|
8.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 123/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/923
tat-3 ta’ Mejju 2023
li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward iċ-ċomb u l-komposti tiegħu fil-PVC
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-16 ta’ Diċembru 2016, wara talba mill-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) ippreżentat dossier (2) skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“id-dossier tal-Anness XV”), li juri li r-rilaxxi taċ-ċomb mill-oġġetti prodotti mill-polimeri jew mill-kopolimeri tal-klorur tal-vinil (PVC) li fihom stabilizzaturi taċ-ċomb, tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, jikkontribwixxu direttament u indirettament għall-esponiment tal-bniedem għaċ-ċomb. L-Aġenzija ssuġġeriet dossier fl-Anness XV biex tirrestrinġi t-tqegħid fis-suq jew l-użu taċ-ċomb fl-oġġetti prodotti mill-PVC jekk il-konċentrazzjoni taċ-ċomb tkun daqs jew iżjed minn 0,1 % skont il-piż tal-materjal tal-PVC. Meta jitqies li l-komposti taċ-ċomb ma jistgħux jistabbilizzaw il-PVC b’mod effettiv f’konċentrazzjonijiet inqas minn xi 0,5 % skont il-piż, il-limitu tal-konċentrazzjoni propost jenħtieġ li jiżgura li l-addizzjoni intenzjonali tal-komposti taċ-ċomb bħala stabilizzaturi għall-kompostar tal-PVC ma tkunx tista’ ssir fl-Unjoni. Fid-dossier tal-Anness XV, l-Aġenzija inkludiet ukoll għadd ta’ derogi għal din ir-restrizzjoni, notevolment għall-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC irkuprat. “Irkuprat” qed tintuża skont id-definizzjoni ta’ “materjal irkuprat” fl-Artiklu 3, il-punt 15a, tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(2) |
Iċ-ċomb hu sustanza tossika li taffettwa l-iżvilupp tas-sistema nervuża, tipproduċi mard kroniku tal-kliewi u tħalli effetti negattivi fuq il-pressjoni tad-demm. Għalkemm ma ġie stabbilit l-ebda limitu għall-effetti fuq l-iżvilupp newroloġiku fit-tfal u għall-effetti renali, skont l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel l-esponiment attwali tal-bniedem għaċ-ċomb mill-ikel u minn sorsi oħra xorta jaqbeż il-livelli ta’ esponiment tollerabbli u jwassal għal effetti negattivi fuq l-iżvilupp newroloġiku fit-tfal (4). |
|
(3) |
L-istabilizzaturi taċ-ċomb iżidu l-istabbiltà termali tal-PVC waqt il-kompostar u l-produzzjoni tal-oġġetti. Dawn iħarsu wkoll il-PVC mill-fotodegradazzjoni. L-industrija fl-Unjoni waqqfet gradwalment u volontarjament l-użu tal-istabilizzaturi taċ-ċomb fil-PVC u fl-oġġetti tal-PVC, u rrappurtat li dak il-proċess tlesta b’suċċess fl-2015 (5). L-oġġetti tal-PVC li fihom iċ-ċomb, speċjalment il-prodotti tal-kostruzzjoni, għandhom ħajja ta’ servizz twila, u jibqgħu jintużaw għal deċennji sħaħ; imbagħad meta jintremew isiru skart li jista’ jiġi riċiklat u potenzjalment jerġa’ jsir ċomb fil-prodotti permezz tal-PVC irkuprat. Id-dossier tal-Anness XV wera li minħabba l-waqfien gradwali tal-istabilizzaturi taċ-ċomb fl-Unjoni, fl-2016 90 % tal-emissjonijiet totali stmati taċ-ċomb mill-oġġetti tal-PVC fl-Unjoni kienu attribwibbli għall-oġġetti tal-PVC importati. |
|
(4) |
Biex jeħfief l-infurzar tar-restrizzjoni proposta, jixraq li jiġi restritt kwalunkwe ċomb preżenti fil-PVC irrispettivament mill-funzjoni maħsuba tiegħu. |
|
(5) |
Fil-5 ta’ Diċembru 2017, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (“RAC”) tal-Aġenzija adotta l-opinjoni finali tiegħu (6), u kkonkluda li r-restrizzjoni proposta mill-Aġenzija hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha li tindirizza r-riskji identifikati li joħolqu l-komposti taċ-ċomb preżenti bħala stabilizzaturi fl-oġġetti tal-PVC mil-lat ta’ effettività fit-tnaqqis ta’ dawn ir-riskji, u mil-lat ta’ prattiċità u monitorabbiltà. |
