm il-miżura ta' għajnuna tiżgura li t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn tnaqqis għal xi kumpaniji minn parti mill-ispejjeż operattivi normali tagħhom ikun limitat u li l-bilanċ globali tal-miżura jkun pożittiv.

(147)

Fil-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ (premessa 287), l-awtoritajiet Ġermaniżi enfasizzaw li t-tgħawwiġ huwa limitat minħabba l-impatt pożittiv tal-miżuri ffinanzjati mill-ħlas addizzjonali għas-CHP u minħabba li, bl-emendi adottati fit-22 ta' Diċembru 2016, it-tnaqqis ser ikun limitat għall-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-ħlas addizzjonali għas-CHP.

(148)

Fir-rigward tal-impatti pożittivi, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni osservat li l-miżuri ffinanzjati mill-ħlas addizzjonali għas-CHP kienu mmirati lejn it-tnaqqis importanti f'termini ta' emissjonijiet tas-CO2 u kienu importanti wkoll biex tittejjeb l-integrazzjoni tal-elettriku kkoġenerat fis-suq tal-elettriku. Dawn l-impatti pożittivi huma mogħtija fil-qosor fil-premessi 9 u 10 t'hawn fuq.

(149)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li d-Direttiva 2012/27/UE stabbilixxiet mira ewlenija ta' 20 % dwar l-effiċjenza enerġetika u tobbliga lill-Istati Membri jivvalutaw il-potenzjal tagħhom għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, inklużi l-installazzjonijiet tas-CHP, it-tisħin distrettwali u l-faċilitajiet ta' ħażna u sabiex jintuża l-potenzjal identifikat. Barra minn hekk, il-mira ta' titjib ta' 27 % fl-effiċjenza enerġetika għall-2030 li l-Kunsill Ewropew approva fit-23 ta' Ottubru 2014 (41) ser tkompli tmexxi lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha lejn aktar tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 u lejn aktar iffrankar tal-enerġija. Bħala riżultat, hemm ħtiġijiet ta' finanzjament għal miżuri ta' sostenn tal-effiċjenza enerġetika u jistgħu wkoll potenzjalment isiru aktar sinifikanti fil-futur minħabba li l-mira ta' 20 % għadha ma ntlaħqitx u wara li tintlaħaq trid tkompli tittejjeb biex tilħaq il-mira tal-2030. Għalhekk, l-iżgurar tad-disponibbiltà u tas-sostenibbiltà tal-mezzi finanzjarji għall-installazzjonijiet ta' CHP, it-tisħin distrettwali u l-faċilitajiet tal-ħżin huwa element importanti biex iwitti t-triq għal żieda fl-effiċjenza enerġetika tal-produzzjoni tal-enerġija u għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2. Tabilħaqq, il-Kummissjoni sabet ukoll fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha li kien għad hemm fallimenti tas-suq f'dan il-qasam u li l-miżuri ta' sostenn kienu għadhom meħtieġa biex iżidu l-effiċjenza enerġetika.

(150)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li bl-emendi introdotti fit-22 ta' Diċembru 2016, il-Ġermanja tillimita l-eliġibbiltà għat-tnaqqis għal impriżi eliġibbli għal tnaqqis taħt il-BesAR, jiġifieri għal impriżi u setturi li huma l-aktar fir-riskju ta' delokalizzazzjoni u falliment fil-każ ta' ħlas tal-ħlas addizzjonali kollu u li b'hekk ikun jikkostitwixxi l-akbar theddida għas-sostenibbiltà tal-ħlas addizzjonali. Ukoll, il-benefiċjarji għadhom meħtieġa jikkontribwixxu s-sehem tagħhom għall-finanzjament tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis ma jimminax l-inċentivi tal-benefiċjarji biex jibqgħu effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(151)

Finalment, il-Kummissjoni tinnota li t-tnaqqis jingħata lill-impriżi kollha attivi fl-istess settur meta jkunu fl-istess sitwazzjoni f'termini ta' intensità elettrika.

(152)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-bilanċ globali tal-miżuri ta' għajnuna huwa pożittiv għaliex l-effetti pożittivi tiegħu jegħlbu d-distorsjoni possibbli tal-kompetizzjoni.

6.4.   Pjan ta' aġġustament

(153)

It-tnaqqis fil-ħlasijiet addizzjonali għal CHP ġie introdott fl-2002 bil-KWKG 2002. L-awtoritajiet Ġermaniżi semmew f'dak ir-rigward li fl-2002, il-Kummissjoni sabet li l-KWKG 2000 li kien applikabbli dak iż-żmien ma kienx jinkludi għajnuna mill-Istat u ma kienx jindika lill-Ġermanja li l-KWKG 2002 se jkun att notifikabbli (42). Huma sostnew li l-fatt li l-Kummissjoni ma oġġezzjonatx għall-KWKG 2002 u ddikjarat li l-KWKG 2000 ma kienx jikkostitwixxi għajnuna jqajjem raġunijiet leġittimi li t-tnaqqis tal-ħlasijiet addizzjonali għal CHP ma jikkostitwixxix għajnuna, tal-anqas sal-2014 meta l-Kummissjoni adottat l-EEAG tal-2014 u għamlitha ċara li l-iskemi ta' sostenn rinnovabbli jew CHP iffinanzjati mill-ħlasijiet addizzjonali jikkostitwixxu għajnuna. Ukoll, BV Glas sostniet li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat NN 68/2000 — il-Ġermanja — Il-liġi għall-protezzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq il-bażi ta' sħana u enerġija kkombinati tat-12 ta' Mejju 2000 (id-“Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2002”) ħolqot aspettattivi leġittimi li l-KWKG 2002 u mbagħad il-KWKG 2016 ma kien fihom l-ebda għajnuna.

