KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fl‑20 ta’ April 2023 ( 1 )

Kawża C‑830/21

Syngenta Agro GmbH

vs

Agro Trade Handelsgesellschaft mbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Artikolu 28 – Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-użu – Artikolu 52 – Kummerċ parallel – Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 547/2011 – Artikolu 1 – Punt 1(b) u (f) tal-Anness I – Rekwiżiti tal-ittikkettjar – Isem u indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni – Numru tal-lott tal-formulazzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 547/2011 ( 2 ), moqri flimkien mal-punt 1(b) u (f) tal-Anness I tiegħu. Dan ir-regolament jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ( 3 ) f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

2.

Dan ir-rinviju sar fi proċeduri bejn Syngenta Agro GmbH (iktar ’il quddiem ir-“appellanti”) u Agro Trade Handelsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem il-“appellata”), li oriġinaw minn tilwima dwar l-importazzjoni parallela fil-Ġermanja ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ġew awtorizzati sabiex jitqiegħdu fis-suq mir-appellanti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

3.

Fil-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina sa fejn ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, huma applikabbli wkoll għal sitwazzjoni ta’ kummerċ parallel ta’ dan il-prodott, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Ir‑Regolament Nru 1107/2009

4.

Il-premessi 8, 9, 24, 31, 42, 44 u 45 tar-Regolament Nru 1107/2009 jgħidu:

“8.

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jassigura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll dik tal-annimali u tal-ambjent u fl-istess ħin li jissalvagwardja l-kompetittività tal-agrikoltura Komunitarja. […]

9.

Sabiex jitneħħew, safejn huwa possibbli, l-ostakoli għall-kummerċ fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jeżistu minħabba l-livelli differenti ta’ protezzjoni fl-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi wkoll regoli armonizzati għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti gall-protezzjoni tal-pjanti, inklużi r-regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet u dwar il-kummerċ parallel. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa għalhekk li jiżdiedu l-moviment liberu ta’ tali prodotti u d-disponibbiltà ta’ dawn il-prodotti fl-Istati Membri.

[…]

24.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw standard għoli ta’ protezzjoni. B’mod partikolari, meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-objettiv tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent għandu jieħu prijorità fuq l-objettiv li titjieb il-produzzjoni tal-pjanti. Għalhekk, għandu jintwera, qabel ma l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħdu fis-suq, li dawn joffru benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li m’għandhom ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, inkluż dik ta’ gruppi vulnerabbli, jew xi effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent.

[…]

31.

Fejn jiġu awtorizzati prodotti identiċi għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stati Membri differenti, f’dan ir-Regolament għandha tiġi prevista proċedura simplifikata biex jingħata permess kummerċjali parallel, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ ta’ tali prodotti bejn l-Istati Membri.

[…]

42.

Id-Direttiva 1999/45/KE [ ( 4 )] […] tapplika għall-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Madankollu, biex tittejjeb aktar il-protezzjoni tal-utenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tal-konsumaturi tal-pjanti u tal-prodotti tal-pjanti u tal-ambjent, huma xierqa iktar regoli speċifiċi li jqisu l-kondizzjonijiet speċifiċi tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

[…]

44.

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar iż-żamma tar-rekords u l-informazzjoni dwar l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, sabiex jiżdied il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent billi tkun żgurata t-traċċabbiltà tal-espożizzjoni potenzjali, tiżdied l-effiċjenza tal-monitoraġġ u l-kontroll u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma.

45.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-arranġamenti għall-kontroll u l-ispezzjoni fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni korretta, sigura u armonizzata tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni kemm għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent.”

5.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Suġġett u għan”, jipprevedi:

“[…]

3.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola.

[…]”

6.

L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

10.

‘awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti’ tfisser att amministrattiv li permezz tiegħu l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħha;

[…]

24.

‘detentur ta’ awtorizzazzjoni’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti;

[…]”

7.

