European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/817

28.4.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/817

tal-25 ta’ April 2025

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/888 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/888 tat-28 ta’ April 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ April 2023, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2023/888.

(2)

Il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/888. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, jenħtieġ li tiġi emendata l-informazzjoni dwar l-entrati għal sitt persuni u entità waħda.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/888 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/888 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ April 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)   ĠU L 114, 2.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/888/oj.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/888 huwa emendat kif ġej:

(1)

taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”, l-entrati 1, 3, 8, 9, 14 u 16 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Ilan Mironovich SHOR

magħruf ukoll bħala Ilan Mironovici ȘOR

Funzjoni: negozjant, president tal-partit politiku ‘SHOR’ (‘ȘOR’)

Data tat-twelid: 6.3.1987

Post tat-twelid: Tel. Aviv, Israel

Sess: raġel

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova, Iżraeljana

Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Istat (IDNP): 0971007884125 (Ir-Repubblika tal-Moldova)

Ilan Shor huwa politiku Moldovan (Kap tal-partit politiku ȘOR) u negozjant mir-Repubblika tal-Moldova li huwa involut fil-finanzjament illegali tal-partiti politiċi fir-Repubblika tal-Moldova u fl-inċitament għall-vjolenza kontra l-oppożizzjoni politika. Qabel ma l-Partit ȘOR, immexxi minn Ilan Shor, ġie ddikjarat bħala wieħed mhux kostituzzjonali f’Ġunju 2023, Shor kien involut fil-ħlas u t-taħriġ ta’ persuni biex jipprovokaw diżordni u inkwiet waqt il-protesti fir-Repubblika tal-Moldova.

Permezz ta’ deċiżjoni datata t-13 ta’ April 2023, il-Qorti tal-Appell ta’ Chisinau kkundannat lil Ilan Shor ħati ta’ frodi u ħasil tal-flus fil-każ ta’ ‘Frodi Bankarja’ għal 15-il sena ħabs u l-konfiska ta’ assi għal valur ta’ EUR 254 miljun. Fondi minn din il-frodi bankarja fuq skala kbira u l-konnessjonijiet ma’ oligarki korrotti u entitajiet ibbażati f’Moska kienu u għadhom qegħdin jintużaw, skont l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova, biex joħolqu b’mod artifiċjali inkwiet politiku fil-pajjiż.

L-azzjonijiet tiegħu diretti lejn l-imminar tad-demokrazija tar-Repubblika tal-Moldova jinkludu l-għoti ta’ finanzjament illegali biex tiġi appoġġata l-attività politika favur il-Kremlin fir-Repubblika tal-Moldova. Eżempju tal-użu ta’ tali fondi huwa l-organizzazzjoni ta’ protesti u manifestazzjonijiet vjolenti, primarjament fil-belt kapitali Chisinau, bl-għajnuna ta’ dimostranti mħallsa mill-Partit ȘOR, matul l-2022 u l-2023. Wara li l-Partit ȘOR ġie ddikjarat mhux kostituzzjonali, Ilan Shor kompla jiffaċilita l-influwenza Russa fix-xena politika tar-Repubblika tal-Moldova billi ffinanzja illegalment partiti oħra u pprova jxaħħam lill-politiċi.

Permezz tal-assoċjazzjoni mhux governattiva bbażata fir-Russja Evrazia u l-blokk politiku ‘Victory’, Ilan Shor jippromwovi narrattivi ta’ propaganda Russi u jikkoordina attivitajiet ta’ finanzjament bl-għan li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni politika fir-Repubblika tal-Moldova.

Billi dderieġa u ppjana dimostrazzjonijiet vjolenti u permezz tal-imġiba finanzjarja ħażina serja tiegħu b’rabta ma’ fondi pubbliċi u l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital, u billi pprova jwaqqa’ l-ordni kostituzzjonali, Ilan Shor huwa responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, u d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova. Barra minn hekk, huwa assoċjat ma’ Evrazia.

30.5.2023

3.

