SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi 8113 u 8209 – Stikek tal-metall iebes magħmula minn ċermiti – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/910 – Validità – Kriterji ta’ klassifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑591/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Settembru 2023, fil-proċedura

ZCC Europe GmbH

vs

Hauptzollamt Düsseldorf,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u O. Spineanu Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal ZCC Europe GmbH, minn N. Meyer, Rechtsanwalt,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/910 tal‑31 ta’ Mejju 2021 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2021, L 199, p. 4).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ZCC Europe GmbH, kumpannija kummerċjali stabbilita fil-Ġermanja, u l-Hauptzollamt Düsseldorf (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-istikek tal-metall iebes magħmula minn ċermiti.

Il‑kuntest ġuridiku

In‑NM

3

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1577 tal‑21 ta’ Settembru 2020 (ĠU 2020, L 361, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 11, p. 21) (iktar ’il quddiem in-“NM”), hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”) u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2658/87, kull sena l-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompluta tan-NM, u tar-rati tad-dazji doganali tat-tariffa doganali komuni relatati, kif jirriżultaw mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni.

5

L-Ewwel Parti tan-NM, intitolata “Dispożizzjonijiet Preliminari”, tinkludi, fit-Taqsima I tagħha, il-punt A, intitolat “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, li jipprevedi dan li ġej għall-klassifikazzjoni tal-merkanzija:

“1. It-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subkapitoli ngħataw biss għal finijiet ta’ ħeffa tar-referenza; għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

(a)

Kwalunkwe referenza għal oġġett f’intestatura għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut, sakemm, kif ippreżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut ikollu l-karattru essenzjali tal-oġġett komplut jew irfinut. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew irfinut (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew ikkompletat permezz ta’ din ir-regola), ippreżentat mhux assemblat jew żarmat.

[…]

6. Għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tiġi stabbilita skont it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti tas-subintestatua relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, bil-kundizzjoni li s-subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, it-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

6

It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana” tinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima XV, intitolata “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti ta’ metalli ta’ valur baxx”.

“4. Fin-nomenklatura kollha, l-espressjoni ‘ċermiti’ tfisser prodotti li fihom kombinament eteroġeniku mikroskopiku ta’ komponent metalliku u komponent ċeramiku. It-terminu ‘ċermiti’ jinkludi karburi ta’ metall sinterizzati (karburi ta’ metall sinterizzati ma’ metall).”

7

Il-Kapitolu 81 tat-Tieni Parti tan-NM, intitolat “Metalli oħrajn ta’ valur baxx; ċermiti; oġġetti magħmula minnhom”, li jinsabu f’din it-Taqsima XV, jinkludu, b’mod partikolari, l-intestaturi li ġejjin:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata tad-dazju konvenzjonali (%)

Unità Supplimentari

8113 00

Ċermiti u oġġetti tagħhom, inklużi skart u skrapp:

 

 

8113 00 20

– Mhux maħdumin

4

—

8113 00 40

– Skart u skrapp

Bla ħlas

—

8113 00 90

– Oħrajn

5

—

8

Il-Kapitolu 82 tat-Tieni Parti tan-NM, intitolat “Għodod, Tagħmir, Pożati, Mgħaref U Frieket, ta’ Metall komuni [ta’ valur baxx]; Partijiet tagħhom tal-Metall Komuni”, li jinsab fl-imsemmija Taqsima XV, jinkludi, b’mod partikolari, l-intestaturi li ġejjin:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata tad-dazju konvenzjonali (%)

Unità Supplimentari

8209 00

Pjanċi, stikek, ponot u bħalhom għal għodod, mhux immuntati, ta’ ċermiti:

 

 

8209 00 20

– Inserzjonijiet li jistgħu jiġu indiċjati

2,7

—

8209 00 80

– Oħrajn

2,7

—

9

L-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO) għandha tapprova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, imwaqqaf fl-Artikolu 6 ta’ din il-Konvenzjoni. Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija konvenzjoni, dan il-kumitat għandu fost oħrajn il-funzjoni li jfassal dawn in-noti ta’ spjega.

