IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.2.2021
COM(2021) 59 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar ir-riżultati tal-istudji pilota mwettqa mill-Istati Membri fir-rigward tal-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2018/974
1.INTRODUZZJONI U SFOND
Fl-Ewropa, il-passaġġi fuq l-ilma interni għandhom rwol importanti fis-sistema tat-trasport u hemm potenzjal sinifikanti biex ir-rwol tagħhom jiżdied. Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, 20 Stat Membru għandhom passaġġi fuq l-ilma interni u 12 minnhom għandhom network ta’ passaġġi fuq l-ilma interkonnessi.
Fir-Rapport tiegħu dwar l-isfruttament tal-potenzjal tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma, il-Parlament Ewropew jissottolinja l-importanza tal-istatistika tal-merkanzija u tal-passiġġieri għall-iżvilupp ta’ pjanijiet u politiki għas-settur tat-trasport fuq l-ilma. Barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex “tiżviluppa sistema ta’ ġbir ta’ statistika armonizzata dwar l-aċċidenti u l-inċidenti għall-bastimenti li jgħaddu minn passaġġi fuq l-ilma interni, inkluż it-traffiku transkonfinali”.
Il-Kummissjoni għandha l-għan li tippromwovi u ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-passaġġi fuq l-ilma interni fis-sistema tat-trasport u li tiffaċilita l-integrazzjoni tagħha fil-katina loġistika intermodali.
Ir-Regolament (UE) 2018/974 ma jkoprix l-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Id-data ewlenija meħtieġa biex jiġi vvalutat id-daqs ta’ dan is-suq u l-potenzjal tiegħu għat-tkabbir hija l-għadd ta’ passiġġieri skont il-pajjiż u skont is-settur tas-suq individwali, bħal kruċieri fuq ix-xmajjar, kruċieri qosra, laneċ u trasport urban. Jekk ikun possibbli, il-ġbir ta’ kilometri tal-passiġġieri jkun indikatur sod għall-kejl tal-prestazzjoni tas-settur.
L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/974 jirrikjedi lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tinvestiga l-iżvilupp ta’ statistika dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inklużi s-servizzi tat-trasport transkonfinali.
“Artikolu 5
Studji pilota
1. Sat-8 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżviluppa il-metodoloġija xierqa għall-ġbir tal-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inklużi bis-servizzi tat-trasport transkonfinali.
2. Sat-8 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni għandha tniedi studji pilota volontarji li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri li jipprovdu data fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament dwar id-disponibbiltà ta’ data statistika li tirrigwarda t-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inklużi bis-servizzi tat-trasport transkonfinali. Dawk l-istudji pilota għandu jkollhom l-għan li jivvalutaw il-fattibbiltà ta’ dak il-ġbir ta’ data ġdida, l-ispejjeż tal-ġbir tad-data relatati u l-kwalità statistika implikata.
3. Sat-8 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati ta’ tali studji pilota. Skont ir-riżultati ta’ dak ir-rapport, u f’perjodu raġonevoli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk ikun xieraq, proposta leġislattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiġi emendat dan ir-Regolament fir-rigward tal-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inklużi bis-servizzi tat-trasport transkonfinali.
4. Il-baġit ġenerali tal-Unjoni għandu, fejn xieraq u b’kont meħud tal-valur miżjud tal-Unjoni, jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ dawk l-istudji pilota.”
Il-Eurostat, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, beda jiżviluppa metodoloġija għall-ġbir tal-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni.
F’Ottubru 2016, il-Eurostat stabbilixxa Task Force bil-mandat li taħdem fuq l-abbozz tal-metodoloġija għall-ġbir tad-data dwar l-istatistika relatata mat-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni. It-Task Force kienet tikkonsisti minn Stati Membri voluntiera (l-Awstrija, il-Kroazja, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, il-Polonja u r-Rumanija), il-Kummissjoni (il-Eurostat u d-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport) u l-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu. L-ewwel laqgħa tiegħu saret fit-28 ta’ Frar 2017 u t-tieni waħda ġiet organizzata fit-18 ta’ Ottubru 2017 eżatt wara l-laqgħa tal-2017 tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Passaġġi fuq l-Ilma Interni. Il-Grupp ta’ Esperti u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-Istatistika dwar it-Trasport (CGST) issorveljaw u ddiskutew ix-xogħol dwar il-metodoloġija fil-laqgħat tagħhom tal-2017 u l-2018.
F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/974, dan l-abbozz ta’ metodoloġija ġie ffinalizzat f’Diċembru 2018 u ppreveda fażi ta’ prova bi studji pilota ffinanzjati minn għotjiet tal-UE. F’Ġunju/Lulju 2019, seba’ pajjiżi nedew studji pilota: il-Ġermanja, il-Kroazja, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Iżvezja. L-istudji pilota vvalutaw l-abbozz tal-metodoloġija u kkummentaw dwar il-fattibbiltà, l-ispejjeż, il-piż u l-kwalità statistika tad-data tagħhom dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni.
Il-pajjiżi pprovdew l-istudji pilota u r-rapporti tagħhom dwar il-ġbir tad-data u l-implimentazzjoni tal-abbozz tal-metodoloġija f’Ġunju/Lulju 2020.
Dan ir-rapport jippreżenta r-riżultati tal-istudji pilota dwar il-fattibbiltà tal-ġbir ta’ data ġdida u l-kwalità statistika tagħha, dwar il-metodoloġija relatata, u dwar l-ispejjeż u l-piżijiet għall-Istati Membri.
Barra minn hekk, ir-rapport jippreżenta fil-qosor ir-riżultati ta’ stħarriġ ta’ pajjiż dwar statistika relatata mat-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni li sar f’Marzu 2020. L-istħarriġ kellu l-għan li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni fl-Istati Membri lil hinn mis-seba’ pajjiżi li wettqu studji pilota.
2.IR-RIŻULTATI TAL-ISTUDJI PILOTA DWAR L-ISTATISTIKA TAL-PASSIĠĠIERI
L-istudji pilota kellhom żewġ prodotti:
a.Rapport li jikkummenta dwar l-implimentazzjoni tal-abbozz tal-metodoloġija, jipproponi titjib metodoloġiku u jivvaluta l-fattibbiltà, l-ispejjeż, il-piż u l-kwalità statistika tal-ġbir potenzjali ta’ data dwar l-istatistika tat-trasport tal-passiġġieri.
b.Id-data miġbura f’kull pajjiż għat-tabelli li ġejjin:
·A1 (L-għadd ta’ passiġġieri ttrasportati skont il-pajjiż tal-imbarkazzjoni, il-pajjiż tal-iżbark, it-tip ta’ trasport u t-tip ta’ bastiment);
·A2 (Kruċieri fuq ix-xmajjar - l-għadd ta’ passiġġieri, il-kilometri tal-passiġġieri u l-għadd ta’ vjaġġi skont ir-reġjun tal-imbarkazzjoni, ir-reġjun tal-iżbark, in-nazzjonalità tal-bastiment u t-tip ta’ kruċiera);
·B1 (L-għadd ta’ kilometri tal-passiġġieri vvjaġġati skont it-tip ta’ bastiment minbarra bastiment tal-kruċieri fuq ix-xmajjar); u
·C1 (L-għadd ta’ bastimenti rreġistrati f’pajjiż skont it-tip ta’ bastiment, il-kapaċità tal-bastiment u l-età tal-bastiment).
2.1.Is-sorsi tad-data u l-metodoloġija
Din it-taqsima tiġbor fil-qosor is-sorsi tad-data li ntużaw u l-metodoloġija li ġiet applikata fis-seba’ pajjiżi li wettqu studji pilota.
L-Awstrija
Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika (AIS) tintuża biex jiġu intraċċati u segwiti bastimenti u tikkwalifika bħala sors ta’ data; it-transponder tal-AIS abbord bastiment jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-ippożizzjonar u l-identifikazzjoni bejn il-bastimenti. Biex tappoġġja din is-sistema, l-Awstrija għandha 23 stazzjon bażi tas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmara tad-Danubju biex tirċievi data tal-AIS interna. Is-settijiet tad-data tal-AIS fihom sett tad-data wieħed għal kull bastiment u jum; dawn is-settijiet tad-data huma estrazzjonijiet tal-informazzjoni tal-AIS u jinkludu 23 varjabbli.