(154)

Madankollu, il-Ġermanja ppreżentat lill-Kummissjoni pjan ta' aġġustament li jibda fl-2011 u b'mod progressiv jaġġusta l-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B u tal-Kategorija Ċ għall-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-proporzjonalità introdotti mil-Liġi tat-22 ta' Diċembru 2016 u inkorporati fil-KWKG 2016, kif emendat (jiġifieri tnaqqis limitat għal utenti b'użu intensiv tal-elettriku li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-premessa 20 t'hawn fuq u tnaqqis limitat għal 85 % tal-ħlas addizzjonali għal CHP jew għal 4 % jew 0,5 % tal-GVA, skont l-intensità elettrika tal-impriża).

(155)

Dan jallinja l-ħlasijiet tal-ħlasijiet addizzjonali għal CHP tal-konsumaturi aħħarin preċedenti kollha tal-Kategorija B u Ċ li jikkwalifikaw bħala utenti b'użu intensiv tal-elettriku għal-livelli kompatibbli sal-2018. Filwaqt li l-Kummissjoni tivvaluta dan il-pjan ta' aġġustament fuq il-bażi biss tal-Artikolu 107(3)c tat-TFUE, il-paragun bil-kriterji tal-valutazzjoni stabbiliti fl-EEAG fir-rigward tal-aġġustament tat-tnaqqis tal-ħlasijiet addizzjonali RES applikati qabel l-1 ta' Lulju 2014 juri li l-aġġustament progressiv tal-ħlas addizzjonali għal CHP previst fil-pjan sottomess jippermetti li jitqiesu l-ħlasijiet tal-passat tal-ħlasijiet addizzjonali għal CHP kompatibbli mas-suq intern.

(156)

Fil-fatt, il-pjan jipprevedi żieda progressiva fil-ħlas addizzjonali għal CHP għall-konsumaturi aħħarin tal-kategoriji B u Ċ mill-2011 'il quddiem sabiex fl-2019 ikollhom iħallsu l-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ (100 %). Din it-triq hija aktar stretta mid-dispożizzjoni tranżitorja fir-rigward tat-tnaqqis fil-finanzjament tar-RES previst fl-EEAG. Għall-EIU, il-pjan diġà jipprevedi aġġustament għal 15 % fl-2018, għalhekk aktar kmieni minn dak li teħtieġ il-Kummissjoni fir-rigward tal-aġġustament tat-tnaqqis fil-finanzjament tar-RES (ara l-paragrafu 193 tal-EEAG). Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' aġġustament ippreżentat jagħmel it-tnaqqis tal-ħlasijiet addizzjonali għal CHP fil-passat kompatibbli mas-suq intern.

(157)

Billi l-ħlasijiet addizzjonali għal CHP imħallsa mill-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B u tal-Kategorija Ċ irrappreżentaw total ta' aktar minn 100 % tal-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ għall-2011 u għall-2012 imħallas mill-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija A, il-pjan ta' aġġustament japplika għall-utenti mingħajr użu intensiv tal-elettriku mill-2013 'il quddiem biss. Il-konsumaturi tal-Kategorija B fir-realtà ħallsu għall-2013-2016 aktar minn dak li jeħtieġ il-pjan ta' aġġustament (21 % minflok sa 12,5 %), u b'hekk fil-prattika l-aġġustament tagħhom ikollu jsir biss mill-2017 'il quddiem. L-aġġustament tal-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija Ċ se jsir mill-2016 'il quddiem peress li għall-perjodu 2013-2015 huma ħallsu total li jaqbeż dak li kien jirrikjedi l-pjan ta' aġġustament (13 % minflok sa 12,5 %).

(158)

Fejn jidħlu l-utenti b'intensità elettrika għolja, dawn ħallsu total ta' 15 % tal-ħlas addizzjonali għal CHP sħiħ għall-perjodu mill-2011 sal-2016. Il-pjan ta' aġġustament se jgħodd għalihom fil-prattika mill-2017 'il quddiem.

(159)

Għalhekk fid-dawl tal-ammonti attwali ta' ħlas addizzjonali għal CHP imħallsa mill-benefiċjarji fis-snin preċedenti l-implimentazzjoni tal-pjan ta' aġġustament mhi se tirrikjedi l-ebda żieda tal-ħlas addizzjonali fis-snin preċedenti, ħlief għall-2016 għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija C li ma jikkwalifikawx bħala utenti b'użu intensiv tal-elettriku. Madankollu, din iż-żieda fil-ħlas addizzjonali għal CHP diġà ġiet ippromulgata fil-liġi tat-22 ta' Diċembru 2016 u l-ħlas addizzjonali għal CHP miżjud għal din il-kategorija ta' konsumaturi aħħarin ġie inkluż fil-kont finali għall-2016. Tabilħaqq, skont il-Paragrafu 36 tal-KWKG 2016 kif emendat, il-ħlas addizzjonali ta' EUR 0,026/kWh huwa dovut, sakemm it-tnaqqis għall-perjodu 2014-2016 ma jkunx taħt EUR 160 000 (jiġifieri 20 % taħt il-livell limitu de minimis).

(160)

Il-Kummissjoni ssib ukoll li l-punt tat-tluq tal-pjan ta' aġġustament fl-2011 huwa ġġustifikat. Tabilħaqq f'Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew qabel fuq il-mira ta' 20 % ta' effiċjenza enerġetika li għandha tintlaħaq sal-2020. Matul l-2010 u l-2011, l-UE adottat bosta Pjanijiet ta' Azzjoni u Komunikazzjonijiet (43) biex tenfasizza l-importanza tal-effiċjenza enerġetika u l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi, inkluż fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u inkluż permezz ta' skemi, biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika. Dan flimkien ukoll mad-Direttiva 2012/27/UE wasslu biex l-Istati Membri jżidu l-miżuri ta' sostenn u l-ħlasijiet addizzjonali, inkluż il-ħlas addizzjonali għal CHP, bdew jiżdiedu bħala riżultat.

(161)

Fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2002, il-Kummissjoni tinnota li d-Deċiżjoni tagħha tal-2002 ma kinitx relatata mat-tnaqqis tal-ħlas addizzjonali għal CHP u mhuwiex ċar kif għalhekk tista' tqajjem aspettattivi leġittimi dwar in-nuqqas tal-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, jekk nassumu li seta' kien hemm aspettattivi leġittimi abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2002 u abbażi tal-istatus tal-każistika (PreussenElektra (44)), dawk l-aspettattivi leġittimi kienu jintemmu sa mhux aktar tard mill-2011 għaliex bosta żviluppi fil-każistika u fil-prattika tal-każijiet kienu jwasslu lil operatur ekonomiku prudenti u informat biex jirrealizza li ma kienx aktar possibbli li wieħed jassumi li t-tnaqqis tal-ħlas addizzjonali għal CHP ma kienx se jikkostitwixxi għajnuna.

(162)

Il-Qorti tal-Ġustizzja b'mod ripetut iddeċidiet li d-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kwalunkwe persuna f'sitwazzjoni fejn l-istituzzjoni Komunitarja tkun ħolqitlu aspettattivi li huma ġġustifikati b'assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħataw lilu. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f'pożizzjoni fejn ikun jista' jipprevedi l-adozzjoni ta' miżura Komunitarja ta' natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista' jinvoka l-benefiċċju ta' dan il-prinċipju meta tkun adottata din il-miżura. (45).

(163)

Tabilħaqq, sadanittant, il-Qorti ċċarat fis-sentenza tagħha Essent tas-17 ta' Lulju 2008 (46) il-konfini tas-sentenza PreussenElektra (47) u kkonkludiet li jikkwalifika wkoll bħala riżorsa tal-Istat ħlas addizzjonali impost mill-Istat u ġestit minn entità maħtura mill-Istat anke jekk il-flus ma jgħaddux minn fond jew kont direttament ġestit mill-Istat; barra minn hekk, fit-22 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali fuq limitu massimu introdott b'liġi Awstrijaka li eżentat kumpaniji f'industriji intensivi fl-enerġija mill-obbligu li jixtru enerġija ekoloġika jekk l-ispejjeż għall-enerġija ekoloġika jkunu aktar minn 0,5 % tal-valur tal-produzzjoni rispettiv tagħhom (48). Fit-8 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni tagħha f'deċiżjoni finali li l-livell limitu Awstrijak għall-utenti intensivi fl-użu tal-enerġija skont l-Att dwar l-Enerġija Ekoloġika jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (49).

(164)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta' aġġustament fil-prattika jwassal għal aġġustament għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija C li ma jikkwalifikawx bħala utenti b'użu intensiv tal-elettriku fl-2016. Fl-2016, kwalunkwe operatur ekonomiku prudenti u informat ikun irrealizza li qabel jemmen li t-tnaqqis ma jikkostitwixxi l-ebda għajnuna, ikun prudenti li jistenna l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, b'mod partikolari għaliex kien magħruf li l-KWKG 2016 kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

(165)

Finalment, il-Kummissjoni tinnota li l-pjan ta' aġġustament jevita tfixkil finanzjarju kbir wisq u wisq f'daqqa għal impriżi individwali u f'dak is-sens jikkontribwixxi wkoll għas-sostenibbiltà tal-finanzjament tas-sostenn CHP kif deskritt taħt il-premessi 124 u ta' wara t'hawn fuq.

(166)

Għat-tnaqqis tal-ħlasijiet addizzjonali għal CHP applikat qabel id-data tal-bidu tal-pjan ta' aġġustament, il-Kummissjoni tqis li fid-dawl tal-istat ta' żvilupp ta' CHP ferm effiċjenti (il-perjodu qabel l-istabbiliment tal-mira tal-UE ta' 20 % fl-effiċjenza enerġetika) l-ammonti tat-tnaqqis mogħtija skont il-KWKG 2002 wara Novembru 2006 jistgħu jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE u għalhekk jaqgħu taħt ir-Regolament skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 li kien applikabbli f'dak iż-żmien (għajnuna de minimis) jew li t-tnaqqis mogħti minn Diċembru 2008 sa Diċembru 2010 jaqa' taħt il-Qafas Komunitarju Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (50).

6.5.   Konklużjoni

(167)

Il-Kummissjoni ssib li l-Ġermanja implimentat illegalment ħlasijiet addizzjonali għal CHP imnaqqsa għal ċerti konsumaturi aħħarin bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, il-Kummissjoni ssib li dak it-tnaqqis kif emendat bil-Liġi tat-22 ta' Diċembru 2016 u kif ikkomplimentat mill-pjan ta' aġġustament huwa kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

7.   L-EŻAMI PRELIMINARI TAL-ESTENSJONI MAĦSUBA TAL-APPOĠĠ TAS-CHP ABBAŻI TAL-KWKG 2016, KIF EMENDAT BIL-LIĠI TAT-22 TA' DIĊEMBRU 2017

(168)

Kif deskritt taħt il-premessa 7, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw emenda għall-iskema ta' appoġġ tas-CHP li l-Kummissjoni approvat fl-24 ta' Ottubru 2016. Dik l-emenda tikkonsisti fit-tibdil tal-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati mill-installazzjonijiet ta' CHP sabiex ikunu eliġibbli biex jieħdu sehem fl-offerti li se jiġu organizzati mix-xitwa tal-2017/2018 biex jintgħażlu proġetti ta' CHP li se jibbenefikaw mill-appoġġ. B'riżultat ta' dik l-emenda, l-installazzjonijiet ta' CHP li jinjettaw l-elettriku f'netwerks tad-distribuzzjoni magħluqa se jkunu eliġibbli wkoll biex jieħdu sehem f'dawn l-offerti (“l-emenda”). Is-CHP użat għall-awtokonsum madankollu jibqa' mhux eliġibbli għas-sostenn u mhuwiex ikkonċernat mill-emenda notifikata. It-taqsima li jmiss fiha l-eżami preliminari skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/1589 ta' dik l-emenda.

7.1.   L-eżistenza ta' għajnuna:

(169)

B'riżultat tal-emenda deskritta taħt it-taqsima 5 hawn fuq, kategorija oħra ta' operaturi CHP ikunu eliġibbli biex jieħdu sehem fl-offerti biex jiksbu primjum fiss fuq il-prezz tas-suq għall-elettriku. L-emenda għalhekk iżżid iċ-ċirku ta' benefiċjarji tal-iskema ta' għajnuna approvata. Din ma tibdilx il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-eżistenza ta' għajnuna li saret fil-premessi 123, 128 sa 137, 139 u 144(a) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. L-emenda għalhekk tikkostitwixxi wkoll skema ta' għajnuna.

(170)

B'mod partikolari, l-emenda tagħti lill-installazzjonijiet CHP ikkonċernati l-aċċess għall-offerti organizzati għall-installazzjonijiet CHP li jinjettaw l-elettriku fil-grilji pubbliċi. L-installazzjonijiet CHP magħżula fl-offerta se jiksbu primjum fuq il-prezz tas-suq. Dan jagħtihom vantaġġ fuq produtturi oħra tal-elettriku li qed jieħdu biss il-prezz tas-suq għall-elettriku li jipproduċu. Billi huma biss l-operaturi tal-installazzjonijiet CHP u ċerti tipi biss ta' operaturi CHP li jistgħu jieħdu sehem fl-offerta, il-vantaġġ huwa selettiv. Is-sostenn huwa ffinanzjat mill-ħlas addizzjonali CHP deskritt taħt it-taqsimiet 2.2 u 2.3 hawn fuq u għalhekk huwa ffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq taħt it-taqsima 6.1.2 hawn fuq. Il-vantaġġ aktarx li jaffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni. Tabilħaqq, l-operaturi tal-installazzjonijiet ta' CHP li jinjettaw l-elettriku f'netwerks tad-distribuzzjoni magħluqa jinsabu f'kompetizzjoni mal-fornituri tal-elettriku li jinjettaw l-elettriku fil-grilji pubbliċi. Billi l-elettriku injettat fil-grilji pubbliċi huwa soġġett għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri, anke l-emenda li testendi l-possibbiltà għal installazzjonijiet CHP li jinjettaw l-elettriku f'netwerks tad-distribuzzjoni magħluqa aktarx li taffettwa l-kummerċ u l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

7.2.   Legalità

(171)

Billi ż-żieda ta' kategorija ġdida ta' installazzjonijiet ta' CHP eliġibbli biex jieħdu sehem fl-offerti għadha ma ġietx adottata, il-Ġermanja kkonformat mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

7.3.   Kompatibilità

7.3.1.   Kontribut għal objettiv ta' interess komuni

(172)

L-objettiv tal-appoġġ jibqa' l-istess kif deskritt fil-premessa 148 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ: huwa indirizzat lejn żieda fil-livell ta' protezzjoni ambjentali permezz tal-promozzjoni tal-elettriku minn koġenerazzjoni ferm effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li l-installazzjonijiet ta' CHP li jsiru eliġibbli biex jieħdu sehem fl-offerti jkomplu jkunu soġġetti għar-rekwiżit ta' effiċjenza għolja f'konformità mal-paragrafu 139 tal-EEAG.

(173)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-emenda tikkontribwixxi għal objettiv ta' interess komuni bl-istess mod li kienet tikkontribwixxi l-iskema oriġinali (ara f'dan ir-rigward it-taqsima 3.3.1.1 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

7.3.2.   Ħtieġa ta' intervent mill-Istat u ta' effett ta' inċentiv

(174)

L-installazzjonijiet ta' CHP li jinjettaw l-elettriku fi grilja privata jikkorrispondu għat-tip ta' installazzjonijiet ta' CHP imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ bħala “Kontraktor” (ara l-premessa 23 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ) u li għalihom l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew kalkoli tal-Kost Livellat tal-Enerġija u paraguni mal-projezzjonijiet tal-prezz tas-suq (ara t-Tabella 5 hawn fuq).

(175)

L-Istati Membri jeħtieġ li juru li l-għajnuna mill-Istat hija meħtieġa biex tirrimedja falliment tas-suq li nkella jibqa' mhux indirizzat (ara l-paragrafu 37 tal-EEAG). Fil-każ tal-koġenerazzjoni, il-Kummissjoni tippreżumi li miżuri ta' effiċjenza enerġetika jimmiraw esternalitajiet negattivi billi joħolqu inċentivi individwali biex jiksbu miri ambjentali għall-effiċjenza enerġetika u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra (ara l-paragrafi 35 u 142 tal-EEAG).

(176)

Skont il-paragrafu 49 tal-EEAG, l-Istat Membru jrid juri li l-għajnuna għandha l-effett li tinċentiva lill-benefiċjarji jibdlu l-imġiba tagħhom f'konformità mal-objettiv ta' interess komuni segwit.

(177)

Il-kalkoli pprovduti mill-awtoritajiet Ġermaniżi (ara t-Tabella 5) juru li l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-elettriku minn CHP b'effiċjenza għolja (LCOE) huma ogħla mill-prezz tas-suq tal-elettriku u li mingħajr is-sostenn din l-attività aktarx li ma tkunx ekonomikament vijabbli.

(178)

L-installazzjonijiet ta' CHP li huma kkonċernati mill-emenda se jiksbu sostenn biss jekk jintgħażlu fi proċess ta' offerti kompetittiv, għalhekk m'hemmx il-ħtieġa li jikkonformaw mar-rekwiżit tal-forma li jinsab fil-paragrafu 51 tal-EEAG (ara l-paragrafu 52 tal-EEAG).

(179)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-awtoritajiet Ġermaniżi wrew li l-għajnuna għall-installazzjonijiet ta' CHP li jinjettaw l-elettriku fi grilji privati hija meħtieġa u li l-iskema ta' għajnuna se jkollha effett ta' inċentiv.

7.3.3.   L-adegwatezza tal-għajnuna, il-proporzjonalità u l-evitar ta' tgħawwiġ bla bżonn fil-kompetizzjoni

(180)

F'konformità mal-paragrafu 145 tal-EEAG, l-għajnuna mill-Istat tista' titqies bħala strument xieraq biex jiġu ffinanzjati l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, indipendenti mill-forma li tingħata fiha. Il-primjums fuq il-prezz tas-suq huma strumenti tal-għajnuna xierqa biex jikkompensaw lill-impjanti ta' CHP għall-ispejjeż ogħla tal-produzzjoni tal-elettriku minn koġenerazzjoni ferm effiċjenti għaliex jimmiraw lejn l-element tal-ispiża addizzjonali li mhuwiex kopert mill-prezz tas-suq.

(181)

L-emenda nnotifikata żżid kategorija ġdida ta' operaturi CHP li jistgħu jieħdu sehem fl-offerta sabiex jiksbu primjum fuq il-prezz tas-suq. Dan jikkorrispondi għall-għajnuna operatorja għall-produzzjoni ta' elettriku f'installazzjonijiet ta' CHP ferm effiċjenti fl-użu tal-enerġija, għalhekk il-paragrafu 151 tal-EEAG huwa applikabbli għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità.

(182)

Għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità, il-paragrafu 151 tal-EEAG jagħmel referenza għall-kundizzjonijiet li japplikaw għall-għajnuna operatorja għall-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli kif stabbilit fit-taqsima 3.3.2.1 tal-EEAG.

(183)

L-impjanti ta' CHP ikkonċernati mill-emenda jaqgħu fil-kategorija ddefinita fil-paragrafu 151(a) tal-EEAG: l-elettriku prodott se jinbiegħ lill-pubbliku (minkejja li għal numru aktar limitat ta' klijenti mill-elettriku mibjugħ fil-grilja pubblika).

(184)

Għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità, il-paragrafu 151 tal-EEAG jagħmel referenza għall-kundizzjonijiet li japplikaw għall-għajnuna operatorja għall-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli kif stabbilit fit-taqsima 3.3.2.1 tal-EEAG.

(185)

Skont il-paragrafu 124 tal-EEAG, l-għajnuna trid tingħata bħala primjum minbarra l-prezz tas-suq li bih il-ġeneraturi jbigħu l-elettriku tagħhom direttament fuq is-suq. Barra minn hekk, il-benefiċjarji jridu jkunu soġġetti għal responsabbiltajiet tal-ibbilanċjar standard, sakemm ma jeżisti l-ebda suq tal-ibbilanċjar likwidu tal-istess ġurnata u finalment l-iskema trid tiżgura li l-ġeneraturi ma jkollhom l-ebda inċentiv biex jiġġeneraw l-elettriku meta l-prezzijiet tas-suq huma negattivi.

