52012DC0605

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar il-post ta' tassazzjoni għall-provvista ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi, inklużi s-servizzi tar-restoranti, għal passiġġieri abbord vapuri, ajruplani, ferroviji jew xarabankijiet imfassal skont l-Artikolu 37(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2012/0605 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar il-post ta' tassazzjoni għall-provvista ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi, inklużi s-servizzi tar-restoranti, għal passiġġieri abbord vapuri, ajruplani, ferroviji jew xarabankijiet imfassal skont l-Artikolu 37(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

WERREJ

1........... Sfond u Ambitu tar-rapport............................................................................................. 3

2........... Deskrizzjoni tar-regoli attwali li jirregolaw il-provvista ta' oġġetti u servizzi abbord mezzi tat-trasport    3

2.1........ Il-ħtieġa ta' regoli partikolari għall-provvista ta' merkanzija u servizzi abbord mezzi tat-trasport 3

2.2........ Il-post ta' provvista......................................................................................................... 4

2.3........ Eżenzjoni għal provvisti abbord....................................................................................... 4

3........... Il-problemi ewlenin identifikati......................................................................................... 5

3.1........ L-implimentazzjoni u l-fehim ta' ċerti kunċetti................................................................... 5

3.1.1..... Il-kunċett ta’ 'sezzjoni tal-Komunità' fit-trasport tal-passiġġieri li ssir ġewwa l-Komunità... 5

3.1.2..... It-trattament tal-"waqfiet"................................................................................................ 6

3.1.3..... Il-kunċetti ta' 'konsum abbord' u 'servizzi ta' restoranti u catering'..................................... 6

3.2........ Servizzi oħra minbarra servizzi ta’ ristoranti u catering...................................................... 7

3.3........ Ambitu tal-eżenzjoni applikata......................................................................................... 7

3.4........ Kwistjonijiet partikolari enfasizzati mill-partijiet interessati................................................ 7

3.5........ Is-sitwazzjoni speċifika ta' provvisti mwettqa abbord bastimenti tal-kruċiera..................... 8

4........... It-triq 'il quddiem............................................................................................................ 8

1.           Sfond u Ambitu tar-rapport

F'konformità mal-Artikolu 37(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1] (minn issa 'l quddiem: 'Id-Direttiva tal-VAT') il-Kummissjoni għandha, kmieni kemm jista' jkun, tippreżenta rapport lill-Kunsill, akkumpanjat jekk meħtieġ minn proposti xierqa, dwar il-post ta' tassazzjoni tal-provvista ta' merkanzija għall-konsum abbord u l-provvista ta' servizzi, inklużi s-servizzi tar-restoranti, għall-passiġġieri fuq vapuri, inġenji tal-ajru jew ferroviji. Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008[2] (li emendat id-Direttiva tal-VAT b’mod partikolari r-regoli fuq il-post tal-forniment tas-servizzi), kienet akkumpanjata minn din id-dikjarazzjoni: "Il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li din il-proposta hija mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 37 tad-Direttiva 2006/112/KE tal-post ta' tassazzjoni tal-provvista ta’ merkanzija għall-konsum abbord u l-provvista ta’ servizzi, inklużi s-servizzi tar-restoranti, għall-passiġġieri abbord vapuri, inġenji tal-ajru jew ferroviji. Dan id-dmir ta' reviżjoni għandu jkopri espliċitament ukoll servizzi pprovduti abbord bastimenti (inklużi bastimenti tal-kruċieri), u għandu jestendi wkoll għar-regola ġdida li tiddetermina l-post ta' forniment kif imniżżel fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2006/112/KE.”.

Dan ir-rapport jiffoka fuq il-post ta' tassazzjoni ta' merkanzija għall-konsum u tas-servizzi, inklużi s-servizzi tar-restoranti, mogħtija lill-passiġġieri abbord vapuri, inġenji tal-ajru jew ferroviji. Madankollu, sabiex tingħata stampa sħiħa ta’ dak is-segment tas-suq, hija tindirizza wkoll kwistjonijiet oħra bħalma huma t-trattament ta' oġġetti take-away fornuti abbord, provvisti abbord xarabankijiet, kif ukoll eżenzjonijiet applikati bħalissa f’dan is-settur.

