2014R0609 — MT — 01.10.2016 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) Nru 609/2014

tas-26 ta' Mejju 2014

dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti

(Tfassil mill-ġdid)

(ĠU L 168 7.6.2014, p. 39)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2016/804 tas-17 ta' Mejju 2016

  L 132

85

21.5.2016




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) Nru 609/2014

tas-26 ta' Mejju 2014

dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti

(Tfassil mill-ġdid)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar kif isiru disponibbli għall-Kummissjoni r-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (c) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

Artikolu 2

Data tat-twaqqif ta' riżorsi proprji tradizzjonali

1.  Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija 1 fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom għandu jkun stabbilit hekk kif jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet previsti fir-regolamenti doganali fir-rigward tad-dħul tal-intitolament fil-kontijiet u n-notifika tad-debitur.

2.  Id-data tat-twaqqif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tal-entrata fir-reġistru tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fir-regolament doganali.

Fir-rigward tal-imposti u taxxi oħra konnessi mal-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, id-data tat-twaqqif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tan-notifika skont ir-regolamenti dwar iz-zokkor.

Fejn ma jkunx hemm dispożizzjoni espliċita dwar dik in-notifika, id-data għandha tkun id-data tat-twaqqif mill-Istati Membri tal-ammonti dovuti mid-debituri, fejn meħtieġ permezz ta' pagament bil-quddiem jew pagament tal-bilanċ.

3.  F'każijiet ta' disputa, l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti għandhom jitqiesu, għall-iskopijiet tat-twaqqif li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, li jkunu f'pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont tal-intitolament mhux aktar tard minn meta tittieħed l-ewwel deċiżjoni amministrattiva li tinnotifika lid-debitur bid-dejn jew minn meta jitressqu l-proċedimenti ġudizzjarji meta dan iseħħ l-ewwel.

Id-data tat-twaqqif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-deċiżjoni jew tal-kalkolu li għandhom isiru wara li jingħata bidu għal dawn il-proċeduri ġudizzjarji.

4.  Il-paragrafu 1 għandu japplika meta jkollha ssir korrezzjoni ta' notifika.

Artikolu 3

Konservazzjoni tad-dokumenti ta' sostenn

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jassiguraw li d-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw it-twaqqif u d-disponibbiltà ta' riżorsi proprji, jinżammu għal mill-anqas tliet snin kalendarji, li jibdew jgħoddu mit-tmiem tas-sena msemmija f'dawn id-dokumenti ta' sostenn.

▼M1

Id-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw il-proċeduri statistiċi u l-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 għandhom jinżammu mill-Istati Membri sat-30 ta' Novembru tar-raba' sena wara s-sena finanzjarja kkonċernata. Id-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw il-bażi tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT għandhom jinżammu għall-istess perijodu.

▼B

Jekk il-verifika taħt l-Artikoli 2(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014 jew l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 ( 1 ) tad-dokumenti ta' sostenn imsemmijin fl-ewwel u t-tieni paragrafi juru li korrezjoni hija meħtieġa, dawn għandhom jinżammu aktar mil-limitu ta' żmien li hemm dispożizzjoni dwaru fl-ewwel paragrafu għal perijodu suffiċjenti biex jippermettu li ssir il-korrezzjoni u li tkun sorveljata.

Fejn disputa bejn Stat Membru u l-Kummissjoni rigward l-obbligu li jsir disponibbli għadd partikolari ta' riżorsi proprji tiġi riżolta permezz ta' ftehim reċiproku jew permezz ta' deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru għandu jgħaddi d-dokumenti ta' sostenn lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn minn meta tinstab is-soluzzjoni, sabiex ikun jista' jsir is-segwitu finanzjarju.

Artikolu 4

Kooperazzjoni amministrattiva

1.  Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan li ġej:

(a) l-ismijiet tad-dipartimenti jew aġenziji responsabbli għat-twaqqif, il-ġbir, biex jagħmlu disponibbli u biex jikkontrollaw ir-riżorsi tagħha proprji u d-dispożizzjonijiet bażiċi li għandhom x'jaqsmu mar-rwol u l-operat ta' dawk id-dipartimenti u aġenziji;

(b) id-dispożizzjonijiet ġenerali preskritti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva u dawk relatati mal-proċedura tal-kontabbiltà li tikkonċerna t-twaqqif, il-ġbir, it-tqegħid għad-disponibbiltà u l-kontroll tar-riżorsi proprji mill-Kummissjoni;

(c) it-titolu preċiż tar-reġistri amministrattivi u tal-kontijiet tar-rekords kontabilistiċi kollha li fihom jinkitbu l-intitolamenti stabbiliti kif speċifikat fl-Artikolu 2, partikolarment dawk użati għat-tħejjija tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fl-Artikolu 6.