L-ismijiet tal-kumpaniji tat-tbaħħir huma meħuda mir-Reġistru tal-Istatistika tan-Negozji, għalkemm il-kumpaniji tat-tbaħħir barranin mhumiex obbligati li jinnotifikaw lill-awtoritajiet Awstrijaċi meta jittrasportaw passiġġieri fl-Awstrija. Id-data tal-AIS tipprovdi informazzjoni dwar il-bastimenti kollha li joperaw fil-parti Awstrijakka tad-Danubju, inklużi d-data u l-pożizzjonijiet, iżda hija itqal biex jiġu kkuntattjati l-kumpaniji barranin.
Id-data tal-AIS mhijiex biżżejjed biex tidentifika l-post tal-imbarkazzjoni u tal-iżbark għal kruċieri transkonfinali twal, peress li tiġi riċevuta data tal-AIS biss għall-parti Awstrijakka tad-Danubju u għal ftit kilometri wara li tinqasam il-fruntiera. L-iscraping tal-web jista’ jintuża għall-iskedi u r-rotot, u s-sit web
www.cruisecompete.com
iservi bħala punt ta’ referenza għall-itinerarji relatati mal-Awstrija. Minħabba t-tqassim u l-implimentazzjoni sempliċi u ċari tas-sit web, dan huwa adattat sew għall-iscraping tal-web. Barra minn hekk, informazzjoni dwar l-iskedi tal-laneċ u passaġġi oħra ta’ vjaġġi ta’ ġurnata nkisbet billi ġew ikkonsultati s-siti web ta’ kumpaniji individwali.
Ir-reġistru tal-bastimenti jippermetti reġistrazzjonijiet kemm obbligatorji kif ukoll fakultattivi, skont ċerti kriterji. L-istudju pilota sab li l-kwalità tar-reġistru mhijiex biżżejjed biex tipprovdi d-data mitluba għas-sett tad-data C1; barra minn hekk, ir-reġistru fil-forma attwali tiegħu huwa disponibbli biss f’kopja stampata, għalkemm id-diġitalizzazzjoni tar-reġistru hija ppjanata.
Aktar sorsi għad-data tal-passiġġieri huma Viadonau (li tiġbor data tal-passiġġieri għal bastimenti tal-vjaġġi ta’ ġurnata fuq bażi volontarja għar-rapport annwali tagħha), Donauraum Wien (li tipprovdi total aggregat annwali tal-għadd ta’ passiġġieri għal kull bastiment) u xatba fil-fruntiera Ġermaniża/Awstrijaka (li tippubblika l-għadd ta’ passiġġieri u data dwar l-għadd ta’ bastimenti li jgħaddu mix-xatba).
Il-metodoloġija għall-ġbir tad-data differenzjata bejn il-kumpaniji tal-kruċieri fuq ix-xmajjar u kumpaniji oħra li joffru trasport tal-passiġġieri.
Il-ħames kumpaniji tal-kruċieri fuq ix-xmajjar li jinsabu fl-Awstrija ġew ikkuntattjati (permezz ta’ intervisti ma’ esperti, bit-telefown u bl-email). Sabiex tinġabar data rilevanti għat-trasport tal-passiġġieri li mhuwiex kruċieri fuq ix-xmajjar, tħejja kwestjonarju u madwar nofs is-36 kwestjonarju mtlew.
Għall-analiżi tad-data, id-data tal-AIS ingħaqdet mal-itinerarji u d-data tal-AIS ġiet analizzata għall-bastimenti tal-kruċieri u għall-bastimenti tal-vjaġġi ta’ ġurnata.
Sabiex tiġi kkalkulata stima ġenerali għar-rata ta’ okkupanza tal-passiġġieri għall-bastimenti kollha, intużat informazzjoni mid-data tal-AIS flimkien ma’ data addizzjonali tal-passiġġieri għall-baċiri. Il-kalkolu sar billi ġew identifikati l-bastimenti u billi ġie assenjat l-ammont massimu ta’ passiġġieri tagħhom.
Il-Kroazja
Il-Kroazja identifikat l-Uffiċċji tal-Kapitanerija u l-awtoritajiet tal-portijiet bħala s-sors ewlieni tad-data. L-Uffiċċji tal-Kapitanerija jiġbru xi data tal-passiġġieri għall-iskopijiet proprji tagħhom minn sorsi varji, inklużi rapporti dwar il-wasla u t-tluq tal-bastiment, l-awtoritajiet tal-port u s-sidien tal-bastimenti (kumpaniji tat-tbaħħir, muniċipalitajiet, eċċ.). Laqgħat ma’ erba’ Uffiċċji tal-Kapitanerija kkonkludew li hija disponibbli data fuq il-portijiet tal-wasla jew tat-tluq preċedenti u li jmiss tal-bastimenti. Dawn il-laqgħat ikkonkludew ukoll li hemm data disponibbli dwar l-għadd ta’ passiġġieri li jkunu imbarkaw u żbarkaw, it-tipi ta’ bastimenti u l-bnadar tal-bastimenti. Madankollu, m’hemmx data disponibbli dwar il-port tal-ewwel imbarkazzjoni tal-passiġġieri u tal-aħħar żbark għal tlieta mill-erba’ Uffiċċji; Uffiċċju wieħed jirċievi din l-informazzjoni, iżda fuq bażi volontarja.
F’termini tal-metodoloġija, il-Kroazja tapplika l-prinċipju tat-territorjalità għall-ġbir tad-data. Id-data għall-bastimenti kollha li jaslu u jitilqu minn portijiet f’passaġġi fuq l-ilma interni Kroati tinġabar irrispettivament mill-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment. Il-ġbir ta’ data dwar it-trasport tal-passiġġieri huwa għalhekk konformi mal-istatistika dwar it-trasport tal-merkanzija, peress li jinkludi t-trasport nazzjonali u internazzjonali tal-passiġġieri.
Għad-data dwar il-kruċieri fuq ix-xmajjar, il-port tal-ewwel imbarkazzjoni tal-passiġġieri u tal-aħħar żbark mhumiex disponibbli u mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat ir-reġjun tal-imbarkazzjoni u tal-iżbark. Dan jista’ jinbidel fil-futur meta jkun hemm sorsi amministrattivi ta’ data. Għad-data dwar il-bastimenti ta’ vjaġġi ta’ ġurnata, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu ta’ rappurtar għal operazzjonijiet tat-trasport żgħar, filwaqt li jitqiesu l-kosteffettività u l-kunfidenzjalità. Fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri fuq il-laneċ, l-Uffiċċji tal-Kapitanerija jiġbru data dwar l-għadd ta’ passiġġieri għall-ħtiġijiet tagħhom u jitolbu d-data mingħand is-sidien tal-vapuri, il-konċessjonarji, il-muniċipalitajiet u l-kumpaniji tal-laneċ fuq bażi annwali; Il-Kroazja tqis li d-definizzjoni ta’ laneċ jenħtieġ li tkun aktar dettaljata.
Il-Ġermanja
Ir-Reġistru tal-Istatistika tan-Negozji jikkwalifika bħala sors ta’ data u jintuża kemm biex tiġi analizzata l-popolazzjoni tan-negozju kif ukoll biex jitħejja u jiġi kkoordinat l-istħarriġ. Dan fih informazzjoni dwar l-unitajiet legali, il-kumpaniji u l-unitajiet lokali tagħhom, u dwar il-konnessjoni bejn unitajiet tar-reġistru. L-istatistika strutturali tan-negozju hija sors ieħor ta’ data, u tipprovdi informazzjoni dwar il-produzzjoni, l-istruttura tal-ispejjeż, l-assi fissi, l-impjieg u informazzjoni prodotta fuq bażi annwali dwar id-demografija tan-negozju.
L-istħarriġ tan-negozji involuti fit-trasport fuq passaġġi fuq l-ilma interni jsir kull sena. Dan jinkludi informazzjoni dwar it-tip ta’ attività ta’ navigazzjoni interna, l-għadd ta’ persuni impjegati fin-navigazzjoni interna, il-fatturat mill-attivitajiet, u l-għadd, il-kapaċità tat-tagħbija u tal-ispazju u l-qawwa tal-magna tal-bastimenti.
Barra minn hekk, huma disponibbli ċ-ċifri tal-fatturat ta’ kull trimestru għall-passiġġieri fuq ir-rotot tan-navigazzjoni interna, u l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/2152 dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju mhijiex mistennija li tibdel il-kontenut tad-data li qed tiġi pprovduta attwalment.
