European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/2102

26.3.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

a) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) 2018/1724 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u l-Gateway Diġitali Unika għall-finijiet ta’ ċerti rekwiżiti stabbiliti bid-Direttiva (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assoċjazzjonijiet transfruntiera Ewropej”

(COM(2023) 515 final — 2023/0314 (COD))

u b) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assoċjazzjonijiet transfruntiera Ewropej”

(COM(2023) 516 final — 2023/0315 (COD))

(C/2024/2102)

Relatur:

Giuseppe GUERINI

Konsultazzjoni

a)

Parlament Ewropew, 23.11.2023

 

a)

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.9.2023

 

b)

Parlament Ewropew, 02/10/2023

 

b)

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.11.2023

Bażi legali

Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

20.12.2023

Adozzjoni fil-plenarja

17.1.2024

Sessjoni plenarja Nru

584

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

225/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li għandha l-għan li tiffaċilita l-attivitajiet transfruntiera tal-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fl-UE permezz tal-ħolqien ta’ forma ġuridika ġdida ta’ “assoċjazzjoni transfruntiera Ewropea” u jissuġġerixxi li l-koleġiżlaturi jgħaddu malajr għall-adozzjoni tagħha.

1.2.

Il-KESE jirrikonoxxi d-diffikultajiet li l-assoċjazzjonijiet u l-korpi mingħajr skop ta’ qligħ jiffaċċjaw biex jipparteċipaw fis-suq intern u jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jneħħu l-ostakli legali u amministrattivi, u b’hekk jippromovu r-rwol li assoċjazzjonijiet bħal dawn għandhom fl-UE fil-ġenerazzjoni ta’ valur ekonomiku u soċjali.

1.3.

Il-proposta tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali u hija marbuta ma’ xi wħud mill-azzjonijiet tiegħu, bħall-proposta għal Rakkomandazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet qafas għall-ekonomija soċjali fl-Istati Membri u ż-żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni.

1.4.

Il-KESE jagħraf il-potenzjal li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jista’ jkollhom fil-kuntest tas-Suq Uniku u jfakkar fil-ħtieġa li jitrawwem il-ħolqien ta’ ekosistema Ewropea għal dan it-tip ta’ entità sabiex is-Suq Uniku jsir aktar “soċjali”.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi forma ġuridika addizzjonali ta’ Assoċjazzjoni Transfruntiera Ewropea (ATE) fis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jitnaqqas il-piż legali u amministrattiv fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-ħolqien ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jwettqu attivitajiet fi Stat Membru ieħor.

1.6.

Il-KESE jipproponi li l-organizzazzjonijiet kollha li jissodisfaw il-kriterji u li għandhom uffiċċju prinċipali fl-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jiksbu l-istatus ta’ ATE. Dawn jinkludu organizzazzjonijiet li fost il-membri tal-korp eżekuttiv taghhom ikollhom persuni fiżiċi li jirrisjedu f’pajjiżi barra l-UE, b’mod partikolari, residenti f’pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li l-istatuti tal-assoċjazzjonijiet innifishom u tal-membri tagħhom għandhom ikunu liberi li jiddeterminaw it-tipi differenti ta’ sħubija tal-assoċjazzjonijiet u kif jaħdem id-dritt tal-vot, b’rispett għall-prinċipju demokratiku u l-prinċipju tal-assoċjazzjoni libera.

1.8.

Din l-inizjattiva tikkontribwixxi għar-rikonoxximent tar-rwol tal-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, li, skont l-istatut u permezz ta’ mandat leġiżlattiv, iwettqu funzjonijiet ta’ interess ġenerali fl-Ewropa. L-inizjattiva tirrappreżenta punt ta’ referenza għal miżuri futuri li jistgħu jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ attivitajiet transfruntiera għal entitajiet oħra li jwettqu funzjonijiet ta’ interess ġenerali, bħal impriżi mutwi u fondazzjonijiet.

1.9.

Il-KESE jappoġġja u japprezza l-ħolqien taċ-ċertifikat tal-ATE, li se jippermetti r-rikonoxximent ta’ din il-forma ġuridika ġdida fl-Unjoni kollha ladarba l-ATE tkun ġiet irreġistrata fi Stat Membru, iżda jirrakkomanda li s-sistemi ta’ klassifikazzjoni u reġistrazzjoni jittejbu permezz tal-ħolqien ta’ bażijiet tad-data komparabbli.