(186)

L-iskema ta' għajnuna tikkonforma mal-paragrafu 124(a) tal-EEAG minħabba li l-għajnuna mħallsa lil impriżi magħżula se titħallas bħala primjum fuq il-prezz tas-suq u l-operatur tal-installazzjoni ta' CHP se jkollu jbigħ l-elettriku fuq is-suq (ara l-premessa 79 hawn fuq). L-operatur huwa soġġett ukoll għar-responsabbiltajiet tal-ibbilanċjar normali (ara l-premessa 79 hawn fuq). Finalment, l-iskema ma toħloqx inċentivi biex jiġi prodott l-elettriku fi żmien ta' prezzijiet negattivi. Tabilħaqq l-għajnuna titħallas bħala primjum fiss u għal ammont limitat ta' sigħat b'tagħbija sħiħa. Dan iżid l-inċentivi biex l-elettriku jinbiegħ fi żminijiet ta' domanda ogħla, għaliex dan jimmassimizza d-dħul u għall-kuntrarju jnaqqas l-inċentivi li jiġi prodott fi żminijiet ta' prezzijiet negattivi. Barra minn hekk, il-Ġermanja tissospendi l-appoġġ fi żminijiet ta' prezzijiet negattivi (ara l-premessa 79 hawn fuq).

(187)

Il-paragrafu 126 tal-EEAG jirrikjedi li, mill-1 ta' Jannar 2017, l-għajnuna tingħata fi proċess kompetittiv ta' offerti.

(188)

L-emenda tikkonforma ma' dan ir-rekwiżit għaliex tikkonsisti fiż-żieda ta' kategorija ta' operaturi CHP eliġibbli biex jieħdu sehem fl-offerti li se jiġu organizzati mix-xitwa tal-2017/2018. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-offerti strateġiċi, il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi wettqu studju dwar l-ekonomiji tal-installazzjonijiet ta' CHP li jinjettaw l-elettriku fi grilji privati li żvela li l-vantaġġ kompetittiv kien ferm aktar limitat milli maħsub inizjalment (jekk jeżisti), sabiex ir-riskju tal-offerti strateġiċi kien baxx biżżejjed biex jagħmilha possibbli li dawn it-tip ta' installazzjonijiet ta' CHP jiġu inklużi fl-istess offerta. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li se jinkludu dan l-element fl-evalwazzjoni tal-offerti u indikaw ukoll li jekk jinstabu sinjali ta' offerti strateġiċi, l-awtoritajiet Ġermaniżi se jindirizzawhom fil-qafas tad-disinn tal-offerta u se jinnotifikaw l-emendi għall-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u għad-disinn tal-offerta lill-Kummissjoni.

7.3.4.   Trasparenza

(189)

L-emenda ma tbiddilx l-impenn ipprovdut mill-awtoritajiet Ġermaniżi, li jiġu implimentati l-kundizzjonijiet kollha stipulati fit-taqsima 3.2.7 tal-EEAG. Il-miżuri jikkonformaw mad-dispożizzjoni dwar it-trasparenza.

7.3.5.   Konklużjoni

(190)

Abbażi tar-raġunijiet stipulati fit-taqsimiet 7.3.1 sa 7.3.4, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-appoġġ lill-installazzjonijiet ta' CHP ġodda ta' effiċjenza għolja użati f'netwerks ta' distribuzzjoni magħluqa huwa konformi mal-EEAG, b'mod partikolari t-taqsima 3.4 tiegħu, u għaldaqstant huwa kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

It-tnaqqis fil-ħlasijiet addizzjonali għal CHP li l-Ġermanja implimentat skont il-KWKG 2016 bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE huwa kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)c tat-TFUE wara li saru l-emendi tat-22 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija abbażi tal-iskemi ta' għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat jekk, meta ngħatat, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni taċċetta l-pjan ta' aġġustament għall-perjodu 2011-2019, kif innotifikat mill-Ġermanja. Il-Ġermanja għandha tinforma lill-Kummissjoni bl-implimentazzjoni tal-pjan ta' aġġustament.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-estensjoni tal-iskema ta' għajnuna lill-installazzjonijiet ta' CHP ġodda ta' effiċjenza għolja użati f'netwerks ta' distribuzzjoni magħluqa, approvata bid-Deċiżjoni C(2016)6714, li l-Ġermanja beħsiebha timplimenta abbażi tal-paragrafu 33a(2)(b)(bb) tal-KWKG 2016, kif emendat bil-Liġi tat-22 ta' Diċembru 2016, minħabba li l-estensjoni tal-iskema ta' għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 406 tal-4.11.2016, p. 21.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2016 dwar għajnuna mill-Istat SA.42393 (2016/C) (ex 2015/N) — il-Ġermanja — Ir-riforma ta' sostenn għal koġenerazzjoni fil-Ġermanja — Stedina biex jintbagħtu kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 406, 4.11.2016, p. 21).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9)

(4)  L-installazzjonijiet ta' CHP bil-faħam u l-linjite huma esklużi mis-sostenn fil-qafas tal-KWKG 2016.

(5)  Qabbel in-nota f'qiegħ il-paġna 1.

(6)  Ara https://www.netztransparenz.de/de/file/KWKG-Aufschlaege_2016_V01.pdf

(7)  Il-Ġermanja indikat li ċ-ċifri finali mhux se jkunu disponibbli qabel it-tieni nofs tal-2017.