L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-użu”, jipprevedi:

“1.   Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti m’għandux jitqiegħed fis-suq jew jintuża ħlief jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat skont dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-ebda awtorizzazzjoni m’għandha tkun meħtieġa fil-każijiet li ġejjin:

[…]

(e)

it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom ingħata permess kummerċjali parallel skont l-Artikolu 52.”

8.

L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq”, jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 50 prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiġi awtorizzat biss meta skont il-prinċipji uniformi msemmija fil-paragrafu 6 dan jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

[…]”

9.

L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew emenda ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Applikant li jixtieq iqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu japplika għal awtorizzazzjoni jew emenda ta’ awtorizzazzjoni huwa stess jew permezz ta’ rappreżentant, għand kull Stat Membru fejn hemm il-ħsieb li dak il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħed fis-suq.

[…]

3.   Flimkien mal-applikazzjoni għandu jkun hemm dan li ġej:

[…]

(g)

abbozz ta’ tikketta.”

10.

L-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Irtirar jew emenda ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 3 u 4:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jirrevedu awtorizzazzjoni fi kwalunkwe ħin fejn ikun hemm indikazzjonijiet li ħtieġa msemmija fl-Artikolu 29 m’għadhiex sodisfatta.

[…]

3.   L-Istat Membru għandu jirtira jew jemenda l-awtorizzazzjoni, kif xieraq, fejn:

(a)

ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 29 mhumiex jew m’għadhomx jiġu sodisfatti;

(b)

tkun ingħatat informazzjoni falza jew qarrieqa dwar il-fatti li abbażi tagħhom ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(c)

kondizzjoni inkluża fl-awtorizzazzjoni ma ġietx sodisfatta;

(d)

fuq il-bażi tal-iżviluppi fl-għarfien xjentifiku u tekniku, il-mod kif jintużaw u l-ammonti li jintużaw jistgħu jiġu modifikati; jew

(e)

id-detentur tal-awtorizzazzjoni jonqos milli jikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament.

4.   Fejn Stat Membru jirtira jew jemenda awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 3, għandu jinforma immedjatament lid-detentur tal-awtorizzazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni [Ewropea] u lill-Awtorità [Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel] […]”

11.

L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Kummerċ parallel”, jipprevedi:

“1.   Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun awtorizzat fi Stat Membru wieħed (Stat Membru ta’ oriġini) jista’, soġġett għall-għoti ta’ permess kummerċjali parallel, jiġi introdott, imqiegħed fis-suq jew użat fi Stat Membru ieħor (Stat Membru ta’ introduzzjoni), jekk dan l-Istat Membru jiddetermina li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti huwa identiku fil-kompożizzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti diġà awtorizzat fit-territorju tiegħu (prodott ta’ referenza). L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni.

2.   Minn meta tiġi rċevuta applikazzjoni kompluta, għandu jingħata permess kummerċjali parallel bi proċedura simplifikata […] jekk il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għandu jiġi introdott huwa identiku fit-termini tal-paragrafu 3 […]

3.   Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jitqiesu bħala identiċi għall-prodotti ta’ referenza jekk:

(a)

huma ġew manifatturati mill-istess kumpannija jew minn impriża assoċjata jew taħt liċenzja skont l-istess proċess ta’ manifattura;

(b)

huma identiċi fl-ispeċifikazzjoni u l-kontenut mas-sustanzi attivi, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti, u fit-tip ta’ formulazzjoni; u

(c)

huma jew l-istess jew ekwivalenti fil-ko-formulanti preżenti u d-daqs, il-materjal jew il-forma tal-imballaġġ, f’termini tal-impatt negattiv potenzjali fuq is-sigurtà tal-prodott fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent.