1.10.

Il-KESE, konxju tal-kumplessità tal-pożizzjonijiet differenti tal-Istati Membri fir-rigward tal-fondazzjonijiet, iqis li l-proposta tal-ATE tista’ tkun punt ta’ referenza siewi għall-ftuħ mill-ġdid tat-taħditiet bejn l-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-Istatut tal-Fondazzjoni Ewropea.

2.   Osservazzjonijiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Il-proposta analizzata f’din l-Opinjoni tikkompleta l-miżuri li l-programm leġiżlattiv tal-Kummissjoni Ewropea tal-2023 kien ippreveda bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali. L-intervent jikkonsisti f’Direttiva u Regolament u għandu l-vantaġġ li jimla lakuna leġiżlattiva, li hija indikata tajjeb ħafna fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta. Tabilħaqq, ma hemm l-ebda regola ddedikata fil-livell tal-UE li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ joperaw b’mod transfruntier fis-suq intern.

2.2.

Fil-valutazzjoni tal-impatt, ġew enfasizzati erba’ ostakli għall-parteċipazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet u korpi mingħajr skop ta’ qligħ fis-suq intern, li fil-fatt jagħmluha diffiċli u f’xi każijiet impossibbli: i) id-dritt ta’ stabbiliment ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ meta joperaw fuq livell transfruntier; ii) il-kapaċitajiet tagħhom li jipprovdu servizzi u oġġetti; iii) il-possibbiltà li jipparteċipaw u jikkontribwixxu għal suq kapitali uniku; iii) il-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni fil-korpi ta’ governanza ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ meta joperaw b’mod transfruntier. Dawn jirriżultaw minn naħa waħda fin-nuqqas ta’ mobbiltà transfruntiera tal-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, iżda wkoll tnaqqis fil-possibbiltà li jiġi żviluppat suq tal-investiment b’impatt soċjali fl-Ewropa, kif jista’ jidher f’xi aspetti billi jitqies l-użu limitat tar-Regolament EuSEF (1), li nħoloq speċifikament biex jippromovi l-investiment fl-intraprenditorija soċjali.

2.3.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li tiġbor flimkien u timplimenta għadd ta’ xewqat li ġew enfasizzati f’diversi Opinjonijiet f’dawn l-aħħar snin (2), peress li japprova l-ħtieġa ta’ din il-miżura, li għandha l-għan li tiffaċilita l-attivitajiet transfruntiera tal-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fl-UE permezz tal-ħolqien ta’ forma ġuridika ġdida ta’ “assoċjazzjoni transfruntiera Ewropea”. L-assoċjazzjonijiet transfruntiera huma organizzazzjonijiet li joperaw bejn il-fruntieri nazzjonali, spiss bl-għan li jippromovu l-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tar-riżorsi bejn il-pajjiżi jew ir-reġjuni ġirien. Il-proposta jkollha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi tneħħi l-ostakli legali u amministrattivi għall-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li joperaw jew li jixtiequ joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed, u b’hekk tippromovi r-rwol li dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom fl-UE fil-ġenerazzjoni ta’ valur ekonomiku u soċjali. Dan se joħloq ukoll kundizzjonijiet ekwi bejn l-assoċjazzjonijiet.

2.4.

Minbarra l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, huwa importanti li jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti ta’ “utilità pubblika” li għandhom organizzazzjonijiet filantropiċi u fondazzjonijiet oħra li xi kultant jiffaċċjaw ostakli simili għal dawk enfasizzati għall-assoċjazzjonijiet fir-rigward tar-rikonoxximent tal-personalità ġuridika, it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat jew il-fużjoni transfruntiera. Il-KESE, għalhekk, jemmen li għandhom jiġu żviluppati wkoll soluzzjonijiet għal dawn il-korpi, kif oriġinarjament mitlub mir-rapport tal-Parlament Ewropew (3).

2.5.

