31988R1956



Official Journal L 175 , 06/07/1988 P. 0001 - 0018
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 3 P. 0088
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 3 P. 0088


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1956/88

tad-9 ta' Ġunju 1988

li jadotta dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-iskema ta' spezzjoni internazzjonali konġunta adottata mill-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Majjistral ta' l-Atlantiku

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83 tal-25 ta' Jannar 1983 li jistabbilixxi sistema tal-Komunità għall-konservazzjoni u l-maniġġar ta' riżorsi tas-sajd [1] u partikolarment l-Artikolu 11 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-Konvenzjoni fuq Kooperazzjoni Multilaterali Futura fil-Meded tas-Sajd fil-Majjistral ta' l-Atlantiku minn hawn 'il quddiem riferuta bħala l-Konvenzjoni NAFO, ġiet approvata mill-Kunsill bir-Regolament (KEE) Nru 3179/78 [2] u daħlet fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 1979;

Billi l-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Majjistral ta' l-Atlantiku (NAFO) imwaqqfa mill-Konvenzjoni NAFO adottat kull skema ta' infurzar internazzjonali konġunt li inkludiet dispożizzjoni għal drittijiet reċiproċi fuq l-imbarkar u l-ispezzjoni mill-partijiet kontraenti u għal prosekuzzjonijiet u sanzjonijiet minn Stati tar-Reġistrazzjoni; billi ċertu dgħufija fl-applikazzjoni ta' din l-iskema dehret evidenti; billi konsegwentement il-Komunità tat notifika fis-26 ta' Ġunju 1986 ta' l-intenzjoni tagħha li ma tkunx marbuta mal-iskema minn tnax-il xahar oħra; billi fil-frattemp ta' l-adozzjoni ta' kull skema riveduta tan-NAFO, il-Kunsill adotta bir-Regolament (KEE) Nru 3251/87 [3] kull skema awtonoma ta' kontroll dwar bastimenti tal-Komunità li joperaw fiż-Żona Regolatorja;

Billi l-Kummissjoni tas-Sajd tan-NAFO adottat fl-10 Frar 1988 kull proposta għal skema modifikata, li issa tiġi intitolata "skema ta' spezzjoni internazzjonali konġunta"; billi, b'mod konformi ma' l-Artikolu XI tal-Konvenzjoni NAFO, il-proposta għandha, fl-assenza ta' oġġezzjonijiet issir miżura li torbot lill-partijiet kontraenti b'effett mill-10 ta' Ġunju 1988; billi l-iskema modifikata hija aċċettabbli għall-Komunità;

Billi huwa xieraq li jiġi estiz l-ispezzjoni ta' bastimenti tal-Komunità fiż-Żona Regolatorja sabiex ikopri l-konformità tagħhom ma' miżuri oħra rilevanti tal-Komunità għall-kontroll u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd;

Billi fl-interess li jiġu monitorati l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Komunità fiż-Żona Regolatorja, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jikooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta' l-iskema modifikata u l-miżuri l-oħra rilevanti tal-Komunità;

Billi l-iskema modifikata tapplika mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2241/87 tat-23 ta' Lulju 1987 li jistabbilixxi ċertu miżuri għall-attivitajiet tas-sajd [4] sabiex jispezjona u jikkontrolla bastimenti tal-Komunità li jaħdmu fis-sajd u attivitajiet relatati fiż-Żona Regolatorja;

Billi għandha ssir dispożizzjoni sabiex jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-iskema modifikata u ta' dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-iskema ta' spezzjoni internazzjonali konġunta, adottata mill-Kummissjoni tas-Sajd tan-NAFO fl-10 ta' Frar 1988, minn hawn 'ilquddiem riferuta bħala "l-ispezzjoni", għandha tapplika fil-Komunità.

It-test ta' l-iskema hija mehmuża ma' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

1. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha taħtar spetturi tal-Komunità għall-iskema. L-ispetturi jistgħu jiġu maħtura minn dik il-Kummissjoni jew minn kull Stat Membru. Kull Spettur tal-Komunità jista' jiġi mqiegħed abbord bastiment ta' kull Stat Membru li huwa jew ikun se jitqabbad fuq doveri ta' spezzjoni fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO.

2. B'żieda mal-funzjonijiet tagħhom taħt l-iskema, Spetturi tal-Komunità għandhom jispezzjonaw fiż-Żona Regolatorja bastimenti tal-Komunità li għalihom l-iskema tapplika, għal konformità ma' kull miżura oħra ta' kontroll jew konservazzjoni tal-Komunità li tapplika fuq dawk il-bastimenti.

L-Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta' l-iskema.

L-Artikolu 4

Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom, fejn meħtieġ, jiġu adottati skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 170/83.

L-Artikolu 5

Ir-Regolament (KEE) Nru 3251/87 huwa b'dan irrevokat.

L-Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mid-9 ta’ Ġunju 1988.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ġunju 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

N. Blüm

[1] ĠU L 24, tas-27.1.1983, p. 1.

[2] ĠU L 378, tat-30.12.1978, p. 1.

[3] ĠU L 314, ta' l-4.11.1987, p. 1.

[4] ĠU L 207, tad-29.7.1987, p. 1.

--------------------------------------------------

SKEMA TA' SPEZZJONI INTERNAZZJONALI KOMUNI

1. (i) Il-kontroll għandu jsir minn spetturi tas-servizzi tal-kontroll tas-sajd tal-partijiet kontraenti wara li jkunu assenjati lill-iskema ta' spezzjoni internazzjonali komuni, minn hawn 'il quddiem imsejjħa "l-iskema".

(ii) L-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet kontraenti għandhom jinnotifikaw lis-Segretarju Eżekuttiv sa l-1 ta' Novembru ta' kull sena bl-ismijiet ta' l-ispetturi u bastimenti ta' spezzjoni speċjali (liema terminu jinkludi bastimenti tas-sajd li jkunu qiegħdin iġorru spetturi) u l-identità tal-ħelikoptri li huma jassenjaw lill-iskema skond il-paragrafu 12 ta' l-iskema.

Modifiki mill-partijiet kontraenti ta' tali notifiki għandhom ikunu komunikati lis-Segretarju Eżekuttiv b'avviż ta' xahrejn fejn ikun possibbli.

(iii) Wara n-notifikazzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv, u fil-każ ta' ftehim reċiproku bejn il-partijiet kontraenti rispettivi, spetturi li jkunu assenjati minn parti waħda jkunu jistgħu jitpoġġew fuq il-bastimenti ta' spezzjoni speċjali ta' parti oħra li jkunu assenjati lill-iskema.

(iv) Meta jirċievi n-notifikazzjoni ta' l-assenjazzjoni lill-iskema mill-parti kontraenti, is-Segretarju Eżekuttiv għandu joħroġ dokument ta' l-identità, kif jidher fl-Anness I, lill-awtorità rispettiva għal kull spettur ta' dik il-parti. Dan id-dokument għandu jkun innumerat. Kull spettur għandu jġorr u juri dan id-dokument ta' l-identità waqt li jkun tiela' abbord bastiment.

