|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/162 |
28.1.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/162
tal-25 ta’ Novembru 2024
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/40 fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(2), il-punt (b), u l-Artikolu 223(2), il-punt (a), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 (2), l-Istati Membri huma meħtieġa jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (“skema tal-iskejjel”) u jinkludu informazzjoni speċifika fir-rapporti annwali ta’ monitoraġġ tagħhom. |
|
(2) |
Ċerta informazzjoni, bħall-prezz medju tal-porzjonijiet, jew l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati involuti, mhijiex essenzjali għall-monitoraġġ xieraq tal-iskema tal-iskejjel. Sabiex jittaffa l-piż amministrattiv, jenħtieġ li dik l-informazzjoni ma tibqax tiġi pprovduta. Informazzjoni oħra, bħall-frekwenza tal-kunsinna tal-prodotti, jenħtieġ li tiġi ssimplifikata. |
|
(3) |
Għalhekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2017/40 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. Ir-rapporti annwali ta’ monitoraġġ mill-Istati Membri għandu jkun fihom informazzjoni dwar il-fondi użati għall-provvista u d-distribuzzjoni ta’ kull wieħed mill-gruppi ta’ prodotti elenkati fl-Artikolu 23(3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u għall-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament, in-numru ta’ stabbilimenti edukattivi u t-tfal li jieħdu sehem fl-iskema tal-iskejjel, id-daqs medju tal-porzjon u l-għadd ta’ porzjonijiet konsenjati, il-kwantitajiet tal-prodotti fornuti mqassmin skont il-grupp tal-prodotti u, jekk applikabbli, tal-prodotti apparti dawk elenkati fl-Artikolu 23(3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li huma inklużi taħt il-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament skont l-Artikolu 23(7) ta’ dak ir-Regolament, u t-tipi ta’ komunikazzjoni u miżuri li jakkumpanjaw implimentati.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 tat-3 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi u li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/40/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/162/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)