Ir‑Regolament (UE) Nru 952/2013

10

L-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2), intitolat “Il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Għall-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ waħda mis-subintestaturi jew sottodiviżjonijiet ulterjuri tan-[NM] li taħtha ser tiġi kklassifikata dik il-merkanzija.

[…]

4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri biex tiddetermina l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija skont il-paragrafi 1 u 2.”

11

L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni”, jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’-atti ta’ implimentazzjoni, il-miżurimsemmija fl-Artikolu 57(4).

[…]”

12

Skont l-Artikolu 285(1) tal-imsemmi regolament, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali, kumitat kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910

13

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910 ġie adottat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(4) u tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 952/2013.

14

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni:

“L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif ppreżentata fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin -[NM] taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.”

15

L-anness tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni jaqra kif ġej:

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Stikek ta’ Ċermit b’sezzjoni trasversali tonda uniformi. L-oġġetti ta’ tulijiet u dijametri li jvarjaw jistgħu jkunu solidi jew jistgħu jittaqqbu u jkollhom kanali ta’ tkessiħ bi truf mhux ċari. Xi wħud mill-artikli setgħu ġew iċċanfrinati wkoll.

L-oġġetti huma magħmula minn ċermit, jiġifieri minn karbur tal-metall magħqud f’materjal solidu bis-sħana fuq il-bażi tal-karbur tat-tungstenu bil-kobalt bħala s-sustanza li tgħaqqad.

Abbażi tal-grad baxx ta’ pproċessar, il-forma sempliċi u l-forma tagħhom, l-oġġetti jistgħu jintużaw għal firxa wiesgħa ta’ użi, pereżempju, bħala elementi ta’ rinforz. Jekk jiġu pproċessati aktar, l-oġġetti jistgħu jintużaw għal għodod u bħala għodod.

8113 00 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], in-nota 4 tat-Taqsima XV, u mill-formulazzjoni tal-kodiċijiet NM 8113 00 u 8113 00 90.

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8209 00 80 bħala stikek u oġġetti simili għal għodod, mhux immuntati, ta’ ċermiti hija eskluża peress li l-oġġetti jistgħu jintużaw għal għodod u bħala għodod biss jekk jiġu pproċessati aktar u huma adatti wkoll għal użi oħra.

L-oġġetti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-intestatura 8113, li tkopri ċermiti, kemm jekk mhux maħdumin kif ukoll jekk fil-forma ta’ oġġetti mhux speċifikati x’imkien ieħor fin-[NM] (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-[SA] għall-intestatura 8113, is-sitt paragrafu).

Għaldaqstant, l-oġġetti għandhom jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 8113 00 90 bħala ċermiti u oġġetti oħra tagħhom.

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

16

Fix-xhur ta’ Awwissu u ta’ Settembru 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjarat, bl-għan li jiġu rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera, vireg tal-karbur metalliku magħmula miċ-ċermiti importati miċ-Ċina fis-subintestatura 82090080 tan-NM, li jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ rata doganali ta’ 2.7 %.

17

L-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Düsseldorf iddeċieda li jikklassifika l-merkanzija ddikjarata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-subintestatura 81130090 tan-NM, abbażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910. Konsegwentement, huwa applika dazji doganali u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’rata doganali ta’ 5 %.

