Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

2 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni-Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali u tal-eżekuzzjoni ta’ diversi pieni li jċaħħdu l-libertà – Artikolu 6(1) – Awtorità ġudizzjarja ta’ ħruġ – Artikolu 8(1)(ċ) – Ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku .abbażi ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn qorti – Assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju dwar il-ħruġ tal-mandat ta' arrest Ewropew – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑446/26 PPU [Blerens] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2026, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

RI,

fil-preżenza ta’:

Openbaar Ministerie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan (Relatur), D. Gratsias u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tas‑6 ta’ Mejju 2026, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, li r-rinviju preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2026 tal-Ħames Awla li tilqa’ din it-talba,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali dwar l-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtorità Griega kompetenti fir-rigward ta’ RI, ċittadin Grieg li jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali u tal-eżekuzzjoni ta’ diversi pieni li jċaħħdu l-libertà.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi fil-paragrafu 3:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE].”

4        L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”, jipprevedi fil-paragrafu 1:

“L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.”

5        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, fil-paragrafu 1 tiegħu jistipula:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

[...]

(ċ)      l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

[...]”

6        L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Deċiżjoni ta’ ċediment”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.”

7        L-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Tnaqqis fil-perjodu ta’ detenzjoni skontat fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istat Membru emittenti għandu jnaqqas il-perjodi kollha ta’ detenzjoni li jirriżultaw mill-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-perjodu totali ta’ detenzjoni li għandu jiġi skontat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bħala riżultat ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni li qed tingħata.”

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Fid‑29 ta’ April 2025, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Efeteio Thessaloniki (il-Qorti tal-Appell ta’ Thessaloniki, il-Greċja, iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Pubbliku Grieg”) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ RI għall-finijiet, minn naħa, tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ offiżi fuq il-persuna fid-dar b’mod ripetut u ta’ offiża fuq il-persuna, ta’ reati punibbli fil-Greċja b’piena li ċċaħħad il-libertà għal perijodu massimu, rispettivament, ta’ għaxar snin u sentejn, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-eżekuzzjoni ta’ erba’ pieni li jċaħħdu l-libertà għal perijodu, rispettivament, ta’ ħames snin, ta’ sentejn, ta’ sena u ta’ erba’ xhur.

9        Sa fejn inħareġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq mandat ta’ arrest nazzjonali li nħareġ fid‑29 ta’ Mejju 2018 mill-Qorti Istruttorja tal-Protodikeio Katerinis (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, il-Greċja), kif ikkompletat mid-digriet mogħti fit‑22 ta’ Ottubru 2018 minn din l-istess qorti u miżmum fis-seħħ skont id-Digriet Nru 26/2019 tal-Kunsill għar-Reati Minuri ta’ Katerini.

10      Fit‑30 ta’ Ottubru 2025, il-Prosekutur tar-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ressaq quddiem din il-qorti, li hija l-qorti tar-rinviju, talba intiża għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew. RI tqiegħed taħt detenzjoni, abbażi ta’ dan il-mandat, sabiex jiġi kkonsenjat lill-Istat Membru emittenti.

11      F’sentenza interlokutorja tal‑24 ta’ Marzu 2026, l-imsemmija qorti qieset li l-konsenja ta’ RI kellha tiġi rrifjutata għal tlieta mill-erba’ kundanni li fuqhom huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew, iżda li, min-naħa l-oħra, hija ma kienet tara, f’dan l-istadju, ebda raġuni sabiex tirrifjuta kompletament il-konsenja tiegħu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Grieg li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, sa fejn dan jirrigwarda l-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, setgħetx tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju li jissodisfa kompletament il-kundizzjonijiet inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

12      Dwar dan l-aħħar punt, il-qorti tar-rinviju indirizzat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Grieg, bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, sensiela ta’ domandi intiżi sabiex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, minn naħa, jekk, fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest nazzjonali jew fi stadju sussegwenti, il-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, għall-parti relatata mal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, u b’mod partikolari n-natura proporzjonata tiegħu, ġewx eżaminati wkoll minn qorti fl-Istat Membru emittenti u, min-naħa l-oħra, fin-negattiv, jekk huwiex possibbli li din in-natura proporzjonata tiġi vverifikata minn tali qorti qabel il-konsenja effettiva tal-persuna rikjesta.