|
(6) |
Ir-RAC ippropona projbizzjoni tal-użu ta’ kull konċentrazzjoni taċ-ċomb fl-oġġetti tal-PVC. Ir-RAC qabel ukoll mal-Aġenzija li jenħtieġ li tiġi stabbilita deroga għall-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC irkuprat. Madankollu, ir-RAC ippropona li għall-kontenut taċ-ċomb f’ċerti oġġetti tal-PVC li fihom PVC riġidu u flessibbli rkuprat, jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti ogħla, ta’ 2 % u 1 %, rispettivament, skont il-piż. Dik il-proposta qieset li l-alternattiva għar-riċiklaġġ ta’ dawn l-oġġetti, jiġifieri r-rimi tal-iskart tal-PVC f’landfill u bl-inċinerazzjoni, instmat li żżid l-emissjonijiet fl-ambjent u ma tnaqqasx ir-riskju. Il-limiti differenti proposti qiesu l-kontenut medju stmat taċ-ċomb fl-iskart tal-PVC riġidu u flessibbli fl-2013, l-impatt mistenni fuq il-volumi riċiklati, u l-fatt li r-rilaxx taċ-ċomb mill-PVC flessibbli hu magħruf li jkun iżjed meta mqabbel mal-PVC riġidu. Tqies kif xieraq il-fatt li xi oġġetti għandhom kontenut qawwi ta’ PVC riċiklat li fl-oġġett finali jista’ jilħaq 100 % skont il-piż tal-PVC. |
|
(7) |
Fil-15 ta’ Marzu 2018, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) tal-Aġenzija adotta l-opinjoni finali tiegħu (7) li tikkonkludi li r-restrizzjoni proposta mill-Aġenzija, kif modifikata mir-RAC u mis-SEAC, kienet l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha li tindirizza r-riskji identifikati, mil-lat tal-benefiċċji u l-kostijiet soċjoekonomiċi tagħha. Is-SEAC wasal għal dik il-konklużjoni abbażi tal-aqwa evidenza disponibbli, filwaqt li qies il-proprjetajiet taċ-ċomb bħala sustanza tossika mingħajr limitu u l-impatt tiegħu fuq saħħet il-bniedem, u l-affordabbiltà tal-kostijiet assoċjati mar-restrizzjoni proposta. Is-SEAC ikkunsidra li hemm bosta alternattivi xierqa disponibbli b’mod wiesa’ u li diġà jintużaw fl-Unjoni. Ikkunsidra wkoll il-kosteffettività tar-restrizzjoni. Finalment, ikkonkluda li anki impatti limitati fuq saħħet il-bniedem mil-lat ta’ tnaqqis fil-kwozjent tal-intelliġenza jkunu biżżejjed biex ipaċu l-kostijiet tar-restrizzjoni. |
|
(8) |
Is-SEAC qabel mal-proposta fid-dossier tal-Anness XV li, meta titqies l-evoluzzjoni projettata tal-konċentrazzjoni taċ-ċomb fil-PVC irkuprat, dik il-konċentrazzjoni se tonqos ġmielu sal-2035-2040 biex l-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC irkuprat jkunu jistgħu jikkonformaw mal-limitu tal-konċentrazzjoni taċ-ċomb ġenerali propost ta’ 0,1 %. Għalhekk, id-deroga għal ċerti oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC irkuprat jenħtieġ li tkun tapplika għal 15-il sena mid-dħul fis-seħħ tar-restrizzjoni. Is-SEAC qabel ukoll li, biex titqies l-inċertezza rigward ix-xejriet futuri dwar l-ammont ta’ skart tal-PVC li jmur għar-riċiklaġġ u l-kontenut taċ-ċomb tiegħu, jenħtieġ li dak il-perjodu ta’ applikazzjoni jiġi vvalutat mill-ġdid fi żmien 10 snin mid-dħul fis-seħħ tar-restrizzjoni. F’konformità mal-għan tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari (8) tal-2015 li jiġu promossi ċikli ta’ materjali mhux tossiċi u li jitħares il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, il-Kummissjoni jidhrilha li l-perjodu ta’ applikazzjoni jenħtieġ li jerġa’ jiġi vvalutat fi żmien seba’ snin u nofs (7,5) mid-dħul fis-seħħ tar-restrizzjoni. |
|
(9) |
Il-Forum tal-Aġenzija għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar ġie kkonsultat dwar ir-restrizzjoni proposta u l-opinjoni tiegħu tqieset u wasslet għal modifika fid-deskrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u d-derogi mir-restrizzjoni proposta. |
|
(10) |
