12.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/747

tal-31 ta’ Marzu 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward il-modifika fl-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII ta’ dak il-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

(2)

Skont l-Artikolu 11 tal-Anness XVII tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ (“il-Kumitat għall-Kummerċ”) jista’ jimmodifika l-Anness XVII ta’ dan il-Ftehim.

(3)

Il-Kumitat għall-Kummerċ jenħtieġ li jadotta l-abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-modifika tal-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim matul l-2023.

(4)

Kif iddikjarat fil-preambolu tal-Ftehim u f’konformità mal-Artikolu 124 tal-Ftehim, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Ukrajna ma’ dik tal-Unjoni Ewropea, li jfisser li l-Ukrajna għandha tiżgura li l-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni futura tagħha gradwalment isiru kompatibbli mal-acquis tal-Unjoni.

(5)

L-Ukrajna talbet aktar integrazzjoni fir-rigward tas-settur tar-roaming fl-Unjoni, b’mod partikolari billi tibbenefika mit-trattament tas-suq intern tas-servizzi tar-roaming.

(6)

Meta jitqies li l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) ta’ Anness XVII tal-Ftehim jenħtieġ li jiġi kkomplementat mill-atti rilevanti tal-Unjoni relatati mar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, huwa meħtieġ li jiġi modifikat dak l-Appendiċi billi jiżdiedu r-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 (3), ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 (4) u r-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) diġà hija koperta mill-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(7)

Għaldaqstant huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ, peress li d-Deċiżjoni li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), tal-Anness XVII tal-Ftehim se tkun vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-sena 2023 fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ, stabbilita permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward il-modifika fl-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII ta’ dan il-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta’ dan il-Kumitat li huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 46).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni (OJ L 137, 22.4.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2023 TAL-KUMITAT TA' ASSOĊJAZZJONI UE-UKRAJNA FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ

ta’ ...

li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI FIL-KONĠURAZZJONI TAL-KUMMERĊ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat għall-Kummerċ”),

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 465(3) tiegħu u l-Artikolu 11 tal-Anness XVII tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2017.

(2)

L-Artikolu 1(2), il-punt (d), tal-Ftehim jipprevedi li l-għan tal-Ftehim huwa, fost l-oħrajn, li jappoġġa l-isforzi tal-Ukrajna biex titlesta t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona permezz ta’, fost l-oħrajn, l-approssimazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-Unjoni.

(3)

Fl-Artikolu 124 tal-Ftehim, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Ukrajna ma’ dik tal-Unjoni fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. L-Ukrajna impenjat ruħha li tiżgura li l-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni futura tagħha jkunu kompatibbli mal-acquis tal-Unjoni. Tali approssimazzjoni hija prevista li gradwalment testendi għall-atti kollha tal-acquis tal-Unjoni msemmijin fl-Appendiċijiet minn XVII-2 sa XVII-5 tal-Anness XVII tal-Ftehim u jenħtieġ li, ladarba l-kundizzjonijiet għaliha jiġu ssodisfati, twassal għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-għoti reċiproku tat-trattament tas-suq intern f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(4)

L-Ukrajna talbet aktar integrazzjoni fir-rigward tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fl-Unjoni, b’mod partikolari t-trattament tas-suq intern għall-fini tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(5)

Ir-regoli dwar ir-roaming jiffurmaw parti mill-acquis tal-Unjoni dwar it-telekomunikazzjoni, iżda ma kinux inklużi fl-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim. Għalhekk l-Appendiċi XVII-3 jenħtieġ li jiġi kkumplimentat mill-atti rilevanti tal-Unjoni relatati mar-roaming fuq networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli.

(6)

Fl-istadju attwali tal-iżvilupp ekonomiku u legali tas-suq intern tal-UE relatat mas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, l-atti rilevanti tal-Unjoni relatati mar-roaming huma dawn li ġejjin: Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) , ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 (3), u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 (4).

(7)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 diġà hija inkluża fl-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim. Jeħtieġ li l-atti l-oħra rilevanti għar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli jiġu inklużi f’dan l-Appendiċi sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni gradwali tal-Ukrajna għall-promulgazzjoni sħiħa u għall-implimentazzjoni kompleta u sħiħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha għas-settur tat-telekomunikazzjoni, u b’mod partikolari dawk dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(8)

