|
25.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 343/19 |
Riżoluzzjoni mill-Assemblea Parlamentari Euronest dwar il-ġlieda kontra x-xogħol informali u mhux iddikjarat u t-tisħiħ tas-sigurtà soċjali tal-impjegati fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Sħab tal-Lvant
(2018/C 343/04)
L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AAs) bejn l-Unjoni Ewropea u, rispettivament, il-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna, il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA) mal-Armenja, u b'mod partikolari l-kapitoli ta' dawn il-ftehimiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u dwar l-impjiegi, il-politika soċjali u l-opportunitajiet ugwali, |
|
— |
wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-preambolu tiegħu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 6, 9, 145, 151, 152, 153, 154, 156, 159 u 168 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta' Mejju 1996, b'mod partikolari l-Parti I u l-Parti II, l-Artikolu 3 tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Kodiċi Ewropew tas-Sigurtà Soċjali tal-1964 u l-Kodiċi rivedut tal-1990, |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (1) u l-Konvenzjoni Ewropea dwar is-Sigurtà Soċjali (ETS Nru 078), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-proklamazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f'Novembru 2017 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (2), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Konvenzjoni u r-Rakkomandazzjoni Nri 81, 102, 129, 155, 187, 197, 202 u 204 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-24 ta' Novembru 2017 fi Brussell, u l-20 Riżultat għall-2020 u l-arkitettura riveduta adottata u annessa magħhom, |
|
A. |
billi skont l-Artikolu 3 tat-TUE, l-Unjoni Ewropea tfittex li taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa, billi tfittex li twassal il-livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali, u livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità tal-ambjent; billi l-UE pproklamat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali b'reazzjoni għall-isfidi dejjem jikbru fl-oqsma tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE; billi hemm acquis soċjali tal-UE li huwa bbażat fuq diversi strumenti nazzjonali, tal-UE u internazzjonali, b'mod partikolari l-konvenzjonijiet tal-ILO u tal-Kunsill tal-Ewropa, li tipikament ikopru d-drittijiet essenzjalment marbuta mal-kuntratti ta' impjieg, mal-kundizzonijiet tax-xogħol jew mal-aċċess għall-benefiċċji soċjali; |
|
B. |
billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi drittijiet li huma ta' rilevanza partikolari għall-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan jew lejn l-UE, b'mod partikolari d-dinjità tal-bniedem (Artikolu 1), il-projbizzjoni tal-iskjavitù u tax-xogħol forzat (Artikolu 5), il-libertà professjonali u dritt għax-xogħol (Artikolu 15), in-nondiskriminazzjoni (Artikolu 21), id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni (Artikolu 27), id-dritt ta' negozjar u ta' azzjoni kollettiva (Artikolu 28), id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' impjieg (Artikolu 29), il-protezzjoni fil-każ ta' tkeċċija inġusta (Artikolu 30), kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa (Artikolu 31), il-projbizzjoni ta' impjieg ta' tfal u protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol (Artikolu 32), sigurtà soċjali u assistenza soċjali (Artikolu 34), id-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa (Artikolu 35) u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (Artikolu 47); |
|
C. |
billi ma hemm l-ebda mekkaniżmu vinkolanti fis-seħħ dwar kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri tal-UE biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati max-xogħol mhux iddikjarat; billi l-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat (pjattaforma UDW) ġiet stabbilita f'Mejju 2016 bil-għan li jiġu skambjati l-aħjar prattiki u informazzjoni dwar il-kwistjoni u tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri; |
|
D. |
billi l-Kummissjoni pproponiet direttiva ġdida dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli; |
|
E. |
billi l-Kummissjoni ppreżentat proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom; |
|
F. |
billi l-Kummissjoni ħabbret l-istabbiliment ta' Awtorità Ewropea tax-Xogħol biex tiżgura li r-regoli tal-UE dwar il-mobbiltà tax-xogħol jiġu infurzati; billi ħabbret ukoll pjanijiet biex jiġi introdott Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew; |
|
G. |
billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat, b'mod partikolari ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs) mal-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna, u l-arranġamenti għall-ivvjaġġar mingħajr viża għandhom implikazzjonijiet fit-tul għas-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali tal-impjegati kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL); billi n-negozju transkonfinali jirrikjedi kooperazzjoni fost il-korpi nazzjonali tax-xogħol ta' monitoraġġ u ta' infurzar sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; |
|
H. |
billi l-qgħad, il-korruzzjoni u governanza ħażina, kif ukoll kunflitti vjolenti fil-viċinat tal-UE jisfurzaw lin-nies biex jitilqu minn djarhom u jsibu xogħol fejn ikunu jistgħu, inkluż barra mill-pajjiż; billi r-refuġjati u l-immigranti għandhom aktar probabbiltà li jsiru ħaddiema mhux iddikjarati mingħajr protezzjoni soċjali u spiss jiġu impjegati għal xogħol bla sengħa; billi r-refuġjati u l-migranti, b'mod partikolari n-nisa, jirrappreżentaw l-aktar gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà kollha kemm hi; |
|
I. |
billi l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u l-proċessi ta' trasformazzjoni fl-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi SL kienu estensivi, minn qgħad fost iż-żgħażagħ u fit-tul għal żieda fl-inugwaljanza u fil-faqar; billi dawn l-iżviluppi, li spiss huma prodott sekondarju tal-miżuri ta' awsterità, irriżultaw f'għadd ta' bidliet fis-sistemi ta' sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-viċinat li wasslu għal tnaqqis fl-istandards, inkluż fl-oqsma tal-kura tas-saħħa u tal-pensjonijiet; billi r-riformi tal-kodiċi tax-xogħol irriżultaw f'deregolamentazzjoni u liberalizzazzjoni, iżda ma naqqsux l-ekonomija informali; |
|
J. |
billi x-xogħol mhux iddikjarat spiss ikollu dimensjoni transkonfinali; billi n-natura tax-xogħol mhux iddikjarat tista' tvarja minn pajjiż għall-ieħor, skont il-kuntest ekonomiku, amministrattiv u soċjali; billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar xogħol mhux iddikjarat u d-definizzjonijiet użati fil-livell nazzjonali jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor; billi l-miżuri maħsuba biex jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat għalhekk jenħtieġ li jitfasslu biex iqisu dawn id-differenzi; |
|
K. |
billi l-possibbiltà li wieħed isib xogħol mhux iddikjarat hija fattur prinċipali ta' attrazzjoni fl-inkoraġġiment tal-immigrazzjoni illegali; billi r-residenti bi status irregolari jew mhux irregolat, li għandhom it-tendenza li jaqgħu barra mis-sistema ta' sigurtà soċjali, spiss jiġu offruti xogħol mhux iddikjarat taħt kundizzjonijiet li huma soċjalment inaċċettabbli u bi ksur tar-regolamenti tas-saħħa u tas-sigurtà jew tal-ftehimiet kollettivi nazzjonali; |
|
L. |
billi s-swieq tax-xogħol u s-soċjetajiet qed jevolvu kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi SL, bi sfidi sostanzjali li jirriżultaw mir-rivoluzzjoni diġitali, mix-xejriet tax-xogħol li qed jinbidlu u mill-iżviluppi demografiċi, li joħolqu sfidi u opportunitajiet ġodda għas-suq tax-xogħol; |
|
M. |
billi minkejja l-fatt li forom gravi tal-isfruttament ta' ħaddiema qed jiġu kriminalizzati skont il-liġi tal-UE u tal-Istati Membri tal-UE, hemm każijiet li fihom l-isfruttament fis-settur tax-xogħol domestiku, pereżempju fi rwoli li jinvolvu t-tindif u l-indukrar tat-tfal jew tal-anzjani, huwa ttollerat; |
Rimarki ġenerali
|
1. |
Tenfasizza li l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u miżuri li jiggarantixxu s-sigurtà soċjali jikkostitwixxu sfida konġunta serja għall-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi SL u għalhekk jenħtieġ li jsiru s-suġġett ta' sforzi konġunti u kooperazzjoni; |
|
2. |
Tirrikonoxxi li x-xogħol mhux iddikjarat huwa kumpless u jitlob sfida, speċjalment għall-pajjiżi li jiffaċċjaw ċirkostanzi soċjoekonomiċi diffiċli kkaratterizzati minn qgħad kbir, faqar mifrux u esklużjoni soċjali, ambjent tan-negozju fqir u nuqqas ta' spazju fiskali; tenfasizza, madankollu, li x-xogħol mhux iddikjarat għandu konsegwenzi serji għas-soċjetajiet b'mod ġenerali, inkluż dħul mitluf għall-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali, l-imminar tal-finanzjament u tat-tqassim tal-benefiċċji soċjali, kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u riskji sistemiċi relatati mal-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, nuqqas ta' rappreżentanza kollettiva u kompetizzjoni inġusta bejn in-negozji; tissottolinja, għalhekk, li huma meħtieġa strateġiji nazzjonali koerenti u integrati u kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-ekonomija informali għal dik formali; |
|
3. |
Jiddispjaċiha, għalhekk, li l-firxa kumplessa ta' kwistjonijiet marbuta ma' xogħol mhux iddikjarat, mat-tranżizzjoni minn informali għal formali fir-rigward tal-ekonomija u tax-xogħol, u mas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema s'issa ma kinitx fokus tal-politika tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
4. |
Tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li amministrazzjoni pubblika u sistema ġudizzjarja li jistgħu jkunu fdati miċ-ċittadini jiskoraġġixxu x-xogħol mhux iddikjarat; tissottolinja, għalhekk, li l-istat tad-dritt, governanza tajba u l-eradikazzjoni tal-korruzzjoni huma kruċjali għat-tranżizzjoni mill-ekonomija informali għal dik formali; |
|
5. |
Tesprimi tħassib dwar il-livell tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-għadd ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) fl-UE u l-pajjiżi SL, u l-livell tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-ekonomija sewda; tenfasizza li huma ż-żgħażagħ li jmexxu l-wirt kulturali, ekonomiku u soċjali ta' pajjiż 'il quddiem fil-futur u għalhekk jenħtieġ li issa l-prijorità tingħata lill-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ u lill-miżuri li jħeġġu lil dawk li jagħmlu xogħol mhux iddikjarat biex jimxu fl-ekonomija ddikjarata; tinnota li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE li jmiss u s-suċċessur tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) jenħtieġ li jipprovdi aktar appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ fl-ekonomija uffiċjali permezz tal-prattiki tajba żviluppati skont l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; |
|
6. |
Tħeġġeġ l-iżvilupp ta' sistema li permezz tagħha l-kwalifiki miksuba fil-pajjiżi SL jiġu rikonoxxuti fl-UE; |
|
7. |
Ittenni l-importanza ta' politiki ta' tolleranza żero fl-akkwist pubbliku u fis-self minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (il-Bank Dinji, il-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Ewropew tal-Investiment) dwar xogħol mhux iddikjarat, inkluż fis-sottokuntrattar u l-katini ta' provvista; |
Miżuri fuq perjodu qasir
|
8. |
Tistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi SL iżidu l-għarfien pubbliku dwar il-ħtieġa urġenti għal azzjoni u jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat, inkluż permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika flimkien mas-sħab soċjali; tistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi SL sabiex jiżguraw l-għoti effettiv ta' informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet ta' xogħol mhux iddikjarat għall-ħaddiema, għan-negozji u għas-soċjetà, u dwar id-drittijiet tal-ħaddiema li joħorġu mill-istandards tax-xogħol internazzjonali inkorporati fil-konvenzjonijiet tal-ILO, inklużi l-proċeduri ta' lmenti u ta' appell; tenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-għarfien fost il-pubbliku ġenerali tal-fatt li n-nies li jagħmlu xogħol mhux iddikjarat jistgħu jiġu sfruttati b'mod sever u li tiġi promossa klima ta' tolleranza żero tal-isfruttament ta' tali ħaddiema, inkluż l-isfruttament tagħhom fi djar privati; |
|
9. |
Tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE u SL li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw u jippromwovu fil-prattika l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO rilevanti, inklużi n-Nri 94 (Klawżoli tax-Xogħol (Kuntratti Pubbliċi)), 102 (Sigurtà Soċjali (Standards Minimi)), 144 (Konsultazzjoni Tripartitika), 155 (Saħħa u Sikurezza Okkupazzjonali) u l-Protokoll tiegħu tal-2002, 167 (Sigurtà u Saħħa fil-Kostruzzjoni), 177 (Xogħol Domestiku), 184 (Sigurtà u Saħħa fl-Agrikoltura), 187 (Qafas Promozzjonali għal Saħħa u Sikurezza Okkupazzjonali), 189 (Ħaddiema Domestiċi), 202 (Protezzjoni Soċjali Bażika), 204 (Tranżizzjoni mill-Ekonomija Informali għal dik Formali) u 205 (L-Impjiegi u x-Xogħol Deċenti għall-Paċi u r-Reżiljenza); |
|
10. |
Hija tal-fehma li għandha titpoġġa ħafna aktar enfasi fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-kapitoli “kummerċ u żvilupp sostenibbli” u “impjieg, politika soċjali u opportunità ugwali” tal-ftehimiet bilaterali bejn l-UE u s-SL; tistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni estensiva dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fl-AA/DCFTAs mal-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna fil-kuntest tar-rapporti ta' implimentazzjoni annwali, kif ukoll dwar il-progress lejn l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tas-CEPA UE-Armenja wara r-ratifika tiegħu; |
|
11. |
Titlob l-istabbiliment skont l-arkitettura multilaterali SL ta' mekkaniżmu ta' kooperazzjoni istituzzjonali biex jindirizza x-xogħol mhux iddikjarat; tirrakkomanda l-istabbiliment ta' (sotto)pjattaforma multilaterali taħt id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni li tista' tipprovdi lill-korpi SL, inkluża l-Pjattaforma 2, input dwar l-aspetti soċjali u tax-xogħol tal-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika; |
|
12. |
Hija tal-fehma li jista' jiġi stabbilit mekkaniżmu bbażat fuq skambju tal-aħjar prattiki u t-titjib tal-ġbir tad-data b'segwitu tal-eżempju tal-pjattaforma UDW; tinnota li tali mekkaniżmu jenħtieġ li jipprovdi qafas biex jiġu vvalutati l-fatturi, il-karatteristiċi, il-kawżi u ċ-ċirkostanzi relatati ma' xogħol informali u mhux iddikjarat u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena f'kuntest nazzjonali u transkonfinali, u biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki dwar kif għandha tissaħħaħ is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema u jiġu promossi xogħol deċenti u protezzjoni soċjali għal kulħadd; |
|
13. |
Tistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi SL jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-iskambju tad-data u kooperazzjoni amministrattiva dwar xogħol mhux iddikjarat transkonfinali; tenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati għodod prattiċi biex jiġu miġġielda forom u netwerks organizzati ta' xogħol mhux iddikjarat transkonfinali; |
|
14. |
Tilqa' l-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; tistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi SL biex fil-laqgħa ta' livell għoli li jmiss tagħhom jiddiskutu dwar kif għandha tiġi adattata l-politika tas-Sħubija tal-Lvant fid-dawl tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex jiġi żviluppat qafas komuni biex jiġi analizzat l-istat tal-implimentazzjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali, permezz ta' 20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u t-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi soċjali bħala referenza, u bil-għan fit-tul tal-aderenza tal-pajjiżi SL mal-20 prinċipju; |
|
15. |
Hija tal-opinjoni li l-pjattaforma UDW stabbilita tista' tikkontribwixxi għal aktar kooperazzjoni, filwaqt li tlaqqa' flimkien l-esperti kemm mill-pajjiżi tal-UE kif ukoll mill-pajjiżi SL; tistieden lill-UE tirrifletti dwar mekkaniżmu li jista' jippermetti lill-pajjiżi mhux fl-UE biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Pjattaforma UDW u jibbenefikaw minnhom; |
|
16. |
Titlob li l-programmi għall-promozzjoni tal-impjiegi u ta' xogħol deċenti jinfetħu għall-pajjiżi SL; |
|
17. |
Tenfasizza li l-ispezzjoni tax-xogħol għandha rwol importanti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati, billi tiżgura s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, tiġġieled kontra ambjenti tax-xogħol mhux sikuri, tipprevjeni ksur tar-regoli tal-ħarsien tal-impjieg u tippromwovi tkabbir ekonomiku ġust u soċjalment responsabbli, billi tikkontribwixxi biex tiżgura li l-pagi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jitħallsu verament, u b'hekk id-dħul mit-taxxi kif ukoll id-dħul tal-fondi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali jiżdiedu filwaqt li tiżgura li l-impjegati jkunu koperti għall-mard, għall-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u għall-pensjonijiet; tiddeplora l-fatt li l-awtoritajiet tal-ispezzjoni tax-xogħol iddgħajfu jew saħansitra ġew aboliti bħala konsegwenza tal-miżuri ta' awsterità u l-proċessi ta' tranżizzjoni; tistieden, b'mod partikolari, lill-pajjiżi SL biex ireġġgħu lura dan l-iżvilupp u jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-ispezzjoni tax-xogħol finanzjament, persunal u taħriġ adegwat; tistieden lill-Kummissjoni tappoġġja taħriġ transkonfinali u forom oħra ta' kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-ispezzjoni tax-xogħol; |
|
18. |
Tinnota r-rwol importanti li għandhom is-sħab soċjali f'bosta Stati Membri tal-UE fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat; tenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu d-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni mas-sħab soċjali fil-pajjiżi SL sabiex jiġu involuti fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-istandards tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali; |
|
19. |
Tagħti parir lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE biex iħeġġu alleanzi domestiċi kontra x-xogħol mhux iddikjarat fl-oqsma l-aktar affettwati, bħall-kostruzzjoni, it-trasport, it-turiżmu u l-agrikoltura; |
|
20. |
Tissottolinja r-rwol importanti tat-trejdjunjins fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-protezzjoni tal-ħaddiema mhux iddikjarati, peress li t-trejdjunjins normalment ikunu l-ewwel korpi li jsiru konxji ta' sitwazzjonijiet problematiċi, frawdolenti, abbużivi jew illegali; tinnota bi tħassib id-diffikultajiet li t-trejdjunjins jiffaċċjaw fil-pajjiżi SL, li jvarjaw minn limitazzjonijiet fuq il-liberta ta' assoċjazzjoni u assemblea għal impedimenti biex isir djalogu soċjali; tistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi SL jipprovdu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex it-trejdjunjins ikunu jistgħu jaġixxu, u tistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tibqa' tappoġġjahom; |
|
21. |
Tħeġġeġ lill-membri tal-komunità tan-negozju fl-UE u lill-pajjiżi SL jassumu r-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom fil-ġlieda kontra xogħol mhux iddikjarat, inkluż fil-katini ta' provvista; tfakkarhom li x-xogħol mhux iddikjarat joħloq kompetizzjoni tas-suq inġusta; |
|
22. |
Tilqa' l-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma 5 dwar il-politiki soċjali u tax-xogħol u d-djalogu soċjali fi ħdan il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant; tipproponi li dan il-grupp ta' ħidma jikkontribwixxi għad-diskussjoni kontinwa dwar il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat permezz tal-kontributi tiegħu stess għar-rwol tas-soċjetà ċivili; |
|
23. |
Titlob lill-UE tiddedika xi ftit mill-assistenza pprovduta lill-pajjiżi SL, li se tintuża skont l-istrumenti finanzjarji tal-QFP ta' wara l-2020, lil dan is-sett kumpless ta' kwistjonijiet, inkluż l-appoġġ għall-iżvilupp istituzzjonali tas-sistemi ta' spezzjoni tax-xogħol, u ssaħħaħ id-djalogu soċjali u l-kapaċitajiet tas-sħab soċjali, inkluż fil-livell settorjali, kif ukoll id-djalogu ċivili u x-xogħol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'mod ġenerali; |
Miżuri fuq perjodu twil
|
24. |
Tenfasizza li t-tranżizzjoni mill-ekonomija informali għal dik formali jenħtieġ li tkun parti minn strateġija fit-tul usa' sabiex jiżdied il-ħolqien tal-impjiegi strutturat, titjieb il-kwalità tax-xogħol u l-aċċess għall-appoġġ tal-impjieg, tiġi miġġielda s-segmentazzjoni tal-forza tax-xogħol, tiġi miġġielda l-korruzzjoni, jiġu żgurati l-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali, tiġi żviluppata jew titwessa' l-kopertura tal-assigurazzjoni soċjali komprensiva u tiġi żgurata l-protezzjoni soċjali bażika universali f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-ILO Nru 202; |
|
25. |
Tenfasizza li l-esperjenza turi li kemm l-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet biex jinfurzaw konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll l-għoti ta' inċentivi, bħal skemi ta' ħelsien mit-taxxa fuq l-introjtu u ta' sussidji mmirati biex jirregolarizzaw l-impjiegi, jikkontribwixxu b'suċċess biex jibdlu x-xogħol mhux iddikjarat f'xogħol iddikjarat; tistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi SL jiżviluppaw pjan direzzjonali fit-tul b'punti ta' riferiment verifikabbli; |
|
26. |
Tħeġġeġ lill-pajjiżi SL jiżviluppaw kapaċitajiet nazzjonali biex jipprevjenu u jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat bil-parteċipazzjoni wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali u l-NGOs; |
|
27. |
Tenfasizza li l-attraenza tax-xogħol mhux iddikjarat tista' titnaqqas b'mod effettiv billi jiġu żviluppati sistemi trasparenti ta' taxxa u ta' protezzjoni soċjali pubblika li huma aċċessibbli u attraenti; tistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi SL jiżviluppaw strateġiji nazzjonali li għandhom l-għan li jilħqu sistemi ta' sigurtà soċjali komprensivi f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-ILO Nru 202 dwar protezzjoni soċjali bażika u mal-Konvenzjoni Nru 102 dwar is-sigurta soċjali, sabiex il-kopertura tiġi estiża għall-popolazzjoni attwali mhux koperta fl-ekonomija informali u sabiex il-kwistjoni ta' xogħol mhux iddikjarat tiġi indirizzata kif xieraq; |
|
28. |
Tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi SL jikkonkludu ftehimiet bilaterali, speċjalment fil-każ ta' dawk il-pajjiżi li jesperjenzaw tendenza fil-flussi tal-emigrazzjoni u tal-immigrazzjoni li finalment jiġġeneraw xogħol mhux iddikjarat; |
|
29. |
Tistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi SL jiżviluppaw qafas komuni għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, sabiex jiġu ssalvagwardjati l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema mobbli; |
|
30. |
Tagħti istruzzjonijiet lill-Kopresidenti tagħha biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tas-Sħubija tal-Lvant. |
(1) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0010.