Fis-26 ta’ April 2018, l-Aġenzija ppreżentat l-opinjonijiet finali tal-RAC u tal-SEAC lill-Kummissjoni. |
|
(11) |
Filwaqt li jitqiesu d-dossier tal-Anness XV u l-opinjonijiet tar-RAC u tas-SEAC, u filwaqt li jitqies li hemm riskju inaċċettabbli għal saħħet il-bniedem miċ-ċomb fl-oġġetti tal-PVC, il-Kummissjoni pproponiet abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jirrestrinġi l-użu ta’ kull konċentrazzjoni taċ-ċomb u l-komposti tiegħu fl-oġġetti tal-PVC, u li jirrestrinġi wkoll it-tqegħid fis-suq taċ-ċomb u l-komposti tiegħu fl-oġġetti tal-PVC f’konċentrazzjoni daqs jew iżjed minn 0,1 % skont il-piż tal-materjal tal-PVC (“l-abbozz ta’ Regolament”). L-abbozz ta’ Regolament kiseb opinjoni favorevoli mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fl-20 ta’ Novembru 2019. |
|
(12) |
F’konformità mal-proċedura regolatorja ta’ skrutinju msemmija fl-Artikolu 133(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fit-12 ta’ Frar 2020 il-plenarja tal-Parlament Ewropew adottat l-abbozz ta’ Regolament (9). Għaldaqstant, l-abbozz ta’ Regolament ma ġiex adottat mill-Kummissjoni. |
|
(13) |
Fir-riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tneħħi d-derogi għall-PVC irkuprat għax dawn iwasslu biex iċ-ċomb jispiċċa fi prodotti ġodda. Il-Parlament talab ukoll it-tneħħija tad-deroga għaż-żewġ pigmenti taċ-ċomb soġġetti għar-reġim ta’ awtorizzazzjoni skont ir-REACH. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ntalbet tħassar ir-rekwiżiti proposti tal-immarkar tal-oġġetti tal-PVC li fihom PVC irkuprat għax din tqieset qarrieqa u ma tirriflettix il-fatt li l-PVC irkuprat fih ammonti akbar ta’ ċomb mill-PVC magħmul ġdid. Finalment, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tqassar il-perjodu ta’ tranżizzjoni propost għal meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom japplikaw. |
|
(14) |
Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa r-riżoluzzjoni tal-Parlament u tirrikonoxxi l-ħtieġa li tindirizza ċertu tħassib. Barra minn hekk, jidhrilha li xorta hemm riskju inaċċettabbli għal saħħet il-bniedem miċ-ċomb fl-oġġetti tal-PVC li jeħtieġ jiġi indirizzat madwar l-Unjoni kollha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ddeċidiet li temenda wħud mid-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta’ Regolament biex ikunu jirriflettu l-argumenti tal-Parlament u titqies data ġdida rilevanti miksuba mingħand l-Aġenzija u l-partijiet ikkonċernati. |
|
(15) |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li jenħtieġ li jitħeġġu teknoloġiji nodfa tar-riċiklaġġ li jippermettu t-tneħħija ta’ sustanzi storiċi ta’ tħassib, fosthom iċ-ċomb, mill-iskart tal-PVC. Madankollu, it-teknoloġiji attwali tar-riċiklaġġ jistgħu biss inaqqsu u mhux ixejnu għalkollox is-sustanzi storiċi ta’ tħassib. Għalhekk, jeħtieġ jiġi stabbilit limitu tal-konċentrazzjoni ta’ 0,1 % taċ-ċomb skont il-piż mhux biss għat-tqegħid fis-suq iżda anke għall-użu taċ-ċomb u l-komposti tiegħu fil-PVC, biex jippermetti kemm it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti li fihom inqas minn 0,1 % taċ-ċomb skont il-piż tal-materjal tal-PVC kif ukoll l-użu kontinwu fl-oġġetti tal-materjal tal-PVC li fih iċ-ċomb b’konċentrazzjoni inqas minn dak il-limitu, bħall-materjal tal-PVC irkuprat permezz tar-riċiklaġġ tas-sustanzi kimiċi jew dissoluzzjoni tas-solventi u li fih ammonti żgħar ħafna ta’ ċomb. |
|
(16) |
Biex tillimita ċ-ċomb milli jispiċċa fi prodotti ġodda, jenħtieġ li d-deroga għall-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC flessibbli rkuprat titneħħa mill-abbozz ta’ Regolament. Madankollu, l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jingħataw perjodu ta’ 24 xahar biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda. |