Prekundizzjoni neċessarja għal kwalunkwe deċiżjoni mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament għas-suq intern skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII fir-rigward ta’ settur partikolari hija l-valutazzjoni pożittiva tal-leġiżlazzjoni Ukrena, l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha mwettqin f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness XVII tal-Ftehim. Fil-kuntest tal-acquis tal-Unjoni rigward ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, ir-rekwiżit biex tinkiseb il-promulgazzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni kompleta u sħiħa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-trattament tas-suq intern skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII jenħtieġ li ma jiftihemx li dan jinvolvi l-applikazzjoni, bejn il-Partijiet tal-Ftehim, tal-limiti ta’ salvagwardja għat-tariffi medji bl-ingrossa għall-forniment ta’ servizzi regolati relatati mar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli. L-istess japplika għar-rati massimi regolati ta’ terminazzjoni ta’ telefonati għas-servizz ta’ terminazzjoni ta’ telefonata għall-utent finali fuq in-network tiegħu. Dawn għandhom jingħataw reċiprokament bejn il-Partijiet tal-Ftehim mid-data speċifikata f’deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII.

(9)

L-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-UE, b’mod partikolari għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, se tirrikjedi, fost l-oħrajn, l-implimentazzjoni sħiħa u kompleta tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654, f’konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament. L-Ukrajna bħalissa mhijiex f’pożizzjoni li tittrasponi u timplimenta bis-sħiħ ir-rati massimi uniċi ta’ terminazzjoni tal-Unjoni kollha għall-fini tas-servizzi nazzjonali ta’ terminazzjoni fl-Ukrajna. L-implimentazzjoni tar-rati massimi uniċi ta’ terminazzjoni tal-Unjoni kollha, wkoll għall-fini tas-servizzi nazzjonali ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fl-Ukrajna, madankollu mhijiex assolutament meħtieġa għal aktar integrazzjoni fir-rigward tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli. Għalhekk, hija prevista skeda ta’ żmien differenti għall-implimentazzjoni ta’ dan l-aspett tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654, li fir-rigward tiegħu l-Ukrajna timpenja ruħha li timplimenta bis-sħiħ, fi żmien tliet snin minn deċiżjoni eventwali tal-Kumitat għall-Kummerċ, li tagħti t-trattament tas-suq intern għar-roaming fuq in-networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(10)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 japplika wkoll taħt ċerti kundizzjonijiet għal telefonati li joriġinaw b’numri ta’ pajjiżi terzi, bl-għan li jiġu applikati r-rati massimi uniċi għat-terminazzjoni ta’ telefonati fl-Unjoni kollha b’mod miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju, u biex tiġi limitata l-esklużjoni ta’ telefonati li joriġinaw b’numri ta’ pajjiżi terzi għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi tas-suq intern u biex tiġi żgurata l-proporzjonalità. L-Ukrajna bħalissa mhijiex f’pożizzjoni li tittrasponi u timplimenta bis-sħiħ ir-rati massimi uniċi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati tal-Unjoni kollha għat-telefonati li joriġinaw b’numri ta’ pajjiżi terzi. Filwaqt li l-implimentazzjoni tar-rati massimi uniċi ta’ terminazzjoni fl-Unjoni kollha, wkoll għall-fini ta’ terminazzjoni minn numri ta’ pajjiżi terzi, mhijiex assolutament meħtieġa għal integrazzjoni ulterjuri fir-rigward tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, ikunu meħtieġa l-promulgazzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni kompleta u sħiħa tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 mill-Ukrajna biex jiġi żgurat l-allinjament mar-regoli applikabbli fis-suq intern tal-UE għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. Għalhekk, hija prevista skeda ta’ żmien differenti għall-implimentazzjoni fir-rigward ta’ dan l-aspett tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654, li fir-rigward tiegħu l-Ukrajna timpenja ruħha li timplimentah bis-sħiħ, qabel deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ li jagħti t-trattament tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(11)

L-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) 2022/612 u l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 jirreferu għar-rati tal-kambju ta’ referenza ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Bank Ċentrali Ewropew bħalissa ma jippubblikax ir-rati tal-kambju għall-hryvnia Ukrena. Għalhekk huwa meħtieġ adattament fir-rigward ta’ dawk id-dispożizzjonijiet biex ikun previst l-użu tar-rati tal-kambju bejn l-euro u l-hryvnia Ukrena ppubblikati mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna sakemm il-Bank Ċentrali Ewropew ma jippubblikax ir-rati tal-kambju għall-hryvnia Ukrena.

(12)

L-Artikolu 11 tal-Anness XVII tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kumitat għall-Kummerċ li jżid l-erba’ atti tal-Unjoni li jifdal mal-Anness XVII tal-Ftehim permezz tal-modifika tagħhom.

