European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2155

18.10.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2155

tas-17 ta’ Ottubru 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rappurtar għall-komunikazzjonijiet dwar il-FAEG f’forma elettronika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 92 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ monitoraġġ kif suppost u infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għalih kienu maħsuba u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 (2) jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet.

(3)

L-Artikolu 48 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 jistabbilixxi regoli dwar il-mezzi ta’ sottomissjoni tal-pjan ta’ kontroll għall-iskrutinju u r-rapport ta’ skrutinju msemmija f’dak l-Artikolu. Dak ir-rekwiżit jeħtieġ għalhekk jiġi ssimplifikat permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” (3).

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 48 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata skont dan l-Artikolu għandha tiġi kkomunikata f’forma elettronika permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-verifiki, il-garanziji u t-trasparenza (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 131).

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” (COM(2023) 168 final).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2155/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)