Marina TAUBER

Funzjoni: Membru tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova (minn Marzu 2019)

Data tat-twelid: 1.5.1986

Post tat-twelid: Chișinău, Republic of Moldova

Sess: mara

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova

Marina Tauber hija l-viċi kap tal-partit politiku ȘOR ta’ Ilan Shor u Membru tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova. Hija ġiet akkużata fil-każ ta’ ‘Frodi Bankarja’ u hija soġġetta għal investigazzjoni f’żewġ każijiet kriminali fir-Repubblika tal-Moldova relatati mal-finanzjament illegali minn grupp tal-kriminalità organizzata u mal-falsifikazzjoni tar-rapport dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-Partit ȘOR.

Fl-20 ta’ Diċembru 2022, il-prosekuturi wettqu diversi tfittxijiet b’rabta mal-każ ta’ finanzjament illegali tal-Partit ȘOR. L-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova hemmhekk identifikaw flus li, skont il-prosekuturi, kellhom jintużaw għall-organizzazzjoni ta’ protesti kontra l-gvern u għar-rimunerazzjoni tal-parteċipanti f’dawk id-dimostrazzjonijiet.

Fl-2023, ġew issekwestrati skieken, sustanzi li jistgħu jaqbdu u sjuf wara protesti organizzati mill-People’s Movement, li tiegħu huwa parti l-Partit ȘOR. Ġew irreġistrati vjolenza u ġlidiet bejn il-pulizija u d-dimostranti, fejn 54 persuna ġew detenuti, inkluż minorenni. Skont l-Ispettorat Ġenerali tal-Pulizija tar-Repubblika tal-Moldova, Marina Tauber kienet fost l-organizzaturi ewlenin tal-protesti tal-Partit ȘOR u l-People’s Movement.

Skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Kontra l-Korruzzjoni tar-Repubblika tal-Moldova, hija użat strumenti ta’ komunikazzjoni speċjali sabiex tagħti struzzjonijiet diretti lill-presidenti u lill-viċi presidenti tal-uffiċċji territorjali tal-Partit ȘOR fil-pajjiż dwar kif iġibu n-nies għad-dimostrazzjonijiet, kif jorganizzaw it-trasport u kif jirċievu l-flus għar-rimunerazzjoni tan-nies.

Barra minn hekk, Marina Tauber tikkoordina attivitajiet ta’ finanzjament bl-għan li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni politika fir-Repubblika tal-Moldova.

Billi dderiġiet u ppjanat dimostrazzjonijiet vjolenti u permezz tal-imġiba finanzjarja ħażina serja tagħha b’rabta ma’ fondi pubbliċi u l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital, u billi pprovat twaqqa’ l-ordni kostituzzjonali, Marina Tauber hija responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, u d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova.

30.5.2023

8.

Arina Evgheni CORȘICOVA

Data tat-twelid: 28.12.1974

Sess: mara

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova

Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Istat (IDNP): 0962011898118

Arina Corșicova tmexxi diversi trusts tal-media tal-komunikazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, li waħda minnhom għandha s-sjieda ta’ żewġ stazzjonijiet televiżivi, ‘ACCENT TV’ u ‘PRIMUL ÎN MOLDOVA’, li l-liċenzjar għax-xandir tagħhom ġew sospiżi mir-Repubblika tal-Moldova. Minkejja li tilef il-liċenzja tax-xandir tat-televiżjoni tiegħu, ‘Primul în Moldova’ ikompli jxerred dikjarazzjonijiet foloz immirati lejn id-destabbilizzazzjoni tal-ordni kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova, bl-appoġġ tal-persuna elenkata Ilan Shor.

F’dan il-kuntest, Arina Corșicova qiegħda ddgħajjef il-proċess politiku demokratiku fir-Repubblika tal-Moldova.

Hija ilha assoċjata ma’ Ilan Shor għal żmien twil, filwaqt li ffinanzjat il-kampanji elettorali tiegħu fil-passat u hija azzjonista indiretta tal-‘Banca Socială’, il-bank involut fil-każ ‘Frodi Bankarja’. ‘Accent TV’ u ‘Primul în Moldova’ huma marbuta finanzjarjament ma’ Vladimir Plahotniuc u Ilan Shor.

Billi ddgħajjef il-proċess politiku demokratiku u tiddestabbillizza l-ordni konstituzzjonali, Arina Corșicova qiegħda tappoġġa azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova. Barra minn hekk, hija assoċjata ma’ Ilan Shor.

22.2.2024

9.

Dumitru CHITOROAGĂ

magħruf ukoll bħala Dumitru CHITORAGA

Data tat-twelid: 23.12.1984

Sess: raġel

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova

Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Istat (IDNP): 2002003101445

Numru tal-Passaport: AB1187605

Dumitru Chitoroagă huwa l-amministratur ta’ trust tal-media li għandu s-sjieda ta’ diversi stazzjonijiet tal-media tal-komunikazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, stazzjonijiet li huwa wkoll id-direttur tagħhom. Dawk l-istazzjonijiet tal-media tal-komunikazzjoni spiss jippromwovu messaġġi mmirati biex ifixklu u jdgħajfu l-proċess politiku demokratiku permezz ta’ dikjarazzjonijiet manifestament foloz fir-rigward tal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova. Barra minn hekk, huma jesprimu appoġġ ċar għall-persuna elenkata Ilan Shor u għall-partit politiku tiegħu ‘SHOR’ (‘ȘOR’). Xi wħud minn dawk l-istazzjonijiet kienu proprjetà ta’ Ilan Shor jew ġew imwaqqfa minnu permezz ta’ intermedjarji.

Ir-Repubblika tal-Moldova ssospendiet legalment il-liċenzji għax-xandir ta’ diversi stazzjonijiet tal-media, inkluż dawk ta’ ‘TV6’ u ‘ORHEI TV’, li jinsabu taħt l-amministrazzjoni ta’ Dumitru Chitoroagă, għat-tixrid ta’ informazzjoni skorretta dwar avvenimenti politiċi attwali fir-Repubblika tal-Moldova.

Għalhekk, billi jostakola u jdgħajjef il-proċess politiku demokratiku, Dumitru Chitoroagă huwa responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova. Barra minn hekk, huwa assoċjat ma’ Ilan Shor.

22.2.2024

14.

Nelli PARUTENCO

Funzjoni: Fundatur/Direttur ta’ Evrazia

Data tat-twelid: 21.3.1962

Sess: mara

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova

Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Istat (IDNP): 0970403899047

Nelli Parutenco kienet it-teżorier tal-partit politiku ‘SHOR’ (‘ȘOR’) ta’ Ilan Shor, sakemm ġie pprojbit. Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet dwar il-Partit ȘOR għal finanzjament illegali, hija ħarbet lejn Moska fl-2022.

Nelli Parutenco issa hija l-fundatur u d-direttur tal-assoċjazzjoni mhux governattiva Evrazia bbażata fir-Russja, li l-għan tagħha huwa li tippromwovi l-interessi Russi fl-eks repubbliki Sovjetiċi, inkluż fir-Repubblika tal-Moldova. Evrazia tippromwovi narrattivi ta’ propaganda Russi, inkluż fost it-tfal żgħar fil-kampijiet taż-żgħażagħ li torganizza. Evrazia sservi bħala mezz biex tipprovdi finanzjament minn bank Russu u minn Ilan Shor għaċ-ċittadini u għal proġetti ta’ infrastruttura f’Gagauzia, kif ukoll bħala mezz għall-finanzjament ta’ taħriġ ta’ protesti vjolenti għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova, organizzat mir-Russja. Evrazia użat flus mingħand Ilan Shor biex tinfluwenza l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2024 u r-referendum kostituzzjonali tal-2024 dwar l-adeżjoni mal-Unjoni. Evrazia ħadmet mill-qrib mal-blokk politiku ‘Victory’ ta’ Shor, filwaqt li pprovdiet għajnuna finanzjarja u appoġġ loġistiku biex tissaħħaħ l-influwenza Russa fir-reġjun.

Permezz ta’ Evrazia, Nelli Parutenco għalhekk qiegħda tipprova twaqqa’ l-ordni kostituzzjonali, u b’hekk thedded is-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, u d-demokrazija, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova.