Il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu tipprovdi data dwar il-monitoraġġ tas-suq tan-navigazzjoni Ewropea fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inkluża informazzjoni dwar id-daqs tal-flotta u dwar il-provvista u d-domanda ta’ kruċieri fuq ix-xmajjar u bastimenti għal vjaġġi ta’ ġurnata. Tiġi ppubblikata wkoll informazzjoni bażika dwar l-industrija tal-kruċieri fuq ix-xmajjar mill-Komunità ta’ Interessi tal-Kruċieri fuq ix-Xmajjar.
L-istatistika ppreżentata mill-Ġermanja tinkludi biss kumpaniji bl-uffiċċju rreġistrat tagħhom fil-pajjiż, li tirriżulta f’nuqqas ta’ informazzjoni dwar servizzi pprovduti minn kumpaniji barranin.
Il-Fajl tal-Istokk tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni Ċentrali (ZBBD) jipprovdi data amministrattiva dwar l-istokk ta’ bastimenti għat-tabella C1 li minnha tista’ tittieħed informazzjoni fil-livell ta’ dettall meħtieġ.
Peress li ma kienx possibbli li jiġi identifikat sors li fih informazzjoni f’forma strutturata, kompluta u affidabbli dwar kumpaniji barranin, l-istudju inkluda biss kumpaniji bbażati fil-Ġermanja.
F’termini ta’ metodoloġija, twettqet riċerka dwar sorsi ta’ data alternattivi (eż. data amministrattiva), iżda l-konklużjoni kienet li sorsi alternattivi bħal dawn mhumiex disponibbli.
Ġie żviluppat kwestjonarju online għall-istħarriġ, li kien imfassal biex jintuża min-negozji kollha irrispettivament mis-segment tas-suq tagħhom. L-unitajiet tal-istħarriġ kienu bbażati fuq l-unitajiet legali li jiffurmaw dawn in-negozji, kif definit fir-regolament nazzjonali dwar l-unitajiet statistiċi.
Ma nġabret l-ebda informazzjoni kwantitattiva fl-istħarriġ tan-negozju. Minflok, in-negozji ġew mistoqsija jekk id-data rilevanti kinitx disponibbli u liema spejjeż se jiġġarrbu fil-ġbir ta’ din id-data. Dan l-approċċ intgħażel minħabba li ma hemm l-ebda possibbiltà li n-negozji jiġu obbligati li jipprovdu l-informazzjoni.
In-Netherlands
Is-sorsi tad-data jiġu mill-qafas ta’ referenza tal-bastimenti, fejn għadd ta’ istituzzjonijiet iridu jirreġistraw informazzjoni relatata mal-bastimenti. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-informazzjoni mhijiex aġġornata jew l-istituzzjonijiet ma għandhomx stampa komprensiva tal-informazzjoni meħtieġa. Id-data eżistenti tista’ tintuża biex tipproduċi t-Tabella C1 u tista’ tiġi kkumplimentata aktar tard b’informazzjoni pprovduta mill-operaturi tal-bastimenti.
It-trasport tal-passiġġieri jikkostitwixxi sors ieħor. Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar ix-Xmajjar tiskambja informazzjoni dwar il-vapuri fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inkluża informazzjoni dwar it-trasport tal-passiġġieri, ir-rotot u t-tagħbijiet. Peress li parti żgħira biss mill-vapuri tal-passiġġieri huma rreġistrati fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar ix-Xmajjar, id-data mhijiex ta’ kwalità suffiċjenti. Il-kumpaniji tat-tbaħħir jistgħu volontarjament jissottomettu l-għadd ta’ passiġġieri fuq il-vapur irreġistrat fl-AIS u, peress li hemm aċċess limitat għaliha, id-data tal-AIS x’aktarx li ma tkunx kompluta.
Il-qafas ta’ referenza tal-intrapriżi huwa sors ta’ data ieħor, u n-negozji fuq ir-reġistru ffunzjonaw bħala l-popolazzjoni tal-kampjunar għall-istudju pilota. Madankollu, problema waħda hija li r-reġistru jinkludi biss negozji li għandhom it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni bħala l-attività ewlenija tagħhom u ma fihx informazzjoni dwar il-vapuri li huma proprjetà tal-intrapriżi jew li huma operati minnhom.
Id-data nġabret permezz ta’ stħarriġ fuq il-web, li għalih ġie applikat limitu ta’ aktar minn 12-il passiġġier. Ir-rata ta’ rispons għall-istħarriġ fuq il-web kienet ta’ madwar 50 %.
It-tweġibiet għall-istħarriġ urew li hemm nuqqas ta’ differenzi ċari bejn il-laneċ u t-trasport urban u reġjonali. Għalhekk huwa rrakkomandat li jew ikun hemm definizzjoni aktar speċifika ta’ lanċa jew li l-laneċ u t-trasport urban u reġjonali jiġu integrati f’kategorija waħda.
Il-Polonja
Id-data dwar it-trasport tal-passiġġieri tinkiseb permezz ta’ kwestjonarju indirizzat direttament lil entitajiet irreġistrati fil-Polonja li jittrasportaw il-passiġġieri. Għalhekk, l-istudju ma kienx ikopri entitajiet reġistrati f’pajjiżi barra mill-Polonja li jġorru l-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni Pollakki. Il-Polonja għażlet entitajiet mir-Reġistru Uffiċjali Nazzjonali tal-Ekonomija Nazzjonali, li l-attivitajiet prinċipali reġistrati tagħhom huma t-trasport tal-passiġġieri u t-trasport tal-merkanzija fuq passaġġi fuq l-ilma interni, abbażi tal-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Attivitajiet. Intbagħat kwestjonarju elettroniku online lill-operaturi li jipprovdu servizzi tal-passiġġieri fuq passaġġi fuq l-ilma interni.
Id-data għall-bastimenti tal-passiġġieri rreġistrati fil-Polonja fil-passaġġi fuq l-ilma interni nkisbet minn reġistri miżmuma mill-Awtoritajiet tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni. Id-differenzjazzjoni bejn il-bastimenti tal-kruċieri fuq ix-xmajjar u l-bastimenti ta’ vjaġġi ta’ ġurnata tal-passaġġi fuq l-ilma interni ma tirriżultax direttament mir-reġistru, iżda mid-dokumentazzjoni teknika tal-bastimenti rreġistrati. Fil-Polonja, il-bastimenti huma rreġistrati skont it-tip ta’ bastiment u mhux skont il-funzjonijiet li jwettqu. Abbażi tad-data teknika, il-bastimenti bi 12-il siġġu għall-passiġġieri u aktar jinqasmu f’bastimenti bil-kabini tal-passiġġieri u mingħajrhom. Mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn il-bastimenti tat-trasport irreġistrati u l-bastimenti tat-trasport urban minħabba li dawn is-servizzi jistgħu jitwettqu kemm minn bastimenti rreġistrati bħala bastimenti tal-kruċieri ta’ ġurnata fil-passaġġi fuq l-ilma interni kif ukoll minn dawk irreġistrati bħala bastimenti oħra mhux tal-kruċieri.
Intuża wkoll l-iscraping tal-web biex jinstab il-kontenut rilevanti u biex jiġu identifikati n-negozji kklassifikati taħt il-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Attivitajiet bħala “Trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni” u “Trasport tal-merkanzija fil-passaġġi fuq l-ilma interni”.
Barra minn hekk, l-informazzjoni minn ġurnali industrijali, assoċjazzjonijiet, inizjattivi u istituzzjonijiet relatati mat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, kif ukoll l-informazzjoni miksuba mill-monitoraġġ tal-midja, intużat biex jiġi żviluppat l-istħarriġ.
Għall-finijiet ta’ verifika, l-informazzjoni miksuba matul stħarriġ statutorju ta’ kull trimestru dwar l-għadd ta’ bastimenti involuti fit-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni kienet sors ieħor użat fl-iżvilupp tal-istħarriġ.
Fost il-modi kollha tat-trasport, it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni jammonta biss għal 0,3 % tal-għadd totali ta’ passiġġieri, eskluż it-trasport pubbliku. Għalhekk, il-passaġġi fuq l-ilma interni nazzjonali għandhom rwol marġinali fit-trasport tal-passiġġieri fil-Polonja.
Ir-Rumanija
Id-data nġabret permezz ta’ stħarriġ ta’ kull trimestru fl-2019 biex jiġu prodotti l-indikaturi għall-istatistika dwar it-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Fi ħdan dan il-proġett, l-awtoritajiet żviluppaw għodda tal-IT għall-ġbir tad-data bbażata fuq il-metodoloġija tal-Eurostat.
