European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1545

31.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1545

tat-30 ta’ Lulju 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Cornus alba, tal-Cornus sanguinea, tal-Populus alba, tal-Populus nigra, tal-Populus tremula, tas-Sorbus aucuparia, u tat-Taxus baccata li joriġinaw mir-Renju Unit u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil tal-Cornus alba u tal-Cornus sanguinea li joriġinaw mir-Renju Unit

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE, u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2), abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti, u oġġetti oħrajn ta’ riskju għoli.

(2)

Bħala segwitu tal-valutazzjoni preliminari, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 ġew elenkati b’mod provviżorju 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Dik il-lista tinkludi l-ġeneri Cornus L., Populus L., Sorbus L., u Taxus L.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (3) jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, iżda li r-riskji fitosanitarji tagħhom għadhom ma ġewx valutati bis-sħiħ. Dan għaliex wieħed jew aktar mill-pesti li jgħixu f’dawk il-pjanti għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (4), iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi wara valutazzjoni tar-riskji kompluta ulterjuri.

(4)

Fil-31 ta’ Marzu 2023, ir-Renju Unit (5) ippreżenta tliet talbiet lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-pjanti għat-tħawwil (“il-pjanti rilevanti”) li ġejjin:

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn sentejn, tal-Cornus alba, tal-Cornus sanguinea, u tas-Sorbus aucuparia, b’dijametru massimu ta’ 10 mm;

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 5 snin, tal-Cornus alba u tal-Cornus sanguinea, f’materjal għat-tkabbir, b’dijametru massimu ta’ 40 mm;

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 7 snin, tal-Cornus alba, tal-Cornus sanguinea, u tas-Sorbus aucuparia, bl-għeruq mikxufin u b’dijametru massimu ta’ 40 mm; u

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 15-il sena, tas-Sorbus aucuparia f’materjal għat-tkabbir, b’dijametru massimu ta’ 190 mm.

Dawk it-talbiet kienu appoġġati mid-dossiers tekniċi rilevanti.

(5)

Fl-1 ta’ Frar 2024, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti tal-Cornus alba u tal-Cornus sanguinea li joriġinaw mir-Renju Unit (6). L-Awtorità identifikat id-Discula destructiva, il-Meloidogyne fallax, il-Phytophthora ramorum (iżolati mhux tal-UE), il-virus tar-ringspot tat-tabakk, u l-virus tar-ringspot tat-tadam bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti.

(6)

Fit-23 ta’ Mejju 2024, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti tas-Sorbus aucuparia li joriġinaw mir-Renju Unit (7). Hija identifikat l-Entoleuca mammata u l-Phytophthora ramorum (iżolati mhux tal-UE) bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti.

(7)

Fis-7 ta’ Awwissu 2023, ir-Renju Unit ippreżenta erba’ talbiet lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-pjanti għat-tħawwil (“il-pjanti rilevanti l-oħrajn”) li ġejjin:

—

il-biċċiet/ir-rimjiet għat-tilqim, ta’ mhux aktar minn sentejn, tal-Populus nigra u tal-Populus tremula b’dijametru massimu ta’ 12 mm;

—

il-pjanti għat-tħawwil, bl-għeruq mikxufin, ta’ mhux aktar minn 7 snin, tal-Populus alba, tal-Populus nigra, u tal-Populus tremula b’dijametru massimu ta’ 40 mm;

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 15-il sena, tal-Populus alba, tal-Populus nigra, u tal-Populus tremula f’materjal għat-tkabbir, b’dijametru massimu ta’ 120 mm;

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn sentejn, tat-Taxus baccata b’dijametru massimu ta’ 4 mm;

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 7 snin, tat-Taxus baccata bl-għeruq mikxufin, b’dijametru massimu ta’ 20 mm; u

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 15-il sena, tat-Taxus baccata f’materjal għat-tkabbir, b’dijametru massimu ta’ 100 mm.

Dawk it-talbiet kienu appoġġati mid-dossiers tekniċi rilevanti.