(v) Il-bastimenti ta' spezzjoni speċjali għandhom immedjatament jinnotifikaw lis-Segretarju Eżekuttiv permezz tar-radju/telex bid-data u l-ħin tal-bidu ta' dmirijithom taħt l-iskema. L-ispetturi kollha fuq il-bastiment għandhom ikunu miżmuma bħala spetturi tan-NAFO.

(vi) Bejn il-mumenti tal-bidu u tat-tmiem ta' dmirijithom taħt l-iskema, l-ispetturi u l-bastimenti ta' spezzjoni speċjali ma jistgħux, fil-konfront ta' bastimenti li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni ta' pajjiżi kontraenti oħra, jinforzaw liġijiet u regolamenti li jkollhom x'jaqsmu maż-żona tal-parti kontraenti li tkun assenjathom.

(vii) Bastimenti ta' spezzjoni speċjali għandhom jinnotifikaw immedjatament lis-Segretarju Eżekuttiv permezz tar-radju/telex bid-data u l-ħin tat-tmiem ta' dmirijithom taħt l-iskema.

(viii) F'kull każ, il-ħinijiet imsemmija fis-subparagrafu (vi) hawn fuq għandhom jiġu reġistrati fil-ġurnal tal-bastiment. Il-ħinijiet dikjarati f'dawn ir-reġistrazzjonijiet, għandhom jikkostitwixxu l-ħinijiet applikabbli għas-subparagrafu (vi) hawn fuq. F'każijiet eċċezzjonali fejn il-komunikazzjoni tan-notifiki ma tkunx possibbli, dawn ir-reġistrazzjonijiet għandhom jikkostitwixxu t-twettiq ta' l-obbligazzjonijiet imsemmija fis-subparagrafi (v) u (vii).

(ix) Is-Segretarju Eekuttiv għandu jiċċirkola s-sustanza tan-notifiki li jkun irċieva mingħand kwalunkwe parti kontraenti għall-iskopijiet ta' l-iskema, lill-membri kollha tal-Kummissjoni tas-Sajd, minn hawn 'il quddiem imsejjħa "il-Kummissjoni", fi żmien 15 -il ġurnata mid-data tar-riċeviment.

2. (i) Fl-ispezzjonijiet tagħha parti kontraenti għandha tipprova tiżgura li jkun hemm trattament ugwali bejn il-partijiet kontraenti kollha mal-bastimenti li joperaw fiż-Żona Regolatorja permezz ta' distribuzzjoni ekwa ta' spezzjonijiet.

(ii) Sabiex tkun żgurata l-oġġettività fir-realizzazzjoni u distribuzzjoni ta' l-ispezzjonijet bejn il-partijiet kontraenti, in-numru ta' spezzjonijiet li jsiru mill-bastimenti ta' parti kontraenti fuq bastimenti ta' kwalunkwe parti kontraenti oħra għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikunu jirriflettu il-proporzjon ta' l-attività tas-sajd tal-parti spezzjonata għall-attività tas-sajd totali fiż-Żona Regolatorja, imkejjla fuq il-bażi ta', inter alia, il-livell ta' qbid u jiem fuq l-art.

3. Awtoritajiet kompetenti tal-partijiet kontraenti għandhom jinnotifikaw lis-Segretarju Eżekuttiv bl-ismijet ta' l-awtoritajiet magħżula sabiex jirċievu avviż immedjat tal-ksur evidenti u l-mezzi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jirċievu u jirrispondu għal komunikazzjonijet.

Fejn, fi kwalunkwe ħin, aktar minn 15 -il bastiment ta' kwalunkwe parti kontraenti jkunu qed iwettqu operazzjonijet tas-sajd jew fil-proċessar jew it-trasferiment ta' ħut fiż-Żona Regolatorja, dik il-parti kontraenti għandha, matul dak il-ħin, ikollha spettur jew awtorità magħżula oħra preżenti fiż-Żona Regolatorja, jew awtorità magħżula oħra preżenti f'pajjiż ta' parti kontraenti viċin iż-Żona tal-Konvenzjoni, sabiex tirċievi u tirrispondi, mingħajr dewien, għall-avviż ta' ksur evidenti.

4. Kwalunkwe bastiment jew ħelikopter li jkun assenjat lill-iskema u li jkun qiegħed iwettaq spezzjoni għandu juri s-sinjali li ġejjin sabiex jindika li l-ispettur qiegħed iwettaq spezzjoni taħt l-iskema:

(a) matul is-sigħat ta' bi nhar, f'kondizzjonijiet ta' visibilità żewġ fjammi ta' spezzjoni kif jidhru fl-Anness II, imtajjra f'linja vertikali waħda 'l fuq mill-oħra bid-distanza ta' bejniethom ma taqbiżx metru;

(b) id-dgħajjes li minn fuqhom isir it-tlugħ abbord għandhom juru fjamma ta' spezzjoni waħda kif jidher fl-Anness II.

5. (i) Spezzjoni u kontroll taħt l-iskema tapplika fiż-Żona Regolatorja għal dawn il-bastimenti li ġejjin:

(a) bastimenti tas-sajd li huma jew kienu involuti f'operazzjonijiet tas-sajd fiż-Żona Regolatorja;

(b) bastimenti, mgħammra għall-ipproċessar tal-ħut abbord, li huma jew kienu involuti f'operazzjonijiet ta' trasferiment tal-ħut fiż-Żona Regolatorja; u,

(ċ) bastimenti tat-trasport li huma attwalment involuti f'operazzjonijiet ta' trasferiment tal-ħut.

(ii) Il-kaptan ta' bastiment li fil-konfront tiegħu tapplika l-iskema għandu jiffaċilita t-tlugħ abbord meta jingħata s-sinjal kif imiss skond il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali minn bastiment jew ħelikopter li jkun qiegħed iġorr spettur. Il-bastiment li fuqu jrid jitla' abbord l-ispettur m'għandux ikun rikjest li jieqaf jew jimmanuvra waqt li jkun qiegħed jistad, jispara, jew jirmonka. Il-kaptan madanakollu għandu jipprovdi għal:

(a) għal bastimenti li huma itwal minn 30 metru b'kollox, sellum għat-tlugħ abbord li jrid ikun maħdum u wżat kif imsemmi fl-Anness III;

(b) tali assistenza għal tlugħ abbord minn ħelikoptri kif speċifikat jew kif kwalifikat fl-Anness IV.

Fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet, il-kaptan għandu josserva l-prattika ordinarja tas-sengħa tal-baħħar sabiex jippermetti li parti spezzjonanti titla' abbord hekk kif ikun possibbli.

(iii) Il-proċeduri stabbiliti għat-trasferimenti tal-personal bil-ħbula minn ħelikoptri m' għandux ipoġġi grad ta' diliġenza fuq il-kaptan ta' bastiment tas-sajd għola minn dak rikjest mil-liġi internazzjonali.

(iv) Parti spezzjonanti għandha tikkonsisti minn mhux aktar minn żewġ spetturi assenjati lill-iskema. L-użu ta' armi b'relazzjoni għall-ispezzjonijiet huwa projbit u, b'mod partikolari, l-ispetturi m'għandhomx iġorru armi. Minkejja d-disposizzjonijiet ta' din it-taqsima, il-prinċipju li m'għandhomx jinġarru jew ikunu wżati armi m'għandux ikun ikkunsidrat li jillimita t-twettiq ta' spezzjonijiet minn parti kontraenti ta' bastimenti li jtajjru l-bandiera tagħha stess.

(v) Il-bastiment li jkun responsabbli minn par operazzjonijiet ta' tkarkir m'għandux ikun rikjest li jidentifika lilu nnifsu billi jtajjar fjamma jew bandiera meta joqrob spettur.

6. (i) L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu b'mod illi l-bastiment, l-attivitajiet u l-qabda tiegħu jsoffru l-inqas interferenza u inkonvenjenza possibbli. Id-dewmien ta' spezzjoni m' għandux jaqbeż tliet sigħat, jew sakemm ix-xibka tkun miġbuda 'l ġewwa u x-xibka u l-qabda jkunu spezzjonati, liema minnhom iddum l-aktar, iżda din il-limitazzjoni ta' ħin ma għandix tapplika fil-każ ta' ksur evidenti.

Fil-każ ta' differenza bejn il-qabdiet reġistrati u l-estimi ta' l-ispettur tal-qabda abbord il-bastiment, l-ispettur ikun jsta' jerġa jispezzjona il-kalkolazzjonijiet, proċeduri, id-dokumentazzjoni rilevanti li tkun intużat sabiex ikunu determinati s-sommarji tal-qbid miż-Żona Regolatorja u l-qabda abbord il-bastiment; l-ispettur imbagħad għandu jitlaq minn fuq il-bastiment fi żmien siegħa wara it-tmiem ta' l-ispezzjoni oriġinali.

Spettur għandu jillimita l-ġbir ta' l-informazzjoni għall-aċċertament tal-fatti b'relazzjoni għall-osservanza ta' dawk il-miżuri tal-Kummissjoni li għalihom il-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat ma tkunx oġġezzjonat skond l-Artikolu XII tal-Konvenzjoni. L-ispezzjoni għandha titwettaq bl-użu tar-rapport ta' spezzjoni stipulat fl-Anness V.

Għal dak li għandu x'jaqsam mas-Sezzjoni 15 ta' l-Anness V, minkejja kwalunkwe oġġezzjoni għal kwoti magħmula skond l-Artikolu XII tal-Konvenzjoni, spetturi għandhom jagħmlu sommarji mir-reġistrazzjonijiet fil-ġurnal, għall-vjaġġ attwali, il-qabda tal-bastiment fiż-Żona Regolatorja skond l-ispeċi u skond id-diviżjoni u għandhom jirreġistraw dawn is-sommarji fuq il-formola ta' spezzjoni. Il-vjaġġ attwali għandu jkun definit għal dan l-iskop bħala li jibda meta l-bastiment jidħol fiż-Żona Regolatorja, u jispiċċa meta l-bastiment jitlaq iż-Żona tal-Konvenzjoni (li jinkludi l-portijiet li jikkonfinaw maż-Żona tal-Konvenzjoni) għal perjodu itwal minn 20 ġurnata konsekuttiva. Il-vjaġġ attwali m' għandux ikun ikkunsidrat li jkun spiċċa sakemm il-bastiment ikollu qabda miż-Żona Regolatorja abbord.

Fil-każ ta' diffikultà fil-lingwa, l-ispettur jew il-kaptan għandhom jużaw, fil-lingwa adattata, il-parti adattata tal-kwestjonarju li jidher fl-Anness VI.

Il-partijiet kontraenti jistgħu jeżerċitaw, permezz ta' ittra lis-Segretarju Eżekuttiv, l-għażla li l-ispetturi jagħmlu sommarju mir-reġistrazzjonijiet fil-ġurnali għall-perjodu tal-kwota, minflok il-vjaġġ attwali, il-qabda tal-bastiment tagħhom fiż-Żona Regolatorja skond l-ispeċi u skond id-diviżjoni u jirreġistraw dan is-sommarju fis-Sezzjoni 15 tal-formola ta' l-spezzjoni.

Waqt l-eżami tiegħu, l-ispettur jista' jitlob lill-kaptan għal klalunkwe assistenza li tkun meħtieġa. Il-kaptan għandu jiffaċilita x-xogħol ta' l-ispettur. Ir-rapport ta' l-ispezzjoni jista' jkun kommentat u jrid ikun iffirmat mill-persuni kollha li l-formola tirrikjedi. Kopja tar-rapport għandu jingħata lill-kaptan tal-bastiment.

Il-parti kontraenti li tkun qiegħda tispezzjona bastiment għandha tikkomunika bil-miktub id-dettalji ta' ksur evidenti lill-awtoritajiet magħżula tal-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat sal-jum tax-xogħol ta' wara fejn ikun possibbli. Il-partijiet kontraenti li jkunu qiegħdin jispezzjonaw bastimenti għandhom jipprovdu għan-notifika ta' lista ta' bastimenti li jkunu ġew spezzjonati kull 10 ijiem lill-awtoritajiet magħżula tal-partijiet kontraenti tal-bastiment spezzjonat, mill-uffiċju tas-Segretarju Eżekuttiv.

Fil-każ ta' ksur evidenti jew differenza bejn il-qabdiet reġistrati u l-estimi tal-qabdiet abbord ta' l-ispettur, kopja tar-rapport ta' l-ispezzjoni flimkien ma' dokumentazzjoni li tikkonfermah, inklużi t-tieni ritratti li ttieħdu, għandu jkun trasmess mill-iktar fis possibli lill-awtoritajiet responsabbli tal-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat, wara li l-bastiment ta' spezzjoni jirritorna fil-port. Fil-każ ta' rapporti ta' spezzjoni oħra, l-oriġinal għandu jkun trasmess fi żmien 30 ġurnata fejn ikun possibbli, lil awtorità magħżula tal-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat. Kopja ta' kull rapport ta' spezzjoni għandu wkoll jintbagħat lis-Segretarju Eżekuttiv.

(ii) Minkejja kwalunkwe oġġezzjoni għal kwoti magħmula skond l-Artikolu XII tal-Konvenzjoni:

(a) spetturi għandhom ikollhom l-awtorità li jispezzjonaw u jkejjlu t-tagħmir tas-sajd kollu fuq jew viċin il-gverta tax-xogħol u li jkunu disponibbli sabiex ikunu wżati minnufih u li jispezzjonaw u jirreġistraw estimi tal-qabda fuq jew taħt il-gverti sakemm tali spezzjoni u kejl ikunu meħtieġa sabiex ikun stabbilit jekk il-bastiment ikunx jikkonforma mal-miżuri tal-Kummissjoni;

(b) it-tagħmir tas-sajd għandu jkun spezzjonat skond il-miżuri tal-Kummissjoni;

(ċ) għal dak li għandu x'jaqsam mal-qabdiet, qbil bejn ir-reġistrazzjonijiet fil-ġurnali għaż-Żona Regolatorja u estimi tal-qabdiet abbord li jirrelataw ma' dawn ir-reġistrazzjonijiet jista' ikun aċċertat u differenzi bejn il-qabdiet reġistrati u l-istima tal qabdiet abbord bil-perċentwali ta' l-ispettur għandhom ikunu reġistrati fis-Sezzjoni 18 tar-rapport ta' l-ispezzjoni (Sezzjoni tal-Kummenti); u

(d) spetturi jistgħu wkoll jaċċertaw ruħhom illi r-reġstrazzjonijiet għad-dewmien tal-perjodu tal-kwota sad-data ta' l-ispezzjoni huma abbord il-bastiment skond il-Miżuri ta' Infurzar u Konservazzjoni tan-NAFO Parti 1 Ċ (2) (b) (iii).

(iii) Spettur għandu l-awtorità li jeżamina l-qabda, ix-xbiek jew tagħmir ieħor, u kwalunkwe dokumenti rilevanti li l-ispettur jikkunsidra li huma neċessarji sabiex jivverifika l-osservanza tal-miżuri tal-Kummissjoni.

Meta ksur evidenti tal-miżuri jkun osservat:

- l-ispettur għandu jirreġistra l-ksur evidenti fir-rapport, jiffirma r-reġistrazzjoni u jikseb il-kontrofirma tal-kaptan,

- l-ispettur għandu jirreġistra u jiffirma n-notazzjoni fil-ġurnal tas-sajd jew dokument rilevanti ieħor u jiddikjara l-ħin, post, u t-tip ta' ksur evidenti misjub L-ispettur jista' jagħmel kopja ta' kwalunkwe reġistrazzjoni rilevanti f'tali dokument, u għandu jirrikjedi li l-kaptan tal-bastiment jiċċertifika bil-miktub f'kull paġna tal-kopja li hija vera kopja ta' tali reġistrazzjoni,

- l-ispettur għandu jkollu l-opportunità sħiħa li jiddokumenta l-ksur evidenti permezz ta' ritratti tat-tagħmir jew tal-qabda rilevanti tal-bastiment tas-sajd, f'liema każ ritratt ieħor għandu jingħata lill-kaptan tal-bastiment u jkun mehmuż mar-rapport mibgħut lil awtorità kompetenti tal-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat.

(iv) Meta spettur isib ksur evidenti ta' miżuri li jipprojbixxu:

(a) sajd f'żona magħluqa jew b'tagħmir projbit f'żona partikolari;

(b) sajd għal razez jew speċi wara d-data li fiha l-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat innotifikat lis-Segretarju Eżekuttiv li bastimenti ta' dik il-parti ser iwaqqfu n-negozju dirett ta' dawk ir-razez jew speċi; u

(ċ) sajd fuq kwota "Oħrajn" mingħajr notifika minn qabel lis-Segretarju Eżekuttiv, jew aktar minn sebgħat ijiem tax-xogħol wara li l-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat kien notifikat mis-Segretarju eżekuttiv li sajd fuq kwota "Oħrajn" għal dik ir-razza jew speċi għandha tieqaf;

l-ispettur, sabiex jiffaċilita l-azzjoni tal-parti kontraenti fuq il-ksur evidenti, għandu immedjatament jipprova jikkomunika ma' spettur tal-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat, li jkun magħruf li huwa fil-qrib, jew l-awtorità magħżula skond il-paragrafu 3 hawn fuq. Il-kaptan tal-bastiment spezzjonat għandu jipprovdi l-użu ta' l-apparat u l-operatur tar-radju tal-bastiment sabiex ikunu jistgħu jintbagħtu u jkunu riċevuti messaġġi għal dan l-iskop.

Fuq it-talba ta' l-ispettur, kaptan għandu jwaqqaf is-sajd kollu li l-ispettur jaħseb li jikser il-miżuri msemmija f'(a) sa (ċ) hawn fuq. Matul dan il-ħin, l-ispettur għandu jtemm l-ispezzjoni u, jekk ma jkunx jista' f'perjodu raġjonevoli ta' ħin jikkomunika ma' spettur jew awtorità magħżula tal-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat, hu għandu jitlaq minn fuq il-bastiment spezzjonat u jikkomunika mill-iktar fis possibbli ma' wieħed minnhom. Madanakollu, jekk hu jirnexxilu jistabbilixxi komunikazzjonijiet waqt li jkun abbord il-bastiment spezzjonat, u jekk l-ispettur jew l-awtorità magħżula tal-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat jaqbel, l-ispettur ikun jista' jibqa' abbord. Sakemm l-ispettur jibqa' abbord, il-kaptan ma jistgħax jerġa' jibda s-sajd sakemm l-ispettur ma jkunx raġjonevolment sodisfatt, b'riżultat ta' l-azzjoni meħuda mill-kaptan tal-bastiment jew tal-komunikazzjoni ta' l-ispettur ma' spettur jew awtorità magħżula tal-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat, li l-ksur evidenti mhux ser ikun ripetut.

(v) L-ispettur responsabbli jista' jirrikjedi li l-kaptan ineħħi kwalunwe parti tat-tagħmir tas-sajd li l-ispettur jidhirlu li tikser il-miżuri tal-Kummissjoni. Marka ta' identifikazzjoni għandha titwaħħal b'mod sod ma kwalunwe parti tat-tagħmir tas-sajd li l-ispettur jidhirlu li kienet tikser il-miżuri, u l-ispettur għandu jirreġistra l-fatt fir-rapport tiegħu. It-tagħmir għandu jkun preservat bil-marka mwaħħla sakemm ikun eżaminat minn spettur jew awtorità magħżula tal-parti kontraenti għall-bastiment spezzjonat li għandu jiddetermina x'għandu jsir bit-tagħmir.

(vi) Spettur jista' jieħu ritratti tat-tagħmir tas-sajd b'tali mod li l-marka ta' identifikazzjoni u l-qisien tat-tagħmir tas-sajd ikunu jidhru u persuni li jittieħdulhom ritratti għandhom jitniżżlu fir-rapport. Ritratt ieħor għandu jingħata lill-kaptan tal-bastiment.

7. Awtorità kompetenti ta' parti kontraenti li tkun notifikata bi ksur evidenti magħmul minn bastiment ta' dik il-parti għandha tieħu azzjoni immedjata sabiex tirċievi u tikkonsidra l-evidenza tal-ksur evidenti, twettaq kwlaunkwe investigazzjoni oħra li tkun neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar il-ksur evidenti u, kull fejn ikun possibbli, titla' abbord il-bastiment involut. Awtorità kompetenti tal-parti kontraenti għall-bastiment konċernat għandha tikkopera b'mod sħiħ ma' l-awtorità kompetenti tal-parti kontraenti li innominat lill-ispettur sabiex jassigura li l-evidenza tal-ksur evidenti tkun preparata u preservata 'forma li tiffaċilia azzjoni ġudizzjarja.

L-awtorità kompetenti ta' parti kontraenti, meta tkun notifikata b'differenzi bejn il-qabdiet reġistrati u l-estimi ta' l-ispettur, għandha kull meta jkun possibbli titla' abbord il-bastiment involut u, fi kwalunkwe każ, tikkopera ma' l-ispetturi tan-NAFO sabiex tassigura li l-evidenza tkun preparata u preservata 'forma li tiffaċilita azzjoni ġudizzjarja, u għandha twettaq kwalunkwe investigazzjoni oħra li tkun neċessarja sabiex tkun tista' tiddetermina azzjoni xierqa li għandha ssegwi.

8. Spettur li jkun qiegħed josserva n-nuqqas ta' bastiment li jħalli spettur jitla' abbord wara jkun sinjalat kif suppost għandu:

(i) jirrapporta l-ksur evidenti mill-aktar fis possibli lil kwalunkwe spettur tal-parti kontraenti għall-bastiment konċernat li jkun magħruf li jkun jinsab qrib jew lil awtorità magħżula ta' dik il-parti kontraenti; u,

(ii) jipprepara rapport li fih jati kemm jista' ikun informazzjoni, inkluż dwar in-natura tas-sinjal, id-distanza li minnha s-sinjal ingħata, il-viżibilità fil-mument, l-Istat tal-baħar, ir-riħ u l-kondizzjonijiet tas-silġ.

9. Reżistenza għal spettur jew nuqqas ta' konformità mad-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu kondisrati mill-Istat tal-Bandiera tal-bastiment bħallikieku l-ispettur kien spettur ta' dak l-Istat.

10. Spetturi għandhom jaqdu dmirijithom skond ir-regoli msemmija fl-iskema, iżda huma għandhom jibqgħu taħt il-kontroll operazzjonali ta' l-awtoritajiet tal-partijiet kontraenti tagħhom u għandhom ikunu responsabbli lejhom.

11. Awtoritajiet kompetenti ta' parti kontraenti għandhom jikkonsidraw u jaġixxu fuq rapporti minn spetturi ta' partijiet kontraenti oħra taħt l-iskema fuq l-istess bażi ta' rapporti mill-ispetturi tagħha stess. Id-disposizzjonijiet ta' dan il-paragrafu m' għandhomx jimponu l-ebda obbligazzjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti ta' parti kontraenti sabiex jagħtu lir-rapport imħejji minn spettur barrani valur evidenzarju ogħla minn dak li hu jkollu fil-pajjiż ta' l-ispettur innifsu. Awtoritajiet kompetenti ta' partijiet kontraenti għandhom jikkollaboraw sabiex jiffaċilitaw proċeduri ġudizzjarji jew oħra li jsegwu minn rapport sottomess minn spettur taħt l-iskema.

12. Awtoritajiet kompetenti ta' parti kontraenti għandhom jinformaw lis-Segretarju Eżekuttiv sa l-1 ta' Novembru kull sena bil-pjanijiet proviżorji għal parteċipazzjoni mill-ispetturi tagħha, bastimenti u ħelikoptri fl-iskema għas-sena kalendarja ta' wara, u s-Segretarju Eżekuttiv jista' jagħti suġġerimenti lill-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet kontraenti għall-kordinazzjoni ta' l-operazzjonijiet tagħhom f'dan is-settur inkluż in-numru ta' spetturi u n-numru ta' bastimenti u ħelikoptri li jġorru spetturi.

13. Awtoritajiet kompetenti ta' kull parti kontraenti għandhom jirrapportaw lis-Segretarju Eżekuttiv sa l-1 ta' Marzu kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel:

(i) in-numru ta' spezzjonijiet magħmula minnha taħt l-iskema u jispeċifikaw in-numru ta' spezzjonijiet fuq il-bastimenti ta' kull parti kontraenti u, fil-każ ta' ksur evidenti, id-data u l-posizzjoni ta' l-ispezzjoni tal-bastiment imsemmi u n-natura tal-ksur evidenti;

(ii) id-disposizzjoni ta' ksur evidenti li jkunu notifikati lilha minn parti kontraenti. Il-ksur evidenti għandhom ikunu mniżżla kull sena sakemm l-azzjoni tkun konkluża taħt il-liġijiet ta' l-Istat tal-Bandiera, u kwalunkwe penalitajiet imposti għandhom ikunu deskritti f'termini speċifiċi;

(iii) differenzi li huma jikkonsidraw li huma sinjifikanti bejn ir-reġistrazzjonijiet tal-qabdiet fil-ġurnali tal-bastimenti tal-parti kontraenti tagħhom u l-estimi tal-qabdiet abbord il-bastimenti ta' l-ispetturi. Il-każijiet li jkunu identifikati b'dan il-mod bħala sinjifikanti għandhom ikunu mniżżla kull sena sakemm in-NAFO tkun informata dwar l-azzjonijiet meħuda b'reazzjoni, inklużi kwalunkwe penalitajiet imposti mil-liġi ta' l-Istat tal-Bandiera. Dawn il-penalitajiet għandhom ikunu deskritti f'termini speċifiċi.

14. (i) Fl-eventwalità ta' nuqqas ta' ftehim dwar l-interpretazzjoni jew applikazzjoni ta' l-iskema, il-partijiet kontraenti konċernati għandhom jikkonsultaw sabiex jipprovaw jirrisolvu n-nuqqas ta' ftehim.

(ii) Jekk in-nuqqas ta' ftehim jibqa' mhux riżolt wara l-konsultazzjonijiet, fuq it-talba ta' parti kontraenti s-Segretarju Eżekuttiv għandu jirreferi n-nuqqas ta' ftehim lil laqgħa speċjali tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontroll Internazzjonali (STACTIC). Rapport dwar in-nuqqas ta' ftehim għandu jkun preparat minn STACTIC u jingħata lill-Kummissjoni tas-Sajd fi żmien xahrejn tal-laqgħa ta' STACTIC.

(iii) Malli tirċievi r-rapport STACTIC, parti kontraenti tista' fi żmien perjodu ieħor ta' xahrejn titlob laqgħa speċjali tal-Kummissjoni tas-Sajd sabiex tikkonsidra r-rapport u sabiex tieħu azzjoni xierqa.

--------------------------------------------------

ANNESS I

KARTA TA' I-IDENTITA TA' L-ISPETTUR

(mhux iżġħar minn 8,5 cm × 5,5 cm)

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS II

SANĠAKKI TA' SPEZZJONI

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS III

KOSTRUZZJONI U UŻU TA' SLIELEM GĦAT-TLUGĦ ABBORD

1. Is-slielem għat-tlugħ abbord għandhom ikunu effiċjenti għall-iskop li jagħmluha possibbli għall-ispetturi li jitilgħu u jinżlu minn fuq il-bastiment fuq il-baħar b'nuqqas ta' periklu. Is-slielem għat-tlugħ abbord għandhom jinżammu nodfa u f'kondizzjoni tajba.

2. Is-sellum għandu jitwaħħal f'posizzjoni b'mod illi ma jkunx jintlaqat minn kwalunkwe ħruġ mill-bastiment, li kull tarġa sserraħ b'mod sod mal-ġemb tal-bastiment, li sa fejn ikun possibbli b'mod prattiku ma jkunx imiss ma' l-ifjen ċimi tal-bastiment u li l-ispettur ikollu aċċess mingħajr periklu u komdu għall-bastiment.

3. It-taraġ tas-sellum għat-tlugħ abbord għandhom ikunu:

(a) magħmula minn injam iebes jew materjal ieħor ta' propjetajiet ekwivalenti, magħmul f'biċċa waħda ħielsa minn ingroppi, ikollu wiċċ effiċjenti li ma jiżloqx; l-erbgħa tarġiet t'isfel nett jistgħu jkunu magħmula minn lastku ta' saħħa u ebusija biżżejjed jew ta' materjal addattat ieħor ta' karatteristiċi ekwivalenti;

(b) mhux anqas minn 480 mm twal, 115 mm wiesa, u 25 mm fondi, apparti kwalunkwe apparat kontra ż-żlieq; u

(ċ) spazjati ugwalment mhux inqas minn 380 mm u mhux aktar minn 380 mm 'il bogħod minn xulxin u jistgħu jkunu jitwaħħlu b'mod li jibqgħu orizzontali.

4. L-ebda sellum għat-tlugħ abbord ma għandu jkollu iktar minn żewġ tarġiet tal-bdil li jkunu mwaħħlin f'posthom b'metodu differenti minn dak użat fil-kostruzzjoni oriġinali tas-sellum u kwalunkwe taraġ li jkunu mwaħħla b'dan il-mod għandhom ikunu sostitwiti, kemm jista' ikun malajr b'mod prattiku minn taraġ imwaħħlin f'posthom bil-metodu wżat fil-kostruzzjoni oriġinali tas-sellum

5. Il-ħbula tal-ġnub tas-sellum għandhom jikkonsistu f'żewġt iħbula tal-manilla mhux jew ħbula ekwivalenti mhux mgħottija b'ċirkonferenza ta' mhux inqas minn 60 mm fuq kull naħa; kull ħabel għandu jkun kontinwu u mingħajr ġonot 'l isfel mit-tarġa ta' fuq; żewġ poġġamani tal-ħabel li għandhom ikunu mwaħħla sew mal-bastiment u ta' ċirkonferenza ta' mhux inqas minn 65 mm u ċima ta' salvataġġ għandhom jinżammu disponibbli, lesti għall-użu jekk ikunu meħtieġa.

6. Faxxi ta' injam iebes, jew materjal ieħor ta' projetajiet ekwivalenti, f'biċċa waħda u twila mhux inqas minn 1,800 metru, għandhom ikunu provduti f'intervalli li ma jħallux is-sellum tat-tlugħ abbord idur. Il-faxxa t'isfel nett għandha tkun fuq il-ħames tarġa mill-qiegħ tas-sellum u l-intervall bejn kull faxxa u l-faxxa ta' warajha m' għandux jaqbeż disgħa tarġiet.

7. Għandhom ikunu provduti mezzi sabiex jiżguraw passaġġ ħieles mill-periklu u konvenjenti fuq jew fil-u minn fuq il-bastiment bejn ir-ras tas-sellum pilota jew ta' kwalunkwe sellum ta' l-akkomodazzjoni jew mezz ieħor provdut. Meta tali passaġġ ikun permezz ta' passaġġ fil-poġġaman jew ħajt, għandhom ikunu provduti mżammi adegwati. Fejn tali passaġġ ikun permezz ta' sellum mal-ħajt, tali sellum għandu jkun imwaħħal sew mal-poġġaman jew il-pjattaforma tal-ħajt u żewġ arbli għaż-żamma għandhom ikunu mwaħħla fil-punt li wieħed jitla' abbord jew jinżel minn fuq il-bastiment mhux inqas minn 0,70 metri u lanqas iktar minn 0,80 mteri 'l bogħod minn xulxin. Kull arblu għandu jkun mqabbad b'saħħtu ma' l-istruttura tal-bastiment fil-jew viċin il-bażi tiegħu u anke f'punt iktar għoli, għandu jkun ta' dijametru ta' mhux inqas minn 40 mm u għandu jestendi mhux iktar minn 1,20 metri 'l fuq mit-tarf tal-ħajt.

8. Bil-lejl għandu jkun provdut dawl b'tali mod illi kemm is-sellum tat-tlugħ abbord lil hinn mill-ġemb tal-bastiment kif ukoll il-posizzjoni fejn l-ispettur jitla' abbord ikunu mdawwla adegwatament. Salvawomo mgħammar b'dawl li jixgħal minn rajh għandu jinżamm disponibbli, lest sabiex jintuża. Ċima ta' l-irfiegħ għandha tinżamm disponibbli, lesta għall-użu jekk tkun meħtieġa.

9. Għandhom ikunu provduti mezzi sabiex s-sellum ikun jista' ikun użat fuq iż-żewġ naħat tal-bastiment.

10. L-immontar tas-sellum u t-tlugħ abbord u l-inżul minn fuq il-bastiment minn spettur għandhom ikunu sorveljati minn uffiċjal responsabbli tal-bastiment.

11. Fejn fuq kwalunkwe bastiment ikun hemm karatteristiċi tal-kostruzzjoni bħal per eżempju ċineg tat-taħkik li ma jkunux jippermettu l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe minn dawn id-disposizzjonijiet, għandhom isiru arranġamenti speċjali li jissodisfaw lill-Kummissjoni sabiex ikun assigurat li persuni jkunu jistgħu jitilgħu abbord u jinżlu mingħar periklu.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

PROĊEDURA GĦAT-TLUGĦ BIL-ĦELIKOPTER

1. Il-kaptan tal-bastiment għandu jkun responsabbli u għandu jassigura s-sigurtà ta' l-impjegati li jkunu qiegħdin ikunu trasferiti bejn bastiment u l-ħelikopter matul il-ħin kollu li tali impjegati jkunu mwaħħla mal-ħelikopter mill-kejbil tat-tlugħ u l-għodda ta' l-irfigħ.

2. Il-kaptan tal-bastiment għandu jsegwi l-proċeduri msemmija hawn isfel sabiex jassisti l-ħelikopter:

(i) jipprova jikkomunika bir-radju f'lingwa komuni;

(ii) ibiddel id-direzzjoni u l-veloċità jekk ikun mitlub u jekk ikun jista' jagħmel hekk;

(iii) iżomm direzzjoni u veloċità stabbli matul l-operazzjoni tat-trasferiment sakemm is-sigurtà tal-bastiment ma tkunx mhedda;

(iv) jipprovdi indikazzjoni viżiva tar-riħ relattiv permezz ta' fjamma jew xi strument addattat ieħor;

(v) inaddaf ż-żona tat-trasferiment minn oġġetti li jistgħu jittajru;

(vi) m' għandux jittrasmetti bir-radju fuq antennae bil-wajers weqfin (frekwenza għolja) fil-viċinanza immedjata taż-żona tat-trasferiment matul it-trasferiment. Jekk tali trasmissjonijiet isiru meħtieġa, il-ħelikopter għandu jkun avżat sabiex it-trasferiment ikun jista' jkun ittardjat; jekk ċima tal-gwida titniżżel l-ewwel, membri ta' l-ekwipaġġ għandhom ikunu disponibbli sabiex jieħdu ħsieb din iċ-ċima sabiex jassistu fit-trasferiment tal-parti ta' l-ispezzjoni. Ċimi u wajers oħra m' għandhomx jintmessu mill-ekwipaġġ tal-bastiment sakemm l-parti ta' l-ispezzjoni tkun niżlet dawk iċ-ċimi u wajers fuq il-bastiment;

(vii) Jieħu miżuri xierqa sabiex jassigura li l-ebda wieħed mill-ħbula jew tagħmir imniżżla mill-ħelikopter ma jkunu mwaħħla jew jitħallew jitħabblu fil-bastiment.

3. Il-ħelikopter, li għandu juri l-fjamma ta' spezzjoni tiegħu, għandu jikkomunika lill-bastiment l-intenzjoni li jwettaq tlugħ abbord:

(i) permezz ta' komunikazzjonijiet bir-radju fuq 2182 kHz, VHF-FM kanal 16 jew frekwenzi oħra mifthiema;

(ii) permezz ta' indikazzjoni viżiva jew ħoss ta' sinjal xieraq meħud mill-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali kif muri fil-paragrafu 7;

(iii) billi jtir fuq jew viċin il-posizzjoni li fiha jkun hemm l-intenzjoni li jitwettaq it-tlugħ abbord flimkien ma' sinjali bl-id, meħuda mill-Kodiċi internazzjonali tas-Sinjali, kif indikat fil-paragrafu 4.

4. (i) Sinjal: Moviment ta' ippuntar bi driegħ jew id

Użat minn: | Tifsira: |

Ħelikopter | Nixtieq li nwettaq it-trasferiment jew it-tlugħ abbord fil-post indikat |

(ii) Sinjal: Ċaqliq vertikali bi driegħ jew bandiera, jew indikazzjoni bil-behem 'il fuq

Użat minn: | Sitwazzjoni: | Tifsira: |

Wieħed jew ieħor | Qabel it-trasferiment | Lest sabiex inmexxi t-trasferiment; |

Bastiment | Qabel it-trasferiment | Nixtieq it-trasferiment minn din il-posizzjoni; |

Ħelikopter | Wara li tintefa' iċ-ċima tal-gwida | Stira ċ-ċima tal-gwida; |

Wara li tkun stirata ċ-ċima tal-gwida | Daħħal 'l ġewwa bil-mod fuq iċ-ċima tal-gwida; |

Wieħed jew ieħor | Fi kwalunkwe ħin | Risposta affirmattiva. |

(iii) Sinjal: Ċaqliq orizzontali bi driegħ jew bandiera, jew indikazzjoni bil-behem 'l isfel

Użat minn: | Sitwazzjoni: | Tifsira: |

Bastiment | Qabel it-trasferiment | Mhux rakkomandat li jsir it-trasferiment minn din il-posizzjoni — irrakkomanda alternattiva (u ipponta lejn il-posizzjoni mixtieqa) |

Wieħed jew ieħor | Qabel it-trasferiment | Mhux lest sabiex inmexxi t-trasferiment; |

Bastiment | Matul it-trasferiment | Nitolbok twaqqaf it-trasferiment; |

Ħelikopter | Wara li tintefa' ċ-ċima tal-gwida | Naqqas it-tensjoni fuq iċ-ċima tal-gwida; |

Wara li titnaqqas it-tensjoni fuq iċ-ċima tal-gwida | Itlaq iċ-ċima tal-gwida; |

Wieħed jew ieħor | Fi kwalunkwe ħin | Risposta negattiva |

5. Wirja viżiva tas-simbolu YU mill-ħelikopter jew it-trasmissjoni bir-radju ta' YANKEE UNIFORM lill-bastiment tas-sajd tindika li s-sinjali mniżżla fil-paragrafu 7 għandhom ikunu wżati għal komunikazzjonijiet ta' l-ispezzjoni.

6. Is-sitwazzjonijiet li ġejjin huma rappreżentattivi tal-kondizzjonijiet li fihom trasferiment tal-personal bil-ħabel permezz tal-ħelikopter m' għandux ikun ippruvat:

(i) fl-opinjoni tal-kaptan tal-ħelikopter jew il-kaptan tal-bastiment, hemm spazju vojt inadegwat għal trasferiment jew hemm wisq ingombri;

(ii) hemm ċaqliq tal-bastiment sinjifikanti sabiex, fl-opinjoni tal-kaptan tal-ħelikopter jew il-kaptan tal-bastiment, jeżisti periklu;

(iii) il-ħelikopter ma jistgħax jipposizzjona ruħu b'riħ relattiv aċċettabbli; u

(iv) jeżistu perikli oħra li jippreġudikaw is-sigurtà tal-ħelikopter jew tal-bastiment jew tal-personal li qiegħed ikun trasferit.

Sinjal IMO | Tifsira IMO | Rimarki |

SQ 3 | Għandek tieqaf, jew ġġiegħel il-bastiment jieqaf, jien ser nitla' abbord il-bastiment tiegħek | Il-wiri tal-fjamma ta' spezzjoni tindika l-preżenza ta' tim ta' spezzjoni awtorizzat fil-ħelikopter |

MG | Għandek issegwi r-rotta… | Ir-rotta hija eżatta |

IK-RQ | Nitolbok tipproċedi b'… mil tal-baħar | |

AZ | Ma nistgħax ninżel iżda nista' intella' l-ekwipaġġ | Indikazzjoni ta' intenzjoni li jitwettaq trasferiment bil-ħabel mill-ħelikopter (użat flimkien mas-sinjal BB) |

BB1-RQ | Nista' ninżel fuq il-gverta tiegħek; lest sabiex tirċievini ħdejn il-pruwa? | Użati flimkien mas-sinjal AZ sabiex ikun indikat li l-ħelikopter m'huwiex ser jinżel iżda ser iwettaq trasferiment bil-ħabel fiż-żona indikata |

BB2-RQ | Nista' ninżel fuq il-gverta tiegħek; lest sabiex tirċievini f'nofs il-bastiment? |

BB3-RQ | Nista' ninżel fuq il-gverta tiegħek; lest sabiex tirċievini ħdejn il-poppa? |

K | Nixtieq nikkomunika miegħek permezz ta' … (estratti mit-Tabella 1 ta' l-IMO) | |

6 … Bnadar skond il-Kodiċi Internazzjonali | |

8 … radjutelefonija 2182 kHz | |

9 … kanal tar-radjutelefonija VHF 16 | |

YX | Nixtieq nikkomunika permezz tar-radjutelefonija fuq il-frekwenza indikata | |

C | Iva (affrrmattiv) | |

N | Le (negattiv) | November Oscar bil-vuċi jew bit-trasmissjoni tar-radju |

YU | Ser nikkomunika ma' l-Istazzjon tiegħek permezz tal-Kodiċi internazzjonali tas-Sinjali | |

BT | Il-ħelikopter ġej għandkhom issa (jew fil-ħin indikat) | |

--------------------------------------------------

ANNESS V

KUMMISSJONI TAS-SAJD TA' L-ORGANIZZAZZJONI TAS-SAJD TAL-MAJJISTRAL TA' L-ATLANTIKU RAPPORT TA' L-ISPEZZJONI

(Spettur: Jekk jogħġbok uża ITTRI KAPITALI)

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS VI

KWESTJONARJU TA' SPEZZJONI

1. Jiena spettur taħt l-iskema. Hawn huwa d-dokument ta' l-identità tiegħi. Nixtieq nispezzjona x-xbiek tiegħek / tagħmir tas-sajd ieħor / qabda / dokumenti.

