IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.9.2015
COM(2015) 449 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U
LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE
1.
INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini billi jistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-dikjarar tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini b'rabta mal-karatteristiċi essenzjali tagħhom u dwar il-marka CE tagħhom.
Għall-fini li jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, b’mod partikolari t-tneħħija u l-evitar tar-restrizzjonijiet fuq id-disponibbiltà fis-suq ta’ prodotti għall-bini, ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati f'għadd ta' materji mniżżlin fl-Artikolu 60 tiegħu, u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 61, 62 u 63 tiegħu.
L-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 jiddeskrivi l-kamp ta' applikazzjoni temporanju tad-delega kif ukoll l-obbligi ta' notifika tal-atti delegati adottati u ta' rappurtar dwar l-eżerċizzju tas-setgħat delegati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
L-Artikolu 62 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-revoka tad-delega filwaqt li l-Artikolu 63 jistabbilixxi ir-regoli dwar l-oġġezzjonijiet għall-atti delegati mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 huwa applikabbli b'mod sħiħ mill-1 ta’ Lulju 2013. Minn dak iż-żmien ’l hawn, f’għadd ta’ okkażjonijiet, il-Kummissjoni eżerċitat id-delega mogħtija lilha bl-Artikolu 60.
2.
BAŻI LEGALI
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 305/2011. Skont din id-dispożizzjoni, is-setgħa li tadotta atti delegati dwar il-materji mniżżlin fl-Artikolu 60 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-24 ta’ April 2011, u l-Kummissjoni hija rikjesta tħejji rapport fir-rigward tas-setgħa delegata mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin.
Is-setgħat delegati għandhom jiġu estiżi awtomatikament għal perjodi ta’ ħames snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokahomx f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.
L-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati li jikkonċernaw il-materji li ġejjin:
a)id-determinazzjoni, fejn xieraq, tal-karatteristiċi essenzjali jew il-livelli limitu fi gruppi speċifiċi ta’ prodotti għall-bini, li fir-rigward tagħhom, f’konformità mal-Artikoli 3 sa 6, il-manifattur għandu jiddikjara, fir-rigward tal-użu intiż tagħhom, b’livelli jew klassijiet, jew f’deskrizzjoni, x’inhi l-prestazzjoni tal-prodott tal-manifattur meta jitqiegħed fis-suq;
b)il-kundizzjonijiet li skonthom tista’ tiġi pproċessata elettronikament dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni t, sabiex tkun disponibbli fuq sit web f’konformità mal-Artikolu 7;
c)l-emenda tal-perjodu li għalih il-manifattur għandu jżomm id-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni wara li l-prodott tal-bini jkun tqiegħed fis-suq, f’konformità mal-Artikolu 11, abbażi tal-ħajja mistennija jew ir-rwol tal-prodott tal-bini fix-xogħlijiet tal-bini;
d)l-emenda tal-Anness II u, meta jkun meħtieġ, l-adozzjoni ta’ regoli proċedurali supplimentari f’konformità mal-Artikolu 19(3) sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji fl-Artikolu 20, jew l-applikazzjoni fil-prattika tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 21;
e)l-adattament tal-Anness III, tat-tabella 1 tal-Anness IV u tal-Anness V b’rispons għall-progress tekniku;
f)l-istabbiliment u l-adattament ta’ klassijiet ta’ prestazzjoni b’rispons għall-progress tekniku f’konformità mal-Artikolu 27(1);
g)il-kundizzjonijiet li skonthom prodott għall-bini għandu jitqies li jissodisfa ċertu livell jew klassi ta’ prestazzjoni mingħajr ittestjar jew mingħajr aktar ittestjar f’konformità mal-Artikolu 27(5), sakemm dan ma jxekkilx it-twettiq tar-rekwiżiti bażiċi tax-xogħlijiet tal-bini;
h)l-adattament, l-istabbiliment u r-reviżjoni tas-sistemi ta’ valutazzjoni u ta’ verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni f’konformità mal-Artikolu 28, fir-rigward ta’ prodott partikolari, grupp ta’ prodott partikolari jew karatteristika essenzjali partikolari, u skont:
i) l-importanza tar-rwol li jaqdi l-prodott jew ta’ dawk il-karatteristiċi essenzjali fir-rigward tar-rekwiżiti bażiċi tax-xogħlijet tal-bini;
ii) in-natura tal-prodott;
iii) l-effett tal-varjabbiltà tal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott għall-bini waqt il-ħajja mistennija tal-prodott;
iv) is-suxxettibbiltà għal difetti fil-manifattura tal-prodott.
Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att delegat, għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess waqt (l-Artikolu61(2)).
Is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 62 (ir-revoka tad-delega) u 63 (l-oġġezzjoni għall-att delegat) (l-Artikolu 61(3)).
3.
EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA
3.1. Konsultazzjoni qabel l-adozzjoni
Fi spirtu ta’ ftuħ u ta’ trasparenza, matul it-tħejjija ta’ atti delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Kummissjoni dejjem ikkonsultat l-esperti nnominati mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, permezz ta’ laqgħat regolari ddedikati tal-esperti u ta’ konsultazzjonijiet bil-miktub. Qabel dawn il-konsultazzjonijiet, l-Istati Membri kollha kienu mistiedna jinnominaw l-esperti biex jieħdu sehem fihom. Il-Parlament Ewropew kien mistieden ukoll jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni. Id-dokumenti rilevanti ta’ dawn il-konsultazzjonijiet intbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess waqt, kif previst fil-Fehim Komuni dwar l-atti delegati. Waqt it-tħejjija tal-verżjonijiet finali tal-atti delegati, ġew ikkunsidrati l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati f'dawn il-konsultazzjonijiet.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri u lir-rappreżentanti tal-industrija bix-xogħol li sar fir-rigward tal-abbozz tal-atti delegati f’fażijiet differenti tat-tħejjija tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-kostitwenza kollha tal-bini f’dawn il-proċessi u biex ikun żgurat l-impenn tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha għall-eżitu tagħhom, u b’hekk twittiet it-triq għal appoġġ komprensiv għall-atti delegati li jmiss.
3.2. Atti delegati fis-seħħ
Bħalissa huma fis-seħħ sitt Regolamenti Delegati, wara li ġew adottatati mill-Kummissjoni, abbażi tad-delega mogħtija lilha bl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, u rnexxielhom jgħaddu l-perjodu ta’ oġġezzjoni tal-koleġiżlaturi.
1.L-ewwel att delegat li ġie adottat kien ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 157/2014 tat-30 ta’ Ottubru 2013 dwar il-kundizzjonijiet biex titqiegħed għad-dispożizzjoni f’websajt dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni ta’ prodotti għall-bini Dan ir-Regolament, li ġie adottat skont l-Artikoli 7(3) u 60(b) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, kien essenzjali biex ikunu jistgħu jintużaw it-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni fil-kuntest tad-dikjarar tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż imġarrba mill-manifatturi tagħhom u mis-settur kollu tal-bini.
2.It-tieni nett, il-Kummissjoni adottat żewġ atti delegati skont l-Artikolu 60(e) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, li għandhom l-għan li jemendaw l-Annessi III u V tar-Regolament:
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 574/2014 tal-21 ta' Frar 2014 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-mudell li għandu jintuża fit-tfassil ta' dikjarazzjoni tal-prestazzjoni dwar prodotti tal-bini. Dan ir-Regolament ġie adottat b’rispons għall-progress teknoloġiku, biex tkun permessa l-flessibbiltà meħtieġa minn tipi differenti ta' prodotti u ta’ manifatturi għall-bini kif ukoll biex tkun issimplifikata d-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 568/2014 tat-18 ta' Frar 2014 li jemenda l-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini. Dan ir-Regolament ġie adottat b’rispons għall-progress tekniku, iċ-ċertezza legali u l-konsistenza tad-deskrizzjonijiet u tat-termini li ntużaw fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.
3.Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni adottat tliet atti delegati skont l-Artikoli 27(5) u 60(g) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, mitluba mill-industrija, sabiex jiġi permess l-użu ta’ proċeduri ssimplifikati, preċiżament il-klassifikazzjoni mingħajr ittestjar (CWT) ta’ ċerti prodotti, kif ġej:
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1291/2014 tas-16 ta' Lulju 2014 dwar il-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni mingħajr ittestjar ta' pannelli b'bażi tal-injam taħt EN13986 u panelli u kisi tal-injam mastizz taħt EN 14915 fir-rigward tal-kapaċità ta' protezzjoni min-nar tagħhom, meta jintużaw biex jgħattu ħitan u soqfa.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1292/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għall-klassifikazzjoni, mingħajr ittestjar, ta' ċerti pavimenti tal-injam mhux miksi skont EN14342 fir-rigward tar-reazzjoni tagħhom għan-nar.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1293/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għall-klassifikazzjoni mingħajr ittestjar, tal-istrixxi dojoq u l-gwarniċi għat-tond tal-metall għall-kisi ta' ġewwa koperti bl-istandard armonizzat EN 13658-1, tal-istrixxi dojoq u l-gwarniċi għat-tond tal-metall għall-kisi minn barra koperti bl-istandard armonizzat EN 13658-2 u tal-gwarniċi għat-tond tal-metall u l-profili metalliċi koperti bl-istandard armonizzat EN 14353, fir-rigward tar-reazzjoni tagħhom għan-nar.