Il-Kummissjoni għandha tkun informata immedjetament b'xi tibdil li jista' jsir f'dawn l-ismijiet jew id-dispożizzjonijiet.

2.  Il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta' xi Stat Membru, tittrasmetti lill-Istati Membri kollha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 5

Rati applikabbli

Ir-rata uniformi msemmija fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom għandha tiġi stabbilita fil-kors tal-proċedura baġitarja u għandha tiġi kkalkulata bħala perċentwal tas-somma tal-previżjoni tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Istati Membri b'tali mod li tkopri kompletament dik il-parti tal-baġit mhux iffinanzjata mid-dħul imsemmi fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi supplimentari ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku u dħul ieħor.

Dik ir-rata għandha tiġi espressa fil-baġit b'ċifra li jkun fiha kemm huma meħtieġa postijiet deċimali biex ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING tinqasam kompletament bejn l-Istati Membri.



KAPITOLU II

KONTIJIET GĦAR-RIŻORSI PROPRJI

Artikolu 6

Entrata fil-kontijiet u r-rappurtar

▼M1

1.  Il-kontijiet għar-riżorsi proprji għandhom jinżammu mit-teżor ta' kull Stat Membru jew minn entità pubblika li teżerċita funzjonijiet simili (“it-teżor”) jew mill-bank ċentrali nazzjonali ta' kull Stat Membru. Dawk il-kontijiet għandhom ikunu maqsuma skont it-tip ta' riżorsi.

▼B

2.  Għal skopijiet ta' kontabbiltà tar-riżorsi proprji, ix-xahar għandu jintemm mhux aktar kmieni mis-1 p.m. tal-aħħar jum tax-xogħol tax-xahar li matulu jkun seħħ it-twaqqif.

3.  L-intitolamenti stabbiliti konformement mal-Artikolu 2 għandhom, soġġetti għat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, jiddaħħlu fil-kontijiet sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d- dsatax-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament.

L-intitolamenti stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, għax ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u għax ma tkun ġiet ipprovduta l-ebda garanzija, għandhom jintwerew f'kontijiet separati matul il-perjodu preskritt fl-ewwel subparagrafu. L-Istati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta l-intitolamenti stabbiliti, li dwarhom tkun ġiet ipprovduta garanzija, ikunu ġew kkontestati u, hekk kif tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet li jkunu qamu, jistgħu jkunu soġġetti għal tibdil.

Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għal żbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja, għandhom, madankollu, jiġu dokumentati fil-kontijiet kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu kif ġej:

— il-porzjon ta' wieħed minn tnax imsemmi fl- ►M1  Artikolu 10a(1) ◄ għandu jiġi rreġistrat fl-ewwel jum ta' xogħol ta' kull xahar,

▼M1

— ir-riżultat tal-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10b(5) għandu jiġi rreġistrat kull sena, ħlief għall-aġġustamenti partikolari msemmija fl-Artikolu 10b(2)(b), li għandhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar li jsegwi l-qbil bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni.

▼B

L-intitolamenti stabbiliti relatati ma' imposti u taxxi oħra konnessi mal-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet msemmija fl-ewwel subparagrafu. Jekk dawk l-intitolamenti ma jkunux imbagħad rkuprati fil-limiti taż-żmien iffissati, l-Istati Membri jistgħu jikkorreġu l-entrata u, bħala eċċezzjoni, idaħħlu l-intitolament fil-kontijiet separati.

4.  Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, fil-limiti taż-żmien speċifikati fil-paragrafu 3:

(a) rendikont ta' kull xahar dwar il-kontijiet tiegħu tal-intitolamenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3;

(b) rendikont ta' kull tliet xhur dwar il-kontijiet separati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3.

Flimkien ma' dawk ir-rendikonti ta' kull xahar, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu dettalji jew rendikonti tat-tnaqqis mir-riżorsi proprji bbażati fuq id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' territorji ta' status speċjali.

Flimkien mar-rendikont trimestrali finali għal sena partikolari, l-Istati Membri għandhom jibagħtu stima tal-ammont totali ta' intitolamenti li jinstabu fil-kontijiet separati fil-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena li l-irkupru tagħhom sar improbabbli.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati għar-rendikonti ta' kull xahar u ta' kull tliet xhur. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 16.