Fit-tħejjija ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni ħadet diversi passi biex tagħti l-aktar ħarsa ġenerali wiesgħa tas-sitwazzjoni fis-settur. L-ewwelnett, in-negozji li huma attivi f’dan is-settur ġew mistiedna jagħtu l-istima tagħhom tas-sitwazzjoni kurrenti, inklużi l-problemi li jiffaċċjaw u jissuġġerixxu soluzzjonijiet possibbli għall-ġejjieni. L-Istati Membri ġew mistiedna wkoll biex jiddeskrivu l-prattiki attwali tagħhom u l-aspettattivi tagħhom f'dan il-qasam. Finalment, studju tal-esperti (minn hawn’il quddiem: "l-istudju tal-esperti') ġie mwettaq minn kuntrattur estern[3] (ippubblikat ma' dan ir-rapport).

2.           Deskrizzjoni tar-regoli attwali li jirregolaw il-provvista ta' oġġetti u servizzi abbord mezzi tat-trasport

2.1.        Il-ħtieġa ta' regoli partikolari għall-provvista ta' merkanzija u servizzi abbord mezzi tat-trasport

In-natura tal-provvista ta' merkanzija u servizzi fiha nfisha hija l-istess, kemm jekk titwettaq abbord kif ukoll jekk le. Madankollu, għal merkanzija u servizzi fornuti abbord mezzi tat-trasport, il-post fiżiku tal-provvista jinbidel, billi l-provvista sseħħ fuq "pjattaforma" li normalment timxi minn post għal ieħor. Fi kliem ieħor, il-merkanzija u s-servizzi ma jinġarrux sabiex jiġu pprovduti, iżda huma fornuti waqt il-moviment.

Għalhekk, minħabba dawk iċ-ċirkostanzi speċjali li taħthom jiġu provduti provvisti abbord, japplikaw regoli partikolari. L-għan tagħhom huwa li tiġi żgurata sa fejn hu possibbli, tassazzjoni fejn iseħħ il-konsum, mingħajr mal-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ssir kumplessa wisq.

Regoli partikolari huma ġġustifikati, iżda għandu jiġi enfasizzat li għalkemm provvisti abbord iseħħu f'ambjent partikolari, meta jkunu fornuti fit-territorju tal-UE, il-konsum proprju li jagħtu lok għalih huwa fit-territorju tagħha u, bħala kwistjoni ta' prinċipju, ma għandhomx jiġu ttrattati b'mod differenti għal skopijiet ta’ taxxa meta mqabbla mal-istess provvisti mwettqa x'imkien ieħor fl-UE.

2.2.        Il-post ta' provvista

Skont l-Artikoli 37(1) u 57(1) tad-Direttiva tal-VAT, il-post tal-provvista tal-merkanzija u s-servizzi tar-restoranti u tal-catering fornuti abbord bastimenti, inġenji tal-ajru jew ferroviji matul "is-sezzjoni tat-trasport tal-passiġġieri li seħħet fi ħdan il-Komunità" għandha titqies bħala l-punt tat-tluq ta' operazzjoni ta' trasport tal-passiġġieri.

Skont l-Artikoli 37(2) u 57(2), "is-sezzjoni '(minn hawn 'il quddiem: “is-sezzjoni tal-Komunità”) hija definita bħala “is-Sezzjoni tal-operazzjoni li ssir, mingħajr waqfa barra l-Komunità, bejn il-punt tat-tluq u l-punt tal-wasla tal-operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri". "Il-punt tat-tluq" tfisser "l-ewwel punt tal-imbark tal-passiġġieri previst ġewwa l-Komunità, fejn applikabbli wara waqfa barra mill-Komunità". "Il-punt tal-wasla" jfisser "l-aħħar punt tal-imbark tal-passiġġieri skedat ġewwa l-Komunità ta’ passiġġieri li mbarkaw fil-Komunità, fejn hu applikabbli qabel waqfa barra l-Komunità". Dan ifisser li parti tal-vjaġġ tal-mezz ta’ trasport bejn il-fruntiera tal-UE u l-ewwel punt tal-imbark tal-passiġġieri skedat ġewwa l-Komunità jseħħ barra 'is-sezzjoni tal-Komunità'. L-istess sitwazzjoni sseħħ għal parti mill-vjaġġ bejn l-aħħar punt skedat tal-iżbarkar tal-passiġġieri u l-fruntiera tal-UE.

'Waqfa' tfisser waqfa li mhux punt skedat tal-imbark jew tal-iżbark tal-passiġġieri[4].

L-Artikolu 37(1) u (2) japplika għall-oġġetti kollha fornuti abbord vapuri, ajruplani jew ferroviji, kemm jekk għall-konsum abbord kif ukoll jekk le, matul is-sezzjoni tal-Komunità. L-Artikolu 57 japplika biss għas-servizzi tar-ristoranti u tal-catering imwettqa fiżikament abbord bastimenti, inġenji tal-ajru jew ferroviji. Għal servizzi oħra provduti abbord, ebda regoli partikolari ma huma stabbiliti.

