SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali – Responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni – Ksur minn qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Kompetenza ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li għandha n-natura ta’ konvenuta fil-kawża – Kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti”
Fil-Kawża C‑369/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura
“Vivacom Bulgaria” EAD
vs
Varhoven administrativen sad,
Natsionalna agentsia za prihodite,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tat‑Tielet Awla, S. Rodin, J. Passer u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal « Vivacom Bulgaria » EAD, minn S. Kostov u S. Yordanova, advokati, |
|
– |
għall-Varhoven administrativen sad, minn A. Adamova‑Petkova, T. Kutsarova‑Hristova u M. Semov, |
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u R. Stoyanov, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, E. Rousseva, u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjonijiet preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Vivacom Bulgaria” EAD, minn naħa, u l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) u n-Natsionalna agentsia za prihodite (l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija; iktar ’il quddiem in-“NAP”) dwar il-ħlas għad-danni li Balgarska telekomunikatsionna kompania EAD (iktar ’il quddiem “BTK”), li saret Vivacom Bulgaria, allegatament ġarrbet minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.” |
|
4 |
L-Artikolu 47 tal-Karta jipprevedi: “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata. Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.” |
Id-dritt Bulgaru
Il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva
|
5 |
Il-punt 3 tal-Artikolu 1 tal-Administrativnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (DV Nru 94, tad‑29 ta’ Novembru 2019) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva”), huwa redatt kif ġej: “Dan il-kodiċi jirregola l-proċedura ta’ kumpens għad-danni kkawżati minn atti, azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni illegali ta’ awtoritajiet amministrattivi u tal-membri tal-persunal tagħhom, kif ukoll għal danni li jirriżultaw mill-attività ġudizzjarja tal-qrati amministrattivi u tal-Varhoven administrativen sad [(il-Qorti Amministrattiva Suprema)].” |
|
6 |
Skont il-punt 6 tal-Artikolu 128(1) ta’ dan il-kodiċi: “Il-kawżi kollha relatati ma’ talbiet għal kumpens […] danni li jirriżultaw mill-attività ġudizzjarja tal-qrati amministrattivi u tal-Varhoven administrativen sad [(il-Qorti Amministrattiva Suprema)] jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qrati amministrattivi.” |
|
7 |
L-Artikolu 203 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi: “(1) L-azzjonijiet għal kumpens għad-danni mġarrba minn ċittadini jew minn persuni ġuridiċi b’konsegwenza ta’ atti, azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni illegali ta’ awtoritajiet amministrattivi u tal-membri tal-persunal tagħhom għandhom jiġu eżaminati skont il-proċedura prevista f’dan il-kapitolu. (2) Il-kwistjonijiet mhux irregolati minn dan il-kodiċi dwar ir-responsabbiltà pekunjarja taħt il-paragrafu 1 għandhom jiġu rregolati mid-dispożizzjonijiet taż-zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi [il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni (DV Nru 60, tal‑5 ta’ Awwissu 1988)] jew miż-zakon za izpalnenie na nakazaniyata i zadarzhaneto pod strazha [il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni tal-Pieni u d-Detenzjoni Provviżorja (DV Nru 25, tat‑3 ta’ April 2009)]. (3) Dan il-kapitolu jitratta wkoll l-azzjonijiet għal kumpens għad-danni kkawżati minn ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li r-responsabbiltà pekunjarja u l-ammissibbiltà tal-azzjoni huma rregolati mir-regoli dwar ir-responsabbiltà extrakuntrattwali tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.” |
Il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni
|
8 |
L-Artikolu 2c taż-zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (DV Nru 94, tad‑29 ta’ Novembru 2019, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni”), huwa fformulat kif ġej: “(1) Meta d-dannu jirriżulta minn ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, l-azzjonijiet għandhom jiġu eżaminati mill-qrati skont il-modalitajiet tal-:
(2) Meta azzjoni, fis-sens tal-paragrafu 1, tkun indirizzata kontra numru ta’ konvenuti, din tiġi eżaminata skont il-modalitajiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva jekk il-parti fil-kawża tkun qorti amministrattiva, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) jew persuna ġuridika għal danni kkawżati fil-kuntest ta’ attività amministrattiva jew waqt din l-attività.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
9 |