2. Nixtieq nara l-kaptan ta' dan il-bastiment.

3. Jekk jogħġbok tini ismek.

4. Jekk jogħġbok ikkopera miegħi fl-eżami tal-qabda tiegħek / tagħmir / dokumenti skond il-miżuri tal-Kummissjoni.

5. Jekk jogħġbok iċċekkja l-posizzjoni tiegħek u l-ħin bħalissa.

6. Jien qiegħed nirrapporta l-posizzjoni tiegħek bħala … o latitudni … o lonġitudni fil-… GMT. Inti taqbel?

7. Tixtieq tiċċekkja l-posizzjoni tiegħek bl-istrumenti tiegħi abbord il-bastiment ta' spezzjoni?

8. Issa taqbel?

9. Jekk jogħġbok urini d-dokumenti li jistabbilixxu n-nazzjonalità tal-bastiment tiegħek / id-dokumenti tar-reġistrazzjoni / il-ġurnal tal-briġġ / il-ġurnal(i) tas-sajd.

10. Jekk jogħġbok ikteb l-isem u l-indirizz tas-sidien ta' dan il-bastiment fl-ispazju li jien qiegħed nindika fil-formola tar-rapport.

11. Għal liema speċi qiegħed tistad prinċipalment?

12. Inti qiegħed tistad għal skopijiet ta' riduzzjoni?

13. Jien naqbel.

14. Iva.

15. Jien ma naqbilx.

16. Le.

17. Jekk jogħġbok ħudni fuq il-briġġ / il-gverta tax-xogħol / iż-żona ta' l-ipproċessar / l-istivi tal-ħut.

18. Inti tuża xi aċċessorji tax-xbiek? Jekk iva, ta' liema tip? Jekk jogħġbok iktibha fl-ispazju li jien qiegħed nindika.

19. Jekk jogħġbok ixgħel dawn id-dwal.

20. Jien nixtieq neżamina dik ix-xibka / tagħmir għat-tisħin.

21. Urini t-tagħmir tas-sajd l-ieħor li għandek fuq jew viċin il-gverta tas-sajd.

22. Urini l-apparat li għandek sabiex tkejjel ix-xbiek, jekk għandek.

23. Staqsi lin-nies tiegħek sabiex iżommu dik ix-xibka sabiex inkun nista' inkejjilha.

24. Jekk jogħġbok poġġi dik ix-xibka taħt l-ilma għal 10 minuti.

25. Jien spezzjonajt … ħolqa f'din ix-xibka.

26. Iċċekkja li jien irreġistrajt bir-reqqa fuq il-formola tar-raport fl-ispazju li qiegħed nindika il-wisa' tal-ħoloq li jien kejjilt.

27. Jien nixtieq nispezzjona l-qabda tiegħek. Int lestejt tagħżel il-ħut?

28. Tista' jekk jogħġbok tifrex dak il-ħut?

29. Jien nixtieq nistma l-proporzjon ta' speċi regolat fil-qabda tiegħek.

30. Jekk jogħġbok aqleb għall-kopja tal-formola ta' l-ipezzjoni fil-lingwa tiegħek u tini l-informazzjoni meħtieġa sabiex inkun nista' nimliha. Jiena sejjer nindika liema sezzjonijiet.

31. Jekk inti ma tikkoperax kif jien tlabt, jien nirrapporta r-rifjut tiegħek lill-parti kontraenti tiegħek.

32. Jien sibt li l-wisa' medja tal-ħoloq li kejjilt f'dik ix-xibka hija ta'.… mm. Din tidher li hi inqas mid-daqs tal-ħoloq minimu applikabbli, u sejjer tkun rapportata lill-parti kontraenti tiegħek.

33. Jien sibt aċċessorji tax-xbiek / tagħmir tas-sajd ieħor li jidher li huwa illegali. Dan sejjer ikun rapportat lill-parti kontraenti tiegħek.

34. Issa jien sejjer inwaħħal il-marka ta' l-identifikazzjoni ma' dan il-biċċa tagħmir tas-sajd li għandu jkun preservat bil-marka mwaħħla sakemm jarha spettur tas-sajd tal-parti kontraenti tiegħek fuq talba tiegħu.

35. Jien sibt … ħut iżgħar mid-daqs stabbilit. Jien sejjer nirrapporta dan lill-parti kontraenti tiegħek.

36. Jien sibt li inti tidher li qiegħed tistad f'din iż-żona matul staġun magħluq / b'tagħmir li mhux permess / għal razez jew speċi li mhumiex permessi. Dan sejjer ikun rapportat lill-parti kontraenti tiegħek.

37. Jien sibt qabda ta' ħlejjaq tal-baħar li għalihom ma kinitx intenzjonata s-sajda ta' speċi regolati li tidher li taqbeż l-ammont permess. Jien sejjer nirrapporta dan lill-parti kontraenti tiegħek.

38. Jien għamilt kopji tad-daħla / dħul f'dan id-dokument li ġej / ġejjin. Jekk jogħġbok iffirmhom sabiex tiċċertifika li huma vera kopji.

39. Jien nixtieq nikkomunika ma' l-awtorità magħżula tal-parti kontraenti tiegħek. Jekk jogħġbok għamel il-mod li dan il-messaġġ jintbagħat u li kwalunkwe tweġiba tkun riċevuta.

40. Inti tixtieq tagħmel xi osservazzjonijiet dwar din l-ispezzjoni inkluż it-tmexxija tagħha u dik ta' l-ispettur(i)? Jekk iva, jekk jogħġbok għamel dan fl-ispazju li jien qiegħed nindika fuq il-formola tar-rapport li fuqu niżżilt it-tisjib tiegħi. Jekk jogħġbok iffirma l-osservazzjonijiet. Għandek xi xhieda li jixtiequ jagħmlu osservazzjonijiet? Jekk iva, huma jistgħu jagħmlu dan fl-ispazju li jien qiegħed nindika fuq il-formola tar-rapport.

41. Jien ser nitlaq. Grazzi.

--------------------------------------------------