Għal prodotti provduti abbord, iżda barra s-sezzjoni tal-Komunità, l-Artikolu 31 tad-Direttiva tal-VAT huwa applikabbli. Skont din id-dispożizzjoni, fejn merkanzija ma tintbagħatx jew ma tkunx ittrasportata, il-post ta' provvista għandu jitqies bħala l-post fejn tkun tinsab il-merkanzija fil-ħin li ssir il-provvista. L-Artikolu 31 japplika wkoll fil-każ fejn il-merkanzija hija fornuta abbord mezzi oħra ta' trasport, bħal xarabankijiet.

Għal servizzi ta' ristoranti u catering fornuti abbord, iżda barra s-sezzjoni tal-Komunità, l-Artikolu 55 tad-Direttiva tal-VAT japplika. Skont din id-dispożizzjoni "il-post tal-forniment ta’ servizzi ta’ ristoranti u catering, minbarra dawk li jitwettqu fiżikament abbord bastimenti, inġenji tal-ajru jew ferroviji matul is-sezzjoni tal-operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri li ssir fil-Komunità, għandu jkun il-post fejn fiżikament jitwettqu s-servizzi."

2.3.        Eżenzjoni għal provvisti abbord

Skont l-Artikolu 37(3) tad-Direttiva tal-VAT "sa ma jkunu ġew adottati l-proposti (...), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw jew ikomplu jeżentaw, bil-possibbiltà ta' tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti, il-provvista ta' merkanzija għall-konsum abbord (...)" bastimenti, inġenji tal-ajru u ferroviji meta dik il-merkanzija tkun fornuta matul is-sezzjoni tal-Komunità.

Din id-dispożizzjoni tippermetti biss eżenzjoni għall-merkanzija fornuta għall-konsum abbord u ma testendix għal merkanzija li għandha tiġi meħuda take-away mill-passiġġieri. Provvisti abbord mezzi oħra ta' trasport, bħal xarabankijiet, mhumiex koperti u ma jistgħux għalhekk jibbenefikaw mill-eżenzjoni.

L-ebda eżenzjoni ma hija pprovduta għal servizzi kkonsmati abbord, bħal servizzi tar-ristoranti u tal-catering. Madankollu, l-Artikolu 371 u l-Anness X, il-Parti B, il-punt 10, tad-Direttiva tal-VAT ma jippermettix lill-Istati Membri jkomplu jeżentaw "it-trasport tal-passiġġieri u, sakemm it-trasport tal-passiġġieri hu eżentat, it-trasport ta' merkanzija li takkumpanjahom, bħal bagalji jew vetturi bil-mutur, jew il-provvista ta' servizzi li jikkonċernaw it-trasport tal-passiġġieri". Din hija dispożizzjoni ta' status quo li tista' tinżamm sakemm ikunu adottati l-arranġamenti definittivi, u hija disponibbli biss għall-Istati Membri li applikawha fl-1 ta’ Jannar 1978 jew għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni wara dik id-data, wara li kisbu deroga speċifika mal-adeżjoni (ara l-Artikoli 375 sa 390b). Filwaqt li jista’ jiġi argumentat li s-servizzi ta' restoranti u catering jistgħu jiġu eżentati fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni ta' status quo, servizzi oħra, bħal servizzi ta' qtugħ ta' xagħar matul kruċieri, ma jistgħux jikkwalifikaw bħala "servizzi relatati mat-trasport tal-passiġġieri".

3.           Il-problemi ewlenin identifikati

Waħda mill-problemi ewlenin identifikati hija d-diverġenza tal-applikazzjoni bejn l-Istati Membri. Jidher li eżenzjonijiet huma applikati b’mod differenti mill-Istati Membri u li xi regoli ma jiġux rispettati bis-sħiħ jew huma mifhuma b’mod differenti. L-istudju tal-esperti enfasizza l-problemi prattiċi mressqa mill-partijiet interessati[5]. Id-differenza fl-applikazzjoni hija l-kawża ewlenija tal-kumplessità, u tirriżulta f'żieda fil-piżijiet amministrattivi għan-negozji. In-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-eżenzjoni jista' wkoll joħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

3.1.        L-implimentazzjoni u l-fehim ta' ċerti kunċetti

Ġew identifikati problemi dwar ċerti kunċetti li jinstabu fl-Artikoli 37 u 57 tad-Direttiva tal-VAT. Minkejja d-definizzjonijiet eżistenti, ċerti Stati Membri qed japplikaw dawn il-kunċetti b’modi differenti. Jidher li bastimenti u inġenji tal-ajru fuq rotot internazzjonali huma kkonċernati b'mod speċjali.

