European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/753

25.7.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/753

tas-16 ta’ April 2025

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata volontarjament minn emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà fil-mudelli għad-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà jistgħu jagħżlu li jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/2631 bl-użu tal-mudelli komuni. Ma hemm l-ebda obbligu biex jiżvelaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/2631 bl-użu ta’ dawn il-mudelli komuni. Madankollu, jekk l-emittenti jagħżlu li jużaw dawn il-mudelli, jenħtieġ li jsegwuhom. L-emittenti li jużaw il-mudelli jibqgħu liberi li jiżvelaw informazzjoni addizzjonali.

(2)

L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2023/2631 jirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika linji gwida li jistabbilixxu mudelli għad-divulgazzjonijiet volontarji ta’ qabel il-ħruġ għall-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà. L-iżgurar tal-konsistenza bejn il-mudelli ppubblikati f’dawn il-linji gwida u tal-komparabbiltà tagħhom, u l-mudelli li l-emittenti ta’ dawn il-bonds jenħtieġ li jużaw meta jiddivulgaw b’mod volontarju informazzjoni ta’ wara l-ħruġ, se jiffaċilitaw l-użu tal-informazzjoni li tinsab f’dawn il-mudelli mill-investituri u b’hekk tiżdied it-trasparenza.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mad-divulgazzjonijiet li l-emittenti jridu jippubblikaw għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, il-mudelli għad-divulgazzjonijiet volontarji ta’ informazzjoni ta’ wara l-ħruġ għall-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà jibnu fuq it-taqsimiet rilevanti tal-mudelli għad-divulgazzjonijiet ta’ wara l-ħruġ skont l-Istandard Ewropew għall-Bonds Ekoloġiċi.

(4)

L-għoti ta’ ċarezza għall-emittenti dwar l-użu ta’ mudelli ta’ divulgazzjoni ta’ wara l-ħruġ se jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ dawn il-mudelli, u b’hekk jgħin biex it-trasparenza u l-istandardizzazzjoni fis-suq għall-bonds sostenibbli jitjiebu. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu speċifikati aktar l-aspetti marbuta mal-użu ta’ dawn il-mudelli. Dan jikkonċerna l-frekwenza li biha l-emittenti jenħtieġ li jippubblikaw id-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ, filwaqt li jitqies jekk l-emittent jiksibx rieżami estern tad-divulgazzjonijiet.

(5)

Sabiex tiġi pprovduta aktar ċarezza għall-emittenti, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-lingwa li għandha tintuża għad-divulgazzjonijiet volontarji, kif ukoll il-mezzi ta’ pubblikazzjoni u għal kemm żmien l-informazzjoni żvelata jenħtieġ li tibqa’ disponibbli.

(6)

Sabiex jiġu protetti l-investituri, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat kif l-emittenti jenħtieġ li jipproċedu jekk ikollhom bżonn jikkoreġu d-divulgazzjonijiet tagħhom.

(7)

L-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2023/2631 jippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jirrikjedu li l-emittenti li jużaw il-mudelli għad-divulgazzjoni volontarja ta’ informazzjoni ta’ wara l-ħruġ jinkludu l-elementi elenkati fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament f’dawn il-mudelli. Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-emittenti li jużaw dawn il-mudelli u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti u biex jiġu ffaċilitati n-notifiki tal-pubblikazzjoni tad-divulgazzjonijiet volontarji, dawn tal-aħħar jenħtieġ li joħolqu punt ta’ kuntatt,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mudelli għal divulgazzjonijiet volontarji ta’ wara l-ħruġ għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew bonds marbuta mas-sostenibbiltà

L-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà li jagħżlu li jużaw il-mudelli volontarji komuni msemmija fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandhom jużaw il-mudelli stabbiliti fl-Anness. Formola waħda tista’ tkun relatata ma’ aktar minn ħarġa waħda ta’ bonds.