(8)

Fid-29 ta’ Jannar 2025, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti tat-Taxus baccata li joriġinaw mir-Renju Unit (8). Hija identifikat il-Phytophthora ramorum (iżolati mhux tal-UE) bħala pest rilevanti għal dawk il-pjanti.

(9)

Fis-26 ta’ Frar 2025, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti tal-Populus alba, tal-Populus nigra, u tal-Populus tremula li joriġinaw mir-Renju Unit (9). Hija identifikat il-Bemisia tabaci (popolazzjonijiet Ewropej) u l-Entoleuca mammata bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti.

(10)

L-Awtorità evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossiers rispettivi għall-pesti identifikati. Hija kkonkludiet li l-probabbiltà li l-pjanti rilevanti, kif ukoll il-pjanti rilevanti l-oħrajn, ikunu ħielsa minn dawk il-pesti hija għolja, dment li jiġu applikati l-miżuri rilevanti ta’ mitigazzjoni tar-riskji.

(11)

Abbażi ta’ dawk l-opinjonijiet, huwa meqjus li r-riskju fitosanitarju li jirriżulta mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti rilevanti, kif ukoll tal-pjanti rilevanti l-oħrajn, jitnaqqas għal livell aċċettabbli, dment li jiġu applikati miżuri xierqa li jindirizzaw ir-riskju tal-pesti relatati ma’ dawk il-pjanti.

(12)

Minħabba li r-riskju fitosanitarju marbut mal-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti kbar għat-tħawwil, ta’ 15-il sena, tal-Populus alba, tal-Populus nigra, tal-Populus tremula, tas-Sorbus aucuparia, u tat-Taxus baccata, fil-materjal għat-tkabbir, li x’aktarx li huwa l-komodità bl-akbar riskju fitosanitarju, huwa meqjus li tnaqqas għal livell aċċettabbli, huwa għalhekk ġustifikat li wieħed jikkonkludi li r-riskju fitosanitarju marbut mal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti kollha għat-tħawwil tal-Populus alba, tal-Populus nigra, tal-Populus tremula, tas-Sorbus aucuparia, u tat-Taxus baccata, irrispettivament mid-daqs jew l-età, minn jekk humiex bl-għeruq mikxufin jew fil-materjal għat-tkabbir, li joriġinaw fir-Renju Unit, tnaqqas għal livell aċċettabbli.

(13)

Konsegwentement, il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn sentejn, tal-Cornus alba u tal-Cornus sanguinea b’dijametru massimu ta’ 10 mm; il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 5 snin, tal-Cornus alba u tal-Cornus sanguinea, f’materjal għat-tkabbir, b’dijametru massimu ta’ 40 mm; il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 7 snin, tal-Cornus alba u tal-Cornus sanguinea bl-għeruq mikxufin, b’dijametru massimu ta’ 40 mm; u l-pjanti għat-tħawwil tal-Populus alba, tal-Populus nigra, tal-Populus tremula, tas-Sorbus aucuparia, u tat- Taxus baccata, li joriġinaw mir-Renju Unit, jenħtieġ li ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli.

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat kif xieraq.

(15)

Il-miżuri deskritti mir-Renju Unit fid-dossiers tekniċi huma meqjusa biżżejjed biex ir-riskju marbut mal-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti u tal-pjanti rilevanti l-oħrajn fit-territorju tal-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji għall-importazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mir-riskju li jirriżulta mill-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti fih.

(16)

Fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, il-Meloidogyne fallax u l-Phytophthora ramorum (iżolati mhux tal-UE) huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni. Il-Bemisia tabaci (popolazzjonijiet Ewropej) u l-Entoleuca mammata huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina f’żona protetta fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament. Il-virus tar-ringspot tat-tabakk u l-virus tar-ringspot tat-tadam issa huma elenkati bħala pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament.