B'mod partikolari, jidher li hemm sitwazzjonijiet fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 37 u 57 ma jkoprux it-tliet mezzi tat-trasport (bastimenti, inġenji tal-ajru u ferroviji).

Għax-xarabankijiet, id-dispożizzjonijiet legali huma korretti fl-Istati Membri kollha. Madankollu, hemm xi dubji dwar l-applikazzjoni korretta tagħhom fil-prattika u kif dawn jistgħu jiġu kkontrollati.

3.1.1.     Il-kunċett ta’ 'sezzjoni tal-Komunità' fit-trasport tal-passiġġieri li ssir ġewwa l-Komunità

F'mill-inqas tliet Stati Membri d-definizzjoni ta' sezzjoni tal-Komunità mhijiex totalment ċara[6]. Tipikament ċerti elementi tad-definizzjoni huma nieqsa – pereżempju, m'hemm l-ebda definizzjoni tal-punt tat-tluq u/jew il-punt tal-wasla jew id-definizzjoni użata hija waħda parzjali biss. Fi Stat Membru wieħed m'hemm l-ebda definizzjoni tas-sezzjoni tal-Komunità.

F'ħames Stati Membri l-provvista abbord ta' merkanzija u servizzi hija taxxabbli fi gradi differenti barra t-territorju tagħhom, irrispettivament minn fejn – ġewwa jew barra s-sezzjoni tal-Komunità – dawn kellhom ikunu ntaxxati skont ir-regoli[7].

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (minn hawn 'il quddiem: " Ir-Regolament tal-Implimentazzjoni tal-VAT')[8] ipprovda xi kjarifiki, imma din id-differenzazzjoni għadha kkumplikata u tħalli lok għal interpretazzjoni ħażina u inkonsistenza.

3.1.2.     It-trattament tal-"waqfiet"

Id-diverġenzi huma osservati bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-trattament ta' waqfiet meta mqabbla mal-ewwel punt ta' imbark jew l-aħħar punt tal-iżbark tal-passiġġieri fi ħdan l-UE. F'għall-anqas għaxar Stati Membri, il-linja diviżorja tidher li mhix korretta.[9] Skont l-istudju tal-esperti, xi Stati Membri jikkunsidraw li meta l-passiġġieri jistgħu jinżlu minn mezzi tat-trasport biex iżuru post, u wara din l-eskursjoni, jerġgħu lura abbord biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom, dan għandu jitqies bħala żbark u imbark tal-passiġġieri. Dan jikkonċerna l-industrija tal-kruċieri b'mod partikolari.

Jekk ebda passiġġieri ġodda ma jitilgħu u l-ebda passiġġier abbord ma jista' jinżel b'mod permanenti mill-vapur, dan m'għandux jitqies bħala imbark jew żbark. Din is-sitwazzjoni għandha minflok titqies bħala waqfa. Fejn waqfa hija trattata bħala l-ewwel punt ta' imbarkazzjoni jew l-aħħar punt tal-iżbark, dan jista’ jagħti lok għal diffikultajiet, fejn – minħabba interpretazzjonijiet varji tas-sezzjoni tal-Komunità – aktar minn Stat Membru wieħed ikun irid jintaxxa l-istess provvisti.

Fl-aħħarnett, it-trattament ta' waqfiet mhux skedati jista' jagħti lok għal tipi ta' diffikultajiet simili għal dawk deskritti hawn fuq. Madankollu, l-istudju tal-esperti ma jiġbor ebda informazzjoni dwar dak il-punt.

3.1.3.     Il-kunċetti ta' 'konsum abbord' u 'servizzi ta' restoranti u catering'

L-istudju tal-esperti identifika ċerti problemi b'dawn il-kunċetti.

Konsum abbord: M'hemm l-ebda definizzjoni fid-Direttiva tal-VAT, u ftit Stati Membri pprovdew gwida uffiċjali, li tvarja minn Stat Membru għal ieħor.

Servizzi ta' restoranti u catering: Definizzjoni ċara ilha disponibbli biss mill-1 ta' Lulju 2011[10]. Qabel dak, il-fehim ta’ dan il-kunċett kien ibbażat fuq il-gwida pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari bis-sentenza tagħha fil-każ Faaborg-Gelting Linien[11]. Il-kunċett kien żviluppat aktar fil-każ Bog[12] li dwaru l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat sentenza fl-10 ta' Marzu 2011, fejn ġie speċifikat f'iktar dettall x'għandu jkun il-livell ta' servizzi ta' appoġġ suffiċjenti biex jirrikonoxxu l-provvista bħala servizz tal-catering. Soġġetti għal dawn l-iżviluppi, il-problemi ta’ definizzjoni għandhom jiġu mminimizzati. Madankollu, wieħed ma jistax jeskludi l-possibilità li se jkun hemm bżonn ta' aktar kjarifika, b’mod partikolari sabiex jiġu allinjati Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT mal-każistika riċenti.

3.2.        Servizzi oħra minbarra servizzi ta’ ristoranti u catering

Minħabba li huma biss is-servizzi ta' ristoranti u catering li huma koperti mill-Artikoli 55 u 57 u ntaxxati skont ir-regoli partikolari deskritti hawn fuq, is-servizzi l-oħra kollha għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod, kemm jekk huma pprovduti abbord mezzi ta' trasport kif ukoll jekk le. Qamu xi mistoqsijiet partikolarment fir-rigward ta’ servizzi pprovduti lil persuna (bħal qtugħ tax-xagħar, estetisti…), iżda għadu ma kienx possibbli li jiġu identifikati biċ-ċar dawk is-servizzi li għalihom regola partikolari tkun meħtieġa.

3.3.        Ambitu tal-eżenzjoni applikata

Grupp wieħed ta' Stati Membri jeżenta merkanzija għall-konsum abbord bastimenti, inġenji tal-ajru jew ferroviji kif previst fl-Artikolu 37(3) tad-Direttiva tal-VAT. Madankollu, mill-inqas żewġ Stati Membri jippermettu wkoll l-eżenzjoni ta' provvisti abbord ta' merkanzija magħmula fit-territorju tal-Komunità, iżda barra s-sezzjoni tal-Komunità, li mhijiex awtorizzata mill-Artikolu 37(3) tad-Direttiva tal-VAT[13].

Barra minn hekk, jidher li tmien Stati Membri wkoll jeżentaw is-servizzi fornuti lill-passiġġieri abbord bastimenti, inġenji tal-ajru jew ferroviji, partikolarment is-servizzi tar-ristoranti u tal-catering[14]. Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 37 jippermetti biss eżenzjoni tal-provvista ta' merkanzija għall-konsum abbord bastimenti, inġenji tal-ajru jew ferroviji mwettqa matul is-sezzjoni tal-Komunità. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 37 ma tkoprix merkanzija li tittieħed lilhinn mill-mezz tat-trasport, jew kwalunkwe servizz. Eżenzjoni f’każijiet bħal dawn hija possibbli biss skont l-Artikolu 371 u l-Anness X, il-Parti B, il-punt 10, li tippermetti lill-Istati Membri li jkomplu jeżentaw "sakemm it-trasport tal-passiġġieri huwa eżentat, […] il-provvista ta' servizzi relatati mat-trasport tal-passiġġieri". Jidher li ħames Stati Membri jeskludu provvisti abbord minn kwalunkwe tassazzjoni fi grad differenti permezz tal-mod kif jiġu applikati r-regoli tal-post tal-provvista[15]. Huma jikkunsidraw dawk il-provvisti barra mill-ambitu territorjali tal-VAT. Bħala riżultat dawn ma jeħtiġux xi regoli speċifiċi biex jipprovdu eżenzjoni.

L-applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-ambitu territorjali tal-VAT jew tal-eżenzjoni jidhru li jirrigwardaw biss bastimenti u inġenji tal-ajru. Għal ferroviji u karozzi tal-linja, ir-regoli jidhru li huma implimentati b'mod korrett fl-Istati Membri kollha. Id-diverġenza fit-tassazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri hija meqjusa bħala waħda mill-problemi ewlenin tal-qagħda attwali, minħabba li jista’ jkollha implikazzjonijiet serji għan-negozji kkonċernati u tfixkel il-kompetizzjoni, speċjalment bejn il-kompetituri stabbiliti fi ħdan l-UE u barra l-UE.

3.4.        Kwistjonijiet partikolari enfasizzati mill-partijiet interessati

Il-partijiet interessati li kienu kkonsultati enfasizzaw li l-qafas legali attwali huwa kumpless (billi jirrikjedi l-applikazzjoni ta' settijiet differenti ta' regoli – l-Artikoli 31 u 55 jew l-Artikoli 37 u 57 – ġewwa l-UE) u jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Id-diversi skemi ta' eżenzjoni, għalkemm apprezzati ferm, huma applikati b’mod differenti mill-Istati Membri u din tidher bħala komplikazzjoni. Mhux b'sorpriża, eżenzjoni armonizzata hija l-alternattiva ppreferuta.