Artikolu 2

Il-frekwenza tad-divulgazzjoni

1.   L-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli li jagħżlu li jiddivulgaw volontarjament l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandhom jagħmlu dan għal kull perjodu ta’ 12-il xahar sad-data tal-allokazzjoni sħiħa tar-rikavati minn dawn il-bonds. L-emittenti ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà li jagħżlu li jiddivulgaw din l-informazzjoni b’mod volontarju għandhom jagħmlu dan għal kull perjodu ta’ 12-il xahar sal-aħħar osservazzjoni dwar il-miri ta’ sostenibbiltà.

2.   L-ewwel perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fid-data tal-ħruġ tal-bonds ikkonċernati.

3.   L-emittenti ta’ bonds kkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà jistgħu jistabbilixxu d-data tat-tmiem tal-ewwel perjodu ta’ rapportar bħala l-aħħar jum tas-sena kalendarja jew tas-sena finanzjarja tal-ħruġ.

4.   L-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà li jiksbu rieżami estern tad-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ tagħhom għandhom jiddivulgaw din l-informazzjoni ta’ wara l-ħruġ fi żmien 270 jum mit-tmiem ta’ kull perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1.

5.   L-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà li ma jiksbux rieżami estern tad-divulgazzjonijiet perjodiċi tagħhom ta’ wara l-ħruġ għandhom jiddivulgaw din l-informazzjoni ta’ wara l-ħruġ fi żmien 150 jum mit-tmiem ta’ kull perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Pubblikazzjoni fuq is-siti web tal-emittenti

1.   L-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/2631 bl-użu ta’ mudelli msemmija fl-Artikolu 1 fuq is-sit web tagħhom.

Id-divulgazzjonijiet, inkluż kwalunkwe emenda jew korrezzjoni għalihom, għandhom ikunu disponibbli, mingħajr ħlas, sa mill-inqas 12-il xahar wara l-maturità tal-bonds ikkonċernati.

2.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandha tiġi ppubblikata, skont l-għażla tal-emittent tal-bonds ikkonċernati, jew f’lingwa li tintuża fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, jew:

(a)

meta l-bonds jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għan-negozjar fi Stat Membru wieħed biss, f’lingwa aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

meta l-bonds jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għan-negozjar f’żewġ Stati Membri jew aktar, b’lingwa aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati Membri.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, meta prospett għall-bonds ikkonċernati jkun ġie ppubblikat skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandha tiġi ppubblikata bil-lingwa jew bil-lingwi ta’ dak il-prospett.

Artikolu 4

Korrezzjonijiet

L-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà għandhom, meta l-allokazzjoni tar-rikavati tiġi kkoreġuta wara l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/2631, jaġġornaw minnufih dik l-informazzjoni kif xieraq u jippubblikawha mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 5

Notifika lill-awtoritajiet kompetenti u mezzi ta’ komunikazzjoni

1.   L-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà għandhom, b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien żejjed wara kull pubblikazzjoni, jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar:

(a)

il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/2631;

(b)

il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe aġġornament imsemmi fl-Artikolu 4;

(c)

il-hyperlink għas-sit web ta’ fejn din l-informazzjoni ġiet ippubblikata.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom joħolqu punt ta’ kuntatt li jservi bħala riċevitur tan-notifiki kollha magħmula mill-emittent f’konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 6

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2017/1129/oj).


ANNESS

MUDELL GĦAD-DIVULGAZZJONIJIET PERJODIĊI TA’ WARA L-ĦRUĠ GĦAL BONDS IKKUMMERĊJALIZZATI BĦALA AMBJENTALMENT SOSTENIBBLI

[Meta d-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ jkunu ġew riveduti, it-titolu għandu jirrifletti dan.]

Dan id-dokument u l-kontenut tiegħu mhumiex soġġetti għal xi approvazzjoni jew endorsjar minn kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.

