|
23.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 263/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1209
tat-22 ta’ Lulju 2021
li jniedi rieżamijiet ta’ “esportaturi ġodda” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 li jimponu dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal tliet produtturi esportaturi Ċiniżi, li jħassar id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn dawk il-produtturi esportaturi u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
1. TALBA
|
(1) |
Il-Kummissjoni rċeviet tliet talbiet għal rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(2) |
It-talbiet tressqu minn Hebei Xingfei Chemical Co., Ltd fit-13 ta’ Lulju 2020, minn Inner Mongolia Lik ang Bio-Tech Co., Ltd (Likang) fid-29 ta’ Lulju 2019 u aġġornati fit-12 ta’ Frar 2021, u minn Shandong Lantian Disintation Technology Co., Ltd fit-13 ta’ April 2021 (“l-applikanti”), produtturi esportaturi tat-trikloroisoċjanuriku fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”). |
2. PRODOTT TAĦT RIEŻAMI
|
(3) |
Il-prodott taħt rieżami preżenti huwa l-aċidu triklorojsoċjanuriku u preparazzjonijiet magħmula minnu, magħruf ukoll bħala ‘simklosene’ skont l-isem internazzjonali mhux tad-ditta (INN), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċjiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (kodiċi TARIC 2933698070 u 3808942020) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
3. MIŻURI EŻISTENTI
|
(4) |
Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2230 (2), li skontu l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, inkluż il-prodott li hu prodott mill-applikant, huma suġġetti għal dazju definittiv anti-dumping ta’ 42,6 % bl-eċċezzjoni ta’ bosta kumpaniji msemmija b’mod speċjali fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament li huma suġġetti għal rati ta’ dazju individwali. |
4. RAĠUNIJIET GĦAR-RIEŻAMI
|
(5) |
L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li ma esportax il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri anti-dumping (mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004). |
|
(6) |
L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li ma huwa relatat mal-ebda produttur esportatur tal-prodott taħt rieżami li huma soġġetti għad-dazji anti-dumping fis-seħħ. |
|
(7) |
Fl-aħħar nett, l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li beda jesporta l-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. |
5. PROĊEDURA
5.1. Bidu
|
(8) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza disponibbli u kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika t-tnedija ta’ rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, bil-għan li jiġi ddeterminat il-marġni individwali ta’ dumping tal-applikant. Jekk jinstab li hemm dumping, il-Kummissjoni se tiddetermina l-livell tad-dazju li għandhom ikunu soġġetti għalih l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant. |
|
(9) |
Skont l-Artikoli 11(3) u 11(4), tar-Regolament bażiku il-valur normali għall-applikant għandu jiġi determinat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku kif kien fis-seħħ fid-19 ta’ Diċembru 2017, peress li l-aħħar rieżami ta’ skadenza tal-miżuri tnieda qabel l-20 ta’ Diċembru 2017. |
|
(10) |
Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati ġew mgħarrfa bit-talba għal rieżami fit-8 ta’ April 2021 u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw fit-23 ta’ April 2021. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19 ġiet ippubblikata Notifika (3) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment. |
5.2. Ir-revoka tal-miżuri eżistenti u r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet
|
(12) |
Skont Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant jitħassar. Fl-istess ħin, tali importazzjonijiet għandhom isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi żgurat li d-dazji anti-dumping ikunu jistgħu jiġu imposti mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet jekk ir-rieżami jikkonkludi f’sejba li jkun hemm dumping fir-rigward tal-applikant. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li mhuwiex possibbli, f’dan l-istadju, li tingaħta stima affidabbli tal-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. |
5.3. Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami
|
(13) |
Fid-dawl tal-għadd żgħir ta’ tranżazzjonijiet fil-fajl u sabiex isiru sejbiet rappreżentattivi, l-investigazzjoni se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2021 (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami”). |
5.4. L-investigazzjoni tal-applikanti
|
(14) |
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-applikant kwestjonarju fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/. L-applikant irid jippreżenta l-kwestjonarju mimli fil-limitu taż-żmien speċifikat fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament. |
5.5. Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub
|
(15) |
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament. |
5.6. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
|
(16) |
Il-partijiet kollha interessati jistgħu jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-limiti ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet. |
5.7. Struzzjonijiet għall-preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
|
(17) |
L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. |
|
(18) |
Il-preżentazzjonijiet bil-miktub kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom għandhom jiġu mmarkati “Sensitive” (4). Il-partijiet interessati li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali. |
|
(19) |
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. |
|
(20) |
Jekk parti li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta. |
|
(21) |
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. |
|
(22) |
Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġu kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed għandu jirreġistra u juża TRON.tdi huma disponibbli fuq https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf. |
|
(23) |
Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. |
|
(24) |
Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika uffiċċjali tax-xogħol li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għal sottomissjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq. L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi Posta elettronika: TRADE-R746-TCCA@ec.europa.eu |
6. NONKOOPERAZZJONI
|
(25) |
Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet, sew pożittivi kif ukoll negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
|
(26) |
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
|
(27) |
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal din il-parti milli kieku tkun ikkooperat. |
7. UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
|
(28) |
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment. |
|
(29) |
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu. |
|
(30) |
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jenħtieġ li jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ ikun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin. |
|
(31) |
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/. |
8. SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
|
(32) |
L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. |
9. PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(33) |
Kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(34) |
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/ |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. B’dan qed jingħata bidu għal rieżami tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jiġi impost dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku u l-preparazzjonijiet tiegħu, imsejjaħ ukoll “simklosene” taħt l-isem komuni internazzjonali (INN), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (il-kodiċijiet TARIC 2933698070 u 3808942020), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott taħt rieżami”), prodott għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Inner Mongolia Likang Bio-Tech Co., Ltd (Likang) (kodiċi addizzjonali TARIC C630).
2. Rieżami kif imsemmi fil-paragrafu 1 hawn fuq huwa b’dan mibdi wkoll fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Hebei Xingfei Chemical Co., Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC C629).
3. Rieżami kif imsemmi fil-paragrafu 1 hawn fuq huwa b’dan mibdi wkoll fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Shandong Lantian Disinfection Technology Co., Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC C695).
Artikolu 2
Id-dazju anti-dumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 huwa b’dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.
Artikolu 3
L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikoli 11(4) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036.
Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 4
1. Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew xi tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data meta ġie ppubblikat dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.
3. Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien 37 jum. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2230 tal-4 ta’ Diċembru 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 319, 5.12.2017, p. 10).
(3) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52020XC0316%2802%29
(4) Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).