18

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, fejn sostniet li l-vireg tal-karbur tal-metall iddikjarati setgħu jintużaw biss “għall-għodda”, u mhux għal finijiet oħra, u li għalhekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910 ma kienx applikabbli għalihom. Fi kwalunkwe każ, hija tqis li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910 huwa illegali, peress li dan tal-aħħar allegatament ma huwiex intiż biss sabiex jipprovdi kjarifika, iżda jemenda l-formulazzjoni tas-subintestatura 82090080 tan-NM u għaldaqstant jikser it-tagħlim tas-sentenza tal-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) tas‑7 ta’ Awwissu 2018 (VII R 20/17), li kienet diġà pprovdiet tali kjarifika.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet f’dan ir-rigward li din is-sentenza tal-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) kienet tikkonċerna wkoll vireg tal-karbur tal-metall li hija kienet iddikjarat fl‑2008, bl-għan tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, fis-subintestatura 82090080 tan-NM, simili għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Wara kontroll fuq il-post, l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Düsseldorf kien ikklassifika l-merkanzija, permezz ta’ avviż ta’ taxxa stabbilit fl‑2011, fis-subintestatura 81130090 tan-NM u pproċeda għall-irkupru a posteriori tad-dazji doganali korrispondenti. Peress li l-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kienet l-ewwel nett ċaħdet ir-rikors imressaq wara dan l-irkupru, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) kienet irrinvijat, fil-kuntest tal-eżami tar-rikors għal reviżjoni, il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju għar-raġuni li kellu jiġi vverifikat jekk il-vireg tal-karbur tal-metall ikkonċernati kellhomx il-karatteristiċi tal-intestatura 8209 tan-NM, li hija iktar speċifika. Fil-kuntest tal-kawża rreġistrata bir-referenza 4 K 3162/18 Z, dak iż-żmien, il-qorti tar-rinviju kienet, ordnat perizja. Fir-rapport tiegħu tal‑4 ta’ Diċembru 2019, l-espert maħtur kien ikkonkluda li dawn il-vireg tal-karbur tal-metall kienu ġeneralment ittrasformati f’għodda bi trufijiet ġeometrikament iddeterminati li jaqtgħu. Skont dan l-espert, il-preżenza ta’ toqob tat-tkessiħ fuq ċerti vireg kienet tindika mingħajr dubju użu għall-żgorbji jew tipi ta’ marloċċ (shank type). L-imsemmi espert kien ikkunsidra li, minħabba l-ġeometrija tagħhom u l-għażla tal-materjali, il-vireg l-oħra kellhom karatteristiċi li kienu b’mod ċar dawk ta’ għodod tat-tip shank. Huwa fuq din il-bażi li, permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2020, il-qorti tar-rinviju kienet annullat l-avviż tat-taxxa tal‑2011.

20

Peress li, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) u l-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf) kienu kklassifikaw l-oġġetti kkonċernati b’mod differenti minn dak li jirriżulta mill-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Irlanda, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Polonja, saret kjarifika, wara konsultazzjoni mal-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910.

21

Peress li l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Düsseldorf kien ċaħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, abbażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910, din tal-aħħar ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

22

Il-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda dubju dwar il-fatt li l-vireg tal-karbur tal-metall inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 820900 tan-NM u, għaldaqstant, tikkontesta biss il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910. Hija tqis li, billi adottat dan ir-regolament tal-aħħar, il-Kummissjoni bidlet il-kontenut u l-portata tal-intestaturi tariffarji 8113 u 8209 tan-NM. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-użu ta’ dawn il-vireg tal-karbur tal-metall, fis-sens tas-subintestatura 820900 tan-NM (“għal għodod”), u għar-rapport tal-perizja tal‑4 ta’ Diċembru 2019 imsemmija fil-punt 19 tas-sentenza preżenti, li hija kienet talbet fil-kuntest tal-kawża rreġistrata bir-referenza 4 K 3162/18 Z. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tagħha, li, minħabba l-ġeometrija tagħhom u l-għażla tal-materjali kif ukoll minħabba l-preżenza ta’ toqob tat-tkessiħ fuq uħud minnhom, il-vireg tal-karbur tal-metall inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi għall-manifattura ta’ għodod bi trufijiet ġeometrikament iddeterminati li jaqtgħu. Hija żżid tgħid li, għall-klassifikazzjoni fis-subintestatura 820900 tan-NM, huwa biżżejjed li l-vireg tal-karbur tal-metall ikunu essenzjalment intiżi għal għodda. Barra minn hekk, hija tippreċiża li l-fatt li l-istikek taċ-ċermit għad iridu jkunu pproċessati iktar qabel ma jkunu jistgħu jintużaw għal għodda ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tagħhom fis-subintestatura 82090080 tan-NM. Fl-aħħar nett, hija tqis, fid-dawl tar-rapport tal-perizja tal‑4 ta’ Diċembru 2019 imsemmi fil-punt 19 tas-sentenza preżenti, li l-affermazzjoni li tinsab fl-aħħar tad-deskrizzjoni tal-merkanzija fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910, li tgħid li, fid-dawl tal-grad ta’ trasformazzjoni tagħhom, tal-forma tagħhom u l-għamla sempliċi tagħhom, l-istikek taċ-ċermit imsemmija jistgħu jkunu intiżi għal firxa wiesgħa ta’ użi, hija żbaljata.

23

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [2021/910] huwa validu?”

Fuq id‑domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910, adottat sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-NM, sa fejn dan jikklassifika bħala stikek taċ-ċermiti, tip ta’ vireg tal-metall reżistenti ħafna għall-liwi, kif deskritt fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, fis-subintestatura 81130090 tan-NM, u mhux fis-subintestatura 82090080 tagħha, u dan imur kontra l-portata u l-kontenut tal-intestaturi tariffarji 8113 u 8209 tan-NM, tan-noti ta’ spjega dwar dawn l-intestaturi kif ukoll tar-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tan-NM u tas-SA.

25

Il-vireg taċ-ċermit deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910 huma kkostitwiti minn taħlita ta’ karbur tat-tungstenu li fih ċertu proporzjon ta’ kobalt bħala komponent li jgħaqqad. Il-karbur tat-tungstenu huwa kkaratterizzat minn għebusija partikolari u għalhekk huwa partikolarment adatt għall-ħdim tal-metalli permezz tat-tħaffir u tat-tħin. Il-vireg inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom tul differenti, bejn 100 u 300 mm. Id-dijametru tagħhom ivarja wkoll bejn 2 u 40 mm. Huma għandhom sezzjoni trasversali ta’ dijametru uniformi u trufijiet ċatti. F’xi każijiet, huma għandhom ukoll kanali tat-tkessiħ li jammontaw minn wieħed sa tlieta. Ma huwiex ikkontestat li dawn l-istikek taċ-ċermit jeħtieġu jiġu pproċessati iktar, li għal dan ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tbiegħhom mill-ġdid lil manifatturi ta’ għodod.

26

Filwaqt li l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kienu kklassifikaw il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kodiċi 8113 tan-NM, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi), permezz ta’ sentenza tal‑2018, qieset li dan il-prodott kien jaqa’ fl-intestatura 8209 tagħha.

27

Sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ interpretazzjoni diverġenti tan-NM bejn l-Istati Membri, fil‑31 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910. Dan ġie applikat mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi għall-importazzjonijiet il-ġodda tal-oġġetti kkonċernati mwettqa matul ix-xhur ta’ Awwissu u ta’ Settembru 2021 mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fejn ikklassifikaw il-vireg taċ-ċermit taħt il-kodiċi 8113 tan-NM, li jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ dazju doganali ta’ 5 %, filwaqt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tixtieq tibbenefika minn klassifikazzjoni konformi mal-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, taħt il-kodiċi 8209 tan-NM, li tirriżulta fl-applikazzjoni ta’ rata ta’ dwana ta’ 2.7 %.

28

Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk, permezz tal-interpretazzjoni tal-intestaturi 8113 u 8209 tan-NM adottata mill-Kummissjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910, din l-istituzzjoni wettqitx emenda pprojbita tan-NM, u mhux biss sempliċi kjarifika tagħha.

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-Kummissjoni, li taġixxi b’kooperazzjoni mal-esperti doganali tal-Istati Membri, għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tippreċiża l-kontenut tal-intestaturi tariffarji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni ta’ oġġett partikolari. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 57(4) u fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 952/2013 ma tawtorizzahiex tbiddel il-kontenut u lanqas il-portata tal-intestaturi tariffarji li kienu ġew stabbiliti abbażi tas-SA, li tagħha l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha, skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, li ma tibdilx il-portata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2015, Raytek u Fluke Europe, C‑134/13, EU:C:2015:82, punt 29; tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Amoena,C‑677/18, EU:C:2019:1142, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; kif ukoll tal‑4 ta’ Frar 2021, JCM Europe (UK),C‑760/19, EU:C:2021:96, punt 34).