1.   Informazzjoni ġenerali

—

[Data tal-ħruġ tal-bond(s) jew tas-segmenti tal-bond(s)]

—

[Data tal-pubblikazzjoni tad-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ]

—

[L-ewwel u l-aħħar data tal-perjodu li d-divulgazzjonijiet annwali ta’ wara l-ħruġ jirreferu għalih: [data-data]]

—

[L-isem legali tal-emittent]

—

[Meta jkun disponibbli, l-identifikatur tal-entità ġuridika (LEI, legal entity identifier) tal-fornitur]

—

[L-indirizz tas-sit web li jipprovdi lill-investituri informazzjoni dwar kif jikkuntattjaw lill-emittent]

—

[L-indirizz tas-sit web li jipprovdi lill-investituri b’aċċess għad-dokumenti relatati mal-bond (s), jekk ikun hemm, bħal pereżempju oqfsa ta’ bonds ekoloġiċi, mudelli volontarji kompluti, rapporti perjodiċi]

—

[Meta jkun disponibbli, l-isem tal-bond(s) assenjat(i) mill-emittent]

—

[Meta jkunu disponibbli, in-numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN, international securities identification numbers) tal-bond(s) u tas-segmenti tiegħu/tagħhom]

—

[Meta d-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ ikunu ġew soġġetti għal rieżami ta’ wara l-ħruġ, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rieżaminatur estern u l-link għar-rieżami ta’ wara l-ħruġ rilevanti]

—

[Meta jkun applikabbli, l-isem tal-awtorità kompetenti li approvat il-prospett(i) tal-bonds u l-link għall-prospett(i)]

2.   Strateġija ambjentali u motivazzjoni

Deskrizzjoni ġenerali

—

[L-objettivi ambjentali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fil-mira tal-bond(s).]

Link għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-assi, tal-fatturat, ta’ CapEx (nefqa kapitali) u tal-OpEx (kostijiet operatorji)

—

[Meta l-emittent ikun soġġett għall-obbligu li jiddivulga informazzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds jikkontribwixxu għall-fatturat, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja allinjati mat-tassonomija tal-emittent.]

Link għall-pjanijiet ta’ tranżizzjoni

—

[Meta l-emittent ikun soġġett għall-obbligu li jippubblika l-pjanijiet skont l-Artikolu 19a (2), il-punt (a)(iii), jew, meta jkun applikabbli, l-Artikolu 29a(2), il-punt (a)(iii), tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2, jew meta l-emittent jippubblika volontarjament dawn il-pjanijiet:

—

il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds ikkontribwew għall-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet; kif ukoll

—

link għas-sit web fejn jiġu ppubblikati dawk il-pjanijiet.]

3.   Allokazzjoni ta’ rikavati minn bonds

[L-informazzjoni elenkata hawn taħt jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-inqas fil-livell tal-attività ekonomika, u idealment fil-livell tal-proġett jew tal-grupp ta’ proġetti. Il-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità, il-kunsiderazzjonijiet kompetittivi, jew għadd kbir ta’ proġetti kwalifikanti sottostanti u kunsiderazzjonijiet simili jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-ammont ta’ dettall li jsir disponibbli.]

Allokazzjoni għal attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija

—

[Jekk l-emittent hux qed jalloka r-rikavati skont approċċ gradwali jew lil portafoll ta’ assi, u jekk il-bond(s) huwiex/humiex bond(s) ta’ titolizzazzjoni]

—

[Il-proporzjon tar-rikavati mill-bonds li ntuża għal attivitajiet li huma ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852, skont il-metodoloġija użata mill-emittent: minn [XX]% tar-rikavati mill-bonds]

—

[Meta l-emittent ikun sovran, u r-rikavati mill-bonds ikunu ġew allokati għal ħelsien mit-taxxa, is-sussidji, il-konsum intermedju, it-trasferimenti kurrenti fi ħdan kooperazzjoni governattiva jew internazzjonali jew tipi oħra ta’ nefqiet pubbliċi, deskrizzjoni ċara tal-allokazzjoni għall-attivitajiet u l-objettivi ekonomiċi allinjati mat-tassonomija]

—

[L-emittent għandu jimla t-Tabella A jew it-Tabella B ta’ hawn taħt, skont jekk ir-rikavati humiex qed jiġu allokati skont approċċ gradwali jew ġewx allokati għal portafoll ta’ assi. It-totali korrispondenti għandhom jimtlew ukoll.]