Artikolu 7

Korrezzjonijiet tal-kontabbiltà

Wara l-31 ta' Diċembru tat-tielet sena wara sena partikolari, m'għandhom isiru l-ebda korrezzjonijiet oħra lis-somma tar-rendikonti ta' kull xahar innotifikati mill-Istati Membri skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) għas-sena inkwistjoni, ħlief dwar punti nnotifikati qabel din id-data mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 8

Korrezzjonijiet fit-twaqqif

Il-korrezzjonijiet li jsiru permezz tal-Artikolu 2(4) għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu mill-ammont totali ta' intitolamenti stabbiliti. Dawn għandhom ikunu rreġistrati fil-kontijiet imsemmijin fl-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) u fir-rendikonti msemmijin fl-Artikolu 6(4) konformement mad-data ta' dawk il-korrezzjonijiet.



KAPITOLU III

DISPONIBBILTÀ TAR-RIŻORSI PROPRJI

Artikolu 9

It-teżor u l-arranġamenti tal-kontabbiltà

▼M1

1.  F'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10, 10a u 10b, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi proprji fil-kont li nfetaħ f'isem il-Kummissjoni mat-teżor tiegħu jew mal-bank ċentrali nazzjonali. Soġġett għall-applikazzjoni ta' mgħax negattiv kif imsemmi fit-tielet subparagrafu, dak il-kont jista' jiġi ddebitat biss fuq struzzjoni mill-Kummissjoni.

Dan il-kont għandu jinżamm fil-munita nazzjonali u ħieles minn kwalunkwe imposta u mgħax.

▼M1

Meta mgħax negattiv huwa applikat għal dak il-kont, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkredita l-kont b'ammont li jikkorrispondi għall-ammont ta' tali mgħax negattiv applikat, sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara l-applikazzjoni ta' tali mgħax negattiv.

▼M1

2.  L-Istati Membri jew il-banek ċentrali nazzjonali għandhom jittrasmettu dan li ġej lill-Kummissjoni b'mezzi elettroniċi:

(a) fil-jum tax-xogħol li fih ir-riżorsi proprji jiġu kkreditati fil-kont tal-Kummissjoni, rendikont jew avviż ta' kreditu li juri d-dħul tar-riżorsi proprji;

(b) mingħajr preġudizzju għall-punt (a), sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara l-ikkreditar tal-kont, rendikont li juri d-dħul tar-riżorsi proprji.

▼B

3.  L-ammonti kkreditati għandu jittieħed kont tagħhom f'euro skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) (“Regolament Finanzjarju”) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 ( 3 ).

▼M1

Artikolu 10

It-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali

1.  Wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir f'konformità mal-Artikoli 2(3) u 10(3) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) ta' dik id-Deċiżjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-dsatax-il jum tat-tieni xahar li jsegwi x-xahar li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament f'konformità mal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

Madankollu, għal intitolamenti murija f'kontijiet separati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3), id-dħul irid isir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-dsatax-il jum tat-tieni xahar li jsegwi x-xahar li matulu jkunu ġew irkuprati l-intitolamenti.

2.  Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem b'xahar id-dħul tar-riżorsi, għajr ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom fil-ħmistax tal-istess xahar.

Kull dħul imressaq 'il quddiem għandu jiġi aġġustat fix-xahar li jsegwi meta jsir id-dħul imsemmi fil-paragrafu 1. Dan l-aġġustament għandu jinvolvi d-dħul negattiv ta' ammont ugwali għal dak mogħti fid-dħul riportat.

Artikolu 10a

Id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING

1.  Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-impatt li għandhom fuq dawn ir-riżorsi l-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, għandhom jiġu kkreditati fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, bl-ammonti jkunu wieħed minn kull tnax tat-totali rilevanti fil-baġit, ikkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum tal-kwotazzjoni tas-sena kalendarja ta' qabel is-sena baġitarja, kif ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.

2.  Għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-FAEG skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), kif ukoll skont il-qagħda tal-likwidità finanzjarja tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem, sa xahrejn fl-ewwel kwart tas-sena finanzjarja, id-dħul ta' wieħed minn tnax, jew frazzjoni minnu, tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT- u għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-impatt li għandhom fuq dawn ir-riżorsi l-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja.

Soġġett għat-tielet subparagrafu, għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), kif ukoll skont il-qagħda tal-likwidità finanzjarja tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem, fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja, id-dħul sa nofs addizzjonali ta' wieħed minn tnax tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-impatt li għandhom fuq dawn ir-riżorsi l-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja.