3.3. Atti delegati li qed isir xogħol fuqhom
L-implimentazzjoni ta' kuljum tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) turi biċ-ċar il-ħtieġa li jiġu adottati tipi differenti ta' atti delegati, li jqisu t-talbiet tal-partijiet ikkonċernati biex jiġu indirizzati l-iżviluppi tekniċi u regolatorji dwar ċerti prodotti għall-bini, ħafna drabi b'rabta ma' wħud mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom. Dawn l-atti delegati huma meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, b’mod partikolari t-tneħħija u l-evitar tar-restrizzjonijiet dwar id-disponibbiltà fis-suq ta' ċerti prodotti, kif ukoll it-tħaffif tal-piżijiet amministrattivi u ekonomiċi tas-settur kollu tal-bini.
Għaldaqstant, fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Rapport, il-Kummissjoni kienet bdiet ukoll il-proċess ta’ tħejjija, ta’ adozzjoni, jew ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE għall-atti delegati li ġejjin:
1.
Ir-Regolament dwar il-klassifikazzjoni tal-prestazzjoni tar-reazzjoni għan-nar
2.
Id-deċiżjoni dwar is-sistemi ta’ valutazzjoni u ta’ verifika tal-kostanza fil-prestazzjoni (AVCP) tal-kanali u tal-pajpijiet tal-ventilazzjoni
3.
Id-deċiżjoni dwar is-sistemi AVCP tal-prodotti ġeosintetiċi
4.
Id-deċiżjoni dwar is-sistemi AVCP tal-prodotti tal-inġinerija tal-ilma mormi
6.
Ir-Regolament dwar il-kundizzjonijiet għas-CWT għal prodotti tal-injam inkullat u laminat u prodotti tal-injam solidu bil-minċotti strutturali
7.
Ir-Regolament dwar il-kundizzjonijiet għas-CWT tal-kisi estern, tat-tikħil intern u l-materjal għat-tikħil u għall-kisi
Minħabba l-progress tekniku mgħaġġel u l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-industrija tal-bini, fil-ġejjienise jibqgħu jiġu mitluba atti delegati oħra ta’ natura simili. Jistgħu jiġu identifikati wkoll atti delegati addizzjonali, kif meħtieġ fir-Rapport li jmiss dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, mitlub fl-Artikolu 67(2) tiegħu.
3.4. Oġġezzjoni għall-atti delegati
Skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika; dan il-perjodu jista’ jkun estiż bi tliet xhur oħra. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat f'dan il-perjodu, dan ma jidħolx fis-seħħ.
La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għal xi wieħed mill-atti delegati msemmija fit-Taqsima 3.2. ta’ hawn fuq.
Wara n-notifika tal-atti delegati adottati mniżżla fit-Taqsima 3.2. ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kienet ntalbet mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill biex twieġeb mistoqsijiet dwar il-fehim xieraq tal-kontenuti ta' dawn l-atti delegati. Il-Kummissjoni wieġbet fil-pront għal dawn il-mistoqsijiet u ddeċidiet li tippubblika dan il-materjal fuq is-sit web tagħha flimkien mal-atti delegati korrispondenti, għall-użu tal-partijiet ikkonċernati kollha.
Xi Stati Membri qajmu dubji dwar l-kamp ta' applikazzjoni li huwa mogħti lill-Kummissjoni fl-Artikoli 60(e) u 60(f) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 għall-adozzjoni tal-atti delegati. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw id-delega “b’rispons għall-progress tekniku” biss. Madankollu, dan il-kunċett tqies bħala wiesa’ biżżejjed biex ikopri l-adattamenti tekniċi li ġew proposti għall-Annessi III u V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, u għaldaqstant ma kienx ta' xkiel għad-dħul fis-seħħ tal-atti delegati li jemendaw dawn l-Annessi.
Il-Kunsill uża l-possibbiltà li jestendi l-perjodu ta’ oġġezzjoni fir-rigward tal-ewwel att delegat li ġie adottat skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, sabiex jiddiskuti fid-dettall dwar it-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet li tressqu dwar dan ir-Regolament Delegat dwar il-kundizzjonijiet biex id-dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni dwar il-prodotti għall-bini jkunu disponibbli fuq sit web. Din l-estensjoni wriet li qabel l-adozzjoni tal-att delegati, l-Istati Membri xtaqu li jkunu infurmati aktar dwar l-abbozzi tal-atti delegati, il-ħsieb warajhom u l-interpretazzjoni tagħhom. Din ix-xewqa ġiet indirizzata mill-Kummissjoni permezz ta’ iktar konsultazzjoni u permezz tal-informazzjoni mogħtija waqt il-fażijiet differenti tat-tħejjija tagħhom.
4.
KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni tqis li eżerċitat is-setgħat delegati tagħha fi ħdan il-mandat mogħti lilha bir-Regolament (UE) Nru 305/2011.
Id-delega tas-setgħa mogħtija bl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 għandha tiġi estiża f’konformità mal-Artikolu 61(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, minħabba l-progress tekniku mgħaġġel u l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-industrija tal-bini, li jeħtieġu l-adozzjoni ta' atti li jkopru l-UE kollha u li jikkonċernaw il-varjetà ta' materji mniżżla fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta' dan ir-Rapport.