(17)

Id-Discula destructiva għadha ma ddaħħlitx fil-lista tal-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Hemm bżonn li ssir disponibbli valutazzjoni kompluta tar-riskji tal-pest biex jiġi determinat jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jiġi elenkat fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u jekk il-pjanti rilevanti, li joriġinaw mir-Renju Unit, għandhomx jiġu elenkati, flimkien mar-rekwiżiti speċifiċi rispettivi għad-Discula destructiva, fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, u għalhekk jenħtieġ li r-rekwiżiti korrispondenti jiddaħħlu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213.

(18)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat kif xieraq.

(19)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel, u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2019/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1213/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2072/oj).

(5)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Qafas ta’ Windsor (ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87) flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Qafas, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.

(6)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2024. Commodity risk assessment of Cornus alba and Cornus sanguinea plants from the UK. EFSA Journal, 22(3), e8657. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8657.

(7)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2024. Commodity risk assessment of Sorbus aucuparia plants from the UK. EFSA Journal, 22(6), e8837. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8837.

(8)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2025. Commodity risk assessment of Taxus baccata plants from the UK. EFSA Journal, 23(2), e9277. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9277.

(9)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2025. Commodity risk assessment of Populus alba, Populus nigra and Populus tremula plants from the UK. EFSA Journal, 23(3), e9305. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9305.


ANNESS I

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fit-tabella tal-punt 1, fit-tieni kolonna “Deskrizzjoni”,

1.

l-entrata “Cornus L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Cornus L., għajr:

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn sentejn, tal-Cornus alba u tal-Cornus sanguinea b’dijametru massimu ta’ 10 mm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mir-Renju Unit;

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 5 snin, tal-Cornus alba u tal-Cornus sanguinea, f’materjal għat-tkabbir, b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mir-Renju Unit; u

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 7 snin, tal-Cornus alba u tal-Cornus sanguinea b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mir-Renju Unit.”;

2.

l-entrata “Populus L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Populus L., għajr il-pjanti għat-tħawwil tal-Populus alba, tal-Populus nigra, u tal-Populus tremula, li joriġinaw mir-Renju Unit.”;

3.

l-entrata “Sorbus L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Sorbus L., għajr il-pjanti għat-tħawwil tas-Sorbus aucuparia, li joriġinaw mir-Renju Unit.”;

4.

L-entrata “Taxus L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Taxus L., għajr il-pjanti għat-tħawwil tat-Taxus baccata, li joriġinaw mir-Renju Unit.”.


ANNESS II

Fit-tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata “Pjanti mlaqqmin, inattivi għat-tħawwil, bl-għeruq mikxufin, b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm tal-ispeċi Albizia julibrissin Durazzini” minn Iżrael:

Pjanti, prodotti mill-pjanti, u oġġetti oħrajn

Kodiċi NM

Pajjiżi terzi tal-oriġini

Miżuri

“Cornus alba u Cornus sanguinea,

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn sentejn, b’dijametru massimu ta’ 10 mm fil-bażi taz-zokk;

—

il-pjanti għat-tħawwil, ta’ mhux aktar minn 5 snin, f’materjal għat-tkabbir, b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk; u

—

il-pjanti għat-tħawwil, mhux imlaqqma, ta’ mhux aktar minn 7 snin, b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk.

ex 0602 10 90

ex 0602 90 45

ex 0602 90 46

ex 0602 90 48

Ir-Renju Unit

(a)

Dikjarazzjoni uffiċjali li:

(i)

il-pjanti huma ħielsa mid-Discula destructiva;

(ii)

is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mid-Discula destructiva waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fi żminijiet xierqa, sa mill-bidu tal-aħħar staġun tat-tkabbir;

(iii)

ġiet stabbilita sistema biex jiġi żgurat li l-għodod u l-makkinarju jkunu tnaddfu għalkollox mill-ħamrija u mill-biċċiet tal-pjanti u ġew diżinfettati biex jinħelsu mid-Discula destructiva, qabel ma jiddaħħlu fis-sit tal-produzzjoni; u

(iv)

eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tad-Discula destructiva, li tinkludi kampjunar u ttestjar aleatorju;

(b)

taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

(i)

id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213’; u

(ii)

l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1545/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)