L-ammont totali li l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem fl-istess xahar skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandu, f'ebda każ, jeċċedi ammont li jikkorrispondi għal żewġ partijiet addizzjonali minn tnax.

Wara l-ewwel sitt xhur, id-dħul rikjest ta' kull xahar ma jistax jeċċedi wieħed minn tnax mir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING, filwaqt li jibqa' fil-limitu tal-ammonti mdaħħla fil-baġit għal dak l-iskop.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar dan bil-quddiem, mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-dħul rikjest skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bil-quddiem ħafna, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel id-dħul rikjest skont it-tieni subparagrafu, bl-intenzjoni tagħha li jintalab tali dħul.

Il-paragrafu 4 li jirrigwarda l-ammont li għandu jiddaħħal f'Jannar ta' kull sena, u l-paragrafu 5, applikabbli jekk il-baġit ma jkunx għadu ġie finalment adottat qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, għandhom ikunu applikabbli għal dan id-dħul antiċipat.

3.  Kwalunkwe bidla fir-rata uniformi tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, fir-rata tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, fil-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u fil-finanzjament tagħha msemmi fl-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, u fil-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja tkun tirrikjedi l-adozzjoni finali ta' baġit emendatorju u twassal għal riaġġustamenti tal-ħlasijiet ta' wieħed minn tnax li jkunu ddaħħlu sa mill-bidu tas-sena finanzjarja.

Dawn ir-riaġġustamenti għandhom isiru meta jsir l-ewwel dħul wara l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju jekk ikun adottat qabel is-sittax tax-xahar. Inkella dawn għandhom jitwettqu meta jsir it-tieni dħul wara l-adozzjoni finali. B'deroga mill-Artikolu 11 tar-Regolament Finanzjarju, dawn ir-riaġġustamenti għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-baġit emendatorju kkonċernat.

4.  Il-kalkolu tal-wieħed minn tnax għal Jannar ta' kull sena finanzjarja jkun ibbażat fuq l-ammonti previsti fl-abbozz tal-baġit, imsemmi fl-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u kkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-ewwel jum tal-kwotazzjoni ta' wara l-15 ta' Diċembru tas-sena kalendarja li tippreċedi s-sena baġitarja; l-aġġustament għandu jsir mad-dħul għax-xahar ta' wara.

5.  Jekk il-baġit ma jkunx ġie finalment adottat sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-dħul għal Jannar tas-sena finanzjarja ta' wara, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, inkluż Jannar, parti waħda minn tnax tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, li ddaħħlu fl-aħħar baġit finalment adottat; l-aġġustament għandu jsir fl-ewwel data dovuta wara l-adozzjoni finali tal-baġit jekk jiġi adottat qabel is-sittax tax-xahar. Inkella, l-aġġustament għandu jsir fit-tieni data dovuta wara l-adozzjoni finali tal-budget.

6.  Ma għandu jkun hemm ebda reviżjoni sussegwenti fil-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja fil-każ ta' modifiki fid-dejta tal-ING skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003.

Artikolu 10b

Aġġustamenti għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING tas-snin finanzjarji preċedenti

1.  Abbażi tad-dikjarazzjoni annwali dwar ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, kull Stat Membru għandu, fis-sena ta' wara dik meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni, ikun iddebitat b'ammont ikkalkulat mill-informazzjoni li tkun tinsab f'dik id-dikjarazzjoni billi tiġi applikata r-rata uniformi adottata għas-sena finanzjarja li tirreferi għaliha d-dikjarazzjoni, u jkun ikkreditat bit-12-il pagament magħmula għal dik is-sena finanzjarja. Madankollu, ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT ta' kull Stat Membru li għaliha tiġi applikata dik ir-rata ma tistax taqbeż il-perċentwal determinat mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom tal-ING tiegħu, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7) ta' dik id-Deċiżjoni.

2.  Kwalunkwe korrezzjoni tal-bażi tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 għandha twassal, għal kull Stat Membru kkonċernat li l-bażi tiegħu, meta jitqiesu dawk il-korrezzjonijiet, ma taqbiżx il-perċentwali ddeterminati mill-Artikoli 2(1)(b) u 10(2) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, għall-aġġustamenti li ġejjin għall-bilanċ stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a) il-korrezzjonijiet skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 magħmula sal-31 ta' Lulju għandhom iwasslu għal aġġustament ġenerali fis-sena ta' wara;

(b) aġġustament partikolari jista' jiddaħħal fi kwalunkwe żmien jekk l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jaqblu dwar dan skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89;

(c) meta l-miżuri li tieħu l-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 biex tikkorreġi l-bażi jwasslu għal aġġustament partikolari tad-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament, dak l-aġġustament għandu jsir fid-data speċifikata mill-Kummissjoni f'konformità ma' dawk il-miżuri.