Il-Proposta tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali u hija marbuta ma’ xi wħud mill-azzjonijiet tiegħu, bħall-Proposta għal Rakkomandazzjoni adottata mill-Kunsill EPSCO fid-9 ta’ Ottubru 2023 dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet qafas għall-ekonomija soċjali fl-Istati Membri u ż-żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-oqfsa tat-tassazzjoni għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali u dwar it-tassazzjoni nondiskriminatorja tal-organizzazzjonijiet tal-karità u d-donaturi tagħhom: prinċipji meħuda mill-ġurisprudenza tal-UE. Għalkemm ħafna assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jirreferu għall-prinċipji fundamentali tal-ekonomija soċjali, hemm ukoll assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li għandhom għanijiet differenti, bħall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur, in-negozji u d-drittijiet taċ-ċittadini.

2.6.

L-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ joħolqu valur soċjali u ekonomiku bħala fornituri ta’ servizzi fis-settur soċjali, tas-saħħa, tal-kura, kulturali, tal-impjiegi, tal-edukazzjoni, tal-isport, tal-ambjent, tal-kooperazzjoni internazzjonali u tal-appoġġ umanitarju. Huma joħolqu wkoll postijiet ta’ parteċipazzjoni u involviment għas-soċjetà ċivili, filwaqt li jrawmu r-rwol attiv taċ-ċittadini u b’hekk joħolqu infrastruttura soċjali għad-demokrazija.

2.7.

Dawn l-infrastrutturi soċjali għandhom rwol deċiżiv fir-rispons għall-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Ewropa: mit-tibdil fil-klima għat-tranżizzjoni diġitali, mill-ġlieda kontra l-faqar għaż-żieda fil-ħiliet; spiss juru li jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet importanti għall-innovazzjoni soċjali u biex jakkumpanjaw it-tibdil: dawn il-funzjonijiet kollha jagħtu kontribut deċiżiv għall-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku.

2.8.

Il-KESE jqis din l-inizjattiva bħala mezz komplementari u ta’ tisħiħ reċiproku għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas tal-ekonomija soċjali u azzjonijiet ewlenin oħra għall-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali (SEAP). L-inizjattiva leġiżlattiva għandha l-għan li tgħin lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jegħlbu l-ostakli li jiffaċċjaw bħala atturi ewlenin fl-ekonomija soċjali meta joperaw b’mod transfruntier fis-suq uniku, billi joħolqu ambjent abilitanti li jirrispetta r-rikkezza tad-diversità tal-forom organizzati tas-soċjetà ċivili fl-UE.

2.9.

Kif rikonoxxut mill-SEAP, l-ekonomija soċjali hija waħda mill-faċilitaturi ewlenin biex tinħoloq Ewropa inklużiva u nondiskriminatorja, minħabba l-orjentazzjoni qawwija tagħha li tindirizza l-isfidi soċjali, bħall-għajnuna lil gruppi żvantaġġati biex jintegraw fis-suq tax-xogħol jew l-għoti ta’ assistenza u appoġġ lil ċerti gruppi f’riskju ta’ esklużjoni soċjali, bħall-anzjani, il-persuni b’diżabilità, il-migranti u r-refuġjati u l-individwi ’l bogħod mis-suq tax-xogħol. Il-potenzjal tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u tal-entitajiet filantropiċi għadu mhux sfruttat fil-kuntest tas-Suq Uniku u huwa prinċipalment żviluppat f’kuntesti lokali. Din il-proposta għandha l-għan li tiffavorixxi l-ħolqien ta’ ekosistema Ewropea għal dan it-tip ta’ istituzzjoni u tagħti kontribut sinifikanti biex is-suq uniku jsir aktar “soċjali”.

2.10.

L-impenn tal-Kummissjoni attwali biex tiżviluppa din l-inizjattiva leġiżlattiva għandu jkun ambizzjuż u għandu l-għan li joħloq suq uniku b’kundizzjonijiet ekwi għat-tipi differenti ta’ organizzazzjonijiet li jsegwu objettivi ta’ interess ġenerali, u b’hekk jinħoloq benefiċċju komuni fil-komunità li joperaw fiha. B’mod parallel mal-SEAP, din il-proposta trid tkun bidla reali biex is-soċjetà ċivili Ewropea, l-entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ u l-filantropija Ewropea jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal soċjetà li taħdem għan-nies u għall-pjaneta. Din għandha tippermetti wkoll lill-ekonomija soċjali kollha kemm hi taħdem favur Unjoni inklużiva u varjata li topera b’mod effettiv u inklużiv. F’dan ir-rigward, il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi jipproċedu malajr bl-adozzjoni.