4.   L-applikazzjoni għal permess kummerċjali parallel għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Istat Membru ta’ oriġini;

(b)

l-Istat Membru ta’ oriġini;

(c)

l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini;

(d)

it-tikketta u l-istruzzjonijiet oriġinali għall-użu li bihom il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jrid jiġi introdott huwa distribwit fl-Istat Membru ta’ oriġini jekk huwa meqjus bħala meħtieġ għall-eżami mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni. Din l-awtorità kompetenti tista’ titlob traduzzjoni tal-partijiet rilevanti tal-istruzzjonijiet għal użu oriġinali;

(e)

l-isem u l-indirizz tal-applikant;

(f)

l-isem li jrid jingħata lill-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jrid jiġi distribwit fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni;

(g)

abbozz tat-tikketta għall-prodott li huwa ppjanat li jitqiegħed fis-suq;

(h)

kampjun tal-prodott li huwa ppjanat li jiġi introdott jekk ikun meqjus meħtieġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni;

(i)

l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-prodott ta’ referenza.

[…]

5.   Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih inħareġ permess kummerċjali parallel għandu jitqiegħed fis-suq u jiġi użat biss skont id-dispożizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza. Biex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ u l-kontrolli, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rekwiżiti ta’ kontroll speċifiċi għall-prodott li għandu jiġu introdott f’Regolament imsemmi fl-Artikolu 68.

6.   Il-permess kummerċjali parallel għandu jkun validu għat-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza. Jekk id-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza japplika għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 45(1) u r-rekwiżiti tal-Artikolu 29 għadhom sodisfatti, il-validità tal-permess kummerċjali parallel għandha tiskadi sad-data li fiha l-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza kellha normalment tiskadi.

7.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 44, 45, 46 u 55 u l-Artikolu 56(4) u l-Kapitoli VI sa X għandhom japplikaw għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma l-oġġett ta’ kummerċ parallel b’mod korrispondenti.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44, il-permess għall-kummerċ parallel jista’ jiġi irtirat jekk l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti introdott huwa rtirat fl-Istat Membru ta’ oriġini minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ effikaċja.

9.   Fejn il-prodott mhuwiex identiku fit-termini tal-paragrafu 3, għall-prodott ta’ referenza, l-Istat Membru ta’ introduzzjoni jista’ jagħti biss l-awtorizzazzjoni meħtieġa għat-tqegħid fis-suq u l-użu skont l-Artikolu 29.

[…]

11.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 63, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni rigward il-permessi għal kummerċ parallel tan-negozju.”

12.

L-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”, jipprevedi:

“Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jintużaw kif suppost.

L-użu kif suppost għandu jinkludi l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-prattika tal-protezzjoni tal-pjanti tajba u konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 31 u speċifikati fuq it-tikkettar […]”

13.

L-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Informazzjoni dwar l-effetti potenzjalment ta’ ħsara jew effetti inaċċettabbli”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 4:

“Id-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jirrapporta kull sena lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jawtorizzaw il-prodott tiegħu għall-protezzjoni tal-pjanti jekk għandu kwalunkwe informazzjoni disponibbli li tirrelata man-nuqqas tal-effikaċja mistennija, mal-iżvilupp ta’ reżistenza u ma’ kwalunkwe effett mhux mistenni fuq il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew l-ambjent.”

14.

L-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Tikkettar”, jistabbilixxi:

“1.   It-tikkettar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jinkludi r-rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni, tikkettar u imballaġġ tad-[Direttiva 1999/45] u għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f’Regolament adottat skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 79(4).

[…]”

2. Ir-Regolament Nru 547/2011

15.

Skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 547/2011.

16.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011 jipprevedi:

“It-tikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jikkonforma mar-rekwiżiti, kif stipulati fl-Anness I, u jinkludu, fejn xieraq, il-frażijiet standard għar-riskji speċjali għas-saħħa tal-bniedem jew dik tal-annimali jew għall-ambjent, kif stipulat fl-Anness II, u l-frażijiet standard għall-prekawzjonijiet tas-sikurezza għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew dik tal-annimali jew tal-ambjent, kif stipulat fl-Anness III.”