Esklużjonijiet

—

[Dikjarazzjoni [iva/le] dwar jekk il-bond jeskludix allokazzjoni tar-rikavati għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 (3), possibbilment issupplimentata b’deskrizzjoni/spjegazzjoni qasira]

4.   L-impatt ambjentali (opzjonali)

—

[Meta disponibbli, deskrizzjoni tal-impatti ambjentali tar-rikavati mill-bond(s)]

[Informazzjoni ddivulgata hawnhekk tista’ tinkludi metriċi speċifiċi bħal Emissjonijiet evitati ta’ Gassijiet Serra (GHG, Greenhouse Gas) (tCO2e), il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli installata (imkejla f’MW), it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija (MWh) u/jew it-tnaqqis tal-intensità tal-enerġija (MWh għal kull unità ta’ produzzjoni), it-tnaqqis tal-estrazzjoni tal-ilma (m3) u/jew it-tnaqqis tal-intensità tal-ilma (m3 għal kull unità ta’ produzzjoni), it-tnaqqis tal-iskart iġġenerat (tunnellati metriċi) u t-tnaqqis ta’ skart perikoluż u mhux perikoluż (tunnellati metriċi), it-tnaqqis taż-żona tal-art affettwata (ha) jew id-daqs tal-art restawrata (ha) fir-rigward tal-impatti fuq il-bijodiversità.]

5.   Informazzjoni dwar ir-rapportar

—

[Link għas-sit web tal-emittent]

—

[Meta jkun applikabbli, link għar-rapporti rilevanti tal-emittent, bħar-rapport konsolidat dwar il-ġestjoni jew ir-rapport konsolidat dwar is-sostenibbiltà skont id-Direttiva 2013/34/UE.]

6.   Informazzjoni rilevanti oħra

[Fil-każ ta’ bond ta’ titolizzazzjoni, ir-referenzi għall-emittent f’dan id-dokument għandhom jiġu interpretati li jirreferu għall-oriġinatur u, meta jkun xieraq, sostitwiti b’referenzi għall-oriġinatur.]

MUDELL GĦAD-DIVULGAZZJONIJIET PERJODIĊI TA’ WARA L-ĦRUĠ GĦAL BONDS MARBUTA MAS-SOSTENIBBILTÀ

[Meta d-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ jkunu ġew riveduti, it-titolu għandu jirrifletti dan.]

Dan id-dokument u l-kontenut tiegħu mhumiex soġġetti għal xi approvazzjoni jew endorsjar minn kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.

1.   Informazzjoni ġenerali

—

[Data tal-ħruġ tal-bond(s) jew tas-segmenti tal-bond(s)]

—

[Data tal-pubblikazzjoni tad-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ]

—

[L-ewwel u l-aħħar data tal-perjodu li d-divulgazzjonijiet annwali ta’ wara l-ħruġ jirreferu għalih: [data-data]]

—

[L-isem legali tal-emittent]

—

[Meta jkun disponibbli, l-identifikatur tal-entità ġuridika (LEI, legal entity identifier) tal-fornitur]

—

[L-indirizz tas-sit web li jipprovdi lill-investituri b’informazzjoni dwar kif jikkuntattjaw lill-emittent]

—

[L-indirizz tas-sit web li jipprovdi lill-investituri b’aċċess għad-dokumenti relatati mal-bond(s), jekk ikun hemm, bħal pereżempju oqfsa ta’ bonds ekoloġiċi, mudelli volontarji kompluti, rapporti perjodiċi]

—

[Meta jkun disponibbli, l-isem tal-bond(s) assenjat mill-emittent]

—

[Meta jkunu disponibbli, in-numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN, international securities identification numbers) tal-bond(s) u tas-segmenti tiegħu/tagħhom]

—

[Meta jkun applikabbli, l-isem tal-awtorità kompetenti li approvat il-prospett(i) tal-bonds u l-link għall-prospett]

—

[Meta d-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ ikunu ġew soġġetti għal rieżami ta’ wara l-ħruġ, l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rieżaminatur estern u l-link għar-rieżami ta’ wara l-ħruġ rilevanti]