|
(17) |
Madankollu, jenħtieġ li tiġi stabbilita deroga għal ċerti oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC riġidu rkuprat biex jinkiseb bilanċ xieraq bejn il-benefiċċji ġenerali fit-tul mill-użu ċirkolari ta’ dawk il-materjali u t-tħassib ġenerali fit-tul dwar is-saħħa relatati ma’ dak il-materjal irkuprat. Wara li l-industrija rrappurtat li l-konċentrazzjoni medja taċ-ċomb fil-PVC riġidu rkuprat hija inqas minn 1,5 % minħabba taħlit tas-soltu ta’ skart ta’ qabel u ta’ wara l-konsum, il-limitu għall-konċentrazzjoni permessa taċ-ċomb fil-PVC riġidu rkuprat jenħtieġ li jitnaqqas minn 2 % għal 1,5 % skont il-piż. Biex ikunu evitati l-lissija taċ-ċomb u l-formazzjoni ta’ trab biċ-ċomb, il-PVC riġidu rkuprat fl-oġġetti derogati jenħtieġ li jkun mgħotti għalkollox b’saff ta’ PVC magħmul ġdid, PVC rkuprat jew materjal xieraq ieħor li fih inqas minn 0,1 % ta’ ċomb skont il-piż, sakemm l-oġġetti derogati ma jkunux inaċċessibbli waqt l-użu normali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel mal-Parlament li l-benefiċċji għall-protezzjoni tas-saħħa li jridu jinkisbu bir-restrizzjoni, jenħtieġ li jinkisbu aktar malajr. Għaldaqstant, il-perjodu tad-deroga jenħtieġ li jitqassar minn 15-il sena għal 10 snin. Jenħtieġ li fi żmien ħames (5) snin mid-dħul fis-seħħ tar-restrizzjoni jsir rieżami tad-deroga. Ir-rieżami jenħtieġ li jkun jinkludi verifika tax-xejriet dwar il-konċentrazzjoni taċ-ċomb fil-PVC irkuprat, id-disponibbiltà ta’ tekniki xierqa għad-dekontaminazzjoni, u l-impatt tat-tneħħija tad-deroga, filwaqt li jitqies ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. |
|
(18) |
Biex il-preżenza taċ-ċomb mill-PVC riġidu rkuprat tiġi limitata għal ċerti oġġetti magħrufa, il-PVC riġidu rkuprat mill-profili u l-folji tal-binjiet u mix-xogħol tal-inġinerija ċivili li jkun fihom aktar minn 0,1 % ta’ ċomb skont il-piż tal-PVC, jenħtieġ li jintuża biss għall-produzzjoni ta’ profili u folji ġodda tal-PVC għall-istess applikazzjonijiet. Minbarra l-obbligi ta’ mmarkar xieraq, din jenħtieġ li tiżgura l-identifikazzjoni tal-prodotti li fihom iċ-ċomb u tiffaċilita l-attivitajiet futuri tad-dekontaminazzjoni. Jeħtieġ li tippromwovi wkoll il-ġbir separat u r-riċiklaġġ tal-pajpijiet tal-PVC (li bħalissa rarament jiġu rriċiklati), peress li l-produtturi tal-pajpijiet li bħalissa jużaw il-PVC irkuprat minn profili u folji biex jipproduċu pajpijiet ġodda se jkollhom bżonn jissostitwixxuh b’sors alternattiv tal-PVC. Madankollu, biex l-operaturi ekonomiċi jingħataw żmien biżżejjed biex jistabbilixxu mekkaniżmi dedikati għall-ġbir u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-PVC, jirriorganizzaw il-ktajjen tal-provvista tagħhom u, meta meħtieġ, jakkwistaw PVC irkuprat minn oriġini oħra għajr il-profili u l-folji, dan l-obbligu jenħtieġ li jibda japplika wara 36 xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(19) |
Għal finijiet ta’ infurzar u biex ikun żgurat li l-professjonisti u l-konsumaturi jkunu infurmati sew dwar ir-riskji possibbli, l-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC riġidu rkuprat jenħtieġ li jiġu mmarkati jekk ikun fihom iċ-ċomb f’konċentrazzjoni daqs jew iżjed minn 0,1 % skont il-piż tal-PVC. Dan jenħtieġ li jiffaċilita wkoll il-ġbir separat tal-iskart li fih iċ-ċomb. |
|
(20) |
