SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
11 ta’ Ġunju 2020 ( *1 ) ( i )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Suq intern – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Direttiva 2001/83/KE – Reklamar – Artikolu 96 – Distribuzzjoni ta’ kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika biss lill-persuni kkwalifikati sabiex jippreskrivuhom – Esklużjoni ta’ spiżjara mill-benefiċċju tad-distribuzzjoni – Inapplikabbiltà għad-distribuzzjoni ta’ kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika – Konsegwenzi għall-Istati Membri”
Fil-Kawża C‑786/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura
ratiopharm GmbH
vs
Novartis Consumer Health GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský (Relatur), F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: M. Krausenböck, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal ratiopharm GmbH, minn I.-M. Schulte-Franzheim u M. Viefhues, Rechtsänwalte, |
|
– |
għal Novartis Consumer Health GmbH, minn D. Bruhn, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn V. Karra, Z. Chatzipavlou u E. Tsaousi, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Noll-Ehlers u A. Sipos, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 96(1) u (2) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69) kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 262) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/83”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ratiopharm GmbH u Novartis Consumer Health GmbH (iktar ’il quddiem “Novartis”) dwar talba ta’ Novartis intiża sabiex ratiopharm tiġi pprojbita milli tqassam lill-ispiżjara kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti mediċinali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 2 sa 4, 14, 45 sa 47, 50 u 51 tad-Direttiva 2001/83 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
|
5 |
Abbażi tal-Artikolu 70(1) tal-istess direttiva: “Meta tingħata awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jispeċifikaw il-klassifikazzjoni tal-prodott mediċinali:
Għal dan il-għan, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 71(1) għandhom japplikaw.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2001/83: “1. Prodotti mediċinali għandhom ikunu suġġetti għal preskrizzjoni medika meta:
jew
jew
jew
2. Meta l-Istati Membri jaħsbu għal sub-kategorija ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika speċjali, dawn għandhom jagħtu każ tal-fatturi li ġejjin:
[…]” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva: “Prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni għandhom ikunu dawk li ma jissodisfawx il-kriterji fl-Artikolu 71.” |
|
8 |
It-Titolu VIII tad-Direttiva 2001/83, intitolat “Reklamar”, jinkludi l-Artikoli 86 sa 88 tagħha. |
|
9 |
L-Artikolu 86(1) tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, ‘reklamar ta’ prodotti mediċinali’ għandu jinkludi kull forma ta’ informazzjoni bieb-bieb, attività ta’ kkanvassjar jew inkoraġġiment bl-għan li jippromwovi l-preskrizzjoni, provvista, bejgħ jew konsum ta’ prodotti mediċinali; għandu jinkludi b’mod partikolari:
[…]” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 88 tal-istess direttiva: “1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu r-reklamar lill-pubbliku ġenerali ta’ prodotti mediċinali li:
2. Prodotti mediċinali jistgħu jiġu reklamati lill-pubbliku ġenerali li, skont il-komposizzjoni tagħhom u l-għan, huma maħsuba u disinjati għall-użu mingħajr l-intervent ta’ prattikant mediku għall-finijiet ta’ dijanjosi jew għar-riċetta jew moniteraġġ ta’ kura, bil-parir ta’ spiżjar, fejn meħtieġ. 3. L-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jipprojbixxu, fuq it-territorju tagħhom, reklamar lill-pubbliku ġenerali ta’ prodotti mediċinali li n-nefqa tagħhom tista’ tiġi rinburżata. […] 6. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu d-distribuzzjoni diretta ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku mill-industrija għal għanijiet promozzjonali.” |
|
11 |
It-Titolu VIIIa tad-Direttiva 2001/83, intitolat “Informazzjoni u Reklamar”, jinkludi l-Artikoli 88a sa 100 tagħha. |
|
12 |
L-Artikolu 89(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Bla ħsara għall-Artikolu 88, ir-reklamar kollu għall-pubbliku ġenerali ta’ prodott mediċinali għandu:
[…]”. |
|
13 |
L-Artikolu 90 tal-istess direttiva jipprovdi: “Ir-reklamar ta’ prodott mediċinali mal-pubbliku ġenerali m’għandux ikun fih materjal li: […]” |
|
14 |