2.   Strateġija ambjentali u motivazzjoni

Karatteristiċi importanti tal-bond

—

[Deskrizzjoni tal-motivazzjoni u l-livell ta’ ambizzjoni]

—

[Deskrizzjoni tal-materjalità u l-metodoloġija tal-kalkolu tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-miri tal-prestazzjoni tas-sostenibbiltà relatati stabbiliti mill-emittent, flimkien ma’ informazzjoni aġġornata dwar il-progress li jkun sar apparagun tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni magħżula, inklużi l-linji bażi fejn rilevanti, kif ukoll aġġornamenti relatati mal-miri tal-prestazzjoni tas-sostenibbiltà, u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-analiżi tal-progress marbut mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u mal-miri tal-prestazzjoni tas-sostenibbiltà]

—

[Dikjarazzjoni dwar jekk l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni humiex soġġetti għal rieżami estern, awditu ambjentali jew opinjoni sekondarja simili u fejn applikabbli, l-isem tal-entità responsabbli minn dak ir-rieżami jew dik l-opinjoni]

—

[Meta rilevanti, il-mod li bih il-bond huwa marbut mal-fatturat, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja allinjati mat-tassonomija tal-emittent billi jiġi applikat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 (4)]

—

[Deskrizzjoni tal-istruttura tal-bonds, inkluż il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-kupun.]

Deskrizzjoni ġenerali

—

[L-objettivi ambjentali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)fil-mira tal-bond(s)]]

Link għall-pjanijiet ta’ tranżizzjoni

—

[Meta l-emittent ikun soġġett għall-obbligu li jippubblika l-pjanijiet skont l-Artikolu 19a(2), il-punt (a)(iii), jew, meta jkun applikabbli, l-Artikolu 29a(2), il-punt (a)(iii), tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jew meta l-emittent jippubblika volontarjament dawn il-pjanijiet:

—

il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds ikkontribwew għall-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet; kif ukoll

—

link għas-sit web fejn jiġu ppubblikati dawk il-pjanijiet.]

3.   Informazzjoni dwar ir-rapportar

—

[Link għas-sit web tal-emittent]

—

[Meta jkun applikabbli, link għar-rapporti rilevanti tal-emittent, bħar-rapport konsolidat dwar il-ġestjoni jew ir-rapport konsolidat dwar is-sostenibbiltà skont id-Direttiva 2013/34/UE.]

4.   Informazzjoni rilevanti oħra

Tabella A, li għandha tiżdied mad-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ għal bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli meta r-rikavati jkunu qed jiġu allokati skont approċċ gradwali

[L-informazzjoni fit-tabella ta’ hawn taħt għandha tiġi pprovduta mill-inqas fil-livell tal-attività ekonomika, u idealment fil-livell tal-proġett jew tal-grupp ta’ proġetti. Il-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità, il-kunsiderazzjonijiet kompetittivi jew l-għadd kbir ta’ proġetti kwalifikanti sottostanti u kunsiderazzjonijiet simili jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-ammont ta’ dettall li jsir disponibbli.]

L-informazzjoni fit-tabella ta’ hawn taħt tkopri l-perjodu mill-ħruġ tal-bond ikkonċernat sad-data tar-rapportar.

Tabella A

1.

L-isem, il-post u d-deskrizzjoni tal-proġett (jew grupp ta’ proġetti jew attività ekonomika)

1.1.

(Għal kull proġett/grupp ta’ proġetti/attività ekonomika, kif applikabbli) [Isem]

1.2.

[Post]

1.3.

[Deskrizzjoni bażika]

2.

Ammont ta’ rikavati allokati mill-bond(s)

2.1.

[Ir-rikavati mill-bonds allokati għal dan il-proġett/grupp ta’ proġetti/attività ekonomika mid-data tal-ħruġ]

2.2.

[Ir-rikavati mill-bonds allokati għal dan il-proġett/grupp ta’ proġetti/attività ekonomika fil-perjodu ta’ rapportar]

2.3.

Is-sehem tal-proġett li huwa ffinanzjat mill-bond(s)

3.