Bejn is-sena 2007 u s-sena 2008, BTK Mobile EOOD, li għad-drittijiet tagħha ssuċċediet BTK, bagħtet lil żewġ kumpanniji Rumeni fatturi bil-għan tal-provvista ta’ kards u ta’ vawċers imħallsa bil-quddiem għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet. F’dawn il-fatturi, dawn it-tranżazzjonijiet tqiesu bħala provvista ta’ servizzi li l-post ta’ eżekuzzjoni tagħhom kien jinsab fir-Rumanija u li, għalhekk, ma kinux suġġetti għat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) fil-Bulgarija. |
|
10 |
Fl‑20 ta’ Ġunju 2012, in-NAP ħarġet avviż ta’ aġġustament fir-rigward ta’ BTK li kien jistabbilixxi dejn ta’ VAT li jikkorrispondi għall-imsemmija fatturi. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, it-tranżazzjonijiet inkwistjoni kellhom jiġu kkategorizzati bħala provvista ta’ servizzi li l-post ta’ eżekuzzjoni tagħhom kien jinsab fil-Bulgarija u li, għalhekk, kienu taxxabbli f’dan l-Istat Membru. |
|
11 |
Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2013, ikkompletata permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2014, l-Administrativen sad Sofia grand (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) ikkonfermat dan l-avviż ta’ aġġustament fir-rigward tal-perijodi ta’ taxxa inklużi bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2007 u x-xahar ta’ Ġunju 2008, filwaqt li kkunsidrat li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu provvista ta’ oġġetti li l-post ta’ eżekuzzjoni tagħhom kien jinsab fil-Bulgarija. Permezz ta’ sentenza, li saret definittiva, tas‑16 ta’ Diċembru 2014, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ikkonfermat għalkollox is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. |
|
12 |
Permezz ta’ appell ippreżentat fit‑12 ta’ Diċembru 2019 quddiem l-Administrativen sad Sofia grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) u indirizzat kontra n-NAP u l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), BTK talbet, fuq il-bażi tal-Artikolu 2c tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, l-għoti ta’ danni li jammontaw għas-somma mħallsa bis-saħħa tal-avviż ta’ aġġustament kif ukoll l-interessi legali, għal ammont totali ta’ 1808 638.32 Lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 925000). Din il-kumpannija talbet ukoll l-għoti tal-interessi legali fuq parti minn din is-somma, għall-perijodu mill-preżentata tar-rikors sakemm dan jiġi deċiż definittivament. |
|
13 |
Dawn l-ammonti jikkorrispondu għad-dannu li jirriżulta minn ksur suffiċjentement serju, min-NAP u mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), fil-verżjoni tagħha applikabbli bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2007 u x-xahar ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012, Lebara (C‑520/10, EU:C:2012:264). |
|
14 |
Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ April 2022, l-Administrativen sad Sofia grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) ċaħdet l-appell ta’ BTK billi ddeċidiet b’mod partikolari li la n-NAP u lanqas il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ma kienu kisru d-dritt tal-Unjoni b’mod sinjifikattiv. In-NAP ikkategorizzat ġustament it-tranżazzjonijiet inkwistjoni bħala provvista ta’ servizzi u ma marritx kontra d-dritt tal-Unjoni billi kkunsidrat li waħda mill-kundizzjonijiet biex tkun tista’ tistabbilixxi l-post ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi fi Stat Membru minbarra r-Repubblika tal-Bulgarija, jiġifieri l-kisba, minn persuni taxxabbli stabbiliti f’tali Stat Membru, tal-kards u tal-vawċers imħallsa bil-quddiem, ma kinitx issodisfatta. |
|
15 |
L-Administrativen sad Sofia grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) ikkunsidrat ukoll li l-kategorizzazzjoni bħala provvista ta’ oġġetti u mhux bħala provvista ta’ servizzi, mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni kienet kuntrarja għad-Direttiva dwar il-VAT u s-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012, Lebara (C‑520/10, EU:C:2012:264). Madankollu, indipendentement minn dan l-iżball, ir-rikors kontra l-avviż ta’ aġġustament ma setax iwassal għal riżultat differenti, ġaladarba ma kienx ġie stabbilit li d-destinatarji tal-fornimenti ta’ kards jew ta’ vawċers imħallsa bil-quddiem kienu effettivament persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ikkonstatat ġustament l-assenza ta’ identiċità taċ-ċirkostanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012, Lebara (C‑520/10, EU:C:2012:264) ma’ dawk li taw lok għall-adozzjoni min-NAP tal-avviż ta’ aġġustament inkwistjoni. |
|
16 |