13      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Jannar 2026, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Grieg wieġeb għal din l-aħħar domanda li, l-ewwel nett, l-awtorità ġudizzjarja awtorizzata toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew hija l-prosekutur fi ħdan il-qorti tal-appell kompetenti, li tiddeċiedi dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat billi tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tieni nett, il-qorti Griega, jiġifieri l-qorti istruttorja, tevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest nazzjonali humiex issodisfatti billi tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet nett, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa prinċipju ġeneralment aċċettat u stabbilit mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika li japplika għall-istadji kollha tal-proċeduri kriminali u li ttieħed inkunsiderazzjoni f’din il-kawża, kemm fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest nazzjonali mill-qorti istruttorja kif ukoll fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

14      Wara li enfasizzat li, indipendentement mill-fatt li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda wkoll l-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà, din il-kawża hija paragunabbli mal-kawża pendenti C‑722/25, Wertergen, il-qorti tar-rinviju, li ttenni l-motivi li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għal din l-aħħar kawża, tikkonkludi, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, li, fl-Istat Membru emittenti, id-deċiżjoni ta’ prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali ma tistax tkun is-suġġett, qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta, ta’ stħarriġ eżerċitat minn qorti. Barra minn hekk, din l-informazzjoni la tippermetti lil din il-qorti tiddetermina jekk, meta toħroġ mandat ta’ arrest nazzjonali, il-qorti kompetenti tal-Istat Membru emittenti eżerċitatx jew tistax teżerċita stħarriġ fuq il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, b’mod partikolari, dwar in-natura proporzjonata tiegħu, u lanqas jekk id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali tistax, qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ minn qorti. Huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li, fid-dawl tan-natura tagħhom u tas-sanzjoni li jistgħu jwasslu għalihom, il-fatti li din il-persuna hija ssuspettata fil-Greċja jikkostitwixxu reati serji u li l-imsemmija persuna tirrisjedi barra mit-territorju Grieg.

15      Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, jeżisti dubju dwar il-kwistjoni jekk, qabel il-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, il-persuna rikjesta tistax tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jew fil-livell tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jew fil-livell tad-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li fuqha huwa bbażat dan tal-aħħar, jiġifieri l-ħruġ tal-mandat ta’ arrest nazzjonali.

16      F’dan ir-rigward, din il-qorti tfakkar li, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali għandha tkun tista’ tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva qabel il-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ protezzjoni meħtieġa, jiġifieri, jew fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jew fir-rigward tad-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha huwa bbażat dan il-mandat.

17      Ċertament, din is-sentenza tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li, fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, prosekutur pubbliku kien ħareġ kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll il-mandat ta’ arrest nazzjonali.

18      Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma hijiex konvinta li minn din id-differenza jirriżulta li, f’din il-kawża, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta ma japplikax għal wieħed minn dawn iż-żewġ livelli. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet dan ir-rekwiżit fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha dwar iż-żewġ livelli ta’ protezzjoni, b’mod partikolari, fis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), li għaliha hija tirreferi fil-punti 43 sa 47 tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187). Issa, bħal f’dan il-każ, fil-kawża li tat lok għall-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, prosekutur pubbliku kien ħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, filwaqt li qorti kienet ħarġet il-mandat ta’ arrest nazzjonali. Għalhekk huwa improbabbli li r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit f’din l-aħħar sentenza ma japplikax f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

19      Din il-qorti tenfasizza li, f’kawża simili preċedenti dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn prosekutur fi ħdan qorti tal-appell Griega, hija qieset li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta ma nkisirx, peress li, qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta, il-mandat ta’ arrest nazzjonali nħareġ minn qorti u li, wara l-konsenja ta’ din il-persuna, il-legalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew kellha, jekk ikun il-każ, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punti 72 u 73), tkun tista’ tiġi eżaminata b’mod inċidentali mill-qorti kriminali kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti li wasslu għal dan il-mandat.

20      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali raġunament għadux validu, u dan għal żewġ raġunijiet.

21      Minn naħa, dan ir-raġunament jippreżupponi li, fil-każ fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali jkun inħareġ minn prosekutur, il-kundizzjoni marbuta mar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tkun diġà ssodisfatta fil-livell tad-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali jekk il-mandat ta’ arrest nazzjonali jkun inħareġ minn qorti. Issa, mill-punti 50 sa 53 tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187), jirriżulta li din iċ-ċirkustanza waħedha ma hijiex suffiċjenti, sa fejn, jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn prosekutur, il-qorti għandha, meta toħroġ il-mandat ta’ arrest nazzjonali, u għalhekk qabel il-konsenja, ikollha l-possibbiltà li tistħarreġ il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tiegħu.