L-Artikolu 94(1) sa (3) tad-Direttiva 2001/83 jipprovdi: “1. Meta prodotti mediċinali jkunu qed jiġu rreklamati ma’ persuni kkwalifikati biex jippreskrivu jew jissupplixxu dawn il-prodotti, ebda rigali, vantaġġi finanzjarji jew benefiċċji f’oġġetti ma’ jistgħu jingħataw, jiġu offruti jew imwiegħda lil dawn il-persuni sakemm dawn ma jkunux irħas u relevanti għall-prattika tal-mediċina jew farmaċija. 2. L-ospitalità f’attivitajiet ta’ promozzjoni għall-bejgħ għandha dejjem tkun strettament limitata għall-għanijiet stretti tagħhom u ma għandhiex tkun estiża lil persuni oħra minbarra professjonisti tal-kura tas-saħħa. 3. Persuni kkwalifikati biex jippreskrivu jew jissupplixxu prodotti mediċinali m’għandhomx jitolbu jew jaċċettaw xi inkoraġġiment projbit skond il-paragrafu 1 jew kuntrarju għall-paragrafu 2.” |
|
15 |
L-Artikolu 96 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Kampjuni b’xejn għandhom ikunu provduti fuq bażi eċċezjonali biss lil persuni kkwalifikati biex jippreskrivuwhom u bil-kondizzjonijiet li ġejjin:
2. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu aktar restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni ta’ kampjuni ta’ ċerti prodotti mediċinali.” |
Id-dritt Ġermaniż
|
16 |
L-Artikolu 47 tal-Arzneimittelgesetz (il-Liġi dwar il-Prodotti Mediċinali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AMG”), intitolat “Ċirku ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu: “(3) L-impriżi farmaċewtiċi huma awtorizzati jqassmu jew iqabbdu lil min iqassam kampjuni ta’ prodotti mediċinali (prodotti lesti):
L-impriżi farmaċewtiċi ma jistgħux iqassmu jew iqabbdu lil min iqassam kampjuni ta’ prodott mediċinali (prodott lest) lill-istabbilimenti ta’ tagħlim għall-professjonijiet tas-saħħa ħlief għal raġunijiet ta’ tagħlim. Il-kampjuni ma għandhom jinkludu l-ebda sustanza jew preparazzjoni:
(4) L-impriżi farmaċewtiċi huma awtorizzati jqassmu jew iqabbdu lil min iqassam lill-persuni msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 3, biss fuq talba bil-miktub jew elettronika, kampjuni ta’ prodott mediċinali (prodott lest) tal-iżgħar daqs, b’rata ta’ massimu ta’ żewġ kampjuni fis-sena għal prodott mediċinali (prodott lest). Il-kampjuni għandu jkollhom sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott, sa fejn dan huwa previst fl-Artikolu 11a. Il-kampjun huwa intiż b’mod partikolari sabiex jinforma lit-tabib dwar l-għan tal-prodott mediċinali. F’dak li jirrigwarda lid-destinatarji tal-kampjuni, kif ukoll in-natura, il-portata u d-data tad-distribuzzjoni tal-kampjuni, għandhom jiġu pprovduti provi b’mod separat għal kull destinatarju u jiġu ppreżentati fuq talba tal-awtorità kompetenti.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
17 |
Novartis timmanifattura u tikkummerċjalizza l-prodott mediċinali Voltaren Schmerzgel, li fih is-sustanza attiva Diclofenac. |
|
18 |
Min-naħa tagħha, ratiopharm tikkummerċjalizza l-prodott mediċinali Diclo-ratiopharm-Schmerzgel, li jinkludi wkoll is-sustanza attiva Diclofenac, mogħtija biss fl-ispiżerija. Matul is-sena 2013, kollaboraturi ta’ ratiopharm taw mingħajr ħlas lil spiżjara Ġermaniżi kaxxi ta’ dan il-prodott mediċinali intiżi għall-bejgħ, f’format imnaqqas, u bl-indikazzjoni “għal finijiet ta’ dimostrazzjoni”. |
|
19 |
Novartis qieset li tali distribuzzjoni kienet tmur kontra l-Artikolu 47(3) tal-AMG u kienet simili għal għoti ta’ rigali pubbliċitarji pprojbit mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża. |
|
20 |
Konsegwentement, Novartis adixxiet il-qorti tal-ewwel istanza sabiex jiġi ordnat li ratiopharm twaqqaf id-distribuzzjoni mingħajr ħlas tal-kampjuni ta’ prodotti mediċinali lill-ispiżjara. Din il-qorti laqgħet it-talba ta’ Novartis. |
|
21 |
Il-qorti li quddiemha ratiopharm appellat ikkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-Artikolu 47(3) tal-AMG ma jsemmix l-ispiżjara fost il-persuni li lilhom jistgħu jitqassmu l-kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti mediċinali. |
|
22 |
Ratiopharm ippreżentat appell ta’ Reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja). |
|
23 |