Id-data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni nġabret minn operaturi awtorizzati li jipprovdu dan it-tip ta’ trasport, li rreġistraw lilhom infushom għall-istħarriġ; id-data dwar il-kruċieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni nġabret minn Kapitaneriji Reġjonali u minn kumpaniji awtorizzati.
Il-kwestjonarju ġabar data għall-indikaturi fis-settijiet tad-data A1, A2 u B1. Id-data dwar il-passiġġieri rreġistrati tirreferi għall-passiġġieri ttrasportati minn bastimenti fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Fis-sett tad-data B1, l-indikatur tal-kilometri tal-passiġġieri huwa kkalkulat billi jingħaddu flimkien ir-riżultati tal-għadd ta’ passiġġieri mmultiplikat bid-distanzi f’kilometri attwalment ivvjaġġati minn dawn il-passiġġieri. L-indikatur għall-passiġġieri ttrasportati huwa aggregat fis-sett tad-data A1, bin-numru ta’ passiġġieri magħduda skont l-oriġini/destinazzjoni. L-indikatur tal-kilometri tal-passiġġieri tal-kruċieri fis-sett tad-data A2 huwa kkalkulat skont it-tip ta’ kruċiera u d-distanza vvjaġġata fir-Rumanija. Id-data hija aggregata skont it-tip ta’ kruċiera, in-nazzjonalità tal-bastiment, ir-reġjun tal-imbarkazzjoni/żbark u n-numru ta’ vjaġġi.
Għall-informazzjoni dwar il-portijiet tal-imbarkazzjoni u l-iżbark, intgħażlet lista tal-portijiet li joffru t-trasport tal-passiġġieri mil-lista ta’ portijiet għat-trasport tal-merkanzija fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Din tlestiet billi ġew inklużi portijiet li l-attivitajiet tagħhom jinvolvu esklussivament it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni.
Il-Kapitaneriji Reġjonali kienu s-sors għad-data tal-passiġġieri fuq bastimenti tal-kruċieri li jgħaddu minn portijiet matul id-Danubju. L-informazzjoni dwar l-oriġini u d-destinazzjoni tal-kruċiera, ikkomunikata mill-kaptan tal-vapur lir-rappreżentant tal-Kapitanerija Reġjonali, intużat biex tiġi stabbilita d-distanza vvjaġġata fir-Rumanija. Id-distanza, espressa f’kilometri, ġiet ikkalkulata abbażi tal-mappa tan-navigazzjoni tad-Danubju u l-post tal-portijiet fil-lista tal-portijiet għall-passaġġi fuq l-ilma interni.
Għas-sett tad-data C1, l-istatistika dwar l-għadd ta’ bastimenti rreġistrati fil-pajjiż skont it-tip ta’ bastiment, il-kapaċità tal-bastiment u l-età tal-bastiment kienet ibbażata fuq data mill-Awtorità Navali Rumena.
L-Iżvezja
Il-Bażi tad-Data tan-Negozju tikkostitwixxi wieħed mis-sorsi tad-data fl-Iżvezja u tipprovdi selezzjoni ta’ data mill-kumpaniji. Sors ieħor huwa reġistru (sistema superviżorja) li jinkludi bastimenti b’kapaċità ta’ aktar minn 12-il passiġġier, bastimenti kummerċjali twal mill-inqas ħames metri u dgħajjes ta’ divertiment li jaqbżu t-12-il metru. Dan ir-reġistru huwa obbligatorju għall-bastimenti tal-passiġġieri kollha u fih informazzjoni dwar is-sidien irreġistrati u l-parti rreġistrata bħala kumpanija. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni tal-industrija Żvediża għas-sidien ta’ bastimenti kummerċjali li joperaw fil-livell nazzjonali tikkwalifika bħala sors ta’ data u sservi biex tissupplimenta s-sorsi l-oħra minħabba d-duplikazzjoni konsiderevoli f’termini ta’ kumpaniji u bastimenti. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar ir-rotot u l-frekwenzi tat-tluq fuq ir-rotot tal-laneċ tat-trasport pubbliku tista’ tinkiseb mill-kollaborazzjoni Żvediża tal-kumpaniji tat-trasport pubbliku. Huwa possibbli wkoll li wieħed jara l-pożizzjoni tal-bastimenti bi transponders tal-AIS u li jiġu ntraċċati l-movimenti tagħhom.
F’termini ta’ metodoloġija, intuża kwestjonarju online biex tinġabar informazzjoni dwar il-bastiment, il-kilometraġġ imbaħħar u n-numru ta’ passiġġieri. Ir-rata ta’ rispons kienet ta’ madwar 50 % u d-data kienet biżżejjed biex wieħed jislet konklużjonijiet dwar il-ġbir tad-data futur.
Fid-dawl tal-kundizzjonijiet uniċi tal-Iżvezja f’termini ta’ vjaġġar fuq l-ilma madwar il-kosta, l-Iżvezja qed tipproponi li tintroduċi t-“traffiku fl-Arċipelagu” bħala kategorija ta’ bastimenti addizzjonali.
2.2.Il-fattibbiltà, l-ispiża, il-piż u l-kwalità statistika
Din it-taqsima tiġbor fil-qosor il-valutazzjonijiet tas-seba’ pajjiżi rigward il-fattibbiltà, l-ispiża, il-piż u l-kwalità statistika tal-ġbir tad-data.
L-Awstrija
Fil-każ tal-kruċieri fuq ix-xmajjar, huwa meqjus fattibbli li tiġi prodotta statistika tat-trasport tal-passiġġieri li tgħaqqad id-data tal-AIS, it-tekniki tal-web scraping u r-rati ta’ okkupanza tal-passiġġieri. Intervisti ma’ xi ftit kumpaniji Awstrijaċi wasslu għal informazzjoni addizzjonali dwar dan is-settur; madankollu, peress li l-kumpaniji tal-kruċieri bbażati fl-Awstrija jirrappreżentaw minoranza tal-kumpaniji tal-kruċieri li joperaw fil-pajjiż, il-ġbir tad-data tal-passiġġieri minnhom biss mhuwiex biżżejjed.
Fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni minbarra kruċieri fuq ix-xmajjar, l-iżvilupp ta’ kwestjonarju għall-kumpaniji huwa kkunsidrat bħala mod adegwat biex tiġi prodotta l-istatistika rilevanti. Id-data tal-AIS tista’ tintuża wkoll biex jiġu stmati l-kilometri u jiġu vverifikati d-distanzi rrappurtati.
L-Awstrija tissuġġerixxi l-istabbiliment ta’ reġistru tal-bastimenti bbażat fuq il-pajjiż ta’ reġistrazzjoni u li dan jiġi stabbilit biss fuq il-bażi tad-data tal-AIS. Peress li bħalissa m’hemm l-ebda reġistru aġġornat tal-bastimenti fl-Awstrija, jista’ jew jinħoloq reġistru ġdid, ibbażat fuq informazzjoni tal-AIS dwar il-bastimenti Awstrijaċi, jew ir-reġistru eżistenti tal-bastimenti jista’ jiġi diġitalizzat u aġġornat.
Kieku d-data tal-passiġġieri kellha tinġabar regolarment, ikollha tinbena infrastruttura xierqa tal-IT li tkun ekwivalenti għas-sistemi użati għall-ġbir ta’ data oħra. Barra minn hekk, trid tiġi kkunsidrata l-ispiża ta’ żmien xieraq ta’ mmaniġġjar preliminari. Din l-ispiża hija partikolarment għolja għall-ewwel sena tal-ġbir tad-data. Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati r-riżorsi għall-bini u ż-żamma ta’ scrapers tal-web.
Bil-għan li tiġi żgurata l-kwalità statistika u tittejjeb il-metodoloġija, jenħtieġ li jkun hemm obbligu li tiġi trażmessa d-data tal-AIS aktar milli l-kapaċità tal-passiġġieri tal-bastiment. Barra minn hekk, it-trażmissjoni tar-reġjun tal-imbarkazzjoni u tal-iżbark bħala l-punt l-aktar imbiegħed tal-kruċiera biss tissottovaluta d-distanza kkalkulata. Din il-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata kieku l-pajjiżi jkunu jistgħu jittrażmettu l-kilometri tal-passiġġieri għall-kruċieri kif jagħmlu għat-trasport tal-merkanzija.