30

Sabiex jiġi ddeterminat jekk, bil-klassifikazzjoni tal-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910 fl-intestatura 8113 tan-NM u mhux fl-intestatura 8209 tagħha, il-Kummissjoni biddlitx il-kontenut jew il-portata ta’ dawn iż-żewġ intestaturi tariffarji tan-NM, stabbiliti abbażi tas-SA, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ oġġetti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura u tas-subintestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli tagħha (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Amoena,C‑677/18, EU:C:2019:1142, punt 40; u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Hydro Energo,C‑340/19, EU:C:2020:488, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; u tal‑4 ta’ Frar 2021, JCM Europe (UK),C‑760/19, EU:C:2021:96, punt 35).

31

Fit-tieni lok, għalkemm il-klassifikazzjoni ma tistax issir biss abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott ikkonċernat, l-użu intenzjonat tiegħu, b’mod partikolari l-użu essenzjali tiegħu, jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni, bil-kundizzjoni li dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott. Tali inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, TDK-Lambda Germany,C‑559/18, EU:C:2019:667, punt 27, u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Hydro Energo,C‑340/19, EU:C:2020:488, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-karatterestiċi u dawn il-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti għandhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati fil-mument tal-isdoganament (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Latvijas propāna gāze,C‑286/15, EU:C:2016:363, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, minkejja l-fatt li ma għandhomx saħħa vinkolanti, in-Noti ta’ Spjega tan-NM u tas-SA jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Hydro Energo,C‑340/19, EU:C:2020:488, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls,C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 23).

33

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-intestaturi tariffarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-Kapitolu 81 tat-Tieni Parti tan-NM huwa intitolat “Metalli oħrajn ta’ valur baxx; ċermiti; oġġetti magħmula minnhom” u l-intestatura 8113 tagħha tkopri, b’mod partikolari, “ċermit u oġġetti tagħhom”. Il-Kapitolu 82 tat-Tieni Parti tan-NM, intitolat “Għodod, tagħmir, pożati, mgħaref u frieket, ta’ metall komuni; partijiet tagħhom tal-metall komuni”, tinkludi, b’mod partikolari, l-intestatura 8209, li tkopri b’mod partikolari l-“[p]janċi, stikek, ponot u bħalhom għal għodod, mhux immuntati, ta’ ċermiti.

34

Huwa ppreċiżat fin-nota ta’ spjega tas-SA dwar it-Taqsima XV, għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kapitoli li: “Il-Kapitoli 72 sa 76 u 78 sa 81 jittrattaw metalli ta’ valur baxx mhux ittrasformati u fil-forma ta’ prodotti bħal vireg, wajers jew pjanċi, kif ukoll oġġetti minn dawn il-metalli ta’ valur baxx, bl-eċċezzjoni ta’ oġġetti li huma msemmija, irrispettivament min-natura tal-metall kostituttiv, fil-Kapitoli 82 jew 83, peress li dawn il-Kapitoli huma ta’ natura limitattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

35

In-nota ta’ spjega dwar il-Kapitolu 82 tat-Tieni Parti tan-NM tipprovdi wkoll li “[d]an il-kapitolu jiġbor flimkien diversi oġġetti tal-metall ta’ għodda jew ta’ pożati, li huma esklużi mill-kapitoli preċedenti tat-Taqsima XV, li ma jissodisfawx il-kunċett ta’ magni u apparati (elettriċi jew le) tat-Taqsima XVI […] u li ma jikkostitwixxux strumenti tal-Kapitolu 90 jew oġġetti ta’ intestatura 96.03 jew 96.04” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

36

Minn dan jirriżulta li l-Kapitolu 82 tat-Tieni Parti tan-NM huwa ta’ natura limitattiva, peress li dan il-kapitolu jkopri l-għodda li huma espliċitament imsemmija fih. Ir-riferiment għal “ċermiti” huwa anċillari, peress li, minn naħa, din il-kelma ma tinsabx fit-titolu tal-imsemmi Kapitolu 82 u, min-naħa l-oħra, l-użu tagħha fl-intestatura 8209 tan-NM isservi biss bħala element deskrittiv tal-materjali li jikkostitwixxu l-pjanċi, l-istikek, il-ponot u oġġetti simili għall-għodda mhux immunati, li din l-intestatura ssemmi b’mod espliċitu.

