|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6335 |
7.11.2024 |
P9_TA(2024)0070
Mewġa ġdida ta’ arresti tal-massa fil-Belarussja tal-attivisti tal-oppożizzjoni u tal-familjari tagħhom
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar il-mewġa ġdida ta’ arresti tal-massa fil-Belarussja tal-attivisti tal-oppożizzjoni u tal-familjari tagħhom (2024/2550(RSP))
(C/2024/6335)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi f’Jannar 2024, il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Istat tal-Belarussja (KGB) wettaq rejds, interrogazzjonijiet u detenzjonijiet immirati lejn aktar minn 200 membru tal-familji ta’ priġunieri politiċi attwali u preċedenti kif ukoll benefiċjarji tal-inizjattiva “INeedHelpBY” dwar akkużi relatati ma’ “estremiżmu”; billi l-maġġoranza huma ommijiet u nisa ta’ priġunieri politiċi, inklużi Marina Adamovich, mart Mikalai Statkevich, Tatsiana Seviarynets, omm Pavel Seviarynets, u Daria Losik, mart Ihar Losik u li kienet arrestata qabel; |
|
B. |
billi tressqu akkużi addizzjonali in absentia kontra 20 analist politiku, ġurnalist u soċjologu mlaqqgħin l-“analisti ta’ Tsikhanouskaya”, li qed jiffaċċjaw il-konfiska tal-proprjetà u r-revoka taċ-ċittadinanza jekk jinstabu ħatja; |
|
C. |
billi l-priġunieri politiċi, inklużi l-mexxejja tal-partiti Mikalai Kazlou, Ryhor Kastusiou, Mikalai Statkevich u Pavel Seviarynets, jiffaċċjaw iżolament, tortura, ċaħda tal-kura medika u xogħol furzat; |
|
D. |
billi l-aħħar repressjoni tippreċedi l-“elezzjonijiet” parlamentari u lokali fil-25 ta’ Frar 2024; billi l-“liġi dwar il-partiti politiċi” tal-2023 qed tipprevjeni lill-partiti tal-oppożizzjoni demokratika milli jipparteċipaw fl-elezzjonijiet; |
|
1. |
Jikkundanna bil-qawwa l-mewġa reċenti ta’ arresti tal-massa fil-Belarussja u jħeġġeġ lir-reġim illeġittimu ta’ Lukashenka jwaqqaf ir-repressjoni, speċjalment kwalunkwe persekuzzjoni marbuta mal-ġeneru, u jfakkar lir-reġim fl-obbligi internazzjonali tiegħu; |
|
2. |
Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ aktar minn 1 400 priġunier politiku, kif ukoll tal-familji tagħhom u tal-persuni detenuti arbitrarjament, u l-kumpens dovut lilhom, filwaqt li jiġu restawrati d-drittijiet sħaħ tagħhom; |
|
3. |
Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ trasparenza, libertà u ġustizzja qabel l-“elezzjonijiet” parlamentari u lokali fil-Belarussja u jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex ma jirrikonoxxux ir-riżultati; |
|
4. |
Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Kunsill iwieġbu billi jimponu sanzjonijiet aktar b’saħħithom fuq ir-reġim ta’ Lukashenka, inkluż kontra oġġetti li jinvolvu xogħol furzat tal-priġunieri politiċi, sanzjonijiet finanzjarji aktar stretti, u sanzjonijiet fuq individwi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi uffiċjali ta’ livell għoli u membri tal-forzi tas-sigurtà; jitlob tnaqqis ulterjuri tal-preżenza diplomatika tal-Belarussja fl-UE, appoġġ kontinwu għall-vittmi tar-reġim permezz ta’ strumenti speċjali li jippermettulhom jiksbu viżi u permessi ta’ residenza tal-UE u jindirizzaw każijiet ta’ apolidija; |
|
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw id-dokumentazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, jappoġġjaw it-trasformazzjoni tal-eżami tal-OHCHR tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja f’mekkaniżmu investigattiv kompletament indipendenti, jirrispettaw il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, u biex jiżdied l-obbligu ta’ rendikont permezz ta’ ġuriżdizzjoni ekstraterritorjali u universali; |
|
6. |
Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Belarussja u l-appoġġ tiegħu għall-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għal futur demokratiku u Ewropew u jibqa’ impenjat li jaħdem bla heda mal-forzi demokratiċi, mas-soċjetà ċivili u mal-media indipendenti għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja; |
|
7. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Istati Membri, lir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi, lill-awtoritajiet de facto Belarussi, lin-NU u lill-OSKE. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6335/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)