22      Min-naħa l-oħra, l-imsemmi raġunament jippreżupponi li stħarriġ ġudizzjarju dwar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, dwar in-natura proporzjonata tiegħu, eżerċitat minn qorti fl-Istat Membru emittenti wara l-konsenja tal-persuna rikjesta lil dan l-Istat Membru, jissodisfa bħal fil-każ imsemmi fis-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4), ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Issa, mill-punti 54 sa 57 tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187), jirriżulta li s-sempliċi possibbiltà li, wara l-konsenja tal-persuna rikjesta, il-legalità tad-deċiżjoni ta’ prosekutur pubbliku li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ma tissodisfax tali rekwiżit.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/5840], moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet inerenti fil-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għaliha persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun intitolata għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – u, barra minn hekk, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kustodja – ma humiex iasodisfatti jekk:

–        il-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ minn prosekutur — li jista’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, iżda — li d-deċiżjoni tiegħu li jinħareġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma hijiex suġġetta għal rimedju ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta, filwaqt li

–        il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni — sa fejn jikkonċerna proċeduri kriminali — huwa bbażat fuq mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn qorti li, fil-kuntest tal-ħruġ ta’ dan il-mandat nazzjonali, ma stħarrġitx il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tiegħu, u li d-deċiżjoni tiegħu ma tistax tkun is-suġġett ta’ tali stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta?”

 Fuq it-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

24      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25      Insostenn ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju sostniet li d-domanda preliminari tirrigwarda qasam imsemmi fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u li l-persuna rikjesta tinsab f’detenzjoni bl-għan tal-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti. Id-deċiżjoni dwar din il-konsenja ma tistax tittieħed mingħajr ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula u l-ħeffa ta’ din ir-risposta għandha għalhekk effett dirett u determinanti fuq it-tul ta’ din id-detenzjoni.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taqa’ taħt l-oqsma msemmija fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

27      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna għandha tiġi evalwata kif tkun fid-data tal-eżami tat-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2026, Casotta, C‑24/26 PPU, EU:C:2026:333, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li RI ilu mċaħħad mil-libertà mis‑27 ta’ Ottubru 2025 sabiex issir il-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Griegi kompetenti u li jinsab f’din is-sitwazzjoni fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, peress li l-qorti tar-rinviju, barra minn hekk, ippreċiżat, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li din it-talba għandha l-effett li testendi b’60 jum id-detenzjoni ta’ RI għall-finijiet tal-konsenja tiegħu lill-Istat Membru emittenti.

29      Issa, id-domanda magħmula minn din il-qorti hija intiża, essenzjalment, sabiex tippermettilha tiddetermina, bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom tirreferi din id-domanda jiġġustifikawx li hija tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, sa fejn dan ikun inħareġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, minħabba li dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tibbenefika minnha l-persuna rikjesta.

30      Risposta pożittiva tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha twassal, bħala prinċipju, għal-liberazzjoni ta’ RI, peress li l-konsenja tiegħu għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali fl-Istat Membru emittenti għandha tiġi rrifjutata u d-detenzjoni tiegħu ġiet estiża biss għall-uniku skop li tintalab din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

31      Ċertament, f’dan il-każ, il-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ ukoll għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ erba’ pieni li jċaħħdu l-libertà bbażati fuq sentenzi eżekuttivi mogħtija fl-Istat Membru emittenti, peress li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubju dwar il-konsenja ta’ RI għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ waħda minn dawn il-pieni.

32      Issa, skont l-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istat Membru emittenti għandu jnaqqas mill-perijodu totali ta’ ċaħda tal-libertà li għandu jiġi skontat fit-territorju tiegħu, wara l-kundanna għal piena jew miżura ta’ detenzjoni li ċċaħħad il-libertà, kull perijodu ta’ detenzjoni li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

33      F’dan ir-rigward, ir-rifjut ta’ konsenja ta’ persuna detenuta għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, li huwa wkoll is-suġġett ta’ tali mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, ma jwassalx neċessarjament għal-liberazzjoni tagħha.