Il-partijiet interessati enfasizzaw ukoll in-nuqqas ta’ definizzjonijiet ċari bħala kawża ta’ diffikultajiet serji, partikolarment meta negozju jopera f’aktar minn Stat Membru wieħed, li normalment ikun il-każ f'dan is-settur. Ir-rati diverġenti applikabbli kienu msemmija wkoll.

Il-partijiet interessati enfasizzaw id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom meta jagħmlu provvisti abbord ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom huma responsabbli għall-ħlas tal-VAT fi Stat Membru fejn mhumiex stabbiliti u jridu jirreġistraw għall-finijiet tal-VAT. Huma indikaw diffikultajiet marbuta ma' differenzi bejn l-Istati Membri dwar ħtiġijiet tekniċi għal cash reġisters u l-obbligi, ir-rati tal-VAT u muniti differenti.

Dawn id-diffikultajiet ma huma xejn differenti minn dawk li jiltaqa' magħhom kwalunkwe negozju ieħor responsabbli għall-ħlas tal-VAT fi Stat Membru fejn ma jkunx stabbilit, u l-partijiet interessati huma ddispjaċuti li m'hemmx simplifikazzjonijiet jew skemi bħal tal-Post wieħed biex tinqeda, disponibbli għalihom.

Xi partijiet interessati ammettew li huma jirreġistraw f’xi Stati Membri biss, u mhux fl-Istati Membri kollha li fihom huma jkunu meħtieġa jagħmlu dan skont id-dispożizzjonijiet kurrenti.

3.5.        Is-sitwazzjoni speċifika ta' provvisti mwettqa abbord bastimenti tal-kruċiera

Karatteristika partikolari tal-industrija tal-kruċieri hija li l-kruċieri spiss jibdew u jispiċċaw fl-istess port. Għalhekk jidher li l-objettiv prinċipali ta' vjaġġ ta' kruċiera mhuwiex li jittrasporta l-passiġġieri minn post għal ieħor. Aktar minn hekk, l-itinerarju ta' bastiment tal-kruċiera jista' jvarja u huwa aktar flessibbli meta mqabbel ma' mezzi oħra tat-trasport.

Matul il-proċess tal-ġbir tal-informazzjoni dwar l-istat attwali fir-rigward tal-provvisti abbord, l-industrija tal-kruċieri u tal-ġarr tal-passiġġieri bil-baħar kienet l-aktar attiva f'termini ta' rispons. Dik l-industrija enfasizzat li, għall-attivitajiet tagħha, ir-regoli huma partikolarment kumplessi, u ssuġġeriet li l-provvisti kollha ta' merkanzija u servizzi għandhom ikunu eżenti.

Abbord bastimenti tal-kruċiera, varjetà akbar ta' merkanzija u servizzi huma disponibbli milli huwa l-każ għal mezzi oħra ta' trasport. Pereżempju, huma offruti servizzi bħal ta’ dawk li jaqtgħu x-xagħar, ħajjata, estetisti, attivitajiet ta' divertiment u edukattivi. Il-varjetà ta' merkanzija hija wkoll ħafna usa'.

L-industrija tal-kruċieri enfasizzat li hemm kompetizzjoni qawwija bejn l-operaturi f’dak is-segment tas-suq. Il-mod kif ir-regoli huma fformulati jinfluwenza l-pożizzjoni kompetittiva, speċjalment bejn il-kompetituri stabbiliti fi ħdan l-UE u barra l-UE.

Matul il-proċess ta' konsultazzjoni ġie ssuġġerit li, għall-kruċieri, il-vapur f'ħafna każijiet jista' jitqies bħala stabbiliment fiss, minħabba li l-provvisti mwettqa huma kumplessi u spiss jeħtieġu arranġamenti sofistikati[16].

4.           It-triq 'il quddiem

Il-merkanzija u s-servizzi koperti minn dan ir-rapport huma prodotti tal-konsumatur tipiċi li fuqhom il-VAT hija normalment dovuta meta dawn ikunu fornuti fit-territorju tal-UE. Bħala kwistjoni ta' prinċipju, il-fatt li l-istess merkanzija u servizzi huma fornuti abbord ċerti mezzi ta' trasport ma tistax tkun ġustifikazzjoni biżżejjed biex teżenta mill-VAT dawk il-provvisti fi ħdan l-UE.

Dan ir-rapport mhux ippreżentat bħala tali fil-qafas dwar l-istrateġija dwar il-VAT indikata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT. Madankollu, it-trattament fil-futur tat-transazzjonijiet involuti għandu jkun konsistenti mal-prinċipji gwida ta' dik l-istrateġija, b'mod partikolari l-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza tat-taxxa billi titwessa' l-bażi tat-taxxa, iżda wkoll il-ħtieġa għal regoli sempliċi.

Peress li l-iskop ewlieni tal-VAT huwa li ddaħħal il-flus u li tintaxxa l-konsum, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li tassazzjoni proprja ta' provvisti ta' oġġetti u servizzi li jseħħu abbord mezzi ta' trasport għandu jkun għan li għandu jiġi segwit fil-ġejjieni. It-tneħħija tal-eżenzjoni tkun ukoll konformi mal-ħtieġa li s-sistemi tat-taxxa jsiru aktar effiċjenti. Bi tħejjija għax-xogħol ġejjieni li għandu jseħħ f'dak il-qasam, il-Kummissjoni hija konxja li fl-istudju tal-esperti kważi l-partijiet interessati kollha kkonsultati (partikolarment rappreżentanti tal-industrija tal-kruċieri), li wieġbu għall-istħarriġ mibgħut lilhom mill-kuntrattur tal-istudju, indikaw li huwa mixtieq għalihom li jżommu l-eżenzjoni opzjonali mill-VAT, peress li jibżgħu li jista' jkun hemm impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali.

Il-Kummissjoni tagħraf ukoll l-ilmenti tal-partijiet interessati dwar il-komplessità tas-sitwazzjoni preżenti. Din il-kumplessità ġejja minn applikazzjoni u interpretazzjoni diverġenti tar-regoli attwali, il-qafas legali nnifsu u l-piż tal-konformità amministrattiva li tirriżulta miż-żewġ fatturi preċedenti, notevolment (i) il-frammentazzjoni tal-eżenzjonijiet, (ii) id-definizzjoni ta' "is-sezzjoni tal-Komunità", (iii) id-definizzjoni ta' servizzi ta' restoranti u catering, u (iv) jinftiehmu l-kunċetti ta’ "waqfa" u "waqfiet mhux skedati". F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tivverifika liema tip ta' kjarifiki jistgħu jiġu miftiehma mal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-inċertezzi attwali. Il-Kumitat tal-VAT jista' jintuża f'dan ir-rigward sabiex jilħaq linji gwida komuni.

Il-Kummissjoni se teżamina wkoll aktar is-sitwazzjoni sabiex tivvaluta jekk għandux jingħata bidu għal proċeduri ta' ksur għal xi Stati Membri.

Anke jekk il-kumplessitajiet imsemmija hawn fuq jistgħu jiġu solvuti, huwa dubjuż jekk ir-regoli attwali stipulati fid-Direttiva dwar il-VAT humiex sodisfaċenti biex jiġi żgurat li t-tassazzjoni tat-transazzjonijiet involuti ssir b’mod sempliċi, effiċjenti u b'saħħtu. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli xorta tkun kumplessa għan-negozji u, f'ħafna każijiet, diffiċli jew anke impossibbli għal kontroll fuq l-awtoritajiet tat-taxxa.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, bidla fit-tassazzjoni tal-provvisti abbord mezzi ta' trasport twassal għal konsum fl-UE li ma jistax jinkiseb minn provvisti abbord biss, mingħajr ma jpoġġu dawn il-mistoqsijiet fil-perspettiva l-wiesgħa disinn ta' qafas iktar sempliċi u iktar newtrali tal-VAT għal attivitajiet ta’ trasport tal-passiġġieri b'mod ġenerali.

Sabiex tiżgura din il-konsistenza, proposta leġiżlattiva f'dan il-qasam għandha tiġi adottata, flimkien mal-proposti li se jsiru għal attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri, wara valutazzjoni komprensiva tal-impatt

Dawn il-proposti għandhom jiżguraw li t-tassazzjoni proprja tal-provvisti abbord mezzi tat-trasport tkun sempliċi u newtrali.

Barra minn hekk, hemm bżonn kbir li r-regoli jsiru inqas kumplessi milli huwa l-każ bħalissa, u l-obbligi li jridu jiġu sodisfatti mill-operaturi għandhom ukoll ikunu ħfief kemm jista’jkun. Madankollu, kollox jiddependi fuq l-għażla li se ssir fuq is-sistema tat-taxxa bħala tali.