BTK ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) bil-għan li titlob l-annullament tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza tat‑18 ta’ April 2022, li allegatament hija vvizzjata bi ksur tad-dritt sostantiv, bi ksur sostanzjali tar-regoli tal-proċedura u b’nuqqas ta’ motivazzjoni. BTK issostni b’mod partikolari li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-kategorizzazzjoni żbaljata mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni jirriżulta mill-proċedura ta’ ksur EU Pilot 8498/1/TAXU, imressqa kontra r-Repubblika tal-Bulgarija mill-Kummissjoni Ewropea. Dan il-ksur, li huwa dovut għal applikazzjoni żbaljata manifesta tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa suffiċjentement serju fir-rigward tal-kriterji ddikjarati fil-punt 43 tas-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391). |
|
17 |
F’dan il-kuntest, BTK talbet lill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju, tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-parti tirrikonoxxi li l-kulleġġ ġudikanti ta’ din il-qorti, adita bil-kawża prinċipali, hija differenti minn dik li tat is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2014 imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza. Madankollu, jeżistu dubji leġittimi dwar l-imparzjalità tal-kulleġġi ġudikanti kollha t’a din il-qorti, inkwantu din tal-aħħar kienet konvenuta fl-ewwel istanza u kienet diġà esprimiet l-opinjoni tagħha li r-rikors ippreżentat kontriha kien inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, infondat. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li osservat li BTK ma invokatx argumenti konkreti dwar l-imparzjalità suġġettiva jew oġġettiva tal-kulleġġ ġudikanti, tikkunsidra li għandha bżonn kjarifiki dwar il-kompetenza tagħha biex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, qabel ma tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tagħha. |
|
19 |
Din il-qorti tesponi li, fir-rigward tal-kontenzjuż amministrattiv speċifiku, il-leġiżlatur Bulgaru ppreveda li l-azzjonijiet għal kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-attività ġudizzjarja tal-qrati amministrattivi u tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qrati amministrattivi li minn fosthom il-qorti tar-rinviju hija dik li tiddeċiedi fl-aħħar istanza. Hija tistaqsi jekk din il-leġiżlazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tistabbilixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, dwar ir-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali. |
|
20 |
Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar rikorsi ippreżentati kontra r-Repubblika tal-Bulgarija ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’mod definittiv jekk qorti tistax tieħu konjizzjoni ta’ rikors li fil-kuntest tiegħu hija konvenuta mingħajr ma jirriżulta ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). |
|
21 |
B’hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li, fis-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑10 ta’ April 2008, Mihalkov vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2008:0410JUD006771901), u tal‑5 ta’ April 2018, Boyan Gospodinov vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2018:0405JUD002841707), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, fil-kuntest tal-azzjonijiet għal responsabbiltà mressqa kontra l-Istat b’rabta mal-attività ta’ qorti, minħabba r-rabta professjonali tal-imħallfin ma’ din il-qorti, parti fil-kawża, u minħabba ċ-ċirkustanza li l-ħlas ta’ kumpens li seta’ potenzjalment jingħata kellu jiġi imputat fuq il-baġit tal-qorti kkonċernata. |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, fis-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Valcheva u Abrashev vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2013:0618DEC000619411), kif ukoll tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Balakchiev et vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2013:0618DEC006518710), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li ma kienx hemm ksur tal-KEDB minħabba l-fatt li l-kumpens għad-danni kkawżati mill-attività ta’ kull qorti individwali jittieħed minn intestatura baġitarja speċifika ta’ tali qorti. |
|
23 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, f’dan il-każ, ir-regoli baġitarji applikabbli għall-ħlas ta’ danni eventwali konsekuttivi għad-deċiżjoni dwar il-kawża prinċipali huma analogi għal dawk deskritti fil-kawżi ċċitati fil-punt preċedenti u li l-baġits tal-qrati intiżi għall-kumpens jistgħu jiġu inkrementati, jekk ikun il-każ, mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fuq talba tal-qorti kkonċernata. B’hekk, ir-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg tagħhom fi ħdan qorti ma jiddependux fuq id-danni eventwalment dovuti minnha. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-[Karta] jippermettu dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 2c(1) taż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 203(3) u mal-punt 6 tal-Artikolu 128(1) tal-[Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva], li tipprovdi li kawża għall-kumpens tad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li fiha l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tkun il-konvenuta, għandha tinstema’ fl-aħħar istanza minn din l-istess qorti?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
25 |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha qorti tieħu konjizzjoni fl-aħħar istanza, fil-kuntest ta’ appell fil-kassazzjoni, ta’ kawża relatata mar-responsabbiltà tal-Istat li tirriżulta minn ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni minħabba sentenza mogħtija minn din il-qorti li fiha din tal-aħħar għandha n-natura ta’ konvenuta. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet f’kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, li fosthom jagħmel parti dak tal-VAT, inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
27 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiddikjara b’mod partikolari d-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali, japplika għall-Istati Membri konformement mal-Artikolu 51(1) tagħha meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Dan huwa l-każ hawnhekk peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda r-responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur allegat tad-Direttiva tal-VAT. |
|
28 |
Sa fejn il-Karta tiddikjara drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-iSpejazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti f’dawn il-kawżi tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza fih żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jirrikjedi li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe organu ieħor u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk ikun protett kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jfittex id-distanza ugwali mill-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
B’hekk, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jiddikjaraw l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, fil-ħsieb tal-partijiet f’kawża, b’mod partikolari fir-rigward tan-newtralità tal-qorti inkwistjoni fir-rigward tal-interessi opposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, AsociaţiaForumul Judecătorilor din România (Assoċjazzjonijiet ta’ membri tal-ġudikatura), C‑53/23, EU:C:2024:388, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Fejn jikkonċerna l-kundizzjoni ta’ “imparzjalità”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, l-evalwazzjoni oġġettiva tagħha, li hija l-unika waħda rilevanti f’dan il-każ fir-rigward tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk din il-qorti offrietx, b’mod partikolari permezz tal-kompożizzjoni tagħha, garanziji suffiċjenti biex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tagħha. B’hekk, wieħed għandu jistaqsi jekk, irrispettivament mill-aġir personali tal-imħallfin, ċerti fatti li jistgħu jiġu vverifikati jiġġustifikawx li tiġi ssuspettata l-imparzjalità ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, anki l-apparenzi jistgħu jkunu ta’ importanza. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet għal dubji dwar jekk dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità oġġettiva kinux issodisfatti f’kawża partikolari, il-perspettiva ta’ parti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni iżda ma għandhiex rwol deċiżiv. L-element determinanti jikkonsisti fid-determinazzjoni dwar jekk dan it-tħassib inkwistjoni jistax jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema),C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 128 u 129 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li jeħtieġ li jiġi eżaminat il-każ speċifiku li huwa s-suġġett tad-domanda sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri dak ta’ qorti li tieħu konjizzjoni fl-aħħar istanza, fil-kuntest ta’ appell fil-kassazzjoni, ta’ kawża dwar ir-responsabbiltà tal-Istat li tirriżulta minn ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni minħabba sentenza mogħtija minn din il-qorti, li fiha din tal-aħħar għandha n-natura ta’ konvenuta. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-prinċipju ta’ din ir-responsabbiltà ma tirrigwardax ir-responsabbiltà personali tal-qorti, iżda dik tal-Istat. B’dan premess, ma jidhirx li l-possibbiltà li, taħt ċertu kundizzjonijiet, l-Istat jinżamm responsabbli għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni tinvolvi riskji partikolari ta’ tqegħid inkwistjoni tal-indipendenza ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler,C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 42). |
|
36 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi li jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom jisiltu mid-dritt tal-Unjoni. Bla ħsara għall-fatt li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, f’kull każ, protezzjoni effettiva tad-drittijiet individwali li jirriżultaw mis-sistema legali tal-Unjoni, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetenza li tista’ tqajjem, fuq livell ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja nazzjonali, il-klassifikazzjoni ta’ ċerti sitwazzjonijiet legali bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler,C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Għalhekk, bħala prinċipju Stat Membru ma huwiex ipprojbit milli jindika qorti bħala kompetenti biex tieħu konjizzjoni fl-aħħar istanza, fil-kuntest ta’ appell fil-kassazzjoni, tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta, jekk ikun il-każ, minn waħda mis-sentenzi ta’ dik il-qorti, sakemm il-miżuri neċessarji jittieħdu biex tiġi ggarantita l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija qorti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 30 sa 33 ta’ din is-sentenza. |
|
38 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li, f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, il-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza setgħet ħadet pożizzjoni, bħala konvenuta fl-ewwel istanza, dwar il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jagħmlu parti minn din it-tilwima, għandu jiġi osservat li dan l-istatus proċedurali ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni l-imparzjalità ta’ din il-qorti, sakemm il-membri ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti adit bl-imsemmija tilwima fl-aħħar istanza b’ebda mod ma jkunu pparteċipaw fid-difiża tal-imsemmija qorti fl-ewwel istanza. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala istituzzjoni, tkun konvenuta f’kawża ma jostakolax il-fatt li tilwima tista’ tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 2000, Kögler vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, C‑82/98 P, EU:C:2000:282, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, KY vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, C‑100/22 P, EU:C:2023:377). Bl-istess mod, id-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali, hekk kif iddikjarat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jinkisirx meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun il-qorti adita b’appell ippreżentat mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-istituzzjoni Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion,C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 36). |
|
40 |
Għalhekk, meta l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala president ta’ din l-istituzzjoni, ħa d-deċiżjoni li jippreżenta appell kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali dwar l-imsemmija istituzzjoni, id-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali tal-parti l-oħra fil-proċedura titqies li tkun ġiet iggarantita biss meta l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti ma jintervjenix fit-trattament ġudizzjarju tal-kawża, billi jiġi ssostitwit fil-funzjonijiet tiegħu mill-Viċi President (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion,C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 38). |
|
41 |
Filwaqt li huwa minnu li hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-kundizzjoni msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza ġietx osservata fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, billi tuża l-elementi li jkunu jinsabu fil-proċess, tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunulha utli fl-evalwazzjoni tal-effett ta’ dispożizzjoni jew oħra ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
F’dan il-każ, kif indikat Vivacom Bulgaria u kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-pożizzjoni tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), bħala konvenuta fl-ewwel istanza, ġiet espressa minn uffiċjal ta’ din il-qorti inkarigat mill-President tagħha. Min-naħa l-oħra, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-membri tal-kulleġġ ġudikanti adit bil-kawża prinċipali kellhom xi tip ta’ rwol fid-difiża tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema). Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din l-informazzjoni. |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-każ li din l-informazzjoni kellha tiġi kkonfermata, il-ġurisprudenza, imfakkra minn Vivacom Bulgaria, li l-kunċett ta’ “indipendenza” jimplika li l-qorti kkonċernata għandha l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni li ġiet appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 62, kif ukoll tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 46), ma tkunx inkompatibbli mal-kompetenza ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li tieħu konjizzjoni ta’ appell fil-kassazzjoni f’kawża li fiha hija konvenuta. |
|
44 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin, għandu jitfakkar li r-regoli applikabbli għall-istatus tagħhom u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ mħallef għandhom jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ struzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-imħallfin tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ma jgawdux, konformement mal-leġiżlazzjoni Bulgara, minn garanziji ta’ natura li jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom, liema fatt madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