Din il-qorti tqis li t-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma deċiżivi għas-soluzzjoni tal-imsemmija tilwima. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 47(3) tal-AMG għandu jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 96 tad-Direttiva 2001/83, għandu, fl-ewwel lok, jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni tal-aħħar tirregolax b’mod eżawrjenti d-distribuzzjoni ta’ kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti mediċinali b’mod li teskludi lill-ispiżjara mill-imsemmija distribuzzjoni. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, għalkemm il-premessa 51 tad-Direttiva 2001/83 tirreferi kemm għall-ispiżjara u kif ukoll għat-tobba, il-kliem tal-Artikolu 96 ta’ din id-direttiva ma huwiex inekwivoku skont il-verżjoni lingwistika kkunsidrata u jista’ jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu jirregola biss il-kwistjoni tad-distribuzzjoni ta’ kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti mediċinali lit-tobba mingħajr ma tieħu pożizzjoni fuq dik tad-distribuzzjoni ta’ dawn il-kampjuni mingħajr ħlas lill-ispiżjara. Barra minn hekk, u peress li t-tobba u l-ispiżjara għandhom ukoll bżonn li jiġu informati mingħajr ħlas dwar il-prodotti mediċinali l-ġodda u li juru l-użu tagħhom lill-pazjenti jew lill-klijenti tagħhom, il-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji professjonali jiġu ttrattati b’mod differenti ma huwiex oġġettivament iġġustifikat u jmur kontra l-libertà professjonali u l-libertà tal-intrapriża. |
|
25 |
Fit-tieni lok, u jekk jitqies li l-Artikolu 96(1) tad-Direttiva 2001/83 ma jipprojbixxix, bħala tali, id-distribuzzjoni ta’ kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti mediċinali lill-ispiżjara, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 96(2) ta’ din id-direttiva, li jawtorizza lill-Istati Membri jirrestrinġu iktar id-distribuzzjoni tal-kampjuni ta’ ċerti prodotti mediċinali, jawtorizzax lill-imsemmija Stati Membri jadottaw, jekk ikun il-każ, leġiżlazzjoni li tipprevedi tali projbizzjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirrileva, madankollu, li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, sa fejn din tipprevedi “ċerti prodotti mediċinali” u mhux ċerti destinatarji tad-distribuzzjoni kkonċernata, kif ukoll il-premessa 51 tal-imsemmija direttiva jistgħu jimmilitaw favur interpretazzjoni kuntrarja. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 96(1) tad-Direttiva 2001/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-impriżi farmaċewtiċi jqassmu mingħajr ħlas kampjuni ta’ prodotti mediċinali lill-ispiżjara wkoll. |
|
28 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, NEW WAVE CZ, C‑427/15, EU:C:2017:18, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 96(1) tad-Direttiva 2001/83, għandu jiġi osservat qabelxejn li din id-dispożizzjoni, fil-kważi totalità tal-verżjonijiet lingwistiċi tagħha, tirriżerva d-dritt li jingħataw kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti mediċinali lill-“persuni kkwalifikati sabiex jippreskrivu”. Min-naħa l-oħra, it-termini tal-imsemmija dispożizzjoni ma jippermettux, fihom innifishom, li jiġi ddeterminat jekk din ir-restrizzjoni tikkonċernax il-prodotti mediċinali kollha ddefiniti fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, jew biss għal dawk suġġetti għal preskrizzjoni medika, fis-sens tal-Artikolu 1(19) ta’ din l-istess direttiva. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sa fejn, b’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17,EU:C:2019:720, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-Artikolu 96(1) tad-Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat b’mod uniformi, billi jintużaw ukoll il-kriterji l-oħra mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza. |
|
31 |
Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2001/83, li tirrigwarda, kif jirriżulta mit-titolu tagħha, il-“prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem”, mill-premessa 2 tagħha jirriżulta li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tikkostitwixxi l-għan essenzjali ta’ din id-direttiva (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Novo Nordisk, C‑249/09, EU:C:2011:272, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Madankollu, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-Direttiva 2001/83 tipprevedi wkoll, kif jistabbilixxu b’mod partikolari l-premessi 4 u 14 tagħha, il-moviment liberu tal-prodotti mediċinali fis-suq intern permezz tal-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-kummerċ tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
|
33 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-direttiva wettqet armonizzazzjoni kompleta fil-qasam tar-reklamar għall-prodotti mediċinali, peress li l-każijiet li fihom l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw dispożizzjonijiet li jiddevjaw mir-regoli stabbiliti mill-imsemmija direttiva huma elenkati b’mod espliċitu (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Gintec, C‑374/05, EU:C:2007:654, punt 39). |
|
34 |
Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 96(1) tad-Direttiva 2001/83, għandu b’mod partikolari jiġi enfasizzat li l-Artikolu 70(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, meta jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jispeċifikaw jekk dan jaqax taħt il-kategorija ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika jew taħt dik tal-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. |
|
35 |
Fir-rigward tal-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, il-kriterji li dawn jissodisfaw, kif elenkati fl-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2001/83, jittraduċu l-idea li dawn il-prodotti mediċinali ma jistgħux jintużaw mingħajr sorveljanza medika fid-dawl tal-perikolu li jippreżenta l-użu tagħhom jew l-inċertezza fir-rigward tal-effetti tagħhom. |
|
36 |
Min-naħa tagħhom, kif jippreċiża l-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva, il-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni huma dawk li ma jissodisfawx il-kriterji elenkati fl-Artikolu 71(1) tal-imsemmija direttiva, peress li l-użu tagħhom ma għandux, bħala prinċipju, riskji simili għal dawk tal-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika. |
|
37 |
Tali distinzjoni bejn il-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika u l-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika timplika li tal-ewwel għandhom neċessarjament, kif tenfasizza ripetutament id-Direttiva 2001/83, fil-premessi u fid-dispożizzjonijiet tagħha, u b’mod partikolari fil-punt 19 tal-Artikolu 1 tagħha, jiġu preskritti minn persuni debitament “ikkwalifikati sabiex jippreskrivu”, jiġifieri tobba mħarrġa sabiex ikunu f’pożizzjoni li jikkontrollaw riskji inerenti fl-użu tagħhom minn pazjent partikolari. |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn ma humiex legalment awtorizzati jippreskrivu prodotti mediċinali, l-ispiżjara ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ “persuni kkwalifikati sabiex jippreskrivu”, fis-sens tad-Direttiva 2001/83, iżda taħt dik ta’ “persuni kkwalifikati sabiex jipprovdu” prodotti mediċinali, fis-sens ta’ din id-direttiva. |
|
39 |
Issa, din id-distinzjoni bejn il-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni u l-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni hija rilevanti wkoll fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tat-Titoli VIII u VIIIa tad-Direttiva 2001/83 dwar, b’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ reklamar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 109). |
|
40 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikoli 88(1) u (2) kif ukoll mill-Artikoli 89 u 90 tad-Direttiva 2001/83, li jinsabu taħt it-Titolu VIIIa ta’ din tal-aħħar, moqrija fid-dawl tal-premessa 45 tagħha, jirriżulta li r-reklamar lill-pubbliku fir-rigward ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika ma huwiex ipprojbit iżda awtorizzat, bla ħsara għall-kundizzjonijiet u għar-restrizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. |
|
41 |
Għalhekk, mill-istruttura tad-Direttiva 2001/83 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titoli VIII u VIIIa tagħha, inkluż l-Artikolu 96(1) ta’ din id-direttiva, ma jistgħux jitqiesu li jkopru l-prodotti mediċinali kollha, tkun xi tkun il-kategorija li jappartjenu għaliha. |
|
42 |
Fil-fatt, dan l-Artikolu 96(1) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet stretti li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ kampjuni mingħajr ħlas, liema kundizzjonijiet jittraduċu, fl-intier tagħhom, in-natura potenzjalment perikoluża tal-prodotti mediċinali previsti minn din id-dispożizzjoni, natura li ma hijiex komuni għall-prodotti mediċinali kollha. |
|
43 |
Issa, tali perikolu potenzjali huwa b’mod partikolari inerenti għall-użu tal-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, id-distribuzzjoni ta’ tali prodotti mediċinali fil-forma ta’ kampjuni mingħajr ħlas għandha tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 96(1) tad-Direttiva 2001/83, kundizzjonijiet li jagħmlu b’mod partikolari possibbli kontroll konsegwenti kemm fir-rigward tan-natura tal-kampjuni mogħtija kif ukoll tad-destinatarji tagħhom. |
|
44 |
Fid-dawl ta’ tali għan, u sabiex jiġi eskluż kull riskju ta’ evażjoni tar-regoli dwar il-provvista ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, din id-dispożizzjoni għandha għalhekk tiġi interpretata fis-sens li huma biss il-persuni kkwalifikati sabiex jippreskrivu dawn il-prodotti mediċinali, fis-sens tad-Direttiva 2001/83, li għandhom id-dritt li jingħataw kampjuni mingħajr ħlas ta’ dawn il-prodotti mediċinali, u dan għandu l-effett li jeskludi lill-ispiżjara minn dan id-dritt. |
|