34      Dan japplika wkoll meta t-tul tal-piena li ċċaħħad il-libertà li għandha tiġi skontata fl-Istat Membru emittenti jkun twil biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi assorbit it-tul tad-detenzjoni skontata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

35      Issa, f’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti ta’ RI, dan tal-aħħar ikun suġġett għal piena ta’ priġunerija minima għal perijodu ta’ erba’ xhur.

36      Għaldaqstant, peress li t-tul tad-detenzjoni skontat minn RI fil-Pajjiżi l-Baxxi diġà jeċċedi dak ta’ din il-piena, għandu jitqies li l-kundizzjoni marbuta mal-urġenza hija ssodisfatta, peress li ż-żamma taħt detenzjoni ta’ RI f’dan l-Istat Membru tiddependi mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-Artikolu 108(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tintlaqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

38      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

39      Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

40      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn prosekutur li jikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kif ukoll tal-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà, ir-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tibbenefika minnhom il-persuna rikjesta huma ssodisfatti, minkejja li, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ dan il-prosekutur li joħroġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat, sa fejn huwa intiż għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, fuq mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn qorti li ma wettqitx l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tiegħu, u li d-deċiżjoni tagħha lanqas ma tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors qabel din il-konsenja.

41      Għandu jitfakkar qabel kollox li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa min-naħa tiegħu msejjes fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian, C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu, l-effettività u l-funzjonament tajjeb tas-sistema ssimplifikata ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li wettqu ksur tal-liġi kriminali, stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huma msejsa fuq l-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti stabbiliti permezz ta’ din id-deċiżjoni qafas li l-portata tagħhom ġiet speċifikata permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punt 36), u d-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Prosecutor of the regional prosecutor’s office in Ruse, Bulgaria (C‑206/20, EU:C:2021:509, punt 40).

43      Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 l-“awtorità ġudizzjarja emittenti” hija l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti li hija kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

44      Skont il-ġurisprudenza, dan il-kunċett jista’ jinkludi l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li, mingħajr ma jkunu neċessarjament imħallfin jew qrati, jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru u jaġixxu b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fejn l-imsemmija indipendenza teħtieġ li jkunu jeżistu regoli statutorji u organizzattivi li jiżguraw li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal kwalunkwe riskju li tiġi suġġetta, b’mod partikolari, għal investigazzjoni individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, il-parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fi ħdan ir-Repubblika Ellenika tal-membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ dan l-Istat Membru ma hijiex ikkontestata. Dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku b’hekk jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

46      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinkludi l-indikazzjoni tal-eżistenza ta’ “sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”.

47      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit għandha importanza partikolari peress li timplika li, meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-arrest u għall-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, din il-persuna setgħet diġà setgħet tibbenefika, fl-ewwel stadju tal-proċedura, mill-garanziji proċedurali u mid-drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 55).

48      Peress li l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas 20022 jinvolvi rekwiżit ta’ regolarità li l-osservanza tiegħu tikkostitwixxi kundizzjoni tal-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit għandu, bħala prinċipju, iwassal sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma teżeġwixxix dan il-mandat ta’ arrest (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 201, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 64).

49      Is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi, b’hekk, skont ir-rekwiżit stabbilit f’dan l-Artikolu 8(1)(ċ), protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna rikjesta, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali (sentenza tal-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punt 42), u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Prosecutor of the regional prosecutor’s office in Ruse, Bulgaria (C‑206/20, EU:C:2021:509, punt 44).

50      Din il-protezzjoni timplika, fir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM, C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 63u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Minn dan isegwi li meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti l-kompetenza li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex imħallef jew qorti, id-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha, min-naħa tagħha, tissodisfa tali rekwiżiti (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punt 44), u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Prosecutor of the regional prosecutor’s office in Ruse, Bulgaria (C‑206/20, EU:C:2021:509, punt 46).

52      L-issodisfar ta’ dawn ir-rekwiżiti għalhekk jippermetti li jiġi ggarantit lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali hija bbażata fuq proċedura nazzjonali suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u li l-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest nazzjonali bbenefikat mill-garanziji kollha meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji ġuridiċi fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punt 45), u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Prosecutor of the regional prosecutor’s office in Ruse, Bulgaria (C‑206/20, EU:C:2021:509, punt 47).