46 |
Sussegwentement, id-deċiżjoni ta’ rinviju tindika li r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ dawn l-imħallfin ma jiddependux mill-ħlas ta’ danni potenzjali minn din il-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli baġitarji li jirregolaw il-ħlas ta’ danni potenzjali konsekuttivi għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali ma humiex tali li jqajmu dubju leġittimu, fil-ħsieb tal-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza jew tal-imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin. |
|
47 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li numru ta’ kulleġġi ġudikanti ta’ qorti suċċessivament jiġu assenjati kawżi dwar kwistjonijiet legali distinti li jirriżultaw minn sitwazzjoni tal-istess natura ma huwiex biżżejjed biex ikun hemm dubji leġittimi, fil-ħsieb tal-partijiet f’kawża, dwar l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ din il-qorti f’kull waħda minn dawn il-kawżi. |
|
48 |
Kif ġie osservat mill-Avukata Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, min-naħa l-oħra mis-sentenzi tal-Qorti EDB tad‑29 ta’ Lulju 2004, San Leonard Band Club vs Malta (CE:ECHR:2004:0729JUD007756201), u tas‑7 ta’ Lulju 2020, Scerri vs Malta (CE:ECHR:2020:0707JUD003631818), jirriżulta li, fl-ipoteżi fejn l-istess imħallfin kellhom jagħtu deċiżjoni, f’qorti speċifika, dwar il-kwistjoni jekk wettqux żbalji ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tal-liġi f’deċiżjoni preċedenti, ikollu jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB. |
|
49 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali, kif iddikjarat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jiġi osservat meta l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, adita b’talba għal kumpens intiża bħala ħlas għall-allegat dannu li jirriżulta mill-iskadenza tat-terminu raġonevoli ta’ għoti ta’ sentenza, tiddeċiedi dwar din it-talba b’kompożizzjoni differenti minn dik li kienet ħadet konjizzjoni tat-tilwima li tat lok għall-proċedura li t-tul tagħha qed jiġi kkritikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punt 96, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion,C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
B’dan premess, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn Vivacom Bulgaria, jirriżulta li ebda wieħed mill-imħallfin li jagħmlu parti mill-kulleġġ ġudikanti adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali ma kien jagħmel parti minn dak il-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza li tat lok għal din it-tilwima. B’hekk jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-punt jekk ikunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li tagħhom qed tintalab l-interpretazzjoni mingħandha, li ż-żewġ kulleġġi ġudikanti jkunu komposti, anki jekk parzjalment, mill-istess imħallfin, li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma jistax jirriżulta, fil-ħsieb tal-partijiet fil-kawża, dubju leġittimu dwar l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) mill-kompożizzjoni rispettiva ta’ dawn iż-żewġ kulleġġi ġudikanti. |
|
51 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti jeħtieġ li r-risposta għad-domanda preliminari tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha qorti tieħu konjizzjoni fl-aħħar istanza, fil-kuntest ta’ appell fil-kassazzjoni, ta’ kawża, li fiha din il-qorti għandha l-kwalità ta’ konvenuta, relatata mar-responsabbiltà tal-Istat li tirriżulta minn ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni minħabba sentenza mogħtija mill-imsemmija qorti, premess li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-miżuri adottati għat-trattament ta’ din il-kawża jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, fil-ħsieb tal-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qorti kkonċernata. |
Fuq l-ispejjeż
|
52 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(47) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha qorti tieħu konjizzjoni fl-aħħar istanza, fil-kuntest ta’ appell fil-kassazzjoni, ta’ kawża, li fiha din il-qorti għandha l-kwalità ta’ konvenuta, relatata mar-responsabbiltà tal-Istat li tirriżulta minn ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni minħabba sentenza mogħtija mill-imsemmija qorti, premess li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-miżuri għat-trattament ta’ din il-kawża jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, fil-ħsieb tal-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qorti kkonċernata. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.