37

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll ir-raġunijiet inklużi fit-tabella fl-anness jesponi li l-intestatura 8113 tan-NM tipprovdi li din l-intestatura “tkopri ċermiti, kemm jekk mhux maħdumin kif ukoll jekk fil-forma ta’ oġġetti mhux speċifikati x’imkien ieħor”. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-intestatura 8113 tan-NM għandha kamp ta’ applikazzjoni potenzjalment wiesa’ u li tkopri l-prodotti taċ-ċermit kollha, filwaqt li l-klassifikazzjoni fl-intestatura 8209 tan-NM hija rriżervata għall-“pjanċi, stikek, ponot u oġġetti simili għall-għodda” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

38

Fil-każ ineżami, l-interpretazzjoni tal-espressjoni “għall-għodda” hija determinanti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju, fil-punti 17 sa 20 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, tinterpreta din l-espressjoni fis-sens li din tkopri wkoll il-prodotti li, wara proċess ulterjuri neċessarju, jistgħu jintużaw biss għal għodod.

39

Madankollu, skont in-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8209:

“L-oġġetti msemmija f’din l-intestatura huma ġeneralment ippreżentati fi pjanċi jew f’parts ta’ forom differenti (pereżempju, vireg, ponot, pellets, ċrieki) u jibqgħu iebsin ħafna anki fil-kesħa u fis-sħana u għandhom reżistenza għolja ħafna għal-liwi. Minħabba dawn il-kwalitajiet partikolari, l-oġġetti li jsiru b’dan il-mod isibu użu wiesa’ ħafna fil-produzzjoni ta’ għodda — li fuqhom huma mwaħħla permezz ta’ iwweldjar, ibbrejżjar jew ikklampjar — li, minħabba l-veloċità kbira tagħhom ta’ qtugħ, huma użati għax-xogħol tal-metalli u ta’ materjal iebes ieħor (għodda għat-tornijiet, trapani, dies għall-ġbid tal-wajer, żgorbji eċċ.). Dawn l-oġġetti jistgħu ikunu msinna jew le jew ippreparati b’xi mod ieħor sabiex jikkostitwixxu għodda, iżda sabiex jiġu inklużi f’din l-intestatura, ma għandhomx jiġu mmuntati. Immuntati fuq għodod, huma jaqgħu fl-intestaturi speċifiċi tal-għodda stess u b’mod partikolari tan-Nru 82.07.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

40

Issa, mill-espressjoni “mhux immuntati” li tinsab fil-formulazzjoni tal-intestatura 8209 tan-NM u ta’ din in-nota ta’ spjega jirriżulta li din l-intestatura tkopri oġġetti li jkunu diġà ġew ittrasformati b’mod suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu sempliċement u direttament “immuntati”, jiġifieri mwaħħla mal-għodda sempliċement “permezz ta’ iwweldjar, ibbrejżjar jew ikklampjar”. L-oġġetti li għandhom jiġu pproċessati iktar, minbarra s-sempliċi twaħħil tagħhom, qabel ma jkunu jistgħu jiġu mwaħħla ma’ għodod ma jistgħux għalhekk jaqgħu fl-imsemmija intestatura. L-istess japplika għall-istikek taċ-ċermit inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fir-rigward tagħhom huwa stabbilit li huma biss blanks “għall-għodda”.

41

Ir-regola ġenerali stabbilita fl-Ewwel Parti tan-NM, fil-Punt A, 2(a) tat-Titolu I, għall-klassifikazzjoni tal-oġġetti, li tgħid li kull riferiment għal oġġett f’intestatura partikolari “tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut”, bil-kundizzjoni li dan ikollu, f’dan l-istat, il-“karattru essenzjali tal-oġġett komplut jew irfinut”, ma jbiddilx din il-konklużjoni.

