02016D2143 — MT — 07.12.2016 — 000.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2143 tal-1 ta' Diċembru 2016 (ĠU L 332 7.12.2016, p. 18) |
Ikkoreġut b'
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2143
tal-1 ta' Diċembru 2016
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward it-twaqqif ta' Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u s-Sajd
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward it-twaqqif ta' Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u s-Sajd għandha tkun bbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp CARIFORUM-UE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp CARIFORUM-UE jistgħu jaqblu dwar bidliet tekniċi fl-abbozz tad-deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru …/2016 TAL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ U TAL-IŻVILUPP CARIFORUM-UE
ta' …
stabbilit bil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward it-twaqqif ta' Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u s-Sajd
Artikolu 1
1. Il-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u s-Sajd CARIFORUM-UE huwa b'dan stabbilit biex iwettaq il-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 2.
2. Il-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u s-Sajd CARIFORUM-UE għandu jkun ukoll forum fejn il-Partijiet jistgħu jiskambjaw esperjenzi, informazzjoni u l-aħjar prattiki, u jikkonsultaw dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-objettivi previsti fil-Kapitolu 5 tat-Titolu I tal-Parti II tal-Ftehim u li huma rilevanti għall-kummerċ bejn il-Partijiet.
Artikolu 2
Il-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u s-Sajd għandu:
(a) b'mod ġenerali isegwi l-aspetti kollha tal-Kapitolu 5 — Agrikoltura u Sajd — tat-Titolu I tal-Parti II, tal-Ftehim;
(b) b'mod ġenerali isegwi l-aspetti l-oħra kollha tal-Ftehim li jirrigwardaw l-agrikoltura u s-sajd, inklużi l-oqsma li ġejjin tat-Titolu I tal-Parti II — Kummerċ ta' merkanzija:
(i) Kapitolu 1 — Il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-kummerċ ta' prodotti agrikoli u tas-sajd, inklużi t-tariffi;
(ii) Kapitolu 3 — Artikolu 28 — Sussidji fuq l-esportazzjonijiet agrikoli;
(iii) Kapitolu 6 — Ostakli tekniċi għall-kummerċ, f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti agrikoli u tas-sajd; kif ukoll
(iv) Kapitolu 7 — Il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti agrikoli u tas-sajd;
(c) b'mod ġenerali isegwi l-aspetti kollha tat-Titolu IV, il-Kapitolu 2 –Innovazzjoni u Proprjetà Intelletwali, f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti agrikoli u tas-sajd, inkluż l-Artikolu 145 — Indikazzjonijiet ġeografiċi u l-Artikolu 149 — Varjetajiet tal-pjanti;
(d) jidħol fi djalogu dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-agrikoltura u mas-sajd, inkluż fl-oqsma li ġejjin:
(i) il-produzzjoni, il-konsum u l-kummerċ ta' prodotti agrikoli u dwar l-iżviluppi rispettivi fis-suq tal-prodotti agrikoli u tas-sajd;
(ii) il-promozzjoni tal-investiment u tat-trasferiment tal-għarfien fis-setturi agrikoli, alimentari u tas-sajd fil-CARIFORUM, inkluż fil-livell ta' attivitajiet fuq skala żgħira;
(iii) il-politiki, il-liġijiet u r-regolamenti dwar l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u s-sajd;
(iv) il-bidliet ta' politika u dawk istituzzjonali meħtieġa għas-sostenn tat-trasformazzjoni tas-setturi agrikoli u tas-sajd kif ukoll il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki reġjonali dwar l-agrikoltura, l-ikel, l-iżvilupp rurali u s-sajd bil-mira ta' integrazzjoni reġjonali;
(v) it-teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll il-politiki u l-miżuri relatati mal-kwalità; u
(vi) l-iżviluppi fil-politika kummerċjali rigward komoditajiet u prodotti agrikoli tradizzjonali, inklużi l-banana, ir-rum, ir-ross u z-zokkor;
(e) jassisti lill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp CARIFORUM-UE rigward il-funzjonijiet li ġejjin:
(i) biex jissorvelja u jkun responsabbli mill-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim rigward l-agrikoltura u s-sajd u biex jiddiskuti u jirrakkomanda prijoritajiet għall-kooperazzjoni f'dan ir-rigward;
►C1 (ii) biex jissorvelja l-elaborazzjoni ulterjuri tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ◄ rigward l-agrikoltura u s-sajdu jevalwa l-applikazzjoni tagħhom;
(iii) biex jieħu azzjoni sabiex jevita tilwim u jirriżolvi tilwim li jista' jinqala' rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-agrikoltura u s-sajd, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Parti III tiegħu;
(iv) biex jiddiskuti u jieħu azzjonijiet li jistgħu jiffaċilitaw il-kummerċ, l-investiment u l-opportunitajiet ta' negozju fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd bejn il-Partijiet; u
(v) biex jiddiskuti kwistjonijiet li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-agrikoltura u s-sajd u kull aspett li jista' jaffettwa l-ilħuq tal-objettivi tiegħu;
(f) jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp CARIFORUM-UE bl-għan li jissaħħu l-implimentazzjoni u l-funzjonament tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-agrikoltura u s-sajd.
Artikolu 3
Il-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u s-Sajd għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, minn naħa, u rappreżentanti tad-Direttorat tal-CARIFORUM u tal-Istati Firmatarji tal-CARIFORUM, min-naħa l-oħra.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …