KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis‑16 ta’ April 2026 ( 1 )
Kawża C‑24/26 PPU [Casotta] ( i )
CV
Proċeduri kriminali
fil-preżenza ta’:
Procuratore generale presso la Corte di Appello
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu – Sentenza ta’ kundanna fil-kontumaċja – Proċedura ta’ revoka – Dritt għal proċess ġdid – Kundizzjonijiet – Ħarba mill-għarfien tal-proċess inizjali – Armonizzazzjoni minima – Possibbiltà għall-Istati Membri li joffru livell ogħla ta’ protezzjoni – Kundizzjonijiet – Direttiva 2012/29/UE – Dritt tal-vittma li tipparteċipa fil-proċedura ta’ revoka”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Kif ipprovdut fid-Direttiva (UE) 2016/343 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali ( 2 ), id-dritt tal-persuni suspettati jew akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess kontrihom huwa bbażat fuq id-dritt għal smigħ xieraq, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali ta’ soċjetà demokratika. |
|
2. |
Madankollu, kif tippreċiża l-imsemmija direttiva, id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu ma huwiex ta’ natura assoluta ( 3 ). L-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-possibbiltà li sentenza tingħata fl-assenza tal-persuna kkonċernata u tiġi eżegwita mingħajr ma jinfetaħ proċess ġdid. Madankollu, dan jista’ jsir biss bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata, debitament informata, tkun irrinunzjat b’mod volontarju u inekwivoku li tkun preżenti fil-proċess kontra tagħha, u li għalhekk l-assenza tagħha tkun riżultat ta’ għażla deliberata ( 4 ). B’differenza minn dan, jekk l-eżistenza ta’ tali għażla ma tiġix stabbilita, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fil-kontumaċja hija possibbli biss jekk tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata jkollha dritt għal proċess ġdid jekk hija titlobha. |
|
3. |
Fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja) tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 2016/343 tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li ma tippermettilhiex, waqt l-eżami ta’ tali talba, li tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir tal-persuna akkużata sabiex teżamina jekk din evadietx volontarjament mill-għarfien tal-proċess. Fi kliem ieħor, hija tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jobbligax mhux biss lill-Istati Membri jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata, iżda wkoll li jipprevjenu użu abbużiv tagħhom. |
|
4. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI ( 5 ) tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li, meta tiġi eżaminata talba għal proċess ġdid wara sentenza fil-kontumaċja, ma tipprevedi l-ebda informazzjoni jew parteċipazzjoni favur il-vittma tar-reat inkwistjoni. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2012/29
|
5. |
Il-premessi 12, 20, 22, 26 u 31 tad-Direttiva 2012/29 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
6. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) kif ukoll l-Artikoli 6, 10, 18 u l-Artikolu 20(b) tad-Direttiva 2012/29 jipprevedu dan li ġej: “Artikolu 1 Objettivi 1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura li vittmi tal-kriminalità, jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċedimenti kriminali. […] Artikolu 6 Dritt li jingħataw informazzjoni dwar il-każ tagħhom 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jiġu notifikati mingħajr dewmien żejjed bid-dritt tagħhom li jirċievu l-informazzjoni li ġejja dwar il-proċedimenti kriminali mibdija bħala riżultat tal-ilment fir-rigward ta’ reat kriminali mġarrab mill-vittma u li, fuq talba, huma jirċievu tali informazzjoni:
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’konformità mar-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti, il-vittmi jiġu notifikati mingħajr dewmien żejjed bid-dritt tagħhom li jirċievu l-informazzjoni li ġejja dwar il-proċedimenti kriminali mibdija bħala riżultat tal-ilment fir-rigward ta’ reat kriminali mġarrab mill-vittma u li, fuq talba, jirċievu tali informazzjoni:
3. Informazzjoni prevista taħt il-paragrafu 1(a) u l-paragrafu 2(a) għandha tinkludi raġunijiet jew sommarju ta’ raġunijiet għad-deċiżjoni inkwistjoni, ħlief fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ġuri jew deċiżjoni fejn ir-raġunjiet huma kunfidenzjali f’liema każijiet ir-raġunijiet ma jingħatawx bħala kwistjoni tal-liġi nazzjonali. 4. Ix-xewqa tal-vittmi dwar jekk jixtiqux li jingħataw informazzjoni għandha torbot lill-awtorità kompetenti, ħlief jekk dik l-informazzjoni jkollha tiġi pprovduta minħabba l-intitolament tal-vittma għal parteċipazzjoni attiva fil-proċedimenti kriminali. L-Istati Membri għandhom iħallu l-vittmi jimmodifikaw ix-xewqa tagħhom fi kwalunkwe żmien, u mbagħad għandhom joħduha inkunsiderazzjoni. 5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jingħataw l-opportunità li jiġu notifikati, mingħajr dewmien mhux meħtieġ, meta l-persuna miżmuma f’kustodja, mixlija jew ikkundannata għal reati kriminali li jikkonċernawhom tinħeles jew tkun ħarbet mid-detenzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jiġu informati bi kwalunkwe miżura maħruġa għall-protezzjoni tagħhom f’każ ta’ rilaxx jew ħarba tal-awtur ta’ ksur. 6. Il-vittmi għandhom, fuq talba, jingħataw l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 5, tal-inqas f’każijiet fejn hemm periklu jew riskju identifikat għalihom, sakemm ma jkunx hemm riskju identifikat ta’ ħsara għall-awtur ta’ ksur li jirriżulta min-notifika. […] Artikolu 10 Id-dritt li wieħed jinstema’ 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jistgħu jinstemgħu waqt il-proċedimenti kriminali u jkunu jistgħu jipprovdu xhieda. […] 2. Ir-regoli proċedurali li taħthom il-vittmi jistgħu jinstemgħu waqt il-proċedimenti kriminali u jistgħu jipprovdu xhieda għandhom ikunu determinati mil-liġi nazzjonali. […] Artikolu 18 Dritt għal protezzjoni Bla preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri disponibbli għall-protezzjoni tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom minn vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, minn intimidazzjoni u minn ritaljazzjoni, inkluż kontra r-riskju ta’ ħsara emozzjonali jew psikoloġika, u għall-protezzjoni tad-dinjità tal-vittmi waqt l-interrogazzjoni u meta jagħtu x-xhieda tagħhom. […] […] Artikolu 20 Dritt għall-protezzjoni tal-vittmi waqt l-investigazzjonijiet kriminali Bla preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f’konformità mar-regoli ta’ diskrezzjoni ġudizzjarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt investigazzjonijiet kriminali: […] (b) l-għadd ta’ intervisti mal-vittmi jkun limitat kemm jista’ jkun u l-intervisti jsiru biss fejn strettament meħtieġ għall-iskopijiet tal-investigazzjonijiet kriminali[.]” |
2. Id-Direttiva 2016/343
|
7. |
Id-Direttiva 2016/343 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 82(2)(b) TFUE u l-premessi 3, 9, 10, 33, 35, 36, 37, 38, 39, 42 u 48 ta’ din id-direttiva huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
8. |
L-Artikolu 1, l-Artikolu 8(1) sa (4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 huma fformulati kif ġej: “Artikolu 1 Suġġett Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:
[…] Artikolu 8 Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom. 2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:
3. Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata. 4. Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9. […] Artikolu 9 Id-dritt għal proċess mill-ġdid L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.” |
B. Id-dritt Taljan
|
9. |
L-Artikolu 420a tal-Codice di procedura penale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), intitolat “Assenza tal-persuna akkużata”, jipprovdi: “1. Jekk il-persuna akkużata, libera jew detenuta, ma tkunx preżenti għas-seduta, l-imħallef għandu jkompli l-proċedura fl-assenza tagħha:
2. L-imħallef għandu jkompli wkoll il-proċedura fl-assenza tal-persuna akkużata meta jqis b’mod ieħor li ġie pprovat li din tal-aħħar kienet effettivament taf li l-proċedura kienet pendenti u li l-assenza tagħha waqt is-seduta hija dovuta għal għażla volontarja u konxja. Għal dan l-għan, l-imħallef għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet tal-komunikazzjoni, l-atti mwettqa mill-persuna akkużata qabel is-seduta, il-ħatra ta’ avukat u kull ċirkustanza rilevanti oħra. 3. L-imħallef għandu jkompli wkoll il-proċedura fl-assenza tal-persuna akkużata, ħlief fil-każijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2, kull meta din il-persuna akkużata tkun ġiet iddikjarata maħruba jew jekk hija tkun, b’mod ieħor, volontarjament ħarbet mill-għarfien tal-proċedura pendenti. 4. Fil-każijiet previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-imħallef għandu jiddikjara lill-persuna akkużata assenti. Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji tal-liġi, il-persuna akkużata ddikjarata assenti għandha tkun irrappreżentata mill-avukat tagħha. 5. Minbarra l-każijiet previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-imħallef għandu, qabel ma jkompli l-proċedura skont l-Artikolu 420c, iqiegħed il-kawża fuq il-lista u jordna li l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 419, it-talba għal rinviju quddiem qorti ta’ ġudikatura u l-proċess verbal tas-seduta jiġu kkkomunikati personalment lill-persuna akkużata mill-Polizia giudiziaria (forzi tal-ordni). 6. Id-digriet li permezz tiegħu l-persuna akkużata tiġi ddikjarata assenti għandu jiġi rrevokat, anki ex officio, jekk, qabel id-deċiżjoni, il-persuna akkużata tidher. Għandu jingħata terminu ġdid lill-persuna akkużata sabiex teżerċita d-drittijiet li tkun ġiet imċaħħda minnhom:
7. Minbarra l-każ previst fil-paragrafu 6, jekk jirriżulta li l-kundizzjonijiet għat-tkomplija tal-proċedura fl-assenza tal-persuna akkużata ma kinux issodisfatti, l-imħallef għandu jannulla, anki ex officio, id-digriet li permezz tiegħu l-persuna akkużata tkun ġiet iddikjarata assenti u għandu jsegwi d-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafu 5.” |
|
10. |
L-Artikolu 629a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, intitolat “Revoka ta’ res judicata”, jipprovdi: “1. Minbarra l-każijiet koperti mill-Artikolu 628 bis, il-persuna kkundannata jew suġġetta għal miżura ta’ sigurtà skont deċiżjoni jew sentenza li tkun saret res judicata u li tkun ġiet adottata fir-rigward tagħha fl-assenza tagħha tista’ tikseb ir-revoka tar-res judicata jekk hija turi li ġiet iddikjarata assenti minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 420a ma kinux issodisfatti u li, mingħajr ħtija min-naħa tagħha, hija ma setgħetx tappella fil-ħin kontra dik id-deċiżjoni jew dik is-sentenza, sakemm ma jirriżultax li effettivament saret taf bil-proċeduri pendenti qabel ma ngħatat id-deċiżjoni jew is-sentenza. 2. It-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà, għandha titressaq personalment mill-persuna kkonċernata jew mill-avukat tagħha li jkollu mandat speċjali, fi żmien tletin jum minn meta l-persuna kkonċernata saret taf bid-deċiżjoni jew bis-sentenza, quddiem il-Corte d’appello [il-Qorti tal-Appell, l-Italja] li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab l-imħallef li ta id-deċiżjoni jew is-sentenza. 3. Il-Corte d’appello [il-Qorti tal-Appell] għandha ssegwi d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 127 u, jekk tilqa’ t-talba, għandha tannulla d-deċiżjoni jew is-sentenza u tordna li l-proċess jintbagħat lura lill-imħallef tal-fażi jew tal-grad li fihom tkun seħħet in-nullità. 4. L-Artikoli 635 u 640 għandhom japplikaw.” |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
11. |
Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2023 tat-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja), CV ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin u tliet xhur u għal multa ta’ EUR 1500 wara li nstab ħati bħala koawtur ta’ reati ta’ feriti gravi u ta’ serq aggravat bi vjolenza. |
|
12. |
Peress li CV ma ppreżentax appell, dik is-sentenza saret definittiva fl‑14 ta’ April 2024 u, fid‑19 ta’ Novembru 2024, CV ġie arrestat sabiex tiġi eżegwita l-piena imposta fuqu. |
|
13. |
Fid‑19 ta’ Diċembru 2024, CV talab ir-revoka tas-sentenza tat-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) billi sostna li kien ġie ddikjarat assenti minkejja li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 420a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma kinux ġew issodisfatti. B’hekk, huwa ma kienx jaf bil-fatt li kien hemm proċeduri kriminali pendenti kontrih. |
|
14. |
Wara eżami tal-atti tal-proċedura fl-ewwel istanza, il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) indikat li dawn il-proċeduri kienu nbdew fit‑2 ta’ April 2022 wara l-arrest in flagrante delicto ta’ CV għal reati ta’ feriti gravi u ta’ serq aggravat bi vjolenza mwettqa bħala koawtur ma’ persuna oħra wkoll arrestata, u flimkien ma’ tmien persuni oħra li baqgħu mhux magħrufa. Barra minn hekk, CV ġie akkużat bit-twettiq ta’ reat bħala reċidiv minħabba li kien diġà ġie kkundannat għal reati oħra tal-istess tip. |
|
15. |
Fuq talba ta’ CV, il-pulizija informat lil ommu bl-arrest tiegħu u CV ħatar avukat bħala difensur. |
|
16. |
Fl‑4 ta’ April 2022, CV ġie ppreżentat taħt arrest quddiem it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) sabiex jiġi kkonfermat l-arrest tiegħu u sabiex tingħata sentenza fil-konfront tiegħu skont il-proċedura ta’ urġenza. F’din l-okkażjoni, huwa ddikjara li r-reġistru tal-persuni fiżiċi kien juri li kien iddomiċiljat ma’ ommu fi Sqallija, iżda li fl-aħħar ħames snin huwa kien stabbilixxa r-residenza tiegħu b’mod permanenti f’Ruma. Barra minn hekk, huwa ddikjara li l-post ta’ residenza tiegħu f’Ruma kien jinsab f’“mensa per i poveri” (kċina tal-foqra) ġestita mill-“Comunità di Sant’Egidio”. |
|
17. |
Wara s-seduta tal‑4 ta’ April 2022, l-arrest ta’ CV ma ġiex ikkonfermat, il-proċedura ta’ urġenza ma nbdietx, il-kawża ntbagħtet lura lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u CV ġie lliberat. |
|
18. |
Sussegwentement, il-Prosekutur Pubbliku talab lill-Giudice per le indagini preliminari (l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjoni kriminali, l-Italja) tat-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) sabiex joħroġ digriet għal sentenza immedjata minħabba n-natura evidenti tal-provi li kienet tippermetti li l-kawża tiġi diskussa direttament mingħajr ma tinżamm seduta preliminari. |
|
19. |
Din it-talba ntlaqgħet u l-Giudice per le indagini preliminari (l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjoni kriminali) irrinvija lil CV quddiem it-Tribunale ordinario de Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) għal sentenza immedjata fis-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2022. |
|
20. |
Fid‑9 ta’ Mejju 2022, il-pulizija marret iżżur il-“mensa per i poveri” msemmija iktar ’il fuq sabiex tipproċedi bil-komunikazzjoni tad-digriet għal sentenza immedjata, iżda CV ma nstabx hemmhekk u l-komunikazzjoni tħalliet ma’ waħda mill-persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-assoċjazzjoni. Din tal-aħħar iddikjarat li CV kien wasal fuq il-post jumejn qabel u wiegħdet li kienet ser tħalli d-digriet għal sentenza immedjata fil-kaxxa postali personali ta’ CV. |
|
21. |
Fit‑13 ta’ Lulju 2022, l-avukat maħtur minn CV bagħat telegramma lil dan tal-aħħar fir-residenza tiegħu fil-“mensa per i poveri” sabiex jinformah li kien qiegħed jirrinunzja l-mandat tiegħu minħabba l-impossibbiltà li jillokalizzah. |
|
22. |
Fl‑4 ta’ Ottubru 2022, id-digriet għal sentenza immedjata ġie kkomunikat, permezz ta’ posta elettronika ċċertifikata, lill-avukat maħtur minn CV, u dan peress li l-post ta’ residenza ddikjarat minn CV ma kienx xieraq għal dan l-għan. |
|
23. |
Matul is-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2022, minħabba li l-avukat maħtur minn CV irrinunzja l-mandat tiegħu, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) ħatret avukat ieħor bħala difensur maħtur ex officio. |
|
24. |
Fi tmiem dik is-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2022, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) ikkonstatat li d-digriet għal sentenza immedjata ma kienx ġie kkomunikat lill-persuna akkużata u bagħtet il-proċess lura lir-Reġistru sabiex din il-komunikazzjoni terġa’ ssir. |
|
25. |
Fis-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2023, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) qieset li CV kellu jiġi mfittex peress li ma kienx ġie pprovat li kien effettivament jaf bil-proċeduri pendenti kontrih u, għal dan l-għan, bagħtet il-proċess lura lir-Reġistru. |
|
26. |
Fl‑20 ta’ Jannar 2023, il-pulizija reġgħet marret għand il-“mensa per i poveri” sabiex tipproċedi bil-komunikazzjoni, iżda reġgħet ma sabitx lil CV hemmhekk u ħalliet avviż ta’ dehra ma’ ħaddiem voluntier li min-naħa tiegħu indika li kien ser iħallih fil-kaxxa tal-ittri personali tiegħu. |
|
27. |
Fl‑20, fil‑21 u fit‑23 ta’ Jannar 2023, il-pulizija ppruvat mingħajr suċċess tikkuntattja lil CV fuq it-telefon mobbli tiegħu, wara li dan kien ħalla n-numru tiegħu. |
|
28. |
Fl‑20 ta’ Jannar 2023, il-pulizija għamlet tfittxija fir-reġistri tal-persuni fiżiċi u kkonstatat li CV kien iddomiċiljat ma’ ommu fi Sqallija. Madankollu, fit‑3 ta’ Frar 2023, omm CV marret fl-uffiċċji tal-istat ċivili tal-komun u ppreżentat dikjarazzjoni fis-sens li binha kien telaq mid-dar, flimkien ma’ talba sabiex ismu jitħassar minn fuq is-sitwazzjoni familjari tagħha. |
|
29. |
Fis-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2023, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) ikkonstatat li mir-riferta tan-notifika tal-pulizija kien jirriżulta li CV ma setax jiġi llokalizzat u konsegwentement ordnat li l-persuna kkonċernata titfittex fl-indirizz tad-domiċilju tagħha, jiġifieri fl-indirizz ta’ ommu fi Sqallija, sabiex jiġu kkomunikati lilha kopja tad-digriet għal sentenza immedjata u kopja tal-proċess verbal tas-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2023 li ddiferixxiet is-smigħ tal-kawża għas-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2023. |
|
30. |
Fid‑19 ta’ Ġunju 2023, dawn l-atti ġew ikkomunikati mill-pulizija f’idejn omm CV bl-indikazzjoni “omm koabitanti”. |
|
31. |
Fis-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2023, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) ikkonstatat li d-digriet għal sentenza immedjata kien ġie kkomunikat f’idejn l-omm koabitanti u li b’hekk kellu jitqies li ġie żgurat li l-persuna akkużata kellha għarfien tal-proċess. |
|
32. |
Għaldaqstant, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) ordnat li jsiru sottomissjonijiet fl-assenza ta’ CV, billi qieset li kien ġie pprovat li huwa kien effettivament jaf bil-proċess u li l-assenza tiegħu waqt is-seduta kellha titqies bħala għażla volontarja u konxja skont l-Artikolu 420a(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. |
|
33. |
Fit‑23 ta’ Ottubru 2023, fil-kuntest tal-istruttorja orali, inġabret ix-xhieda tal-vittma tar-reat u, wara s-sottomissjonijiet tal-partijiet, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) ikkundannat lil CV għal piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin u tliet xhur u multa ta’ EUR 1500 wara li nstab ħati bħala koawtur ta’ reati ta’ feriti gravi u ta’ serq aggravat bi vjolenza. Din is-sentenza saret res judicata fl‑14 ta’ April 2024. |
|
34. |
CV ġie arrestat fid‑19 ta’ Novembru 2024 u ppreżenta r-rikors għal revoka imsemmija fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari
|
35. |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Jannar 2026 ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Jannar 2026, il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
36. |
Wara l-laqgħat amministrattivi li saru fil‑5 u fid‑9 ta’ Frar 2026, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tissottometti din il-kawża għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
37. |
Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn l-istess partijiet ipparteċipaw fis-seduta li saret fit‑18 ta’ Marzu 2026. |
V. Kunsiderazzjonijiet
A. Fuq it-tieni domanda preliminari
|
38. |
Bit-tieni domanda preliminari tagħha, li nipproponi li tiġi ttrattata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 47 u 54 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikoli 6 u 17 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Hija tixtieq tkun taf jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, konformement mal-interpretazzjoni tagħha skont il-ġurisprudenza rilevanti, li qorti adita b’talba għal proċess ġdid minħabba kundanna fil-kontumaċja tista’ tiddeduċi, mill-aġir tal-persuna kkonċernata u minn provi indiretti, li l-akkużat kien ħarab volontarjament mill-għarfien tal-proċess inizjali. |
1. Ir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet rilevanti
|
39. |
Skont l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jagħti lok għal deċiżjoni eżegwibbli dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna kkonċernata jista’ jsir fl-assenza tiegħu. Dan huwa possibbli sakemm il-persuna kkonċernata tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, dwar iż-żamma tal-proċess kif ukoll dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra (Artikolu 8(2)(a)), jew li hija sempliċement tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess meta hija tkun barra minn hekk irrappreżentata minn avukat inkarigat maħtur minnha jew maħtur mill-Istat (Artikolu 8(2)(b)) ( 7 ). Skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, meta ma jkunx possibbli li jiġu osservati dawn il-kundizzjonijiet minħabba li l-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tinstab, u dan minkejja li saru sforzi raġonevoli għal dan l-għan, tista’ xorta waħda tingħata deċiżjoni u tiġi eżegwita, iżda l-persuna kkonċernata għandu jkollha dritt għal proċess mill-ġdid skont dak previst mill-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva. |
|
40. |
Skont is-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) ( 8 ), il-possibbiltà offruta mill-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343 lill-Istati Membri li jmexxu, meta l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ikunu ssodisfatti, proċess fil-kontumaċja u li jeżegwixxu d-deċiżjoni mingħajr ma jipprevedu d-dritt għal proċess ġdid hija bbażata fuq il-premessa li, fis-sitwazzjoni prevista f’dan il-paragrafu 2, il-persuna kkonċernata, debitament informata, tkun irrinunzjat b’mod volontarju u inekwivoku milli teżerċita d-dritt li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha. |
|
41. |
F’dik l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li persuna tista’, jekk ikun il-każ, titqies ukoll li ġiet informata dwar il-proċess u li volontarjament u inekwivokabbilment irrinunzjat għad-dritt tagħha li tkun preżenti waqt il-proċess meta ma tkunx tista’ tinstab għall-finijiet tal-komunikazzjoni taċ-ċitazzjoni għall-proċess. Dan jista’ jkun il-każ jekk minn indizji preċiżi u oġġettivi jirriżulta li l-persuna kkonċernata, wara li tkun ġiet informata uffiċjalment li hija kienet akkużata li wettqet reat kriminali u, konxja tal-fatt li ser jinżamm proċess kontriha, deliberatament evitat milli tirċievi uffiċjalment l-informazzjoni dwar il-ħin u l-post tal-proċess. L-eżistenza ta’ tali indizji preċiżi u oġġettivi tista’, pereżempju, tiġi kkonstatata meta l-imsemmija persuna, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), tkun ikkomunikat volontarjament indirizz żbaljat lill-awtoritajiet kompetenti jew ma tkunx għadha tinstab fl-indirizz li tkun ikkomunikat ( 9 ). |
|
42. |
Is-sitwazzjoni ta’ tali persuna li ma ħallietx lill-awtoritajiet jinformawha uffiċjalment dwar il-proċess fi żmien xieraq u permezz ta’ dokument uffiċjali, taqa’ għalhekk taħt l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ( 10 ). Barra minn hekk, f’tali ċirkustanzi, it-trażmissjoni fi żmien xieraq, mill-awtoritajiet kompetenti, tad-dokument uffiċjali li jsemmi d-data u l-post ta’ proċess lill-indirizz ikkomunikat mill-persuna kkonċernata lil dawn l-awtoritajiet, u l-prova prodotta li dan id-dokument fil-fatt twassal lil dan l-indirizz, tikkostitwixxi notifika lil din il-persuna, li ma tkunx għadha tista’ tinstab, ta’ din id-data u ta’ dan il-post, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343. Madankollu, dan japplika biss bil-kundizzjoni li l-imsemmija awtoritajiet ikunu għamlu sforzi raġonevoli sabiex isibu lill-imsemmija persuna u jħarrkuha personalment jew sabiex jinformawha uffiċċjalment, permezz ta’ mezzi oħra, bid-data u bil-post ta’ dan il-proċess ( 11 ). |
|
43. |
Minbarra dan, proċess ġdid jista’ jiġi miċħud lil tali persuna biss jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/343 ikunu ssodisfatti, jiġifieri li l-imsemmija persuna tkun ġiet informata bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra fi żmien xieraq, jew tkun ġiet irrappreżentata minn avukat ( 12 ). |
2. Il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju fl-isfond tal-fehma tagħha tad-dritt nazzjonali
|
44. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, hija għandhiex setgħa ta’ evalwazzjoni li tippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ CV sabiex teżamina jekk dan ħarabx volontarjament mill-għarfien tal-proċeduri, b’tali mod li t-talba tiegħu għal proċess ġdid għandha tiġi kklassifikata bħala abbużiva. |
|
45. |
Skont l-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan, din id-domanda tidher ipotetika. Skont dawn l-argumenti, iċ-ċirkustanzi tal-każ għandhom jippermettu lill-qorti tar-rinviju tirrifjuta l-ftuħ ta’ proċess mill-ġdid. B’hekk, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, huwa minnu li hija l-konoxxenza effettiva tal-proċess li tilleġittima d-dikjarazzjoni ta’ kontumaċja u ma jistax jiġi awtomatikament dedott min-“negliġenza fl-ambitu tal-informazzjoni” min-naħa tal-persuna akkużata li hija kellha r-rieda li tevadi l-proċess. Madankollu, din in-negliġenza tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu għamlu sforzi raġonevoli sabiex jillokalizzaw lill-persuna kkonċernata. Għalhekk, huma dawn tal-aħħar li għandhom jipproduċu “indizji preċiżi u oġġettivi” li juru li din irċeviet informazzjoni adegwata. |
|
46. |
It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jeskludi sitwazzjoni fejn id-drittijiet tad-difiża jiġu eżerċitati b’mod abbużiv, peress li dan jagħti importanza kemm lid-diliġenza murija mill-awtoritajiet meta dawn jiġu biex jinformaw lill-persuna kkonċernata, kif ukoll lid-diliġenza eżerċitata minn din tal-aħħar meta tiġi biex tirċievi l-informazzjoni rilevanti. Fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet, iċ-ċirkustanzi esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju għandhom jippermettu li jiġi miċħud id-dritt ta’ CV għal proċess ġdid. |
|
47. |
Bi tweġiba għal dan l-argument, għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din tal-aħħar hija awtorizzata biss sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-atti tal-Unjoni msemmija f’dan l-artikolu. F’dan il-kuntest, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li l-qorti nazzjonali tagħtihom hijiex korretta. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompitu li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, skont kif jiġi ddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għalhekk, f’dan il-każ, hemm lok li wieħed iżomm mal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana kif tirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u li tikkostitwixxi l-premessa li fuqha hija msejsa d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ). |
|
48. |
Skont il-qorti tar-rinviju, huwa minnu li l-Artikolu 420a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jelenka numru ta’ elementi li, meta jissussistu, jippermettu lill-qorti nazzjonali tikkonkludi li l-persuna akkużata kellha l-intenzjoni li taħrab mill-għarfien tal-proċess u li l-assenza tagħha tirriżulta minn għażla deliberata. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), talba għal proċess ġdid tista’ tiġi miċħuda biss jekk tiġi prodotta l-prova diretta tar-rieda li wieħed jaħrab mill-għarfien tal-proċess. |
|
49. |
Skont il-qorti tar-rinviju, fil-prattika dan ifisser li l-persuna kkonċernata trid tkun għamlet dikjarazzjoni espressa li biha tindika r-rieda tagħha li tevita l-proċess. Wieħed ma jistax jikkonkludi li l-impossibbiltà li tiġi llokalizzata din il-persuna hija riżultat ta’ aġir li juri b’mod indirett, iżda ċert, tali rieda. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni n-negliġenza bħala indizju tal-aċċettazzjoni konxja tar-riskju li hija ma ssirx taf bil-proċess, u li wieħed jassimila din in-negliġenza ma’ ħarba konxja minn tali għarfien. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-qorti tar-rinviju hija obbligata tilqa’ t-talba għal proċess ġdid minħabba l-assenza ta’ prova diretta tar-rieda ta’ CV li jevita li jiġi mgħarraf dwar il-proċess inizjali. |
|
50. |
B’hekk, il-qorti tar-rinviju tidher li hija tal-fehma li d-dritt nazzjonali li ser tiġi mġiegħla tapplika b’xi mod “jipproteġi żżejjed” id-drittijiet tad-difiża. Dan id-dritt ser jobbligaha tiftaħ proċess mill-ġdid u ser jipprekludiha milli teżamina l-indizji li jistgħu juru li l-assenza ta’ CV waqt il-proċess kienet riżultat, jekk ikun il-każ, ta’ għażla konxja min-naħa tiegħu. |
3. Il-projbizzjoni kontra użu abbużiv tad-dritt għal proċess ġdid iggarantit mid-Direttiva 2016/343
|
51. |
Kif jippreċiżaw il-bażi legali tagħha fl-Artikolu 82(2) TFUE, fil-premessi 9 u 48 kif ukoll fl-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2016/343 twettaq biss armonizzazzjoni minima u mhux waħda kompleta u eżawrjenti, b’tali mod li l-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet iddefiniti minnha sabiex joffru livell ogħla ta’ protezzjoni ( 14 ). |
|
52. |
Għalhekk, mill-kliem stess tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri “jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza […] tagħha” ( 15 ). L-Istati Membri huma għalhekk liberi li ma jipprevedux, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà ta’ proċess fil-kontumaċja ( 16 ). |
|
53. |
Madankollu, meta jipprevedu l-possibbiltà li jsiru tali proċessi, huma għandhom josservaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva. Fil-fatt, dawn jipprevedu u jirregolaw l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tad-dritt tal-persuni ssuspettati u dawk akkużati li jattendu l-proċess tagħhom, kif ukoll l-eċċezzjonijiet għal dan id-dritt ( 17 ). Dan ma jfissirx biss li huma għandhom jiggarantixxu d-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-proċess tiegħu, iżda wkoll li għandhom jipprevjenu użu abbużiv tad-dritt għal proċess ġdid fil-każ ta’ sentenza fil-kontumaċja, peress li dan l-abbuż jista’ jostakola l-effettività tal-proċeduri kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
|
54. |
Huwa minnu li l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jadottaw livell ogħla ta’ protezzjoni fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża meta mqabbel ma’ dak previst mid-Direttiva 2016/343. Madankollu, il-garanzija ta’ tali drittijiet ma għandhiex tostakola l-iskop u l-implimentazzjoni effettiva tad-direttiva. Fil-fatt, meta att tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri libertà ta’ għażla bejn diversi modalitajiet ta’ applikazzjoni, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jitqies bħala implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-eżami tal-konformità tar-regoli nazzjonali stabbiliti għal dan l-għan jagħmel parti mill-interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 18 ). |
|
55. |
Bl-istess mod, fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri huma marbuta bir-rekwiżiti tal-Karta. Huwa minnu li huma jistgħu japplikaw l-istandards nazzjonali tagħhom ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bil-kundizzjoni madankollu li din l-applikazzjoni ma tikkomprometti la l-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ( 19 ). |
|
56. |
B’konformità ma’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 dwar id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu u dwar id-dritt għal proċess ġdid għandhom jiġu interpretati b’mod li jiġi evitat li persuna li, minkejja li tkun informata biż-żamma ta’ proċess, tkun irrinunzjat, jew espressament jew taċitament iżda inekwivokabbilment, milli tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha, tkun tista’, wara kundanna fil-kontumaċja, titlob li jinżamm proċess ġdid u b’hekk abbużivament ixxekkel l-effettività tal-proċeduri kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 20 ). |
|
57. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-iskop tad-Direttiva 2016/343, li jikkonsisti, kif jistabbilixxu l-premessi 9 u 10 tagħha, fit-tisħiħ tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, b’mod li tiżdied il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra. Il-premessa li, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti, il-persuna kkonċernata, debitament informata, tkun irrinunzjat b’mod volontarju u inekwivoku milli teżerċita d-dritt li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha, tiggarantixxi l-osservanza tal-imsemmi skop ( 21 ). |
|
58. |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li d-Direttiva 2016/343 għandha l-istess għan bħad-deċiżjonijiet qafas dwar ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi f’materji kriminali u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, billi ġiet adottata sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-qrati f’materji kriminali bejn l-Istati Membri ( 22 ). Peress li tagħmel parti mill-istess ġabra ta’ regoli, id-Direttiva 2016/343 għandha tiġi interpretata b’mod koerenti ma’ dawn id-deċiżjonijiet qafas ( 23 ). |
|
59. |
Kif spjega l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour, skont dawn id-deċiżjonijiet qafas tal-aħħar, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom ukoll setgħa ta’ evalwazzjoni li tippermettilhom jeżaminaw jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, id-drittijiet tad-difiża ġewx irrispettati minkejja li ngħatat sentenza fil-kontumaċja ( 24 ). Barra minn hekk, huwa jserraħ din l-opinjoni, b’mod partikolari, fuq l-effettività tal-proċeduri kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 25 ). |
|
60. |
Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni proposta hija konformi mad-dritt tal-vittma li l-kawża tagħha tinstema’ fi żmien raġonevoli u li ma tiġix ittrawmatizzata mill-ġdid, mal-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju kriminali, kif ukoll mal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt li skontu l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv ( 26 ). |
|
61. |
Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt hija dejjem applikabbli. Huwa minnu li l-Artikolu 54 tal-Karta u l-Artikolu 17 tal-KEDB jistabbilixxu espliċitament projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt li ma tidhirx rilevanti meta jiġu meqjusa ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Kif tgħid il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan speċifiku li jwaqqfu lill-individwi, lill-gruppi jew lill-Istati milli jużaw il-libertajiet iggarantiti minn dawn it-testi sabiex jeqirdu jew jillimitaw b’mod eċċessiv id-drittijiet irrikonoxxuti fihom. Madankollu, din il-projbizzjoni speċifika ma teskludix il-projbizzjoni iktar ġenerali rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
4. Konklużjoni fuq it-tieni domanda preliminari
|
62. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta qorti nazzjonali kompetenti teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dritt għal proċess ġdid fil-każ ta’ sentenza mogħtija fil-kontumaċja, liema dritt huwa stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, humiex issodisfatti, hija għandha tgawdi minn setgħa ta’ evalwazzjoni. |
|
63. |
Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, dik il-qorti għandha tkun tista’ teżamina jekk il-kundizzjonijiet miġbura fil-qosor fil-punti 39 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet humiex issodisfatti. Għalhekk, hija għandha tevalwa jekk jeżistux indizji preċiżi u oġġettivi li l-persuna kkonċernata, filwaqt li tkun ġiet informata uffiċjalment li hija kienet akkużata li wettqet reat kriminali u, konxja tal-fatt li ser jinżamm proċess kontriha, deliberatament evitat milli tirċievi uffiċjalment l-informazzjoni dwar il-ħin u l-post tal-proċess. B’dan il-mod, hija għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-persuni vulnerabbli msemmija, b’mod partikolari, fil-premessa 42 tad-Direttiva 2016/343 ( 27 ). Fl-aħħar nett, matul dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi stipulati fl-Artikolu 8(2)(a) u (b) tal-imsemmija direttiva hijiex issodisfatta, jiġifieri li l-persuna ġietx informata bid-data u bil-post tal-proċess kif ukoll bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, jew ġietx irrappreżentata minn avukat debitament maħtur matul dan il-proċess ( 28 ). |
|
64. |
Huwa biss meta dik il-qorti tikkonkludi, abbażi ta’ dan l-eżami, li l-persuna kkonċernata deliberatament evitat milli tirċievi uffiċjalment l-informazzjoni dwar il-proċess u li, barra minn hekk, waħda mill-imsemmija kundizzjonijiet hija ssodisfatta, li d-dritt tal-imsemmija persuna għal proċess ġdid jista’ jiġi miċħud. Dan ikun il-każ biss jekk jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata deliberatament ma ħallietx dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, pereżempju, billi tevita li tirċievi informazzjoni relatata mad-data u mal-post tal-proċess u mal-konsegwenzi ta’ sentenza b’kontumaċja, jew billi deliberatament u repetutament waqqfet il-kuntatt mal-avukat tagħha. F’każ bħal dan, il-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi l-abbuż ta’ dritt jista’ jargumenta kontra l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċess ġdid. |
|
65. |
F’dan il-każ, bla ħsara għall-eżami mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex ċar jekk hemmx indizji li jindikaw li CV, deliberatament u b’mod abbużiv, ma ħallietx li jintlaħqu l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343. Hija għalhekk dik il-qorti li għandha teżamina, b’mod partikolari fid-dawl tal-proċess verbal u tat-traskrizzjoni tal-interrogazzjoni ta’ CV imwettqa fl‑4 ta’ April 2022 (punt 16 iktar ’il fuq), u li matulha ġie assistit minn avukat tal-għażla tiegħu li ġie debitament maħtur ( 29 ), jekk minn dawn id-dokumenti jirriżultax li CV kien ġie informat b’mod suffiċjenti li huwa kien akkużat li wettaq reat kriminali u li kien ser jinżamm proċess kontrih. Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-indikazzjonijiet mogħtija minn CV dwar l-indirizzi tiegħu u tal-isforzi li saru sabiex tiġi kkomunikata lilu l-informazzjoni dwar il-proċess kontrih, jekk għandux jitqies li huwa deliberatament ipprova jevita li jirċievi uffiċjalment l-informazzjoni dwar il-ħin u l-post tal-proċess filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti għamlu sforzi suffiċjenti sabiex isibuh. |
|
66. |
Matul dik l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha mhux biss tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà ta’ CV li tirriżulta mis-sitwazzjoni tiegħu ta’ persuna mingħajr domiċilju fiss, iżda wkoll il-punt dwar jekk mix-xhieda tiegħu matul l-interrogazzjoni tal‑4 ta’ April 2022 jirriżultax li huwa kien suffiċjentement informat u luċidu biżżejjed sabiex jifhem l-implikazzjonijiet tas-sitwazzjoni li kien jinsab fiha. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ talba għal proċess ġdid, CV għandu jitħalla jippreżenta, b’mod partikolari, ċirkustanzi partikolari li setgħu pprekludewh, jekk ikun il-każ, milli jirċievi l-komunikazzjonijiet ikkonsenjati lill-“mensa per i poveri” (kċina tal-foqra) ġestita mill-“Comunità di Sant’Egidio” (ara l-punti 16, 20 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
|
67. |
Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk, f’dan il-każ, waħda miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/343 hijiex issodisfatta. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija għandha tiddetermina jekk CV jistax jitqies li kien irrappreżentat minn avukat debitament maħtur matul il-proċeduri fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ (ara l-punti 15, 21 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ( 30 ). |
|
68. |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2016/343, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk il-preżentata tal-komunikazzjoni tad-digriet għal sentenza immedjata mal-“mensa per i poveri” (kċina tal-foqra) ġestita mill-“Comunità di Sant’Egidio” tistax tikkostitwixxi notifika lil CV tad-data u tal-post tal-proċess, skont l-Artikolu 8(2)(a) ta’ din id-direttiva (ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Barra minn hekk, hija għandha teżamina wkoll jekk ġiex muri b’mod suffiċjenti li CV ġie informat uffiċjalment, b’mod partikolari waqt l-interrogazzjoni tal‑4 ta’ April 2022, dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra fi żmien xieraq. |
|
69. |
Fl-aħħar nett, sabiex jiġi evitat kull dubju, għandu jitfakkar li l-proċeduri li matulhom persuna suspettata jew akkużata għandha tkun tista’ titlob proċess ġdid skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dritt għal rimedju effettiv. Dan jimplika, b’mod partikolari, li t-talba għal ftuħ mill-ġdid għandha tiġi eżaminata f’perijodu ta’ żmien qasir biżżejjed sabiex tiggarantixxi, speċjalment f’każijiet ta’ ċaħda tal-libertà tal-persuna kkonċernata, bħal f’dan il-każ, l-effettività ta’ dawn il-proċeduri, li tista’ twassal, fejn xieraq, għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali u għar-rilaxx tal-persuna kkonċernata. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, huwa dubjuż li l-proċeduri prinċipali jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, peress li CV ġie arrestat fid‑19 ta’ Novembru 2024, huwa talab ir-revoka tas-sentenza inizjali fid‑19 ta’ Diċembru 2024 u l-qorti tar-rinviju bagħtet din it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fis‑7 ta’ Jannar 2026, jiġifieri iktar minn sena wara, meta CV kien diġà skonta parti sinjifikattiva mill-piena imposta fuqu ( 31 ). |
B. Fuq l-ewwel domanda preliminari
|
70. |
Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 6, 10 u 18 tad-Direttiva 2012/29, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 47 u 54 tal-Karta u tal-Artikoli 6 u 17 tal-KEDB, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 629a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Taljan, li, fi proċedura ta’ revoka tar-res judicata li tista’ tagħti lok għall-annullament tal-kundanna u b’hekk tirrendi neċessarju proċess ġdid fuq il-mertu, ma tipprevedi ebda forma ta’ informazzjoni, komunikazzjoni jew parteċipazzjoni għall-vittma tar-reat li ma tkunx ikkostitwixxiet ruħha parti ċivili. |
|
71. |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/29, din għandha bħala għan li tiżgura li l-vittmi tal-kriminalità jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri kriminali. |
|
72. |
Għal dan l-għan, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/29 jipprevedi d-dritt tal-vittma li tingħata informazzjoni dwar il-kawża tagħha. Din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax espliċitament proċedura għal proċess ġdid bħal dik tal-kawża prinċipali, li matulha l-qorti kompetenti teżamina jekk il-kundizzjonijiet għal sentenza fil-kontumaċja kinux issodisfatti matul il-proċess inizjali. Bl-istess mod, għall-finijiet tad-dritt tal-vittma li tirċievi, bħala prinċipju, kull informazzjoni li tippermettilha tkun taf l-istat attwali tal-proċeduri kriminali, stabbilit speċifikament fl-Artikolu 6(2)(b) tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 6(2) jirreferi, bħall-premessa 20, għar-rwol attribwit lill-vittmi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali kkonċernata. |
|
73. |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2012/29, li jistabbilixxi d-dritt tal-vittmi li jinstemgħu, jirreferi wkoll b’mod ġenerali biss għall-“proċedimenti kriminali”. |
|
74. |
Madankollu, mill-istruttura ġenerali u mill-iskop tad-Direttiva 2012/29 jirriżulta li din hija bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-implikazzjonijiet serji li l-proċeduri kontra l-awturi ta’ reati għandhom għall-vittmi ta’ tali reati u li din hija intiża sabiex tiżgura li l-vittmi jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod adegwat u attiv fl-imsemmija proċeduri. |
|
75. |
Minn din il-perspettiva, il-premessa 26 tad-Direttiva 2012/29 tenfasizza l-importanza tat-trażmissjoni lill-vittmi ta’ informazzjoni li tippermettilhom ikunu jafu l-istat attwali tal-proċeduri. Barra minn hekk, il-premessa 31 ta’ din id-direttiva tiddikjara li d-dritt li tinkiseb informazzjoni dwar il-ħin u l-post tal-proċess għandu japplika wkoll għall-informazzjoni dwar il-ħin u l-post ta’ seduta relatata ma’ appell ta’ sentenza fil-proċess inkwistjoni. |
|
76. |
Proċeduri li matulhom il-qorti kompetenti teżamina jekk hemmx lok li tannulla s-sentenza inizjali u li tiftaħ mill-ġdid il-proċeduri fuq il-mertu jistgħu jiġu assimilati ma’ proċedura ta’ appell kontra sentenza mogħtija fi proċeduri kriminali. Fil-fatt, tali proċedura ta’ revoka timplika li proċedura fuq il-mertu li ġiet, bħala prinċipju, magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva, tista’ terġa’ tinfetaħ. |
|
77. |
Tali proċedura hija ta’ importanza kbira għall-vittma. Fil-fatt, dan jimplika li l-vittma tista’ tiġi kkonfrontata mill-ġdid b’esperjenza trawmatizzanti u li hija tista’ tiġi obbligata, jekk ikun il-każ, tixhed mill-ġdid matul il-proċedura l-ġdida fuq il-mertu. |
|
78. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt tal-vittma li tipparteċipa b’mod attiv fil-proċeduri kriminali ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi limitat għall-proċeduri fuq il-mertu intiżi sabiex jiġi stabbilit ir-reat, iżda għandu japplika wkoll fil-kuntest ta’ proċedura ta’ revoka tas-sentenza inizjali. Bl-istess mod, id-dritt tal-vittma li tipparteċipa f’tali proċedura ma jistax jiddependi minn jekk din kinitx ikkostitwixxiet ruħha parti ċivili fil-proċess inizjali jew jekk kienx l-ilment tagħha jew investigazzjoni ex officio li taw bidu għall-proċedura inizjali ( 32 ). |
|
79. |
Huwa minnu li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, waqt l-evalwazzjoni tad-dritt għal proċess ġdid, ma tistax titqajjem il-kwistjoni ta’ bilanċ bejn id-drittijiet tal-vittma u dawk tal-akkużat. Kif tippreċiża l-premessa 12 tad-Direttiva 2012/29, id-drittijiet tal-vittma stabbiliti minn din id-direttiva huma bla ħsara għad-drittijiet tal-awtur tar-reat. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal din ma hijiex kwistjoni li wieħed jillimita d-dritt tal-akkużat għal smigħ xieraq minħabba l-implikazzjonijiet li proċess ġdid fuq il-mertu ser ikollu għall-vittma. Id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li għandhom l-għan li jipprevjenu vittimizzazzjoni sekondarja jew li jinżammu numru kbir ta’ seduti bla bżonn ( 33 ) ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jikkompromettu d-dritt tal-akkużat għal proċess ġdid jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan id-dritt ikunu ssodisfatti. |
|
80. |
Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ revoka, ir-reat fih innifsu ma huwiex inkwistjoni u x-xhieda tal-vittma dwar dan ir-reat ma hijiex rilevanti meta jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fuq il-mertu. |
|
81. |
Madankollu, huwa possibbli li l-vittma tkun f’pożizzjoni fejn tista’ tipproduċi provi utli lill-qorti kompetenti li jitfgħu dawl fuq ir-rieda jew le tal-akkużat li jevita l-proċess inizjali meta dan ikollu għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni. Pereżempju, dan huwa partikolarment minnu f’sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika, li fihom l-akkużat u l-vittma jkunu jafu lil xulxin jew ikollhom relazzjonijiet mill-qrib. |
|
82. |
Minn dan isegwi li, b’risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, għandu jingħad li d-drittijiet iggarantiti lill-vittma mid-Direttiva 2012/29 jeżiġu li din tkun informata b’kull talba mressqa sabiex iseħħ proċess ġdid. Bl-istess mod, hija għandha tkun tista’ tinstema’ waqt l-eżami ta’ tali talba sabiex tingħata l-opportunità li tipprovdi kull informazzjoni potenzjalment rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-aġir tal-akkużat. |
VI. Konklużjoni
|
83. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja): L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali kif ukoll l-Artikoli 6, 10 u 18 tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 (ĠU 2016, L 65, p. 1). Ara l-premessa 33 tagħha.
( 3 ) Premessa 35 tal-imsemmija direttiva. Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 49).
( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), EU:C:2022:401, punti 34 u 35).
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 315, p. 57).
( 6 ) ĠU C 378, 24.12.2013, p. 8.
( 7 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punti 33 kif ukoll 39 sa 43), tas‑16 ta’ Jannar 2025, Stangalov (C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 37), u tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, punt 34 et seq.).
( 8 ) Ara l-punti 34 u 35 ta’ dik is-sentenza; ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punti 35, 36 u 58).
( 9 ) Ara l-punti 48 u 49 ta’ dik is-sentenza.
( 10 ) Sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punt 48).
( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2025, Stangalov (C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 42), u tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, punt 37). Din l-ipoteżi ma ġietx indirizzata fis-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punti 33 et seq.), diskussa f’din il-kawża, fejn qamet il-kwistjoni dwar jekk il-komunikazzjoni tal-att tal-akkuża lil adult li jgħix fid-dar tal-akkużat kinitx biżżejjed sabiex jitqies li l-akkużat kien ġie informat dwar il-proċess, mingħajr ma ġiet indirizzata l-kwistjoni dwar jekk dan tal-aħħar kienx ġie informat qabel din il-komunikazzjoni li kien ser isir proċess kontrih.
( 12 ) Sentenzi Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punti 38 kif ukoll 54 et seq.), tas‑16 ta’ Jannar 2025, Stangalov (C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 43), u tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, punt 38). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:306, punti 41 et seq.).
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software (C‑418/11, EU:C:2013:588, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94, punti 29 u 30), u Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Enfasi miżjuda minni.
( 16 ) Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punti 37 sa 39).
( 17 ) Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punti 40 u 47).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 39), tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C‑406/15, EU:C:2017:198, punti 52 u 53), u tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 48).
( 19 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60), u Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29).
( 20 ) Ara Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punt 37).
( 21 ) Sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punti 34 sa 36).
( 22 ) Ara dwar dan l-għan is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 51). Ara wkoll id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45) kif ukoll id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendati bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24).
( 23 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Höldermann (C‑447/24, EU:C:2025:716, punt 83 et seq.).
( 24 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Khuzdar (C‑95/24, EU:C:2025:712, punt 59 et seq.).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Khuzdar (C‑95/24, EU:C:2025:712, punt 73).
( 26 ) Ara fuq dan l-aħħar prinċipju s-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 24), tal‑5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 38), tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 57), u tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 70).
( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punt 48), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:26, punt 54).
( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, punti 59 sa 63), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:306, punti 61 sa 67).
( 29 ) Dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan, ara s-sentenzi Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punt 56), tas‑16 ta’ Jannar 2025, Stangalov (C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 48), u tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, punti 41 u 61).
( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, punti 59 sa 63), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:306, punti 61 sa 67).
( 31 ) Ara, dwar dan il-punt, is-sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid) (C‑400/23, EU:C:2025:14, punti 63 u 64), u tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, punti 67 sa 70), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża Kachev (C‑135/25 PPU, EU:C:2025:306, punt 80).
( 32 ) Huwa minnu li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/29 jirreferi għall-“proċedimenti kriminali mibdija bħala riżultat tal-ilment fir-rigward ta’ reat [li l-vittma tkun ġarrbet]”. Tali riferiment jinsab ukoll fil-premessa 31 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, fid-dawl tal-implikazzjonijiet serji li proċedura ta’ revoka għandha għall-vittma, id-dritt tagħha li tipparteċipa fiha ma jistax jiddependi fuq it-tressiq ta’ lment jew fuq il-kostituzzjoni tagħha bħala parti ċivili. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-premessa 22 tad-Direttiva 2012/29, li, għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ dawk is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, tassimila t-tressiq ta’ lment mal-bidu ex officio ta’ proċedura.
( 33 ) Artikolu 18 u Artikolu 20(b) tad-Direttiva 2012/29. Fuq dawn id-dispożizzjonijiet, ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628, punti 30 et seq. kif ukoll il-punti 50 et seq.).