42

Hija preċiżament il-kundizzjoni li l-oġġett ikkonċernat jippreżenta l-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett komplut jew irfinut li ma huwiex issodisfatt fil-każ tal-istikek taċ-ċermit inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li dawn l-istikek taċ-ċermit għandhom min-natura tagħhom stess jiġu ttrasformati, pereżempju permezz ta’ bor, talja, tidjiq, kanali u kurvaturi, sabiex jiksbu forma esterna speċifika li tagħmilhom jistgħu jintużaw sabiex jiġu mwaħħla mal-għodda b’sempliċi weldjatura, ibbrejżjar jew ikklampjar.

43

Fil-każ ineżami, abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-oġġetti koperti, imsemmija fil-kolonna 3 tat-tabella li tinsab fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tar-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-NM u billi rreferiet għan-nota 4 tat-Taqsima XV tagħha kif ukoll għall-formulazzjoni tas-subintestaturi 811300 u 81130090 tan-NM, ikklassifikat l-oġġetti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-subintestatura 81130090. Barra minn hekk, hija eskludiet il-klassifikazzjoni ta’ dawn l-oġġetti mis-subintestatura 82090080 tan-NM, bħala stikek u oġġetti simili għal għodod, mhux immuntati, ikkostitwiti minn ċermiti” peress li l-oġġetti jistgħu jintużaw għal għodod u bħala għodod biss jekk jiġu pproċessati aktar u huma adatti wkoll għal użi oħra”.

44

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910, relatati, b’mod partikolari, mal-aspett li din il-klassifikazzjoni biddlet il-portata tal-intestatura 8209 tan-NM, peress li, skont ir-rapport tal-perizja tal‑4 ta’ Diċembru 2019 imsemmi fil-punt 19 tas-sentenza preżenti, “minħabba l-ġeometrija tagħhom u l-għażla tal-materjali kif ukoll minħabba l-preżenza ta’ toqob tat-tkessiħ fuq uħud minnhom, l-[istikek taċ-ċermit bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali] huma intiżi għall-manifattura ta’ għodod bi trufijiet ġeometrikament iddeterminati li jaqtgħu”. Madankollu, dawn id-dubji ma jistgħux jiġu aċċettati. Anki jekk jitqies li, minħabba ċerti karatteristiċi, dawn l-istikek taċ-ċermit jistgħu biss jiġu ttrasformati f’għodda, huma ma jissodisfawx preċiżament ir-rekwiżiti previsti mill-formulazzjoni tal-intestatura 8209 tan-NM, kif spjegati min-noti ta’ spjega rilevanti, li jipprovdu li l-prodotti msemmija taħt din l-intestatura għandhom ikunu jistgħu jiġu sempliċement imwaħħla mal-għodda b’sempliċi weldjatura, ibbrejżjar jew ikklampjar, mingħajr il-ħtieġa ta’ trasformazzjoni oħra.

45

Hekk kif jirriżulta wkoll mid-deskrizzjoni tal-istikek taċ-ċermit li tinsab fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910, dawn l-istikek huma prodotti ta’ “[forma u ta’...] forma sempliċi”, ikkaratterizzati minn “grad baxx ta’ pproċessar”. Dan huwa wkoll dak li jirriżulta mill-informazzjoni tariffarja vinkolanti DE BTI 5017/22–1 u DE BTI 2903/22–1, li tindika l-istikek taċ-ċermit ikkonċernati bħala “blanks”, li sempliċement għadhom ma humiex żviluppati biżżejjed sabiex ikollhom, fil-mument tal-importazzjoni, il-karatteristiċi essenzjali neċessarji sabiex jaqgħu fl-intestatura 8209.

46

Fil-fatt, mill-qari ta’ diversi intestaturi oħra tan-NM jirriżulta li, għalkemm il-blanks ta’ prodott huma koperti minn intestatura, din tal-aħħar issemmi dan il-prodott b’mod espliċitu:

–

8212: “Għodod għat-tqaxxir tal-leħja u xfafar tal-leħja (inklużi blanks tax-xfafar tal-leħja fi strixxi)”:

–

9606: “Buttuni, fiminelli, forom għall-buttuni u partijiet oħrajn ta’ dawn l-oġġetti; blanks għall-buttuni”;

–

Intestatura 9110: “Mekkaniżmi sħaħ ta’ arloġġ tal-idejn jew ta’ arloġġ, mhux assemblati jew assemblati parzjalment (settijiet ta’ mekkaniżmi); mekkaniżmi mhux kompluti ta’ arloġġ tal-idejn jew ta’ arloġġ, assemblati; mekkaniżmi raffi ta’ arloġġ tal-idejn jew ta’ arloġġ”.