Il-Kroazja
Il-ġbir tad-data tal-passiġġieri huwa ġeneralment meqjus bħala fattibbli. Madankollu, id-data dwar il-pajjiż/reġjun tal-imbarkazzjoni u tal-iżbark fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mhijiex disponibbli jew hija biss parzjalment disponibbli, u ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat it-tip ta’ kull kruċiera. Għalhekk ikun aħjar li tinġabar u tiġi ppubblikata data dwar it-traffiku tal-passiġġieri fil-portijiet għall-passaġġi fuq l-ilma interni, aktar milli data dwar l-għadd ta’ passiġġieri ttrasportati, peress li d-data dwar il-passiġġieri li jimbarkaw u jiżbarkaw f’kull port hija disponibbli.
L-ispiża għat-twettiq ta’ stħarriġ statistiku regolari dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni tkun aċċettabbli, u l-istess ikun il-piż tar-rappurtar fuq l-Uffiċċji tal-Kapitanerija. Id-diġitalizzazzjoni tal-istħarriġ u l-użu tad-data amministrattiva mill-Ministeru jnaqqsu saħansitra aktar l-ispejjeż u l-piż tar-rappurtar.
Il-Kroazja tikkonkludi li d-data miġbura permezz tal-istudju pilota hija ta’ kwalità tajba.
Il-Ġermanja
F’termini ta’ fattibilità, id-data amministrattiva tista’ tintuża f’xi każijiet jew se tkun disponibbli fil-futur bħala sors ta’ data mingħajr il-ħtieġa ta’ stħarriġ tan-negozju. Madankollu, huwa meħtieġ stħarriġ tan-negozju biex tiġi prodotta data dwar il-karatteristiċi tat-trasport marittimu tal-passiġġieri għat-tabelli A1, A2 u B1.
F’termini ta’ kwalità statistika, in-negozji nnotaw diversi problemi ta’ rappurtar. Għat-talba għad-data B1, tlieta minn kull ħames negozji ma għandhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jikkalkulaw il-kilometri tal-passiġġieri. Madwar nofs in-negozji ma għandhomx l-informazzjoni meħtieġa għat-tabelli A1 u A2. Għalhekk, in-negozji se jkollhom jaħdmu bi stimi, li se jkollhom impatt fuq il-kwalità tal-informazzjoni. F’dan l-isfond, jista’ jiġi kkunsidrat ir-rappurtar f’intervalli ta’ diversi snin.
Il-kwistjoni tas-servizzi tat-trasport domestiku pprovduti minn negozji barranin tista’ tiġi indirizzata billi jiġi stabbilit reġistru Ewropew tan-negozji.
Fir-rigward tal-piż fuq in-negozji, hemm il-ħtieġa li l-lista tal-karatteristiċi tiġi limitata għal dawk li huma meħtieġa, li jitnaqqas il-piż fuq in-negozji żgħar u li l-mikrointrapriżi jiġu eżentati. Kapaċità tal-passiġġieri ta’ 12-il passiġġier jenħtieġ li titqies bħala punt ta’ limitu.
L-ispiża annwali tal-proġett fuq it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni hija stmata għal madwar EUR 100 000 għan-negozji. Għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-uffiċċju tal-istatistika, se jkun hemm spiża totali ta’ darba ta’ madwar EUR 640 000 u spejjeż operattivi annwali ta’ madwar EUR 135 000.
In-Netherlands
In-Netherlands tqis li huwa fattibbli li tiġi ġġenerata statistika dwar it-trasport tal-passiġġieri u ħafna partijiet ikkuntattjati għar-riċerka wrew interess fl-informazzjoni statistika relatata. Madankollu, hija meħtieġa aktar riċerka biex il-bastimenti jintrabtu ma’ kumpaniji u biex tiżdied l-iskala tad-data tal-kampjun għall-popolazzjoni sħiħa. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-varjabbli jistgħu jinkisbu mill-kumpaniji, hemm tħassib dwar il-kilometri tal-passiġġieri, peress li l-istħarriġ wera li l-kumpaniji li joperaw vjaġġi ta’ ġurnata għandhom diffikultajiet biex jistabbilixxu din id-data. Il-kwalità tad-data dwar il-karatteristiċi tal-bastimenti mhijiex biżżejjed fil-bażi tad-data attwali, iżda tista’ tittejjeb fuq medda twila ta’ żmien bl-użu ta’ bażi tad-data Ewropea aġġornata dwar il-bastimenti.
Dwar il-kwalità statistika, jinqalgħu problemi għall-kumpaniji barranin li joperaw fil-passaġġi fuq l-ilma Netherlandiżi, li jirriżultaw f’nuqqas ta’ kopertura ta’ kumpaniji barranin. Id-data dwar l-għadd ta’ passiġġieri u l-kilometri tal-passiġġieri tikkostitwixxi problema partikolari, li tista’ tkun mill-inqas parzjalment indirizzata permezz tal-iskambju tad-data dwar il-kumpaniji Ewropej rilevanti. Peress li l-kumpaniji barranin huma responsabbli għal parti sinifikanti mit-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni fin-Netherlands, speċjalment fis-suq tal-kruċieri fuq ix-xmajjar, il-metodoloġija jkollha tiġi żviluppata biex tagħmel tajjeb għad-data nieqsa.
In-Netherlands tirrakkomanda l-applikazzjoni ta’ limitu fil-kapaċità tal-passiġġieri ta’ aktar minn 12-il passiġġier, l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni addizzjonali biex jiġu inklużi biss bastimenti bil-magna, u mhux bastimenti bil-qlugħ, u li jiġi kkunsidrat li t-terminu “tip ta’ bastiment” jiġi sostitwit b’“tip ta’ vjaġġ”. Huwa propost li tinġabar data kull sena u li l-istħarriġ isir fil-bidu tas-sena. Il-“prinċipju tat-territorjalità” jenħtieġ li jiġi applikat ukoll.
In-Netherlands tenfasizza l-importanza li ma jitpoġġix wisq piż fuq il-kumpaniji żgħar jew il-kumpaniji b’rotot ikkumplikati billi, pereżempju, ma jintalbux jirrappurtaw kull sena.
L-ispejjeż għall-istatistika l-ġdida dwar it-trasport tal-passiġġieri jinkludu aktar riċerka metodoloġika, l-iskalar tad-data mill-kampjun għall-popolazzjoni u l-iżvilupp u t-twettiq tal-istħarriġ u l-analiżi l-ġodda. Dawn l-ispejjeż huma stmati għal madwar EUR 76 000.
Il-Polonja
Il-ġbir tal-istatistika tal-passiġġieri għall-passaġġi fuq l-ilma interni huwa bażikament fattibbli, għalkemm hemm limitazzjonijiet.
Is-sett tad-data A1 ma jinkludix data dwar l-għadd ta’ passiġġieri ttrasportati fil-passaġġi fuq l-ilma interni minn bastimenti tal-kruċieri fuq ix-xmajjar, peress li l-entitajiet koperti mill-istudju pilota ma jużawx dan it-tip ta’ bastiment. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda trasport tal-passiġġieri mwettaq minn bastimenti kklassifikati fis-sett bħala “mhux magħrufa”. Għas-sett tad-data B1, ibbażat fuq l-analiżi tas-suq tat-trasport tal-passiġġieri, inkisbet informazzjoni dwar bastimenti tal-kruċieri fuq ix-xmajjar li joperaw taħt bnadar barranin li jidħlu wkoll fil-portijiet tal-baħar.
L-istudju pilota għen biex jiġu żviluppati s-settijiet tad-data A1 u B1. Madankollu, fuq il-bażi tad-data miksuba mill-awtorità tal-port, mhuwiex possibbli li jimtela s-sett tad-data A2, minħabba li huwa magħruf biss l-għadd ta’ passiġġieri li rritornaw abbord wara l-iżbark u għalhekk l-għadd totali ta’ passiġġieri ttrasportati mhuwiex magħruf. Diffikultà oħra hija l-fatt li d-data dwar l-għadd ta’ passiġġieri tiġi pprovduta mill-uffiċċju tal-kapitanerija kollettivament għax-xahar kollu u mhux separatament għal kull kruċiera.
Kien possibbli li jiġi żviluppat is-sett tad-data C1 abbażi tad-data li nkisbet permezz tal-istħarriġ. L-istatistika uffiċjali tipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ bastimenti tal-passiġġieri rreġistrati fil-pajjiż, iżda din id-data ma tinkludix diviżjoni fit-tip ta’ bastiment, li tispeċifika l-età u l-kapaċità tat-tagħbija tal-bastiment f’tip partikolari. L-Awtoritajiet tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni huma responsabbli għaż-żamma tar-reġistri tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.