(8)  Previżjonijiet disponibbli fuq: https://www.netztransparenz.de/Portals/1/Content/Kraft-W%C3%A4rme-Kopplungsgesetz/KWK-G-Aufschl%C3%A4ge-Prognosen/KWKG_Prognose_2016_nach_KWKG_2016_Internet.pdf

(9)  Il-ħlas addizzjonali għal CHP nozzjonali huwa l-ħlas addizzjonali li kien japplika għall-utenti kollha li kieku l-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B u C ma jibbenefikawx mit-tnaqqis.

(10)  Kieku l-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B u C ma jibbenefikawx mit-tnaqqis, kieku l-ħlas addizzjonali għal CHP għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji A jkun 0,19 EUR ċenteżmi/kWh inqas.

(11)  Kieku l-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B u C ma jibbenefikawx mit-tnaqqis, kieku l-ħlas addizzjonali għal CHP jkun 0,215 EUR ċenteżmi/kWh ogħla għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija B (meta mqabbel mal-ħlas addizzjonali għal CHP nozzjonali).

(12)  Kieku l-konsumaturi aħħarin tal-Kategoriji B u C ma jibbenefikawx mit-tnaqqis, kieku l-ħlas addizzjonali għal CHP jkun 0,225 EUR ċenteżmi/kWh ogħla għall-konsumaturi aħħarin tal-Kategorija C (meta mqabbel mal-ħlas addizzjonali għal CHP nozzjonali).

(13)  L-EEG 2014 huwa disponibbli fuq http://www.gesetze-im-internet.de/eeg_2014/ L-EEG 2014 ġie ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Ġermanja tal-24 ta' Lulju 2014 (BGBl I 2014 Nru 33, p. 1 066).

(14)  Din il-metodoloġija ta' kif wieħed jiddetermina l-intensità elettrika tal-impriża ġiet approvata mill-Kummissjoni fil-każijiet dwar għajnuna mill-Istat SA.38632 u SA.44679 (ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 dwar għajnuna mill-Istat SA.38632 (2014/N) — il-Ġermanja — EEG 2014 (ĠU C 325, 2.10.2015, p. 4) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2016 dwar għajnuna mill-Istat SA.44679 (2016/N) — il-Ġermanja — Modifika tal-metodu użat għad-definizzjoni tal-intensità elettrika skont l-EEG (ĠU C 68, 3.3.2017, p. 10).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(16)  Dan il-pass issa qed jiġi spjegat b'mod aktar espliċitu taħt il-paragrafu 28(3) tal-KWKG, kif emendat.

(*1)   Sigriet kummerċjali

(17)   ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.

(18)  Kawża dwar Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) dwar l-iskema ta' għajnuna implimentata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija (ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1585 tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-iskema ta' għajnuna SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) (implimentata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija) (ĠU L 250 tal-25.9.2015, p. 122)).

(*2)   Sigriet kummerċjali.

(19)  Suppożizzjoni: It-tariffi tal-elettriku wara t-tnaqqis fil-ħlas addizzjonali tal-EEG b'11,2 EUR ċenteżmi/kWh.

(20)  Sentenza tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group, kawżi magħquda C-20/15 P u C-21/15 P, ECLI:EU:C:2016:981, paragrafu 60.

(21)  Sentenza tal-11 ta' Diċembru 2014, Austria vs il-Kummissjoni, T-251/11, ECLI:EU:T:2014:1060, paragrafu 112; Sentenza tal-10 ta' Mejju 2016, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-47/15, ECLI:EU:T:2016:281, paragrafu 55.

(22)  Sentenza tat-8 ta' Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs in-Netherlands, C-279/08 P, ECLI:EU:C:2011:551, paragrafu 32.

(23)  Is-Sentenza tad-19 ta' Diċembru 2013, Vent De Colère u Oħrajn, C-262/12 ECLI:EU:C:2013:851.

(24)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, ECLI:EU:C:2001:160.

(25)  Is-Sentenza tas-17 ta' Lulju 2008, Essent Netwerk Noord u Oħrajn, C-206/06, ECLI:EU:C:2008:413.

(26)  Is-Sentenza tal-10 ta' Mejju 2016, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-47/15, ECLI:EU:T:2016:281.

(27)  Is-Sentenza tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99 EU:C:2002:294, il-punt 37, u s-sentenza tal-10 ta' Mejju 2016, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-47/15, ECLI:EU:T:2016:281, il-punt 83.

(28)  Għal dan il-għan, ara s-sentenza tat-22 ta' Marzu 1977, Steinike & Weinlig, C-78/76, EU:C:1977:52, il-punt 21; is-Sentenza tas-17 ta' Marzu 1993, Sloman Neptun vs Bodo Ziesemer, il-kawżi magħquda C-72/91 u C-73/91, EU:C:1993:97, il-punt 19, u s-sentenza tal-10 ta' Mejju 2016, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-47/15, ECLI:EU:T:2016:281, il-paragrafu 81.

(29)  Ara wkoll is-Sentenza tal-10 ta' Mejju 2016, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-47/15, ECLI:EU:T:2016:281, il-punt 112, u s-sentenza tal-11 ta' Diċembru 2014, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T-251/11, ECLI:EU:T:2014:1060, il-punt 76.