Is-sehem tar-rikavati totali użati għall-finanzjament (fis-sena tal-ħruġ jew wara s-sena tal-ħruġ) jew għar-rifinanzjament (aktar bikri)

3.1.

[Is-sehem tal-ammont fir-ringiela 2.1 użat għall-finanzjament u r-rifinanzjament]

3.2.

[Is-sehem tal-ammont fir-ringiela 2.2 użat għall-finanzjament u r-rifinanzjament]

4.

Tip u settur ta’ attivitajiet ekonomiċi ffinanzjati mill-bond(s)

4.1.

[Għal kull waħda mill-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-proġett iffinanzjat mill-bond(s): it-tipi/is-setturi]

4.2.

[Għal kull waħda mill-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-proġett iffinanzjat mill-bond(s): fejn applikabbli, il-kodiċijiet NACE rispettivi f’konformità mal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)]

5.

L-ammont ta’ rikavati allokati mill-bond(s) li huma allinjati mat-tassonomija

5.1.

[Mir-rikavati totali mill-bonds allokati għall-proġett, l-ammont li huwa allokat għal attività li hija allinjata mat-tassonomija mid-data tal-ħruġ]

5.2.

[Is-sehem perċentwali tal-ammont mogħti fir-ringiela 2.1]

5.3.

[Mir-rikavati mill-bonds allokati għall-proġett fil-perjodu tar-rapportar, l-ammont li huwa allokat għal attività li hija allinjata mat-tassonomija fil-perjodu tar-rapportar]

5.4.

[Is-sehem perċentwali tal-ammont mogħti fir-ringiela 2.2]

6.

Objettivi ambjentali u kriterji ta’ skrinjar tekniku

6.1.

[L-objettiv(i) ambjentali fil-mira, kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8)]

6.2.

[Indikazzjoni ta’ liema atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) jew l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 jintużaw biex jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ skrinjar tekniku, u d-dati tal-applikazzjoni tagħhom]

6.3.

[Informazzjoni dwar il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet użati għall-kalkolu tal-metriċi tal-impatt ewlenin f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikoli 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852, u għal kwalunkwe metrika tal-impatt addizzjonali]

7.

In-natura tal-assi u l-infiq ambjentalment sostenibbli

7.1.

[Mill-ammont allokat fil-perjodu ta’ rapportar fir-ringiela 5.3, l-ammont tan-nefqa kapitali]

7.2.

[Mill-ammont allokat fil-perjodu ta’ rapportar fir-ringiela 5.3, l-ammont tan-nefqa operatorja]

7.3.

[Tal-ammont allokat fil-perjodu ta’ rapportar fir-ringiela 5.3, l-ammont tal-assi fissi]

7.4.

[Tal-ammont allokat fil-perjodu ta’ rapportar fir-ringiela 5.3, l-ammont tal-assi finanzjarji]

8.

L-ammont ta’ rikavati allokati mill-bond(s) li ma humiex allinjati mat-tassonomija

8.1.

[Mir-rikavati totali mill-bonds allokati għall-proġett, l-ammont li huwa allokat għal attività li ma hijiex allinjata mat-tassonomija mid-data tal-ħruġ]

8.2.

[Is-sehem perċentwali tal-ammont mogħti fir-ringiela 2.1]

8.3.

[Mir-rikavati mill-bonds allokati għall-proġett fil-perjodu tar-rapportar, l-ammont li huwa allokat għal attività li ma hijiex allinjata mat-tassonomija fil-perjodu tar-rapportar]

8.4.

[Is-sehem perċentwali tal-ammont mogħti fir-ringiela 2.2]

9.

Informazzjoni rilevanti oħra

9.1.

