28.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/70


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/347

tas-27 ta' Frar 2017

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/77 (1) biex ħatar lis-Sur Lars-Gunnar WIGEMARK bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bożnija-Ħerzegovina (BiĦ). Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-28 ta' Frar 2017.

(2)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ieħor ta' 16-il xahar.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Lars-Gunnar WIGEMARK bħala r-RSUE fil-Bożnija-Ħerzegovina (BiĦ) huwa estiż sat-30 ta' Ġunju 2018. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u ta' proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika li ġejjin tal-Unjoni fil-BiĦ:

(a)

il-kontinwazzjoni tal-progress fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni;

(b)

BiĦ li tkun stabbli, vijabbli, paċifika, multi-etnika u unita, li tikkoopera paċifikament mal-ġirien tagħha; u

(c)

ikun żgurat li l-BiĦ timxi irreversibbilment fit-triq lejn sħubija fl-Unjoni.

2.   L-Unjoni ser tkompli wkoll tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas Ġenerali għall-Paċi (GFAP) fil-BiĦ.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

joffri l-konsulenza tal-Unjoni u jiffaċilita l-proċess politiku, partikolarment bil-promozzjoni tad-djalogu bejn il-livelli differenti tal-gvern;

(b)

jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni;

(c)

jiffaċilita l-progress fir-rigward tal-prijoritajiet politiċi, ekonomiċi u Ewropej, partikolarment billi jinkoraġixxi l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni dwar materji tal-UE u l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Riforma;

(d)

jissorvelja u jagħti pariri lill-awtoritajiet eżekuttivi u leġislattivi fil-livelli kollha tal-gvern fil-BiĦ, u jżomm kollegament mal-awtoritajiet u l-partiti politiċi fil-BiĦ;

(e)

jiżgura l-implimentazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni fil-firxa sħiħa tal-attivitajiet fl-oqsma tal-istat tad-dritt u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, jippromwovi l-koordinazzjoni globali mill-Unjoni ta', u jagħti direzzjoni politika lokali lil, l-isforzi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, kif ukoll it-terroriżmu, u, f'dak il-kuntest, jipprovdi lir-RGħ u lill-Kummissjoni b'evalwazzjonijiet u konsulenza kif meħtieġ;

(f)

jipprovdi appoġġ għal interazzjoni rinfurzata u aktar effettiva bejn is-sistema tal-ġustizzja kriminali u l-pulizija fil-BiĦ, kif ukoll għal inizjattivi li jimmiraw biex isaħħu l-effiċjenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizjarji, partikolarment id-Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja;

(g)

mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand militari, joffri lill-Kmandant tal-Forza tal-UE gwida politika dwar kwistjonijiet militari b'dimensjoni politika lokali, b'mod partikolari fir-rigward ta' operazzjonijiet sensittivi, u dwar ir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet lokali u l-mezzi tax-xandir lokali u jikkontribwixxi għall-konsultazzjonijiet dwar ir-Reviżjoni Strateġika ta' EUFOR/ALTHEA; jikkonsulta lill-Kmandant tal-Forza tal-UE qabel ma jieħu azzjoni politika li jista' jkollha impatt fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà u jikkoordina fir-rigward ta' messaġġi koerenti lill-awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn;

(h)

jikkoordina u jimplimenta l-isforzi ta' komunikazzjoni tal-Unjoni dwar kwistjonijiet tal-UE lejn il-pubbliku fil-BiĦ;

(i)

jippromwovi l-proċess tal-integrazzjoni fl-UE permezz ta' diplomazija pubblika mmirata u attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-UE mfasslin biex jiżguraw fehim u appoġġ usa' fost il-pubbliku tal-BiĦ dwar materji relatati mal-UE, anke permezz tal-involviment ta' atturi tas-soċjetà ċivili lokali;

(j)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-BiĦ, f'konformità mal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

(k)

jingaġġa mal-awtoritajiet rilevanti tal-BiĦ fir-rigward tal-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY);

(l)

f'konformità mal-proċess ta' integrazzjoni tal-UE, jipprovdi konsulenza, jassisti, jiffaċilita u jimmonitorja d-djalogu politiku dwar il-bidliet kostituzzjonali neċessarji u leġiżlattivi rilevanti;

(m)

iżomm kuntatti mill-qrib u konsultazzjonijiet mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli fil-BiĦ u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn li jaħdmu fil-pajjiż; f'dak il-kuntest, jinforma lill-Kunsill dwar diskussjonijiet fuq il-post fir-rigward tal-preżenza internazzjonali fil-pajjiż, inkluż l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli;

(n)

jipprovdi konsulenza lir-RGħ, kif meħtieġ, dwar persuni fiżiċi jew ġuridiċi li lilhom jistgħu jiġu imposti miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-BiĦ;

(o)

mingħajr preġudizzju għal-linji ta' kmand applikabbli, jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post jiġu applikati b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2017 sat-30 ta' Ġunju 2018 għandu jkun ta' EUR 7 690 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku mir-RSUE għandha tkun miftuħa mingħajr limiti. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-oġġetti mixtrija mir-RSUE.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli lejn il-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Għandu jiġi assenjat persunal iddedikat biex jassisti lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat u biex jikkontribwixxi għall-koerenza, il-viżibilità u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni fil-BiĦ b'mod ġenerali. Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-kostituzzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif rikjest mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni informati minnufih dwar il-formazzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru li jissekonda, mill-istituzzjoni tal-Unjoni li tissekonda jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati biex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jissekonda, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tissekonda jew tas-SEAE, rispettivament, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għall-eżekuzzjoni u l-funzjonament regolari tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-partijiet ospitanti, skont il-każ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal stazzjonat barra mill-Unjoni f'kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u abbażi tas-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment sigur tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta' responsabbiltà, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà, u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u pjan ta' evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif meħtieġ skont il-kondizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jew kif jaslu fiż-żona ta' responsabbiltà, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha miftehmin, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jipprovdi lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti, kemm oralment kif jukoll bil-miktub, regolarment lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu wkoll jirrapporta lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, kif ikun meħtieġ. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. Taħt l-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu ingaġġati b'mod konsistenti, biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun, kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri u mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun. Huma għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali fuq il-post, u b'mod partikolari jżomm koordinazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli fil-BiĦ.

3.   B'appoġġ għall-operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet, ir-RSUE, flimkien ma' atturi tal-Unjoni oħrajn preżenti fuq il-post, għandu jtejjeb id-disseminazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni minn dawk l-atturi tal-Unjoni bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta' għarfien u valutazzjoni komuni tas-sitwazzjoni.

Artikolu 13

Assistenza rigward pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-forniment ta' elementi li jwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti fil-BiĦ, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali għanijiet.

Artikolu 14

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sat-30 ta' Settembru 2017 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. MIZZI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/77 tad-19 ta' Jannar 2015 li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (ĠU L 13, 20.1.2015, p. 7).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).