It-tibdil għall-ING imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandu wkoll iwassal għal aġġustament tal-bilanċ ta' kwalunkwe Stat Membru li r-riżorsa bbażata fuq il-VAT tiegħu, meta jitqiesu l-korrezzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, ikollha bħala limitu massimu l-perċentwali determinati bl-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

3.  Abbażi taċ-ċifri għall-ING aggregat bil-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tiegħu mis-sena ta' qabel, fornuti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, kull Stat Membru, fis-sena ta' wara s-sena tal-forniment taċ-ċifri, għandu jiġi ddebitat bl-ammont ikkalkulat billi tiġi applikata għall-ING tiegħu r-rata adottata għas-sena preċedenti għas-sena tal-forniment taċ-ċifri, u kkreditat bil-pagamenti magħmula matul dik is-sena.

4.  Kwalunkwe kambjament fl-ING tas-snin finanzjarji preċedenti skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, soġġett għall-Artikolu 5 tiegħu, għandu jwassal għal kull Stat Membru kkonċernat għal aġġustament fil-bilanċ stabbilit skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Wara t-30 ta' Novembru tar-raba' sena wara sena finanzjarja partikolari, kwalunkwe tibdil fl-ING ma għandux jibqa' jiġi kkunsidrat, ħlief fuq punti nnotifikati f'dan il-limitu ta' żmien jew mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru.

5.  Għal kull Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tikkalkula d-differenza bejn l-ammonti li tirriżulta mill-aġġustamenti msemmija fil-paragrafi 1 sa 4, bl-eċċezzjoni ta' ċerti aġġustamenti skont il-paragrafi 2(b) u (c), kif ukoll ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-ammonti totali tal-aġġustamenti bil-perċentwal li l-ING ta' dak l-Istat Membru jirrappreżenta fl-ING tal-Istati Membri kollha, kif applikabbli fil-15 ta' Jannar għall-baġit fis-seħħ għas-sena ta' wara s-sena tal-forniment tad-dejta għall-aġġustamenti (l-“ammont nett”).

Għall-finijiet ta' dan il-kalkolu, l-ammonti għandhom jiġu kkonvertiti bejn il-munita nazzjonali u l-euro bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum ta' kwotazzjoni tas-sena tal-kalendarju li tiġi qabel is-sena tad-dħul fil-kontijiet, kif ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, is-serje C.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti li jirriżultaw minn dan il-kalkolu qabel l-1 ta' Frar tas-sena ta' wara dik tal-forniment tad-dejta għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru għandu jdaħħal l-ammont nett fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ġunju tal-istess sena.

6.  L-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi minn 1 sa 5 ta' dan l-Artikolu jikkostitwixxu operazzjonijiet ta' introjtu fir-rigward tas-sena finanzjarja li fiha jridu jiddaħħlu fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1).

▼B

Artikolu 11

L-aġġustament tan-non-parteċipazzjoni

1.  F'każ li, skont it-TFUE u l-Protokolli 21 u 22 tiegħu, Stat Membru ma jiħux sehem fil-finanzjament ta' azzjoni jew politika speċifika tal-Unjoni, hu għandu jkun intitolat għal aġġustament, ikkalkulat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, tal-ammont li jkun ħallas f'riżorsi proprji fir-rigward ta' kull sena li fiha ma jkunx ħa sehem.

▼M1

2.  Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-aġġustament matul is-sena li tiġi wara s-sena finanzjarja kkonċernata.

Il-kalkolu għandu jsir abbażi taċ-ċifri li ġejjin relatati mas-sena finanzjarja rilevanti:

(a) l-ING aggregat bil-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tiegħu, fornuti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003;

(b) l-eżitu tal-baġit tan-nefqa operazzjonali li tikkorrispondi mal-miżura jew mal-politika inkwistjoni.

L-aġġustament għandu jkun ugwali għar-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-ammont totali tan-nefqa inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tan-nefa ffinanzjata minn pajjiżi terzi parteċipanti, bil-perċentwal li l-ING tal-Istat Membru li hu intitolat għall-aġġustament jirrappreżenta fl-ING tal-Istati Membri kollha. L-aġġustament għandu jiġi ffinanzjat mill-Istati Membri parteċipanti skont skala determinata billi jiġi diviż l-ING rispettiv tagħhom bl-ING tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Għall-finijiet li jiġi kkalkolat l-aġġustament, l-ammonti għandhom jiġu kkonvertiti bejn il-munita nazzjonali u l-euro bir-rata tal-kambju fl-aħħar jum ta' kwotazzjoni tas-sena kalendarja li tiġi qabel is-sena baġitarja kkonċernata, kif ippublikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.

L-aġġustament għal kull sena rilevanti għandu jsir darba biss u jkun finali fl-eventwalità ta' modifika sussegwenti taċ-ċifra tal-ING.

▼B

3.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri fi żmien xieraq bl-ammont tal-aġġustament sabiex ikunu jistgħu jikkreditawh fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru.

▼M1

Artikolu 12

Imgħax fuq l-ammonti li jkunu saru disponibbli tard

1.  Kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti lok għall-ħlas tal-imgħax mill-Istat Membru kkonċernat.

2.  Għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING, l-imgħax għandu jkun dovut biss fir-rigward ta' dewmien fid-dħul tal-ammonti:

(a) imsemmija fl-Artikolu 10a;

(b) li jirriżultaw mill-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10b(5), fil-mument speċifikat fit-tielet subparagrafu tiegħu;

(c) li jirriżultaw minn aġġustamenti partikolari għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT skont l-Artikolu 10b(2)(c) ta' dan ir-Regolament, fid-data speċifikata mill-Kummissjoni skont miżuri meħuda minnha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89;

(d) li jirriżultaw minn nuqqas ta' Stat Membru li jipprovdi korrezzjonijiet għad-dejta tal-ING meħtieġa biex jiġu indirizzati punti nnotifikati mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru kif imsemmija fl-Artikolu 10b(4), sal-iskadenza ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax fuq l-aġġustamenti li jirriżultaw minn dawn il-korrezzjonijiet għandhom jiġu kkalkulati mill-ewwel jum tax-xogħol ta' Ġunju tas-sena ta' wara dik meta tkun għaddiet l-iskadenza ffissata mill-Kummissjoni.

3.  L-irkupru ta' ammonti ta' mgħax li jkunu inqas minn EUR 500 għandu jiġi rrinunzjat.

4.  Fil-każ ta' Stati Membri li jagħmlu parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata tal-imgħax għandha tkun ugwali għar-rata kif ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, is-serje C, li l-Bank Ċentrali Ewropew ikun applika għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta' finanzjament mill-ġdid fl-ewwel jum tax-xahar li fih ħabtet id-data dovuta, jew 0 fil-mija, skont liema jkun l-aktar, miżjuda bi 2,5 punti perċentwali.

Din ir-rata għandha tiżdied b'0,25 ta' punt perċentwali għal kull xahar ta' dewmien.

Iż-żieda totali skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex taqbeż is-16-il punt perċentwali. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu tad-dewmien.

5.  Fil-każ ta' Stati Membri li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata tal-imgħax għandha tkun ugwali għar-rata applikata mill-banek ċentrali fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni għall-operazzjonijiet ewlenin tagħhom ta' finanzjament mill-ġdid, jew 0 fil-mija, skont liema jkun l-aktar, miżjuda bi 2,5 punti perċentwali. Għall-Istati Membri li ma jkollhomx disponibbli r-rata tal-bank ċentrali, ir-rata tal-imgħax għandha tkun ugwali għar-rata l-aktar ekwivalenti applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni fis-suq monetarju tal-Istat Membru, jew 0 fil-mija, skont liema jkun l-aktar, miżjuda bi 2,5 punti perċentwali.

Din ir-rata għandha tiżdied b'0,25 ta' punt perċentwali għal kull xahar ta' dewmien.

Iż-żieda totali skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex taqbeż is-16-il punt perċentwali. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu tad-dewmien.

6.  Għall-ħlas tal-imgħax imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 9(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis.

▼B

Artikolu 13

Ammonti irrekuperabbli

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammonti korrispondenti għall-intitolamenti stabbiliti taħt l-Artikolu 2 isiru disponibbli għall-Kummissjoni kif speċifikat f'dan ir-Regolament.