[Informazzjoni rilevanti oħra, bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ambjentali rilevanti, links għal siti web b’informazzjoni rilevanti u links għal dokumenti pubbliċi rilevanti b’informazzjoni aktar dettaljata, bħas-sit web tal-emittent li jiddeskrivi l-proġett jew rapport minn konsulenza ambjentali]

Totali:

Mill-ħruġ

[perjodu ta’ rapportar]

Ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati mill-ħruġ: [X]

Li minnhom, l-ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati għal attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija minn meta nħarġu: [X]

Ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati fil-perjodu ta’ rapportar: [X]

Li minnhom, l-ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati għal attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija fil-perjodu ta’ rapportar: [X]

Li minnhom:

—

Ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati għan-nefqa kapitali allinjata mat-tassonima fil-perjodu ta’ rapportar: [X]

—

Ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati għan-nefqa operatorja allinjata mat-tassonomija fil-perjodu ta’ rapportar: [X]

—

Ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati għal [nefqiet oħrajn] allinjati mat-tassonomija fil-perjodu ta’ rapportar: [X]

Tabella B, li għandha tiżdied mad-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ għal bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli meta r-rikavati mill-bonds jkunu allokati għal portafoll ta’ assi

[L-informazzjoni fit-tabella ta’ hawn taħt għandha tiġi pprovduta mill-inqas fil-livell tal-attività ekonomika, u idealment fil-livell tal-proġett jew tal-grupp ta’ proġetti. Il-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità, il-kunsiderazzjonijiet kompetittivi jew l-għadd kbir ta’ proġetti kwalifikanti sottostanti u kunsiderazzjonijiet simili jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-ammont ta’ dettall li jsir disponibbli.]

L-informazzjoni fit-tabella ta’ hawn taħt tkopri l-perjodu ta’ rapportar.

Tabella B

Bonds pendenti kkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli

Portafoll ta’ assi ambjentalment sostenibbli

Ħarsa ġenerali tal-bonds pendenti kollha kkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli, li tindika l-valur individwali u kkombinat tagħhom

Ħarsa ġenerali lejn l-assi fuq il-karta tal-bilanċ tal-emittent, li tindika:

1.

[Isem, post, u deskrizzjoni bażika tal-proġett]

2.

[Meta jkun disponibbli, indikazzjoni tar-rikavati li huma maħsuba biex jiġu allokati għal dan il-proġett mill-bond]

3.

[Meta jkun disponibbli, indikazzjoni tas-sehem tal-ammont fil-punt 2 li għandu jintuża għall-finanzjament u r-rifinanzjament]

4.

[Għal kull waħda mill-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-proġett iffinanzjat mill-bond: it-tipi/is-setturi u, fejn applikabbli, il-kodiċijiet NACE rispettivi f’konformità mal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006]

5.

[Meta jkun disponibbli, l-ammont tar-rikavati għal dak il-proġett iffinanzjat mill-bond li huma allokati għal attività li hija allinjata mat-tassonomija] [sehem perċentwali tal-ammont mogħti fil-punt 2]

6.

[L-objettiv(i) ambjentali fil-mira, kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852] [Indikazzjoni ta’ liema atti delegati adottati f’konformità mal-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) jew l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 jintużaw biex jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ skrinjar tekniku, u d-dati tal-applikazzjoni tagħhom] [Informazzjoni dwar il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet użati għall-kalkolu tal-metriċi tal-impatt ewlenin f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852, u għal kwalunkwe metrika tal-impatt addizzjonali.]

7.

[Meta jkun disponibbli, indika l-ammont u/jew l-għadd ta’ proġetti ġodda meta mqabbel mal-ammont ta’ ħruġ ġdid ta’ bond fis-sena kalendarja tal-ħruġ.]

8.

[Informazzjoni rilevanti oħra, bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ambjentali rilevanti, kif ukoll links għal siti web b’informazzjoni rilevanti u links għal dokumenti pubbliċi rilevanti b’informazzjoni aktar dettaljata.]

Valur totali tal-portafoll ta’ bonds pendenti kkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli:

Valur totali tal-portafoll ta’ assi ambjentalment sostenibbli:

Valur totali tal-portafoll ta’ assi ambjentalment sostenibbli relatati ma’ attività allinjata mat-tassonomija:


(1)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2020/852/oj).

(2)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 406, 3.12.2020, p. 17, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_del/2020/1818/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 tas-6 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ żvelar (ĠU L 443, 10.12.2021, p. 9, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_del/2021/2178/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2020/852/oj).

(6)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2006/1893/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2020/852/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/753/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)