2.11.

Huwa essenzjali li jittejbu l-possibbiltajiet ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li jkollha l-personalità legali tagħha rikonoxxuta fi Stati Membri oħra, u b’hekk jiġi żgurat it-trattament ugwali fis-suq intern. Huwa daqstant importanti li l-ksib tal-istatus tal-ATE jibqa’ volontarju u li l-ebda assoċjazzjoni ma tkun obbligata tibdel in-natura legali tagħha.

2.12.

Fost l-entitajiet tal-ekonomija soċjali, l-impriżi mutwi huma impriżi li jipprovdu servizzi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u mhux fuq il-ħajja, kif ukoll skemi supplimentari tas-sigurtà soċjali. Il-qafas legali Ewropew attwali, fid-dawl tal-fatt li l-forma ġuridika tal-impriżi mutwi ma hijiex rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha, iqiegħed lill-impriżi mutwi f’pożizzjoni li ma jibbenefikawx mill-vantaġġi offruti mis-suq intern. L-għażla ta’ assoċjazzjoni transfruntiera hija għażla li tista’ tkun pass favur ir-rikonoxximent speċifiku ta’ impriżi mutwi.

2.13.

Hemm 3,8 miljun assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ fl-Istati Membri tal-UE, li jikkontribwixxu 2,9 % tal-PDG tal-UE. Huwa stmat li, bis-saħħa tar-regoli l-ġodda, għall-madwar 310 000 assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li bħalissa qed jiffaċċjaw ostakli bħal dawn meta joperaw f’pajjiż ieħor, se jkun hemm tnaqqis fil-kostijiet amministrattivi sa EUR 770 miljun fis-sena, li potenzjalment jilħaq EUR 8,5 biljun fuq perjodu ta’ 15-il sena. Barra minn hekk, jekk jitneħħew l-ostakli identifikati mill-Proposta, huwa mistenni li madwar 185 000 assoċjazzjoni oħra mingħajr skop ta’ qligħ jistgħu jibdew attivitajiet transfruntiera u jistgħu jiġġeneraw sa EUR 4,2 biljun ta’ valur miżjud fuq perjodu ta’ 15-il sena (4).

2.14.

Fl-UE, hemm 24 reġim regolatorju differenti applikabbli għall-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, li f’ħafna każijiet jinkludu regolamenti reġjonali. Din it-taħlita legali toħloq ostakli għall-involviment ċiviku transfruntier u fl-aħħar mill-aħħar tillimita l-ispazju ċiviku. Bħalissa, meta l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ iwettqu attivitajiet fi Stat Membru għajr dak li jkunu stabbiliti fih, huma ma jirċevux rikonoxximent uniformi tal-personalità legali u l-kapaċità tagħhom u spiss ikollhom jirreġistraw għat-tieni darba jew saħansitra jistabbilixxu entità legali ġdida f’dak l-Istat Membru.

2.15.

Xi assoċjazzjonijiet magħmula minn networks ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali u Ewropej, u li spiss ikollhom membri u joperaw f’qafas Ewropew estiż, imorru lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni. Sabiex dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jiksbu ċ-ċertifikat tal-ATE, il-limitu stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Proposta għal Direttiva għandu jiġi rivedut peress li dan jipprevedi li huma biss il-persuni fiżiċi li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jkunu parti mill-korp eżekuttiv ta’ ATE. Din ir-restrizzjoni tidher li hija eċċessiva. Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li din id-dispożizzjoni tiġi estiża għaż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-parteċipazzjoni fis-suq uniku f’konformità mal-Artikolu 114 tat-TFUE.

2.16.

Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-flessibbiltà fl-allokazzjoni tad-drittijiet tal-vot, f’konformità mal-prinċipju demokratiku, sabiex tiġi rispettata d-diversità tat-tipi ta’ sħubija tal-assoċjazzjonijiet li joperaw fil-livell Ewropew, peress li l-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 8, li jipprevedi vot wieħed għal kull membru tal-ATE, tidher restrittiva wisq.

