European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2355

21.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2355

tat-13 ta’ Ottubru 2026

dwar l-iffirmar tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu fir-rigward ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminal u l-kooperazzjoni tal-pulizija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1) u (2), l-Artikolu 83(1) u (2) u l-Artikolu 87(2), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2024/1764 (1), il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tipparteċipa, f’isem l-Unjoni, fin-negozjati dwar protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (il-“Protokoll”).

(2)

Il-Protokoll ġie adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-15 ta’ Mejju 2026 u huwa previst li jinfetaħ għall-iffirmar fl-14 ta’ Ottubru 2026.

(3)

Il-Protokoll jikkonforma mal-objettiv tal-Unjoni stabbili fl-Artikolu 67(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġifieri biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż miżuri għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-approssimazzjoni ta’ liġijiet kriminali.

(4)

Il-Protokoll fih, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet dwar l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, dwar miżuri ta’ konfiska, dwar miżuri proviżorji għall-qbid u l-iffriżar ta’ proprjetà, dwar tekniki u għodod investigattivi, dwar l-istabbiliment ta’ uffiċċji għall-irkupru tal-assi, dwar l-aċċess ta’ dawk l-uffiċċji għall-informazzjoni u dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom, dwar l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji, dwar il-ġestjoni tal-assi, inkluż id-deżinjazzjoni ta’ uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi, dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja rigward ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar u konfiska, il-kondiviżjoni u r-ritorni tal-assi, u dwar id-drittijiet u s-salvagwardji proċedurali għall-persuni affettwati kollha.

(5)

Il-Protokoll għandu l-potenzjal li jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-oqfsa ta’ rkupru tal-assi u l-kooperazzjoni relatata fost l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u sħab internazzjonali ewlenin oħra li jistgħu jsiru Partijiet għall-Protokoll.

(6)

Ir-regoli stabbiliti fil-Protokoll jikkoinċidu fil-parti l-kbira ma’, u kienu ispirati minn, regoli komuni stabbiliti fil-livell tal-Unjoni. Dawk ir-regoli komuni jinkludu b’mod partikolari, id-Direttivi (UE) 2024/1260 (2) u (UE) 2024/1640 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, il-Protokoll jikkoinċidi wkoll mad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li tibqa’ applikabbli biss fir-rigward tal-Irlanda, u mad-Deċiżjonijiet Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI (6), 2005/212/ĠAI (7) u 2006/783/ĠAI (8), li jibqgħu applikabbli biss fir-rigward tar-relazzjoni mad-Danimarka u mal-Irlanda u r-relazzjoni ta’ bejniethom.

(7)

Il-Kummissjoni pparteċipat fin-negozjati f’isem l-Unjoni u żgurat li l-Protokoll ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

(8)

Skont l-Artikolu 37 tal-Protokoll, huwa miftuħ għall-iffirmar mill-Unjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni ssir Parti għall-Protokoll flimkien mal-Istati Membri tagħha, peress li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkondividu kompetenzi fl-oqsma koperti mill-Protokoll. Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sa fejn il-Protokoll jista’ jaffettwa regoli komuni stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli komuni jista’ jiġi affettwat jew mibdul ukoll minn impenji internazzjonali meta dawk l-impenji jaqgħu f’qasam li diġà huwa fil-parti l-kbira kopert minn tali regoli komuni, sa fejn tali impenji jkunu kapaċi jimminaw l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli komuni u l-funzjonament tajjeb tas-sistema li jistabbilixxu. Fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sa fejn il-Protokoll ma taffettwax regoli komuni stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jew ma jbiddilx il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, inkluż permezz tal-iżvilupp futur prevedibbli ta’ tali regoli. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-iffirmar tal-Protokoll mill-Istati Membri, f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom.

(9)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(11)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u ta opinjoni fl-10 ta’ Settembru 2026.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu f’isem l-Unjoni huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dak il-Protokoll (10).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1764 tat-13 ta’ Ġunju 2024 li tawtorizza lill-Kummissjoni tipparteċipa, f’isem l-Unjoni Ewropea, fin-negozjati dwar protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn attività Kriminali u dwar l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (ĠU L, 2024/1764, 24.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1764/oj).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2024/1260 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi (ĠU L, 2024/1260, 2.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1260/oj).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L, 2024/1640, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1640/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1805/oj).

(5)  Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/42/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2003/577/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal- 24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2005/212/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/GAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2006/783/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(10)  It-test tal-Protokoll ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2355/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)