Nelli Parutenco hija assoċjata ma’ Evrazia. Barra minn hekk, Nelli Parutenco hija assoċjata ma’ Ilan Shor.

14.10.2024

16.

Mihail VLAH

Funzjoni: Viċi Gvernatur u konsulent dwar ir-relazzjonijiet mal-media tal-Gvernatur tal-Unità Territorjali Awtonoma ta’ Gagauzia

Data tat-twelid: 4.2.1978

Sess: raġel

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova

Numru tal-Passaport: 2000019014568

Mihail Vlah huwa viċi għall-Gvernatur (Bashkan) ta’ Gagauzia, Evghenia Guțul. Huwa ġie maħtur minn Evghenia Guțul iżda l-ħatra tiegħu ma ġietx approvata mill-Assemblea tal-Poplu ta’ Gagauzia. Huwa wkoll il-konsulent tar-relazzjonijiet mal-media ta’ Evghenia Guțul. Huwa ltaqa’ ma’ Ilan Shor f’Iżrael biex jiddiskuti l-implimentazzjoni f’Gagauzia tal-pjanijiet elettorali tal-Gvernatur Guțul. Huwa ppjana u attenda dimostrazzjonijiet kontra l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova, b’appoġġ ta’ Evghenia Guțul jew organizzati minn Ilan Shor jew is-soċji tiegħu. Huwa appoġġa pubblikament l-azzjonijiet ta’ Ilan Shor jew ta’ Evghenia Guţul. Għaldaqstant, Mihail Vlah huwa assoċjat ma’ Ilan Shor u Evghenia Guțul. Barra minn hekk, huwa ħa sehem f’dimostrazzjoni vjolenti, jew inċita l-vjolenza, kontra l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova u pprova jiddestabbilizza l-ordni kostituzzjonali billi sostna li r-Reġjun Territorjali Awtonomu ta’ Gagauzia għandu d-dritt li jiftaħ rappreżentanzi diplomatiċi barra mill-pajjiż.

14.10.2024;”

(2)

taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”, l-entrata 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“2.

Evrazia - Organizzazzjoni awtonoma mhux kummerċjali għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali

Tip ta’ entità: Organizzazzjoni awtonoma mhux kummerċjali

Indirizz: Moscow, 127006, Krasnoproletarskaya Street 7, office 4/P, Russian Federation

Numri tar-reġistrazzjoni:

OGRN: 1247700291200;

INN: 9707028663;

KPP: 770701001

Sit web: https://evrazia.su/

Evrazia hija assoċjazzjoni mhux governattiva bbażata fir-Russja mwaqqfa minn Nelli Parutenco. L-għan tagħha huwa li tippromwovi l-interessi Russi fl-eks repubbliki Sovjetiċi, inkluż fir-Repubblika tal-Moldova. Evrazia tippromwovi narrattivi ta’ propaganda Russi, inkluż fost it-tfal żgħar fil-kampijiet taż-żgħażagħ li torganizza. Evrazia sservi bħala mezz biex tipprovdi finanzjament minn bank Russu u minn Ilan Shor liċ-ċittadini u proġetti ta’ infrastruttura f’Gagauzia, kif ukoll bħala mezz għall-finanzjament ta’ taħriġ ta’ protesti vjolenti għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova, organizzat mir-Russja. Evrazia wżat flus mingħand Ilan Shor biex tinfluwenza l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2024 u r-referendum kostituzzjonali tal-2024 dwar l-adeżjoni mal-Unjoni. Evrazia ħadmet mill-qrib mal-blokk politiku ‘Victory’ ta’ Shor, filwaqt li pprovdiet għajnuna finanzjarja u appoġġ loġistiku biex tissaħħaħ l-influwenza Russa fir-reġjun.

Evrazia għalhekk qiegħda tipprova twaqqa’ l-ordni kostituzzjonali, u b’hekk thedded is-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, u d-demokrazija, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova.

Evrazia hija assoċjata ma’ Nelli Parutenco. Barra minn hekk, Evrazia hija assoċjata ma’ Ilan Shor.

14.10.2024.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/817/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)