53      Barra minn hekk, it-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata jippreżupponi li l-“awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u teżamina b’mod oġġettiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li tkun suġġetta għal istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv, jekk l-imsemmi ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM, C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Hija, fil-fatt, l-“awtorità ġudizzjarja emittenti”, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, jiġifieri l-entità li finalment tieħu d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, li għandha r-responsabbiltà li tiżgura dan it-tieni livell ta’ protezzjoni, anki meta l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq deċiżjoni nazzjonali mogħtija minn imħallef jew qorti (sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 72).

55      Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nnifisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropea bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Prosecutor of the regional prosecutor’s office in Ruse, Bulgaria (C‑206/20, EU:C:2021:509, punt 48).

56      Tali rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali meħuda minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li tgawdi mill-indipendenza meħtieġa fir-rigward tal-poter eżekuttiv, ma tikkostitwixxix qorti huwa intiż li jiggarantixxi li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni u l-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonali tagħha, josserva r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM, C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom jiggarantixxu b’mod effettiv il-livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja meħtieġ mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ rimedji li huma jimplimentaw u li jistgħu jvarjaw minn sistema għall-oħra (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM, C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-kuntest, l-istabbiliment ta’ dritt ta’ rimedju separat kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħud minn awtorità ġudizzjarja li ma hijiex qorti jikkostitwixxi biss possibbiltà f’dan ir-rigward (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM, C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      B’hekk, il-preżenza, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, ta’ regoli proċedurali li bis-saħħa tagħhom il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tiegħu, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti, qabel l-adozzjoni tiegħu jew fl-istess ħin miegħu, iżda wkoll sussegwentement, tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM, C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, meta mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ għal finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali minn prosekutur li jikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li huwa bbażat fuq mandat ta’ arrest nazzjonali li jkun inħareġ minn qorti, l-osservanza tar-rekwiżiti kollha inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta timplika li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tiegħu, jistgħu jkunu s-suġġett, fl-Istat Membru emittenti, ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

61      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jeżiġix li dan l-istħarriġ ġudizzjarju jkun jista’ jiġi eżerċitat qabel il-konsenja tal-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti (ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2021, Spetsializirana prokuratura (Ittra tad-drittijiet), C‑649/19, EU:C:2021:75, punti 79 u 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Spetsializirana prokuratura (Informazzjoni dwar id-deċiżjoni nazzjonali ta’ arrest), C‑105/21, EU:C:2022:511, punt 44).

62      Ċertament, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, fis-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punti 47 u 48), u d-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Prosecutor of the regional prosecutor’s office in Ruse, Bulgaria (C‑206/20, EU:C:2021:509, punt 49), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali għandha tkun tista’ tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva qabel il-konsenja lill-Istat Membru emittenti, u dan minn tal-inqas f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ protezzjoni rikjesti mill-imsemmija ġurisprudenza, li tippreżupponi, għalhekk, li stħarriġ ġudizzjarju jkun jista’ jitwettaq, jew fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jew fir-rigward tad-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha huwa bbażat dan il-mandat, qabel ma jkun hemm l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar.

63      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tibbenefika minnhom persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali ma humiex issodisfatti meta kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll id-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha huwa bbażat ikunu nħarġu minn prosekutur pubbliku, peress li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, iżda ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI, C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punt 60, u digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Prosecutor of the regional prosecutor’s office in Ruse, Bulgaria, C‑206/20, EU:C:2021:509, punt 54).

64      Madankollu, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, dan l-aħħar rekwiżit kien impost, fil-kawżi li taw lok għal din is-sentenza u dan id-digriet, minħabba l-assenza ta’ intervent ġudizzjarju f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ protezzjoni qabel din il-konsenja, peress li kemm il-mandat ta’ arrest nazzjonali kif ukoll il-mandat ta’ arrest Ewropew kienu nħarġu, f’dawn il-kawżi, minn prosekutur li kien jikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

65      Fil-fatt, kif irrilevat espliċitament il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 51 sa 54 tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187), mis-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019 (C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punti 67 sa 71), u tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) (C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punti 46 sa 53), li l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura proporzjonata tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jseħħ, mhux biss qabel, iżda wkoll wara l-konsenja tal-persuna rikjesta, meta jkun hemm numru ta’ dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jiggarantixxu l-intervent ta’ qorti sa mill-ħruġ tal-mandat ta’ arrest nazzjonali kontra din il-persuna u, għaldaqstant, qabel il-konsenja tagħha, u dan iktar u iktar meta din il-qorti twettaq, barra minn hekk, evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tiegħu.

66      B’hekk, ir-rekwiżit li l-istħarriġ ġudizzjarju dwar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tiegħu, għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta, li jirriżulta mill-punti 47, 48 u 60 tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187), kif ukoll mill-punti 49 u 54 tad-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Prosecutor of the regional prosecutor’s office in Ruse, Bulgaria (C‑206/20, EU:C:2021:509), huwa ġġustifikat biss, bħala eċċezzjoni, f’ċirkustanzi speċifiċi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal din is-sentenza u dan id-digriet fejn la l-mandat ta’ arrest nazzjonali u lanqas il-mandat ta’ arrest Ewropew ma kienu nħarġu minn qorti. Min-naħa l-oħra, meta wieħed jew l-ieħor minn dawn il-mandati ta’ arrest ikun inħareġ minn qorti, dan l-istħarriġ ġudizzjarju jista’, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 59 u 61 ta’ dan id-digriet, iseħħ, jekk ikun il-każ, wara din il-konsenja.

67      Konsegwentement, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sistema nazzjonali li fiha mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali minn prosekutur li jikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li d-deċiżjoni tiegħu ma tistax tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta, hija bbażata fuq mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn qorti li ma teżerċitax l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tiegħu, hija konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta sakemm rimedju ġudizzjarju dwar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikun jista’ jiġi eżerċitat qabel jew wara din il-konsenja.

68      F’dan l-aħħar rigward, għandu jitfakkar ukoll li, fl-assenza ta’ regoli proċedurali fl-Istat Membru emittenti li jippermettu li jiġu mistħarrġa minn qorti l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, iddeċidiet, fil-punt 72 tas-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4), li d-dritt tal-Unjoni kien jagħti lil qorti ta’ dan l-Istat Membru titolu ta’ kompetenza sabiex teżerċita stħarriġ inċidentali tal-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

69      F’dan il-każ, mill-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Grieg bi tweġiba għat-talba tal-qorti tar-rinviju, il-prosekutur, bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tiegħu, u li l-qorti li ħarġet il-mandat ta’ arrest nazzjonali li fuqu huwa bbażat dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma twettaqx tali stħarriġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, iżda tivverifika biss jekk il-mandat ta’ arrest nazzjonali josservax il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat nazzjonali, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tiegħu.

70      Skont l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju, minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li la din il-qorti u lanqas ebda qorti nazzjonali oħra ma tistħarreġ, qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta, jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

71      Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar jekk id-dritt Grieg jipprevedix l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju wara l-konsenja tal-persuna rikjesta li jippermetti lil qorti twettaq l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tiegħu.

72      Għalhekk jidher li tali sistema hija konformi mar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta biss bil-kundizzjoni li tali rimedju ġudizzjarju jkun previst fl-Istat Membru emittenti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, billi titlob, jekk ikun il-każ, lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, konformement mal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tipprovdilha b’urġenza kull informazzjoni addizzjonali neċessarja.

73      L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn inħareġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, għandha għalhekk tiġi rrifjutata biss fin-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dan ir-rimedju.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn prosekutur li jikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kif ukoll tal-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà, ir-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tibbenefika minnhom il-persuna rikjesta huma ssodisfatti, minkejja li, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ dan il-prosekutur li joħroġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat, sa fejn huwa intiż għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, fuq mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn qorti li ma wettqitx l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tagħha, u li d-deċiżjoni tagħha lanqas ma tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju qabel din il-konsenja, sakemm, wara l-imsemmija konsenja, rimedju ġudizzjarju li jiggarantixxi l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tiegħu, ikun previst fl-Istat Membru emittenti.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tordna:

L-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri , moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn prosekutur li jikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kif ukoll tal-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà, ir-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tibbenefika minnhom il-persuna rikjesta huma ssodisfatti, minkejja li, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ dan il-prosekutur li joħroġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat, sa fejn huwa intiż għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, fuq mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn qorti li ma wettqitx l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tagħha, u li d-deċiżjoni tagħha lanqas ma tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju qabel din il-konsenja, sakemm, wara l-imsemmija konsenja, rimedju ġudizzjarju li jiggarantixxi l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tiegħu, ikun previst fl-Istat Membru emittenti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.