2.  L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 li jirriżultaw bħala irrekuperabbli minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a) raġunijiet ta' force majeure;

(b) raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

▼M1

L-Istati Membri jistgħu jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 jekk dawk l-intitolamenti jirriżultaw irrekuperabbli minħabba l-posponiment tad-dħul fil-kontijiet jew in-notifika tad-dejn doganali sabiex ma tiġix ippreġudikata investigazzjoni kriminali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

▼B

L-ammonti ta' drittijiet stabbiliti għandhom jiġu ddikjarati irrekuperabbli b'deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

L-ammonti ta' drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli, sa mhux aktar tard, wara perjodu ta' ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 2 jew, fil-każ ta' appell amministrattiv jew ġudizzjarju, id-deċiżjoni finali tkun ġiet mogħtija, notifikata jew pubblikata.

Jekk ikunu ġew riċevuti ħlasijiet jew ħlasijiet parzjali, il-perjodu ta' ħames snin massimu għandu jibda mid-data tal-aħħar ħlas li jkun sar, fejn dan ma jkunx temm id-dejn.

L-ammonti ddikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandhom jitneħħew definittivament mill-kontijiet separati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3). Għandhom jintwerew f'anness mad-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) u, fejn applikabbli, fid- deskrizzjonijiet trimestrali msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014.

▼M1

3.  Fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2 jew skont il-limiti ta' żmien imsemmija f'dak il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport b'informazzjoni dwar dawk il-każijiet fejn il-paragrafu 2 ikun ġie applikat, dment li d-drittijiet stabbiliti involuti jaqbżu l-EUR 100 000 .

▼B

Dak ir-rapport għandu jinkludi l-fatti kollha meħtieġa biex issir analiżi sħiħa tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) ta' dan l-Artikolu, li ostakolaw lill-Istat Membru kkonċernat milli jagħmel disponibbli l-ammonti inkwistjoni, u tal-miżuri ta' rkupru li l-Istat Membru ħa fil-każ jew fil-każijiet inkwistjoni.

Dak ir-rapport għandu jsir skont il-format stabbilit mill-Kummissjoni. Għal dak l-iskop, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 16.

4.  Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi r-rapport previst fil-paragrafu 3, tikkomunika l-kummenti tagħha lill-Istat Membru kkonċernat.

Fejn il-Kummissjoni tara li hemm bżonn li tintalab informazzjoni addizzjonali, il-limitu ta' żmien ta' sitt xhur għandu jibda jgħodd mid-data meta tasal l-informazzjoni supplimentari mitluba.



KAPITOLU IV

ĠESTJONI TAR-RIŻORSI TA' FLUS KONTANTI

Artikolu 14

Il-ħtiġijiet fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi ta' flus kontanti

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġbed mis-somom ikkreditati fil-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) sal-limitu meħtieġ biex tkopri l-ħtiġijiet tagħha f'riżorsi ta' flus kontanti li joriġinaw mill-implimentazzjoni tal-baġit.

2.  Jekk il-ħtiġijiet f'riżorsi ta' flus kontanti jeċċedu l-assi fil-kontijiet, il-Kummissjoni tista' tiġbed b'eċċess mill-ammont totali ta' dawn l-assi, suġġett għad-disponibbilta' ta' approprazzjonijiet fil-baġit u fil-limiti tar-riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit. F'dan il-każ, hi għandha tinforma lill-Istati Membri bil-quddiem dwar kwalunkwe ħtiġijiet ta' eċċess li hija tkun tista' tipprevedi.

▼M1

3.  Fil-każ biss ta' inadempjenza skont it-termini ta' self ikkuntrattat jew iggarantit f'konformità ma' regolamenti u deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill, jew mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, f'ċirkostanzi li fihom il-Kummissjoni ma tkunx tista' tattiva miżuri oħra previsti mill-arranġamenti finanzjarji li japplikaw għal dan is-self fil-ħin sabiex tkun żgurata l-konformità mal-obbligi legali tal-Unjoni lejn dawk li jisilfu, jistgħu jkunu applikati l-paragrafi 2 u 4 b'mod temporanju, indipendentement mill-kondizzjonijiet fil-paragrafu 2, għat-trattament tad-djun tal-Unjoni.

4.  Soġġett għat-tieni subparagrafu, id-differenza bejn l-assi totali u l-ħtiġijiet f'riżorsi ta' flus kontanti għandha tiġi diviża fost l-Istati Membri, sa fejn ikun possibbli, proporzjonalment mad-dħul tal-baġit stmat minn kull wieħed minnhom.

Il-Kummissjoni għandha, meta tkopri l-ħtiġijiet tagħha f'riżorsi ta' flus kontanti, timmira sabiex tnaqqas l-impatt tal-obbligu tal-Istati Membri li jikkreditaw l-ammonti ta' mgħax negattiv skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) permezz ta' ġbid bi prijorità fuq is-somom ikkreditati fil-kontijiet ikkonċernati.