Ma kienx possibbli li ssir distinzjoni bejn il-bastimenti tat-trasport urban u l-bastimenti rreġistrati abbażi tad-data miksuba.
Il-kwalità tar-riżultati mill-istudju pilota kienet evalwata bħala sodisfaċenti. Għan-negozji, id-data dwar in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati hija stmata skont in-numru ta’ biljetti mibjugħa u l-fattur tat-tagħbija. Bl-istess mod, il-kwalità tad-data disponibbli għall-bastimenti tal-passiġġieri rreġistrati fil-passaġġi fuq l-ilma interni ġiet meqjusa bħala sodisfaċenti. Id-data nkisbet minn reġistri amministrattivi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Fid-dawl tad-diffikultajiet li nstabu, l-akbar sfida kienet li jiġu identifikati b’mod korrett l-entitajiet li jwettqu attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri. Barra minn hekk, l-entitajiet li jwettqu din l-attività spiss ma jżommux rekords stretti tad-data koperta mill-istħarriġ. Għalhekk, din id-data spiss tiġi stmata fuq il-bażi tal-kapaċità medja tal-bastiment, li timplika diffikultajiet biex jiġi vverifikat jekk hijiex korretta.
Għall-ispejjeż u l-piżijiet, twettaq studju b’kamp ta’ applikazzjoni aktar limitat għal ħafna snin fuq bastimenti tal-passiġġieri rreġistrati għall-passaġġi fuq l-ilma interni. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni tad-data attwalment miksuba mill-istatistika uffiċjali, li hija bbażata fuq l-użu sekondarju ta’ sorsi amministrattivi, il-piż addizzjonali tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-istudju ġie evalwat bħala negliġibbli. L-użu ta’ sorsi amministrattivi għall-iżvilupp ta’ statistika ġdida wkoll ma joħloqx spejjeż sinifikanti.
Kieku l-kamp ta’ applikazzjoni tar-riċerka attwali kellu jiġi estiż, biex jinkludi informazzjoni dwar id-direzzjoni tat-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni u għal entitajiet li jipprovdu trasport bil-laneċ u bastimenti tat-trasport urban, dan jista’ jfisser piżijiet u spejjeż addizzjonali għall-kumpaniji. Madankollu, peress li dan jimplika biss estensjoni tal-istħarriġ eżistenti, il-piż addizzjonali ma jkunx sinifikanti.
Ir-Rumanija
Sabiex tinġabar id-data, il-kwestjonarju statistiku, l-approċċ metodoloġiku u l-ispeċifikazzjonijiet supplimentari ntbagħtu bil-posta lill-Uffiċċji Territorjali tal-Istatistika.
Kien hemm disponibbli varjabbli rigward l-għadd ta’ passiġġieri skont it-tip ta’ bastiment fit-trasport nazzjonali u dawn ġew ipprovduti minn dawk li wieġbu skont ir-rekwiżiti metodoloġiċi; dawn il-varjabbli jistgħu jiġu inklużi fil-produzzjoni normali tad-data. Il-ġbir tad-data dwar l-għadd ta’ passiġġieri ttrasportati skont il-port tal-imbarkazzjoni/tal-iżbark twettaq mingħajr ebda problema fl-ipproċessar.
Il-ġbir u l-produzzjoni tad-data għall-bastimenti għal vjaġġi ta’ ġurnata, il-laneċ u l-bastimenti tat-trasport urban u reġjonali huma fattibbli u jistgħu jiġu organizzati fuq bażi regolari (kull trimestru u/jew kull sena). Barra minn hekk, saret ġabra dettaljata tal-varjabbli dwar il-kapaċità u l-età tal-bastimenti, fir-rigward tal-għadd ta’ bastimenti rreġistrati mill-Awtorità Navali Rumena, mingħajr l-ebda problema fl-interpretazzjoni tal-metodoloġija. Għalhekk, id-data meħtieġa biex jimtela s-sett tad-data C1 tista’ tinġabar u tiġi trażmessa kull sena.
Madankollu, bil-għan li tiġi mħarsa l-kwalità tad-data, il-ġbir tad-data ma jistax jitwettaq fuq bastimenti tal-kruċieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Id-diffikultajiet iffaċċjati għandhom x’jaqsmu l-aktar mal-affidabbiltà tad-data tal-passiġġieri fuq kruċieri matul id-Danubju u huma dovuti għall-mod suġġettiv li bih tiġi pproċessata l-informazzjoni; dan jinkludi l-istabbiliment tal-oriġini/destinazzjoni tal-vjaġġ, id-distanza vvjaġġata, l-għadd ta’ passiġġieri u t-tip ta’ kruċiera. Għaldaqstant, din it-tip ta’ data fuq bastimenti tal-kruċieri se tiġi eskluża mill-produzzjoni annwali tad-data.
Ma ġie rrapportat l-ebda piż addizzjonali għall-ġbir tal-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri, u ma kien hemm l-ebda kumment dwar l-ispejjeż addizzjonali.
L-Iżvezja
L-Iżvezja tikkonferma li huwa possibbli li tinġabar data għall-passiġġieri kollha ttrasportati u l-għadd ta’ kilometri vvjaġġati, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkalkulati l-kilometri tal-passiġġieri. Filwaqt li xi wħud minn dawk li wieġbu bħalissa ma jkejlux il-kilometri tal-bastimenti, ikun possibbli li tinkiseb din id-data jekk is-sistemi jiġu kkonfigurati mill-ġdid. Għalhekk huwa possibbli li tiġi ġġenerata statistika fuq il-passiġġieri dwar il-movimenti tal-bastimenti fil-passaġġi fuq l-ilma interni, għalkemm b’ċerti diffikultajiet. Dawn id-diffikultajiet jirrigwardaw prinċipalment id-data dwar il-kilometri tal-passiġġieri u l-iżvelar tad-data dwar it-tip ta’ bastiment.
Fir-rigward tal-kwalità statistika, l-Iżvezja mhux se tkun tista’ tipprovdi data kompluta għat-Tabelli A1 u A2 għall-bastimenti tal-kruċieri fuq ix-xmajjar b’kabini għal soġġorni ta’ matul il-lejl, għalkemm diffikultajiet bħal dawn jistgħu jingħelbu permezz ta’ diżaggregazzjoni modifikata. Barra minn hekk, id-data tar-reġistru ma tistax tintuża biex tipprovdi d-data kollha għat-Tabella C1. Id-data dwar il-bastimenti tal-kruċieri fuq ix-xmajjar, dwar il-bastimenti għal vjaġġi ta’ ġurnata u dwar il-bastimenti tat-trasport urban/reġjonali hija nieqsa, filwaqt li jistgħu jiġu rrappurtati biss bastimenti kklassifikati bħala laneċ.
Kwalunkwe proċess futur ta’ ġbir ta’ data se jkollu jiddikjara b’mod ċar l-għan tal-ġbir. Se jiġi impost obbligu ta’ rappurtar f’każ ta’ stħarriġ permanenti.
Rigward il-piż, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu setgħu jipprovdu l-informazzjoni mitluba malajr u l-biċċa l-kbira tagħhom irrappurtaw li ma sabux li l-kwestjonarju kien eżiġenti ħafna. L-Iżvezja għalhekk tikkonkludi li l-piż tar-rappurtar huwa moderat.
Biex jiġu ffaċilitati l-kwistjonijiet għal dawk li wieġbu u biex jitnaqqsu l-ispejjeż, id-data tista’ tinkiseb mill-AIS u b’hekk ikunu jistgħu jiġu kkalkulati l-kilometri tal-passiġġieri. F’termini ta’ benefiċċji għall-utenti, l-istatistika dwar it-traffiku tal-passiġġieri tista’ tintuża fil-monitoraġġ tax-xejriet, fl-iżvilupp tas-suq u fil-monitoraġġ estern ġenerali.
L-Iżvezja tikkunsidra li l-ispiża, kif imkejla maż-żmien għal kull rispondent, hija relattivament baxxa u tistima li hija inqas minn SEK 60 000 għal kull stħarriġ.
2.3.Sommarju tar-riżultati tal-istudji pilota
Is-seba’ studji pilota jagħtu ħarsa ġenerali lejn il-fattibbiltà tal-ġbir tad-data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-kummenti ewlenin mill-pajjiżi involuti, kif deskritti fir-rapporti dettaljati tagħhom, huma miġbura fil-qosor hawn taħt.
