|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2745 |
12.5.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-5 ta’ Mejju 2025
li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Ordni Ewropew tal-Mertu
(C/2025/2745)
IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,
- wara li kkunsidra l-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
L-onorifiċenzi fl-ordnijiet nazzjonali u l-unuri simili mogħtija mill-Istati Membri jirriflettu impenn kondiviż madwar l-Unjoni biex tiġi rikonoxxuta l-eċċellenza u jiġu ppremjati l-kontributi li jarrikkixxu lis-soċjetà. |
|
(2) |
Il-ħolqien ta’ onorifiċenza fil-livell tal-Unjoni li tirrikonoxxi, b’mod simili, kontributi eċċezzjonali għall-integrazzjoni u għall-valuri Ewropej ikun irawwem sens ta’ għaqda, identità u skop komuni fost iċ-ċittadini tal-Unjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit Ordni Ewropew tal-Mertu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Prinċipji ġenerali
1. L-Ordni Ewropew tal-Mertu (l-“Ordni”) huwa stabbilit biex jonora l-kisbiet ta’ persuni li jkunu taw kontribut sinifikanti għall-integrazzjoni Ewropea jew għall-promozzjoni u għad-difiża tal-valuri minquxa fit-Trattati.
2. L-Ordni għandu jikkonsisti minn tliet gradi onorifiċi krexxenti:
|
— |
Membru tal-Ordni; |
|
— |
Membru Onorevoli tal-Ordni; u |
|
— |
Membru Illustri tal-Ordni. |
Artikolu 2
Kriterji ta’ eleġibbiltà u ta’ esklużjoni
1. Fl-Ordni jistgħu jinħatru biss persuni fiżiċi. Ma għandhomx ikunu eleġibbli gruppi, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet b’personalità ġuridika.
2. Ma għandhom ikunu eleġibbli għall-ebda ħatra fl-Ordni l-membri u l-persunal tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni matul il-mandat tagħhom jew waqt li jkunu fis-servizz.
Artikolu 3
Forma tal-onorifiċenza
1. Il-ħatra f’kull grad onorifiku fl-Ordni għandha tkun attestata minn ċertifikat iffirmat mill-President tal-Parlament Ewropew.
2. Mal-ħatra fl-Ordni, il-persuni magħżula biex jirċievu l-onorifiċenza għandhom jirċievu midalja u żigarella fuq virga żgħira tal-metall, kif imsemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5, li jikkorrispondu għall-grad onorifiku li jkunu nħatru fih.
3. Il-midalja li tingħata lil Membru tal-Ordni għandha tkun tal-fidda. Għandu jkollha dijametru ta’ 40 mm u titwaħħal b’żigarella blu mwarè wiesgħa 37 mm bi strixxa safra waħda. Iż-żigarella fuq virga żgħira tal-metall korrispondenti għandha tkun blu bi strixxa safra waħda.
4. Il-midalja li tingħata lil Membru Onorevoli tal-Ordni għandha tkun tal-fidda indurata. Għandu jkollha dijametru ta’ 40 mm u titwaħħal b’żigarella blu mwarè wiesgħa 37 mm b’żewġ strixxi sofor. Iż-żigarella fuq virga żgħira tal-metall korrispondenti għandha tkun blu b’żewġ strixxi sofor.
5. Il-midalja li tingħata lil Membru Illustri tal-Ordni għandha tkun tal-fidda indurata. Għandu jkollha dijametru ta’ 50 mm u titwaħħal b’żigarella blu mwarè wiesgħa 40 mm bi tliet strixxi sofor. Iż-żigarella fuq virga żgħira tal-metall korrispondenti għandha tkun blu bi tliet strixxi sofor.
6. Il-midalji u ż-żigarelli fuq virga żgħira tal-metall għandhom jintlibsu fuq ix-xellug tas-sider, għajr għall-midalja msemmija fil-paragrafu 5, li għandha tintlibes madwar l-għonq. Il-midalji u ż-żigarelli fuq virga żgħira tal-metall ma għandhomx jintlibsu simultanjament.
Artikolu 4
Drittijiet u obbligi
1. L-appartenenza għal kwalunkwe grad onorifiku tal-Ordni u d-dritt li jintlibsu l-midalja jew iż-żigarella fuq virga żgħira tal-metall korrispondenti għal grad onorifiku speċifiku għandhom ikunu kundizzjonali fuq l-għoti tal-onorifiċenza f’konformità mal-Artikolu 8. Ħadd ma jista’ jafferma li jappartjenimal-Ordni jew li għandu grad onorifiku speċifiku fi ħdan l-Ordni sakemm dan ma jkunx formalment ingħata lill-persuna kkonċernata.
2. Il-midalja u ż-żigarella fuq virga żgħira tal-metall għandhom jintlibsu b’mod rispettuż u f’konformità mal-Artikolu 3.
3. L-appartenenza għall-Ordni għandha tagħti d-dritt ta’ aċċess għall-gallarija uffiċjali tal-Kamra matul is-seduti plenarji tal-Parlament, f’konformità mad-Deċiżjoni tal- Bureau tat-3 ta’ Mejju 2004 dwar ir-Regoli dwar l-aċċess u l-attendenza fil-Kamra u l-iżvolġiment tad-dibattiti.
