27.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/69


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1593

tal-24 ta' Settembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/583/UE (2) u, sussegwentement, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/676/UE (3) awtorizzaw lir-Rumanija biex tapplika miżura speċjali li tinnomina l-persuna taxxabbli li tirċievi l-provvisti ta' prodotti tal-injam mingħand persuni taxxabbli bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq dawk il-provvisti. L-awtorizzazzjoni ġiet estiża sal-31 ta' Diċembru 2019 permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1206 (4).

(2)

Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-11 ta' Marzu 2019, ir-Rumanija talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali wara l-31 ta' Diċembru 2019. It-talba kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni ta' dik il-miżura, kif stipulat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE.

(3)

Permezz ta' ittri datati d-9 ta' April 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Rumanija. Permezz ta' ittra datata l-10 ta' April 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(4)

Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, is-sitwazzjoni fattwali li ġġustifikat l-applikazzjoni tal-miżura speċjali ma nbidlitx. Barra minn hekk, l-analiżi mill-awtoritajiet Rumeni tindika li l-miżura kienet effettiva fit-tnaqqis tal-evażjoni tat-taxxa.

(5)

Il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għanijiet li jridu jinkisbu peress li hija limitata għal operazzjonijiet speċifiċi ħafna f'settur li joħloq problemi konsiderevoli fir-rigward tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Barra minn hekk, l-applikazzjoni kontinwata tal-miżura ma għandux ikollha xi impatt negattiv fuq il-prevenzjoni ta' frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, f'setturi oħra jew fi Stati Membri oħra.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Rumanija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat ulterjuri sal-31 ta' Diċembru 2022.

(7)

B'mod ġenerali, id-derogi jiġu awtorizzati għal perjodu ta' żmien limitat biex ikun jista' jiġi vvalutat jekk il-miżuri speċjali humiex xierqa u effettivi. Id-derogi jagħtu lill-Istati Membri żmien sal-iskadenza tal-miżura speċjali biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħrajn biex jindirizzaw il-problema inkwistjoni. Derogi li jippermettu l-użu mill-mekkaniżmu ta' reverse chargejtingħataw biss eċċezzjonalment għal oqsma speċifiċi fejn isir abbuż, u jintużaw biss bħala l-aħħar alternattiva. Għaldaqstant, jeħtieġ li r-Rumanija timplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex tiġġieled u tipprevjeni l-firxa ulterjuri tal-frodi tal-VAT fis-settur tal-injam u konsegwentement ma tibqagħlhiex bżonn ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta' tali provvisti.

(8)

Għaldaqstant, f'dan l-istadju m'hemmx bżonn li jiġu inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE li jikkonċernaw talbiet ulterjuri għall-estensjoni tad-deroga awtorizzata b'dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni wara l-31 ta' Diċembru 2022.

(9)

Il-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/676/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, id-data “il-31 ta' Diċembru 2019” hija sostitwita bid-data “il-31 ta' Diċembru 2022”;

(2)

l-Artikolu 3 jitħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Settembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KULMUNI


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/583/UE tas-27 ta' Settembru 2010 li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 256, 30.9.2010, p. 27).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/676/UE tal-15 ta' Novembru 2013 li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 31).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1206 tat-18 ta' Lulju 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 198, 23.7.2016, p. 47).