(30)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.36511 (2014/C) (ex 2013/NN) — Franza — Mekkaniżmu ta' sostenn għall-enerġiji rinnovabbli u l-limitu massimu tas-CSPE — Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 348, 3.10.2014, p. 78)

(31)  Is-Sentenza tal-1 ta' Frar 2017, Portovesme vs Il-Kummissjoni, C-606/14 P, ECLI:EU:C:2017:75, il-punt 91.

(32)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2002 dwar l-Għajnuna mill-Istat NN 68/2000 — Il-Ġermanja — Liġi għall-protezzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq il-bażi tas-sħana u tal-enerġija kkombinati tat-12 ta' Mejju 2000 (ĠU C 164, 10.7.2002, p. 5).

(33)   Ibidem.

(34)   Ibidem.

(35)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Awwissu 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.43666 (2015/N) — Il-Ġermanja — Tnaqqis tal-ħlas addizzjonali tal-KWKG għall-intrapriżi ferrovjarji (ĠU C 406, 4.11.2016, p. 1).

(36)  Is-Sentenza tal-14 ta' Jannar 2009, Kronoply vs il-Kummissjoni, T-162/06 ECLI:EU:T:2009:2, speċjalment il- paragrafi 65, 66, 74 u 75.

(37)  Is-Sentenza tas-7 ta' Ġunju 2001, Agrana Zucker und Stärke vs il-Kummissjoni, Kawża T-187/99, ECLI:EU:T:2001:149, paragrafu 74. Is-sentenza tal-14 ta' Mejju 2002 Graphischer Maschinenbau vs il-Kummissjoni, Kawża T-126/99, EU:T:2002:116, il-paragrafi 41-43. Is-Sentenza tal-15 ta' April 2008, Nuova Agricast, Kawża C-390/06, ECLI:EU:C:2008:224, il-paragrafi 68-69.

(38)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(39)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Ottubru 2014.

(40)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat fil-kawża SA.38632 (2014/N) — il-Ġermanja — EEG 2014 (ĠU C 325, 2.10.2015, p. 4).

(41)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Ottubru 2014.

(42)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat NN 68/2000 — il-Ġermanja — Il-liġi għall-protezzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq il-bażi ta' sħana u enerġija kkombinati tat-12 ta' Mejju 2000 (ĠU C 164, 10.7.2002, p. 5).

(43)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 kkonfermaw il-mira għall-effiċjenza enerġetika bħala waħda mill-miri ewlenin tal-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni għal impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Skont dan il-proċess u sabiex ikun implimentat dan l-għan fuq il-livell nazzjonali, l-Istati Membri huma mitluba jiffissaw miri nazzjonali bi djalogu mill-qrib mal-Kummissjoni u jindikaw, fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom, kif biħsiebhom jilħquhom. Ara wkoll Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Enerġija 2020 — Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b'sigurtà (COM(2010) 639 finali tal-10 ta' Novembru 2010). Din tqiegħed l-effiċjenza enerġetika fil-qalba tal-istrateġija tal-Unjoni tal-enerġija għall-2020 u tiddeskrivi l-ħtieġa għal strateġija ġdida tal-effiċjenza enerġetika li tippermetti lill-Istati Membri kollha jiddiżakkoppjaw l-użu tal-enerġija mit-tkabbir ekonomiku. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar 2011 li jirrikonoxxu li l-mira għall-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni ma kinitx fit-triq it-tajba u li hija meħtieġa azzjoni determinata sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal konsiderevoli għal iktar iffrankar tal-enerġija fil-bini, fit-trasport, fil-prodotti u fil-proċessi. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tat-8 ta' Marzu 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika 2011 Il-Komunikazzjoni kkonfermat li l-Unjoni mhijiex fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-mira tagħha għall-effiċjenza enerġetika.Bħala rimedju, il-Pjan għall-Effiċjenza fl-Enerġija 2011 spjega sensiela ta' politiki u miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika li kienu jkopru l-katina tal-enerġija kollha, inkluż il-ġenerazzjoni tal-enerġija ta' sħana u elettriku u jissottolinja li s-sħana residwa għandha tiġi rkuprata fejn possibbli u għandu jsir użu akbar minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja fejn possibbli..

(44)  Is-Sentenza tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra, il-Kawża C-379/98, ECLI:EU:C:2001:160.

(45)  Is-Sentenza tat-22 ta' Ġunju 2006, Forum 187 v Il-Kummissjoni, Il-kawżi magħquda C-182/03, C-217/03, ECLI:EU:C:2005:266, il-paragrafu 147.

(46)  Is-Sentenza tas-17 ta' Lulju 2008, Essent Netwerk Noord u Oħrajn, C-206/06, ECLI:EU:C:2008:413.

(47)  Is-Sentenza tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra, il-Kawża C-379/98, ECLI:EU:C:2001:160.

(48)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.26036 (C 24/2009) — L-Awstrija — Għajnuna lil Konsumaturi Kbar tal-Elettriku (ĠU C 217, 11.9.2009, p. 12).

(49)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/528/UE tat-8 ta' Marzu 2011 dwar miżura ta' għajnuna mill-Istat C 24/09 (ex N 446/08) — Għajnuna mill-Istat lin-negozji konċentrati fl-enerġija skont l-Att dwar l-Enerġija Ekoloġika fl-Awstrija (ĠU L 235, 10.9.2011, p. 42).

(50)   ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1.