45 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 96(1) tad-Direttiva 2001/83 hija kkorroborata mill-fatt li l-unika kategorija ta’ persuni li għaliha jirreferu l-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni hija dik ta’ “dawk li jippreskrivu”. |
|
46 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 96(2) ta’ din id-direttiva, dan jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu “aktar” id-distribuzzjoni ta’ kampjuni ta’ ċerti prodotti mediċinali. Mill-użu tal-kelma “aktar” jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 96(1) tal-imsemmija direttiva paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu u għandha l-istess kamp ta’ applikazzjoni bħal dan tal-aħħar. Konsegwentement, hija tirrigwarda biss il-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika. |
|
47 |
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 96 tad-Direttiva 2001/83 li saret fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza ma tfissirx, madankollu, bħalma juru diversi premessi tagħha, li l-ispiżjara huma totalment preklużi mill-possibbiltà li jibbenefikaw mill-provvista ta’ kampjuni mingħajr ħlas skont din id-direttiva. |
|
48 |
Fil-fatt, minn naħa, għalkemm il-premessa 46 tad-Direttiva 2001/83 tipprovdi li d-distribuzzjoni ta’ kampjuni mingħajr ħlas lill-pubbliku għal finijiet promozzjonali hija pprojbita, hija ma tipprevedix projbizzjoni simili fir-rigward tal-professjonisti tas-saħħa, b’mod partikolari tal-persuni kkwalifikati sabiex jipprovdu prodotti mediċinali. B’hekk, fil-kuntest tal-promozzjoni tal-prodotti mediċinali, l-eżistenza ta’ projbizzjoni tad-distribuzzjoni mingħajr ħlas ta’ kampjuni lill-ispiżjara ma tistax, għaldaqstant, tiġi preżunta. |
|
49 |
Min-naħa l-oħra, mill-premessa 51 ta’ din id-direttiva jirriżulta b’mod espliċitu li kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti mediċinali jistgħu jingħataw, b’osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet restrittivi, b’mod partikolari lill-persuni kkwalifikati sabiex jipprovdu prodotti mediċinali, peress li tali possibbiltà hija ġġustifikata, f’għajnejn il-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li l-provvista ta’ dawn il-kampjuni tippermettilhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-prodotti mediċinali l-ġodda u jiksbu esperjenza fir-rigward tal-użu tagħhom. |
|
50 |
Barra minn hekk, fil-kuntest tal-promozzjoni ta’ prodotti mediċinali, b’mod partikolari fir-rigward tal-persuni kkwalifikati sabiex jipprovduhom, l-Artikolu 94(1) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 46 u 51 tagħha, jista’ jkopri, fost forom oħra ta’ reklamar, minkejja li ma jsemmihiex espliċitament, il-provvista ta’ tali kampjuni, sakemm il-vantaġġ li minnhom dawn il-persuni jiddeduċu ma jeċċedix valur negliġibbli. |
|
51 |
Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 2001/83 taċċetta l-possibbiltà ta’ provvista ta’ kampjuni mingħajr ħlas lill-ispiżjara fil-kuntest tad-dritt nazzjonali billi tissuġġettaha għal kundizzjonijiet restrittivi, fl-osservanza tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva. |
|
52 |
Madankollu, u fi kwalunkwe każ, din il-possibbiltà ma tistax tippreġudika r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 96(1) tal-imsemmija direttiva u, għaldaqstant, ma tistax timplika l-possibbiltà ta’ distribuzzjoni lill-ispiżjara ta’ kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti mediċinali li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni, jiġifieri ta’ dawk suġġetti għal preskrizzjoni medika. |
|
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 96(1) tad-Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax lill-impriżi farmaċewtiċi jqassmu mingħajr ħlas kampjuni ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika lill-ispiżjara. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix id-distribuzzjoni mingħajr ħlas ta’ kampjuni ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika lill-ispiżjara. |
Fuq it-tieni domanda
|
54 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 96(1) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, kif emendata bid-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax lill-impriżi farmaċewtiċi jqassmu mingħajr ħlas kampjuni ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika lill-ispiżjara. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix id-distribuzzjoni mingħajr ħlas ta’ kampjuni ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika lill-ispiżjara. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
( i ) Fid-dispożittiv ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.