(13)

Ladarba l-Ukrajna tqis li att legali partikolari tal-Unjoni jkun ġie promulgat u implimentat kif xieraq, l-Ukrajna għandja tippreżenta t-tabelli tat-traspożizzjoni rilevanti, flimkien ma’ traduzzjoni uffiċjali bl-Ingliż tal-att legali ta’ implimentazzjoni Ukren, lill-kosegretarju tal-Unjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ sabiex il-Kummissjoni Ewropea tipproċedi bil-valutazzjoni komprensiva prevista fl-Appendiċi XVII-6 tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(14)

Fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna, l-implimentazzjoni tal-obbligi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni tista’ tirriżulta li tkun oġġettivament impossibbli jew eċċessivament diffiċli fl-iskedi ta’ żmien ipprovduti. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-Ukrajna tressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat għall-Kummerċ skont l-Artikolu 11 tal-Anness XVII tal-Ftehim, li għandu jikkunsidra l-kwistjoni f’konformità mal-Artikolu 3(4) u (5) tal-Anness XVII tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim huwa b’dan modifikat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ġiet stabbilita bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana, Ungeriża u Ukrena, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, …

Għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

Il-President

Is-segretarji


(1)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU UE L 321, 17.12.2018, p. 36).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU UE L 115, 13.4.2022, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni (ĠU UE L 344, 17.12.2016, p. 46).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni (ĠU UE L 137, 22.4.2021, p. 1).


ANNESS

L-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) għandu jiġi modifikat billi taħt it-taqsima “A. Politika Ewropea ġenerali dwar il-komunikazzjoni elettronika” u wara l-punt relatat għad-“Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja” jiżdied dan li ġej:

“Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (riformulazzjoni)

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw skont l-adattamenti li ġejjin: L-Artikolu 1(4) jirreferi għar-rati tal-kambju ta’ referenza ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sakemm il-Bank Ċentrali Ewropew ma jippubblikax ir-rati tal-kambju għall-hryvnia Ukrena, ir-rati tal-kambju bejn l-euro u l-hryvnia Ukrena ppubblikati mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna għandhom jintużaw għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(4). Il-perjodi ta’ referenza u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4) jibqgħu l-istess.

—

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha bl-eċċezzjoni ta’:

—

L-Artikolu 7 - L-implimentazzjoni ta’ politika ta’ użu ġust u ta’ mekkaniżmu ta’ sostenibbiltà, il-Paragrafi 1-3. L-eċċezzjoni fir-rigward tal-Artikolu 7(1) - (3) hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ukrajna li timplimenta l-Atti ta’ Implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ politiki ta’ użu ġust, il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-forniment ta’ servizzi tar-roaming bl-imnut bi prezzijiet domestiċi u l-applikazzjoni li għandha titressaq minn fornitur tar-roaming għall-fini tal-valutazzjoni tas-sostenibbiltà

—

Artikolu 20 - Proċedura tal-Kumitat

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/612 għandhom jiġu implimentati fi żmien 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni [x/2023].

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 għandhom jiġu implimentati fi żmien 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni [x/2023].

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw skont l-adattamenti li ġejjin: L-Artikolu 3(2) u (3) jirreferi għar-rati tal-kambju ta’ referenza ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sakemm il-Bank Ċentrali Ewropew ma jippubblikax ir-rati tal-kambju għall-hryvnia Ukrena, ir-rati tal-kambju bejn l-euro u l-hryvnia Ukrena ppubblikati mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna għandhom jintużaw għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) u (3). Il-perjodi ta’ referenza u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3) jibqgħu l-istess.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 għandhom jiġu implimentati qabel dawk tar-Regolament (UE) 2022/612 u fi żmien 11-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni [x/2023], bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

—

Fir-rigward ta’ telefonati nazzjonali li joriġinaw mill-Ukrajna u li jitterminaw fiha b’numri Ukreni, l-Artikolu 1(3) għandu jsir applikabbli fi żmien 3 snin mid-data speċifikata f’deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata t-trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII

—

L-Artikolu 1(4) għandu jiġi implimentat qabel deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ li jagħti trattament tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII

Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009

—

L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna bir-responsabbiltà primarja li tissorvelja l-operat ta’ kuljum tas-swieq tan-networks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC, il-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC u l-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC. L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, ħlief għad-dritt tal-vot u għall-Presidenza tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Bord Maniġerjali.

—

Fid-dawl ta’ dan, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna għandha tkun rappreżentata f’livell xieraq skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-BEREC. Skont ir-regoli rilevanti tar-regolamenti tal-UE msemmija hawn fuq, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom, skont il-każ, jassistu lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

—

L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe linja gwida, opinjoni, rakkomandazzjoni, pożizzjoni komuni u l-aħjar prattiki adottati mill-BEREC bl-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1971 għandhom jiġu implimentati fi żmien 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni [x/2023].”.