Meta jitqiesu d-diffikultajiet biex jiġi determinat jekk il-PVC fl-oġġetti għandux oriġini rkuprata, il-fornituri tal-oġġetti tal-PVC li jibbenefikaw mid-derogi assoċjati mal-kontenut tagħhom fil-PVC irkuprat, jenħtieġ li jkunu jistgħu juru prova tal-oriġini rkuprata tal-materjal billi jippreżentaw evidenza dokumentata. Fl-Unjoni, ir-riċiklaturi għandhom disponibbli bosta skemi taċ-ċertifikazzjoni, ilkoll ibbażati fuq speċifikazzjonijiet tekniċi fl-EN 15343:2007 (10), biex jappoġġaw l-asserzjonijiet dwar it-traċċabbiltà tal-PVC irkuprat. Minħabba n-nuqqas ta’ mezzi prattiċi xierqa biex l-awtoritajiet tal-infurzar jivverifikaw l-asserzjonijiet ta’ rkupru assoċjati mal-PVC irkuprat fl-oġġetti importati, jenħtieġ li dawn l-asserzjonijiet jiġu sostanzjati b’ċertifikazzjoni minn parti terza indipendenti. |
|
(21) |
Jenħtieġ li d-deroga speċifika proposta preċedentement għall-pigmenti taċ-ċomb “sulfokromat taċ-ċomb isfar” u “sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar” titneħħa mill-abbozz ta’ Regolament. Fid-dawl ta’ każistika riċenti (11) u l-intenzjoni tal-Aġenzija li tippreżenta dossier tar-restrizzjoni skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 relatat mar-riskji kkawżati mill-użu taż-żewġ pigmenti taċ-ċomb, il-Kummissjoni jidhrilha li dik id-deroga ma għadx hemm bżonnha. |
|
(22) |
Fid-dawl tar-riskji żgħar u n-nuqqas ta’ alternattivi xierqa, jenħtieġ li tiġi stabbilita deroga għas-separaturi tas-silika PVC fil-batteriji taċ-ċomb għal perjodu ta’ 10 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li warajh mistennija jkun hemm alternattivi xierqa disponibbli. |
|
(23) |
Biex tkun evitata r-regolamentazzjoni doppja, jenħtieġ li tiġi stabbilita deroga għall-oġġetti diġà koperti mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li tirregola l-kontenut taċ-ċomb fil-PVC. |
|
(24) |
Peress li l-industrija fl-Unjoni ilha mill-2015 tuża stabbilizzaturi taċ-ċomb fil-PVC, perjodu ta’ 18-il xahar hu meqjus biżżejjed biex ħafna mill-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda, jiddisponu mill-istokk tagħhom u jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti dwar ir-restrizzjoni fil-ktajjen tal-provvista tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-restrizzjoni ma tkunx tapplika għall-oġġetti tal-PVC diġà mqiegħda fis-suq qabel tmiem dak il-perjodu għax din tkun toħloq diffikultajiet konsiderevoli fl-infurzar. |
|
(25) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat skont dan. |
|
(26) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(2) https://echa.europa.eu/documents/10162/e70aee23-157b-b2a4-2cae-c42a1278072c (rapport); https://echa.europa.eu/documents/10162/cc1c37a8-22f9-7a7a-cb33-5c29edba7094 (anness).
(3) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312 22.11.2008, p. 3).
(4) Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Opinjoni Xjentifika dwar iċ-Ċomb fl-Ikel. EFSA Journal 2010; 8(4):1570.
(5) Rapport ta’ progress ta’ VinylPlus tal-2017, p. 14; ara https://vinylplus.eu/uploads/downloads/VinylPlus_Progress_Report_2017.pdf
(6) https://echa.europa.eu/documents/10162/86b00b9e-2852-d8d4-5fd7-be1e747ad7fa
(7) https://echa.europa.eu/documents/10162/86b00b9e-2852-d8d4-5fd7-be1e747ad7fa
(8) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. L-Għeluq taċ-Ċirku — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari, COM(2015) 614 final.
(9) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Frar 2020 dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb u tal-komposti tiegħu (ĠU C 294, 23.7.2021, p. 2).
(10) L-Istandard EN 15343:2007 dwar “Plastics — Recycled Plastics — Plastics recycling traceability and assessment of conformity and recycled content”, approvat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fit-2 ta’ Novembru 2007.
(11) Il-Kummissjoni Ewropea v Ir-Renju tal-Iżvezja, Case C-389/19 P, ECLI:EU:C:2021:131.
ANNESS
Fl-entrata 63, il-kolonna 2, tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
|
|
|