3.   Ir-rwol tal-ATE

3.1.

Il-Proposta tal-Kummissjoni tintroduċi forma ġuridika addizzjonali ta’ Assoċjazzjoni Transfruntiera Ewropea (ATE) fis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri, li d-differenzi kbar tagħha ġew riflessi b’mod estensiv fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-Proposta kif ukoll fit-test tal-Proposta għal Direttiva. Il-forma tal-ATE tfasslet speċifikament għal skopijiet transfruntiera u se tnaqqas il-piżijiet legali u amministrattivi fir-rigward tar-rikonoxximent u l-ħolqien ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jwettqu attivitajiet fi Stat Membru ieħor.

3.2.

Minbarra l-iżvilupp ta’ forma ġuridika addizzjonali għall-assoċjazzjonijiet transfruntiera, għandu jiġi kkunsidrat strument adegwat għall-fondazzjonijiet. Fl-2012, kien diġà sar tentattiv bla suċċess biex jiġi adottat Statut Ewropew għall-fondazzjonijiet; issa, permezz tal-ispinta li qed jagħtu l-pjan ta’ azzjoni u r-rakkomandazzjoni għall-ekonomija soċjali, jista’ jkun wasal iż-żmien li titnieda mill-ġdid inizjattiva li terġa’ tieħu dak il-perkors.

3.3.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li jitneħħew ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-libertà tal-istabbiliment, il-moviment liberu tas-servizzi, il-moviment liberu tal-merkanzija u l-moviment liberu tal-kapital f’xi Stati Membri. F’dan ir-rigward, iqis li huwa partikolarment utli li l-Artikolu 12 tal-proposta għal Direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ATE tkun meħtieġa tirreġistra darba biss.

3.4.

L-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jixtiequ jwettqu attivitajiet ekonomiċi fi Stat Membru ieħor huma obbligati jiffurmaw u jirreġistraw assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ għalkollox ġdida f’dak l-Istat Membru, ħaġa li timplika spejjeż u formalitajiet amministrattivi addizzjonali.

3.5.

Dan għandu wkoll konsegwenzi fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapital bejn l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, u jimpedixxi l-fluss bla xkiel tal-kapital u jimmina l-kapaċità tal-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor. Ir-regoli jvarjaw ukoll fir-rigward tal-aċċess għall-kapital u jeżistu diffikultajiet fir-rigward tal-aċċess għal self, krediti u garanziji finanzjarji fi ħdan l-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

3.6.

Il-KESE jemmen li bil-ħolqien ta’ forma ġuridika ġdida ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li tista’ tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha, nistgħu nisfruttaw aktar il-potenzjal u nappoġġjaw il-kontribut essenzjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta’ kull daqs għas-soċjetà tagħna. Dan jista’ jkun għodda kruċjali biex jiġi mobilizzat l-involviment kollettiv taċ-ċittadini, b’mod partikolari permezz ta’ assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet, biex jitwettqu aktar attivitajiet ta’ benefiċċju pubbliku u biex jaħdmu flimkien fl-oqsma differenti kollha tas-soċjetà. Barra minn hekk, l-assoċjazzjonijiet tar-reġjuni transfruntiera se jkunu jistgħu jikkollaboraw aktar, billi jibnu sens dejjem aktar profond ta’ spirtu u ċittadinanza Ewropea f’dawn l-oqsma uniċi. Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi għar-rikonoxximent tar-rwol tal-assoċjazzjonijiet ta’ interess ġenerali mingħajr skop ta’ qligħ fl-Ewropa u tista’ sservi bħala punt ta’ referenza għal inizjattivi futuri li jinvolvu tipi oħra ta’ entitajiet, bħall-fondazzjonijiet.

3.7.

Huwa partikolarment utli u apprezzat il-fatt li l-proposta għal Direttiva tipprevedi personalità legali u kapaċità legali li għandhom jinkisbu minn ATE mar-reġistrazzjoni tal-ATE fi Stat Membru. Ladarba tiġi stabbilita fi Stat Membru, assoċjazzjoni transfruntiera Ewropea se tkun awtomatikament rikonoxxuta u kapaċi twettaq attivitajiet fl-Istati Membri kollha, inklużi attivitajiet ekonomiċi, li se jippermettu lill-ATE jisfruttaw il-potenzjal soċjali u ekonomiku sħiħ tagħhom fl-UE.

3.8.

L-ATE se jikkoeżistu flimkien ma’ assoċjazzjonijiet nazzjonali oħra fil-livell tal-Istati Membri. Għal kwistjonijiet li ma humiex koperti mill-proposta għal Direttiva, bħat-trattament tat-taxxa, l-Istati Membri għandhom jittrattaw l-ATE bl-istess mod bħal assoċjazzjonijiet nazzjonali simili mingħajr skop ta’ qligħ, filwaqt li jirrispettaw it-tradizzjonijiet ta’ kull Stat Membru f’dan il-qasam u mingħajr ma jaffettwaw l-assoċjazzjonijiet eżistenti.

3.9.

Ir-regoli l-ġodda se jippermettu, permezz taċ-“ċertifikat tal-ATE”, ir-rikonoxximent malajr ta’ din il-forma ġuridika ġdida madwar l-Unjoni ladarba tkun ġiet irreġistrata ATE fi Stat Membru; dawn se jipprevedu wkoll regoli armonizzati dwar it-trasferiment ta’ uffiċċju rreġistrat, u b’hekk jippermettu lill-ATE jiksbu l-benefiċċji kollha tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, oġġetti u kapital fl-Unjoni.

3.10.

L-ATE se tgawdi bis-sħiħ mill-benefiċċji tas-suq intern, irrispettivament mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, filwaqt li tibbenefika minn aċċess liberu u nondiskriminatorju għall-finanzjament pubbliku f’kull Stat Membru li topera fih.

3.11.

Il-KESE jqis li jeħtieġ li tiżdied id-disponibbiltà tad-data dwar l-entitajiet eliġibbli li jsiru ATE sabiex jittejbu l-informazzjoni u l-għarfien tal-ħafna forom ta’ assoċjazzjoni ta’ entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, u jħeġġeġ il-ħolqien ta’ reġistri u sistemi tal-istatistika adatti u komparabbli. Ir-reġistri u s-sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-assoċjazzjonijiet bi skop ta’ qligħ għandhom ikunu mmirati biex jevitaw l-abbuż tal-benefiċċji mogħtija lill-ATE, iżda ma jistgħux jintużaw biex jimponu restrizzjonijiet, kif previst b’mod ċar fl-Artikolu 15 tal-Proposta għal Direttiva.

3.12.

Flimkien mal-proposta għal Direttiva, il-Kummissjoni adottat ukoll Regolament ta’ natura teknika li jemenda s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) u r-Regolamenti dwar il-gateway diġitali unika, biex tippermetti l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti permezz tas-sistema IMI u twettaq operazzjonijiet diġitali permezz tal-gateway diġitali unika, biex b’hekk il-pubbliku jkun jista’ jaċċessa informazzjoni relatata mal-ATE disponibbli online.

3.13.

Il-KESE laqa’ l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ gateway diġitali unika biex jipprovdi liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-persuni ġuridiċi għajr in-negozji b’aċċess faċli għal informazzjoni ta’ kwalità għolja, proċeduri effiċjenti u servizzi effettivi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi fir-rigward tar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali applikabbli għaċ-ċittadini, in-negozji u l-persuni ġuridiċi.

Brussell, is-17 ta’ Jannar 2024.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew (EuSEF).

(2)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-filantropija Ewropea: potenzjal mhux sfruttat”(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Rumena) (ĠU C 240, 16.7.2019, p. 24).

(3)  Għal aktar informazzjoni dwar l-ambjent li fih topera l-filantropija Ewropea, ara Philea, Country profiles on the legal and fiscal landscape for philanthropy (Profili tal-pajjiżi dwar ix-xenarju legali u fiskali għall-filantropija, mhux disponibbli bil-Malti) u Comparative Highlights of Foundation Laws (Punti Ewlenin Komparattivi tal-Liġijiet dwar il-Fondazzjonijiet, mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  COM(2023) 516 final


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2102/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)