47

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tbigħ il-vireg tal-karbur tal-metall inkwistjoni lil manifatturi ta’ għodod li, permezz ta’ proċessi ta’ trasformazzjoni addizzjonali, jittrasformaw dawn il-vireg f’għodda għax-xogħol tal-metall permezz tat-tneħħija ta’ materjal. Ir-rapport ta’ perizja tal‑4 ta’ Diċembru 2019 imsemmi fil-punt 19 tas-sentenza preżenti jippreċiża “li l-vireg tal-karbur tal-metall bħal dawk inkwistjoni kienu ġeneralment ittrasformati f’għodda bi trufijiet ġeometrikament iddeterminati li jaqtgħu”, u dan jikkonferma li l-forma ġeometrika tal-istikek taċ-ċermit u, għaldaqstant, l-għodda speċifika li għaliha jintużaw u li fuqha dawn għandhom sempliċement jiġu mwaħħla jkunu għadhom ma humiex identifikabbli fil-mument tal-iżdoganar kuntrarjament għar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Latvijas propāna gāze,C‑286/15, EU:C:2016:363, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Ir-riferiment magħmul mill-qorti tar-rinviju għall-punt 28 tas-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, TDK-Lambda Germany (C‑559/18, EU:C:2019:667), bl-ebda mod ma jbiddel din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod espliċitu li, meta l-intestatura tariffarja inkwistjoni tapplika kriterju ta’ klassifikazzjoni bbażat fuq użu partikolari tal-oġġetti kkonċernati, dan il-kriterju jkun ta’ natura determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dawn l-oġġetti f’tali intestatura.

49

Issa, mill-formulazzjoni tal-intestatura u tas-subintestatura tan-NM ikkonċernati u min-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli tagħha jirriżulta li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ddefinit mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tiegħu u ma jadottax kriterju ta’ klassifikazzjoni bbażat fuq użu partikolari. Dan huwa kkonfermat mit-test tat-tabella annessa mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910.

50

Huwa għalhekk biss għall-finijiet ta’ kompletezza li għandha tiġi eżaminata l-affermazzjoni tal-qorti tar-rinviju, ifformulata fil-punt 20 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, dwar in-natura żbaljata tal-ipoteżi magħmula mill-Kummissjoni fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910, li tipprovdi li l-istikek taċ-ċermit jistgħu “jkunu [intiżi] għal firxa wiesgħa ta’ użi”, hija żbaljata. Fil-fatt, l-istikek taċ-ċermit deskritti f’din il-kolonna 1 huma adattati għal użi oħra. Il-fatt li wħud minn dawn l-istikek għandhom kanali ta’ tkessiħ ma jiġġustifikax, b’mod partikolari, li ma jiġux ikklassifikati fl-intestatura 8113 tan-NM. Skont id-dokumentazzjoni teknika, il-kanali ta’ tkessiħ huma meħtieġa wkoll għat-thread guides fl-industrija tat-tessuti. Għalhekk, l-eżistenza ta’ kanali ta’ tkessiħ ma tfissirx li l-istikek taċ-ċermit jistgħu jintużaw biss għal għodod.

51

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni ma eċċedietx is-setgħa diskrezzjonali tagħha billi indikat, fil-kolonna 3 tat-tabella li tinsab fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910, li l-oġġetti kienu jaqgħu fl-intestatura 8113 tan-NM, u ma setgħux jiġu kklassifikati fl-intestatura 8209 tagħha, minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom.

52

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi kklassifikat l-istikek ta’ ċermit deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910 fl-intestatura 8113 tan-NM u mhux fl-intestatura 8209 tagħha, il-Kummissjoni la biddlet il-kontenut u lanqas il-portata ta’ dawn iż-żewġ intestaturi tariffarji.

53

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-eżami tagħha ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/910.

Fuq l‑ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/910 tal‑31 ta’ Mejju 2021 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.