Artikolu 5
Proposti għall-ħatra
1. Il-proposti għall-ħatra fl-Ordni jistgħu jsiru:
|
— |
mill-President tal-Parlament Ewropew; |
|
— |
mill-President tal-Kunsill Ewropew; |
|
— |
mill-President tal-Kummissjoni Ewropea; |
|
— |
mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill Ewropew; jew |
|
— |
mill-Presidenti tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri. |
2. Il-proposti għandhom jinkludu informazzjoni bijografika li tevidenzja l-kisbiet tal-persuna proposta u d-dettalji ta’ kuntatt tagħha, kif xieraq. Il-proposti għandhom jiġu ppreżentati b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni lill-kumitat ta’ selezzjoni stabbilit skont l-Artikolu 7.
Artikolu 6
Deċiżjoni biex tingħata onorifiċenza
1. Kumitat ta’ selezzjoni, megħjun minn segretarjat, għandu jivvaluta l-proposti li jaslulu skont l-Artikolu 5 u għandu jaħtar lill-persuni fl-Ordni.
2. Il-ħatra inizjali fl-Ordni għandha ssir, bħala regola ġenerali, fl-ewwel livell ta’ grad onorifiku. Il-kumitat ta’ selezzjoni jista’ jiddeċiedi l-ħatra f’wieħed mill-gradi onorifiċi l-oħra fil-każ ta’ kisbiet ta’ importanza partikolari jew abbażi ta’ kisbiet ġodda, skont il-każ.
3. In-numru totali ta’ persuni magħżula biex jirċievu l-onorifiċenzagħandu jkun limitat għal massimu ta’ 20 fis-sena.
4. Id-deċiżjoni biex tingħata onorifiċenza għandha tiġi nnotifikata lill-persuni magħżula biex jirċievu l-onorifiċenza kkonċernati u għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 7
Kumitat ta’ selezzjoni
1. Il-kumitat ta’ selezzjoni għandu jikkonsisti minn seba’ membri, jiġifieri:
|
— |
il-President tal-Parlament Ewropew (ex officio); |
|
— |
żewġ Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew (ex officio); u |
|
— |
erba’ personalitajiet Ewropej eminenti. |
2. Il-Bureau tal-Parlament Ewropew għandu jaħtar lill-membri tal-kumitat ta’ selezzjoni għal mandat ta’ erba’ snin li jista’ jiġġedded.
3. Il-mandat tal-membri ex officio għandu jintemm awtomatikament meta ma jibqgħux jokkupaw il-kariga rispettiva tagħhom.
4. F’każ li jinħoloq post battal għal waħda mill-pożizzjonijiet imsemmijin qabel ma jagħlaq il-mandat, il-membru l-ġdid li jkun inħatar għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu biss għall-perjodu li jkun fadal tal-mandat tal-predeċessur tiegħu.
5. Fuq preżentazzjoni tad-dokumenti ġustifikattivi, il-membri tal-kumitat ta’ selezzjoni għandu jkollhom id-dritt, fejn xieraq, għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar raġonevoli li jġarrbu biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitat ta’ selezzjoni.
6. Il-kumitat ta’ selezzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
Artikolu 8
Ċerimonja tal-għoti
1. Ċerimonja annwali għandha sseħħ matul waħda mis-sessjonijiet parzjali tal-Parlament. Ċerimonji addizzjonali jistgħu jiġu organizzati meta jitqies xieraq.
2. Matul iċ-ċerimonja, il-President tal-Parlament Ewropew għandu/ha j/tagħti l-onorifiċenza lill-persuni magħżula biex jirċievu l-onorifiċenza.
3. Fuq preżentazzjoni tad-dokumenti ġustifikattivi, il-persuni magħżula biex jirċievu l-onorifiċenza u l-membri tal-kumitat ta’ selezzjoni għandu jkollhom id-dritt għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar raġonevoli li jġarrbu biex jattendu għaċ-ċerimonja.
Artikolu 9
Revoka u rtirar
1. Il-kumitat ta’ selezzjoni jista’ jirrevoka l-ħatra fl-Ordni fil-każ li Membru tal-Ordni, ikun xi jkun il-grad onorifiku tiegħu, jew persuna magħżula biex tirċievi l-onorifiċenza, jkunu nstabu ħatja ta’ reat b’sentenza definittiva, ikunu wrew diżrispett lejn il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, jiġifieri dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jew ikunu użaw il-midalja jew iż-żigarella fuq virga żgħira tal-metall b’mod mhux xieraq.
Il-kumitat ta’ selezzjoni jista’ jirtira onorifiċenza jekk tkun ingħatat abbażi ta’ informazzjoni mhux korretta relatata mal-kriterji ta’ eleġibbiltà jew ta’ esklużjoni jew mal-kisbiet tal-Membru tal-Ordni, ikun xi jkun il-grad onorifiku tiegħu, jew il-persuna magħżula biex tirċievi l-onorifiċenza kkonċernata.
Ir-revoka jew l-irtirar tal-ħatra fl-Ordni għandha ġġib magħha it-telf tad-drittijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4.
2. Il-kumitat ta’ selezzjoni jista’ jiddelega l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 1 lill-President tal-Parlament Ewropew.
3. Il-Membru tal-Ordni, ikun xi jkun il-grad onorifiku tiegħu, jew il-persuna magħżula biex tirċievi l-onorifiċenza kkonċernata għandhom jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub qabel ma tkun adottata d-deċiżjoni skont il-paragrafu 1.
4. Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata u għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ u pubblikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2745/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)