L-istudji wrew differenzi sinifikanti fil-ġbir tad-data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni bejn is-seba’ pajjiżi, u għalhekk mhuwiex xieraq li jitqabblu l-indikaturi kollha miksuba.
L-istudji żvelaw firxa wiesgħa ta’ sorsi ta’ data li fuqhom tista’ tinbena l-istatistika għat-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Is-sorsi l-aktar imsemmija kienu l-iscraping tal-web, l-użu mtejjeb tal-AIS u r-reġistri tal-vapuri. Sorsi rilevanti oħra huma l-uffiċċji tal-kapitanerija, l-awtoritajiet tal-portijiet, ir-reġistri statistiċi tan-negozju, l-istatistika strutturali tan-negozju, iċ-ċifri tal-fatturat fuq perjodu qasir, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar ix-Xmajjar u l-fornituri tad-data esterni.
Id-data amministrattiva eżistenti mhijiex komprensiva biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ġbir statistiku sod. Ikollu jsir stħarriġ immirat sabiex jikkumplimenta d-diversi sorsi u sabiex tinkiseb data aktar kompluta u standardizzata. Il-punt sa fejn ikunu meħtieġa stħarriġiet immirati addizzjonali jvarja bejn is-seba’ pajjiżi.
Is-sorsi attwali jeħtieġ li jittejbu f’termini tal-volum u kwalità tad-data tagħhom sabiex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għat-Tabelli A1 (L-għadd ta’ passiġġieri ttrasportati skont il-pajjiż tal-imbarkazzjoni, il-pajjiż tal-iżbark, it-tip ta’ trasport u t-tip ta’ bastiment), A2 (Kruċieri fuq ix-xmajjar - l-għadd ta’ passiġġieri, il-kilometri tal-passiġġieri u l-għadd ta’ vjaġġi skont ir-reġjun tal-imbarkazzjoni, ir-reġjun tal-iżbark, in-nazzjonalità tal-bastiment u t-tip ta’ kruċiera), B1 (L-għadd ta’ kilometri tal-passiġġieri vvjaġġati skont it-tip ta’ bastiment minbarra bastiment tal-kruċieri fuq ix-xmajjar) u C1 (L-għadd ta’ bastimenti rreġistrati f’pajjiż skont it-tip ta’ bastiment, il-kapaċità tal-bastiment u l-età tal-bastiment). Fl-istadju attwali, mhux is-seba’ pajjiżi kollha huma kapaċi jipprovdu l-varjabbli kollha.
L-istudji pilota qajmu kwistjonijiet ta’ kwalità relatati man-nuqqasijiet tad-data amministrattiva u r-rappurtar mill-kumpaniji. Ġew identifikati problemi partikolari għall-kilometri tal-passiġġieri, minħabba li ħafna kumpaniji mhumiex f’pożizzjoni li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jikkalkulaw il-kilometri tal-passiġġieri; id-diffikultajiet fir-rappurtar dwar il-vjaġġi ta’ ġurnata u r-rata medja ta’ okkupanza wkoll ġew innutati spiss. Barra minn hekk, xi kumpaniji ma għandhomx l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-każ ta’ karti tal-bastimenti jew offerti speċifiċi ta’ biljetti. Minħabba dawn in-nuqqasijiet, il-kumpaniji jridu jagħmlu stimi, u dan għandu impatt fuq il-kwalità tal-informazzjoni li jipprovdu.
Il-lakuni fl-informazzjoni fir-reġistri tal-bastimenti jaffettwaw ir-rappurtar fuq il-bastimenti, u mod wieħed kif tinġabar id-data dwar il-bastimenti huwa li kwalunkwe stħarriġ jintrabat direttament mar-reġistri kummerċjali. B’dan il-mod, il-bastimenti jiġu identifikati permezz tal-kumpanija li jappartjenu għaliha. Madankollu, fir-reġistri tan-negozju, huma biss il-kumpaniji li jwettqu t-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni bħala l-attività ewlenija tagħhom li huma elenkati taħt il-Klassi 50.30 tan-NACE/Rev.2. Konsegwentement, il-kumpaniji li jipprovdu t-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni bħala attività sekondarja se jitħallew barra, għalkemm huma responsabbli għal volum importanti ta’ dan it-tip ta’ trasport.
L-istudji qajmu kwistjoni speċjali dwar ir-rappurtar dwar it-trasport domestiku pprovdut minn kumpaniji barranin. Ma hemm l-ebda obbligu għal kumpaniji barranin li jinnotifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali meta jwettqu trasport tal-passiġġieri. Hemm nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli u strutturata dwar il-kumpaniji barranin u s-servizzi tagħhom, u reġistru Ewropew tal-bastimenti jista’ jindirizza l-problemi tat-trasport domestiku minn kumpaniji barranin.
Ġeneralment, ir-rekwiżiti għal data dettaljata jeħtieġ li jiġu rikonċiljati mas-simplifikazzjoni tal-metodoloġija biex jiġi limitat il-piż fuq in-negozji. Il-pajjiżi li ppreżentaw studji pilota enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi limitat il-piż tal-ġbir tad-data, li huwa partikolarment għoli għal kumpaniji żgħar. Hemm diversi modi kif dan il-piż jista’ jiġi limitat: il-limitu minimu għall-kapaċità tal-bastimenti jista’ jiġi ffissat għal aktar minn 12-il passiġġier; jistgħu jiġu introdotti intervalli multiannwali għar-rappurtar tal-attivitajiet tat-trasport; u l-kumpaniji żgħar jistgħu jkunu eżentati mir-rappurtar. Il-piż jista’ jiġi limitat ulterjorment billi jiġi ristrett l-kamp ta’ applikazzjoni għall-bastimenti bil-magna. Għalhekk, il-bastimenti bil-qlugħ, li normalment jitħaddmu minn kumpaniji żgħar u li għandhom varjazzjonijiet kbar fir-rotot tal-vjaġġi li jagħmlu, ikunu eżentati mir-rappurtar.
Minħabba l-problemi bid-definizzjonijiet, il-laneċ jistgħu jiġu definiti b’mod aktar speċifiku jew it-trasport bil-laneċ jista’ jiġi integrat mat-trasport urban/reġjonali. L-introduzzjoni ta’ kategorija addizzjonali għat-“traffiku fl-Arċipelagu” tista’ titqies fid-dawl tal-kundizzjonijiet uniċi tal-ivvjaġġar fuq l-ilma fl-Iżvezja.
Abbażi tal-istudji, l-ispejjeż stmati għall-ġbir tad-data jvarjaw b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi. L-ebda pajjiż ma jqis b’mod espliċitu li l-ispejjeż huma sproporzjonati għall-benefiċċji; madankollu, hemm differenzi sinifikanti fl-ispejjeż bejniethom. Xi wħud iqisu li huwa faċli li l-ġbir tad-data dwar it-trasport tal-passiġġieri jiġi integrat fix-xogħol attwali tagħhom, filwaqt li oħrajn iqisu l-ispejjeż relatati mal-infrastruttura l-ġdida li jkollha tiġi żviluppata.
Fil-qosor, filwaqt li jeżistu xi nuqqasijiet fid-data, is-seba’ studji pilota jqisu li l-produzzjoni tat-tabelli A1, A2, B1 u C1 hija bażikament fattibbli.
3.IR-RIŻULTATI TAL-ISTĦARRIĠ DWAR L-ISTATISTIKA TAT-TRASPORT TAL-PASSIĠĠIERI LI SAR F’MARZU 2020
F’Marzu 2020, il-Eurostat wettaq stħarriġ biex jikseb stampa ġenerali mill-pajjiżi kollha tal-UE li jużaw il-passaġġi fuq l-ilma interni għat-trasport tal-kunsiderazzjonijiet varji relatati mal-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri. Il-mistoqsijiet indirizzaw l-ispejjeż u l-piż addizzjonali tal-ġbir tad-data, ir-raġunijiet għaliex ma nġabritx id-data tal-passiġġieri u l-fattibbiltà tal-ġbir tad-data fil-futur.
3.1.Tagħrif ġenerali
B’kollox, 15-il pajjiż wieġbu l-istħarriġ. Minn dawn il-pajjiżi, disgħa wieġbu li diġà jiġbru xi data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni, filwaqt li sitta indikaw li ma jiġbrux tali data.
3.2.L-ispiża tal-ġbir tad-data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni f’termini ta’ riżorsi finanzjarji u umani
Fil-pajjiżi li attwalment jiġbru l-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni, l-ispiża u l-piż mhumiex meqjusa bħala sproporzjonati. Tliet pajjiżi vvalutaw l-ispejjeż tal-ġbir tad-data bħala minimi f’termini kemm ta’ riżorsi finanzjarji kif ukoll ta’ riżorsi umani. Madankollu, dawn il-pajjiżi kkummentaw li l-forza tax-xogħol attwali hija żgħira u li x-xogħol fuq il-mili tal-kwestjonarju, il-ġbir u l-iċċekkjar tad-data, u l-aggregazzjoni u t-tħejjija tad-data għall-pubblikazzjoni jitwettaq minn diversi dipartimenti.
Id-data tinġabar fuq livell limitat u ġenerali ħafna, bi ftit kumpaniji żgħar biss joperaw f’dan is-settur tas-suq. Ir-rapporti statistiċi jiġu sottomessi lill-unitajiet tat-tħejjija tad-data rilevanti u tiġi ppubblikata biss data li tkun aggregata fil-livell tal-pajjiż.
Il-pajjiżi nnotaw li l-informazzjoni dwar l-ispejjeż għall-istatistika tat-trasport tal-passiġġieri ma setgħetx tiġi pprovduta separatament, minħabba li dawn l-ispejjeż huma inklużi fl-ispiża kumplessiva tal-provvista tal-istatistika dwar it-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, li għaliha tinġabar data fuq bażi annwali bl-użu ta’ stħarriġ speċifiku. Pajjiż wieħed innota li r-riżorsi finanzjarji prinċipalment jinkludu n-nefqa kollha direttament jew indirettament relatata mal-ġbir tal-istatistika, bħas-salarji tal-persunal, l-infrastruttura tal-IT, l-elettriku, eċċ.
3.3.Il-piż addizzjonali tal-ġbir tad-data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni
Il-pajjiżi rrappurtaw firxa wiesgħa ta’ piżijiet addizzjonali li ltaqgħu magħhom fil-ġbir tad-data tal-passiġġieri.
Tliet pajjiżi kkummentaw li ma ffaċċjawx piżijiet addizzjonali.
Pajjiżi oħra kkummentaw dwar l-iżvilupp ta’ metodoloġija nazzjonali u enfasizzaw il-piż li jinvolvu l-identifikazzjoni ta’ sorsi ta’ data addizzjonali u l-ġbir ta’ informazzjoni minn sorsi ta’ data differenti, kif ukoll l-ikkuntattjar ta’ rispondenti diversi drabi għal kjarifiki. Il-perjodu ta’ żmien għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ġie identifikat bħala piż addizzjonali ieħor, u l-perjodu ta’ żmien u r-riżorsi finanzjarji kienu kkunsidrati bħala l-piżijiet prinċipali meta ġew imtejba u implimentati s-sistemi ta’ informazzjoni statistika.
Kumment ieħor kien dwar is-sorsi li minnhom tinġabar id-data. Is-sorsi jvarjaw minn reġistri amministrattivi, portijiet u kumitati tat-turiżmu reġjonali għal kumpaniji li jwettqu trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni u muniċipalitajiet li jiġġestixxu u jipprovdu servizzi tat-trasport.
Pajjiż wieħed irrimarka li d-data dwar it-trasport tal-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni tinġabar iżda ma tistax tiġi pproċessata. Pajjiż ieħor speċifika li nġabret biss informazzjoni dwar it-trasport minn bastimenti tal-passiġġieri u laneċ, iżda mhux dwar it-trasport minn bastimenti tal-kruċieri, bastimenti għal vjaġġi ta’ ġurnata, bastimenti tal-eskursjonijiet, waterbuses u water taxis.
3.4.Ir-raġunijiet għaliex il-pajjiżi ma jiġbrux data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni
Il-pajjiżi li ma jiġbrux data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni speċifikaw li kien hemm nuqqas ta’ domanda mill-utenti għal tali data. Il-fatt li ma hemm l-ebda obbligu legali jissemma’ bħala raġuni oħra.
Pajjiż wieħed enfasizza l-piż amministrattiv għoli għall-kumpaniji żgħar u numerużi ħafna li joperaw f’dan is-settur bħala l-argument ewlieni kontra l-ġbir ta’ data dwar it-trasport tal-passiġġieri. M'hemmx data disponibbli minn organizzazzjonijiet governattivi oħra (jew minn partijiet kummerċjali, jekk niġu għal dan). Barra minn hekk, hemm għadd sinifikanti ta’ kumpaniji barranin (tal-UE u mhux tal-UE) li joperaw fil-passaġġi fuq l-ilma interni ta’ dan il-pajjiż partikolari, li jimplika problema biex tinkiseb data minn kumpaniji barranin.
Pajjiż wieħed semma b’mod espliċitu li ma għandu l-ebda passiġġier li jiġi ttrasportat fil-passaġġi fuq l-ilma interni, peress li hemm biss numru żgħir ta’ passaġġi fuq l-ilma interni u dawn jintużaw esklussivament għal skopijiet ta’ rikreazzjoni, filwaqt li żewġ pajjiżi oħra rreferew għall-għadd żgħir ta’ passiġġieri ttrasportati fil-passaġġi fuq l-ilma interni.
3.5.Il-fattibbiltà tal-ġbir tad-data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni u intenzjonijiet għall-ġbir ta’ tali data fil-futur
Fost il-pajjiżi li bħalissa ma jiġbrux data dwar it-trasport tal-passiġġieri, uħud minnhom semmew li l-ġbir tad-data jkun ta’ piż fuqhom minħabba l-volum limitat tat-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ trasport.
Tliet pajjiżi ddependew fuq ir-riżultati tal-istudji pilota tagħhom stess biex wieġbu għal din il-mistoqsija. Wieħed minn dawn il-pajjiżi qal li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati d-definizzjonijiet u l-limiti qabel ma jsir il-ġbir tad-data. Pajjiż ieħor qies li l-ġbir tad-data għat-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni huwa fattibbli fil-futur qrib. Dan il-pajjiż speċifika li hemm proċess kontinwu biex tiġi stabbilita sistema ġdida ta’ informazzjoni għall-passaġġi fuq l-ilma interni, li tista’ tintuża bħala sors ta’ data amministrattiv kemm għad-data tal-merkanzija kif ukoll għad-data tal-passiġġieri fil-futur.
Pajjiż wieħed ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jibda jiġbor data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Żewġ pajjiżi kkummentaw li ma għandhomx il-ħsieb li jiġbru din id-data, filwaqt li żewġ pajjiżi oħra jibdew jiġbru d-data biss jekk ikun hemm obbligu legali li jagħmlu dan.
4.KONKLUŻJONIJIET
Il-Kummissjoni tinnota li s-seba’ studji pilota investigaw bir-reqqa l-fattibbiltà tal-ġbir tad-data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-pajjiżi involuti jsibu li l-ġbir tad-data tal-passiġġieri jista’ jinkiseb sa ċertu punt.
L-istudji żvelaw differenzi fil-parametri li jaffettwaw il-ġbir tad-data tal-passiġġieri f’kull pajjiż, bħas-sorsi tad-data, it-tipi ta’ bastimenti użati għat-trasport fuq passaġġi fuq l-ilma interni u l-ġeografija fiżika tal-pajjiżi. Filwaqt li l-istudji pilota kollha jidentifikaw firxa kbira ta’ sorsi ta’ data, minn data amministrattiva sa scraping tal-web, jirrikonoxxu wkoll il-ħtieġa li jiġi limitat il-piż tar-rappurtar għan-negozji żgħar. Huma jenfasizzaw li l-isforz li għandu jiġi investit jeħtieġ li jkun proporzjonat mas-sehem tal-passaġġi fuq l-ilma interni fost il-modi kollha tat-trasport tal-passiġġieri. Tqajjem ukoll tħassib fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kwalità u nuqqasijiet fid-data. L-ispiża tal-ġbir tad-data tvarja b’mod sinifikanti minn pajjiż għall-ieħor u hija marbuta mal-estent li l-passaġġi fuq l-ilma interni jintużaw għat-trasport tal-passiġġieri f’kull pajjiż.
L-istudji pilota wrew li, fis-seba’ pajjiżi parteċipanti, ikun fattibbli li tinġabar data dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni sa ċertu punt, iżda li dan ikollu jibbilanċja l-ħtieġa għad-data mad-disponibbiltà tal-informazzjoni u l-piż fuq dawk li jwieġbu.