Jekk ir-regoli adottati jfissru li l-operaturi għandhom iħallsu t-taxxa fl-Istati Membri fejn m’humiex stabbiliti, il-każ għal forma ta' post wieħed biex tinqeda (OSS) biex jissimplifika l-konformità jkollu jiġi eżaminati.

Kif indikat il-Komunikazzjoni dwar il-futur tal-VAT, miżura bħal din tista' titqies biss wara l-2015, ibbażata fuq l-esperjenza minn post wieħed żgħir biex tinqeda (MOSS) li ser ikun implimentat għat-telekomunikazzjonijiet, għax-xandir bir-radju u t-televiżjoni u servizzi elettroniċi fornuti minn fornituri mhux stabbiliti lil persuni mhux taxxabbli (konsumaturi finali).

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-kwistjonijiet marbuta ma' provvisti abbord mezzi tat-trasport għandhom jiġu indirizzati flimkien mal-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri fejn, skont il-Komunikazzjoni dwar il-futur tal-VAT, se jiġi propost qafas tal-VAT aktar newtrali u aktar sempliċi għall-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri[17]. L-ewwelnett dawn il-kwistjonijiet huma relatati mill-qrib u, it-tieni, it-tipi ta’ sfidi u diffikultajiet affaċċjati huma simili.

Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li mhuwiex opportun li takkumpanja dan ir-rapport bi proposti leġiżlattivi speċifiċi.

Il-Kunsill huwa mistieden jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar il-kontenut ta’ dan ir-rapport u, b'mod partikolari, dwar il-mod kif il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tkompli taħdem fuq dan il-fajl.

Fl-istess ħin, istituzzjonijiet oħra huma mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar dan ir-rapport u t-triq futura ssuġġerita, jekk ikunu jixtiequ jagħmlu hekk.

[1]               ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11

[3]               Finalment, studju ta’esperti (minn hawn’il quddiem: "l-istudju tal-espert ') ġie mwettaq minn kuntrattur estern (ippubblikat ma' dan ir-rapport).

[4]               Il-kwistjoni ta’ kif il-kunċett ta' "waqfa" għandu jinftiehem ġie żviluppat f’iktar dettall mill-Qorti tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Settembru 2005 fil-Kawża C-58/04, Antje Köhler vs Finanzamt Düsseldorf-Nord.

[5]               Għal informazzjoni dettaljata, ara l-kapitolu 4 tal-istudju tal-espert – partikolarment il-paġni 48-50, 55 u 58.

[6]               Ara l-Kapitolu 4 tal-istudju tal-esperti, partikolarment il-paġni 39-40 u 42-43.

[7]               Ara l-Kapitolu 4 tal-istudju tal-esperti, partikolarment il-paġni 42-43 u 52-55.

[8]               Ara partikolarment l-Artikoli 35 sa 37.

[9]               Ara l-kapitolu 4 tal-istudju tal-esperti, b'mod partikolari l-paġni 40 u 42-43.

[10]             Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' implimentazzjoni tal-VAT, “Servizzi fir-ristoranti u tal-catering tfisser servizzi li jikkonsistu mill-forniment ta' ikel jew xorb ippreparat jew mhux ippreparat jew it-tnejn li huma, għall-konsum tal-bniedem, akkumpanjat minn servizzi ta' sostenn suffiċjenti għall-konsum immedjat tagħhom. Id-dispożizzjoni ta' ikel u xorb jew it-tnejn li huma hija element uniku fost għaqda sħiħa ta' elementi li fiha s-servizzi se jippredominaw. Is-servizzi fir-ristoranti huma l-forniment ta' tali servizzi fil-bini tal-fornitur, u s-servizzi tal-catering huma l-forniment ta' tali servizzi 'l barra mill-kwartieri tal-fornitur.”.

[11]             Kawża C-231/94, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Mejju 1996, Faaborg-Gelting Linien a/s v Finanzamt Flensburg.

[12]             Każijiet konġunti C-497/09, C-499/09, C-501/09, C-502/09, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog u oħrajn vs Finanzamt Burgdorf, Hamburg-Barmbek-Uhlenhorst, Minden u Detmold.

[13]             Ara l-Kapitolu 4 tal-istudju tal-esperti, partikolarment il-paġni 52 u 53.

[14]             Ara l-Kapitolu 4 tal-istudju tal-esperti, partikolarment il-paġni 54 u 55.

[15]             Ara l-Kapitolu 4 tal-istudju tal-esperti, partikolarment il-paġni 42-43 u 52-55.

[16]             Għandu jiġi nnutat li l-kunċett ta’ stabbiliment fiss huwa ddefinit fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-VAT.

[17]             Ara COM(2011) 851 azzjoni nru 9