Artikolu 15

Eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' ħlas

1.  L-Istati Membri jew il-bank ċentrali nazzjonali tagħhom għandhom jeżegwixxu l-ordnijiet ta' ħlas tal-Kummissjoni fuq istruzzjonijiet tal-Kummissjoni u f'mhux aktar minn tlett ijiem tax-xogħol mill-jum li jirċevuhom. Fil-każ ta' tranżazzjonijiet ta' ċaqliq ta' flus kontanti, l-Istati Membri jew il-bank ċentrali nazzjonali tagħhom għandhom jeżegwixxu l-ordnijiet fil-perijodu mitlub mill-Kummissjoni li, ħlief f'każijiet eċċezzjonali, għandha tinnotifikahom mill-inqas jum wieħed qabel ma l-ordni tkun trid tiġi eżegwita.

2.  L-Istati Membri jew il-bank ċentrali nazzjonali tagħhom għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, b'mezzi elettroniċi u sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara li titlesta kull tranżazzjoni, rendikont li juri l-movimenti relatati.

▼B



KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu jkun applikabbli l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Dispożizzjoni tranżizzjonali dwar ir-rata tal-imgħax

Ir-rata prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 fil-verżjoni tiegħu ta' qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 ( 6 ) għandha tkompli tapplika għall-kalkolu ta' mgħax fuq ħlasijiet li jsiru tard meta d-data dovuta taħbat qabel l-1 ta' Diċembru 2004.

▼M1

Artikolu 18

Tħassir

1.  Soġġett għall-paragrafu 2, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

2.  L-Artikolu 10(7a) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1150/2000 huwa mħassar b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.  Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

▼B

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

IR-REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MAL-LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU



Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000

(ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1)

Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004

(ĠU L 352, 27.11.2004, p. 1)

Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009

(ĠU L 36, 5.2.2009, p. 1)




ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI



Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

—

—

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3, l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafu

Artikolu 3, l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafu

—

Artikolu 3, ir-raba' paragrafu

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6(1) u (2)

Artikolu 6(1) u (2)

Artikolu 6(3)(a)

Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(3)(b)

Artikolu 6(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(3)(c)

Artikolu 6(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(3)(d)

Artikolu 6(3), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 6(4) l-ewwel subparagrafu, punt (a), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

Artikolu 6(4) l-ewwel subparagrafu, punt (a), it-tieni sentenza

Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, punt (b), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, punt (b), it-tieni sentenza

Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(4) ir-raba' subparagrafu

Artikolu 6(5)

—

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8, l-ewwel paragrafu

Artikolu 8

Artikolu 8, it-tieni paragrafu

—

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(1)(a)

Artikolu 9(2)

Artikolu 9(2)

Artikolu 9(3)

Artikolu 10(1), (2), (3), (4), (5), (6) u (7)

Artikolu 10(1), (2), (3), (4), (5), (6) u (7)

Artikolu 10(8)

Artikolu 10(8), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10(9)

Artikolu 10(9)

Artikolu 10(10)

—

Artikolu 10a

Artikolu 11

Artikolu 11(1)

Artikolu 12(1), l-ewwel subparagrafu

—

Artikolu 12(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(2), (3) u (4)

Artikolu 12(2), (3) u (4)

Artikolu 12(1), (2), (3) u (4)

Artikolu 14

Artikolu 12(5), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 15(1)

Artikolu 12(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 15(2)

Artikolu 15

—

Artikolu 16, l-ewwel u t-tieni paragrafu

—

Artikolu 16, it-tielet paragrafu

Artikolu 10(8), it-tieni subparagrafu

Artikolu 17(1) u (2)

Artikolu 13(1) u (2)

Artikolu 17(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 17(3), it-tieni subparagrafu

—

Artikolu 17(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 13(3), it-tieni subparagrafu

—

Artikolu 13(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 17(4)

Artikolu 13(4)

Artikolu 17(5)

—

Artikolu 18

—

Artikolu 19

—

Artikolu 20

—

Artikolu 21

—

-

Artikolu 16

Artikolu 21a

Artikolu 17

Artikolu 22

—

Artikolu 23

—

—

Artikolu 18

—

Artikolu 19

Anness

 

 

Anness I

—

Anness II



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).

( 2 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

( 3 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad- 29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

( 4 ) Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

( 5 ) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

( 6 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 tas-16 ta' Novembru 2004 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU L 352, 27.11.2004, p. 1).