17.

L-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, intitolat “Rekwiżiti ta’ tikkettjar kif imsemmi fl-Artikolu 1”, jipprevedi kif ġej:

“(1) L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq l-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti:

[…]

(b)

l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni u n-numru tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u, jekk ikun differenti, l-isem u l-indirizz tal-persuna responsabbli għall-imballaġġ finali u t-tikkettjar jew għat-tikkettjar finali tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fis-suq;

[…]

(f)

in-numru tal-lott tal-formulazzjoni u d-data tal-produzzjoni;

[…]”

3. Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008

18.

Id-Direttiva 1999/45, kif imsemmija fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, ġiet imħassra u ssostitwita bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 ( 5 ).

19.

Il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1272/2008 tgħid:

“Sabiex ikun żgurat li l-klijenti jirċievu informazzjoni dwar -perikli, il-fornituri ta’ sustanzi u taħlitiet għandhom jiżguraw li dawn ikunu ttikkettati u imballati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament qabel ma jqiegħduhom fis-suq, skond il-klassifikazzjoni derivata […]”

20.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Għan u Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, taħlitiet u oġġetti kif imsemmija fl-Artikolu 4(8) billi:

[…]

(b)

jipprovdi obbligu:

[…]

(ii)

għall-fornituri li jittikkettaw u jimballaw is-sustanzi u t-taħlitiet imqiegħda fis-suq;

[…]”

21.

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi kif ġej:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

26. ‘fornitur’ tfisser kwalunkwe manifattur, importatur, utent ‘downstream’ jew distributur li jqiegħdu fis-suq sustanza, waħedha jew f’taħlita, jew taħlita;

[…]”

22.

Fit-Titolu III ta’ dan ir-regolament, dwar il-“Komunikazzjoni ta’ periklu fil-forma ta’ ttikkettar”, l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprevedi:

“1.   Sustanza jew taħlita klassifikata bħala perikoluża u li tkun tinsab fl-imballaġġ għandu jkollha tikketta li tkun tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon tal-fornitur(i);

[…]”

B.   Id‑dritt Ġermaniż

23.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(4) tal-Gesetz zum Schutz der Kulturpflanzen (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti Kkultivati) jistabbilixxi r-regola li ġejja għall-kummerċ parallel ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti:

“Id-detenturi ta’ permess li ma jużawx in-numru tal-lott tad-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti importat b’mod parallel għat-tikketta msemmija fl-Artikolu 47(1) għandhom iżommu reġistru, li għandu jinżamm għal mill-inqas ħames snin, li jindika l-korrelazzjoni bejn in-numru tal-lott li jużaw u n-numri tal-lott tad-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti importat b’mod parallel.”

III. Il‑fatti fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

24.

L-appellanti hija kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-grupp Syngenta, li timmanifattura u tiddistribwixxi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħra tal-Unjoni. L-appellata hija kumpannija kummerċjali fis-settur agrikolu li tiddistribwixxi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, inklużi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti importati b’mod parallel.

25.

Dawn il-prodotti importati b’mod parallel jinkludu l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tal-appellanti. L-appellata tiddistribwixxihom fil-Ġermanja minn Stati Membri terzi, fil-kanisters oriġinali mhux miftuħa tal-appellanti, li fuqhom hija tissostitwixxi t-tikketta oriġinali bit-tikketta tagħha stess li teħel. Din it-tikketta tinkludi informazzjoni dwar l-appellata bħala importatriċi u distributriċi, iżda mhux dwar l-appellanti bħala detentriċi tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Istat Membru ta’ oriġini. L-appellata tissostitwixxi wkoll in-numru tal-lott tal-formulazzjoni oriġinali tal-manifattur bin-numru ta’ identifikazzjoni tagħha stess u żżomm reġistru li juri l-korrelazzjoni bejn in-numru ta’ identifikazzjoni li tkun allokat u n-numru tal-lott oriġinali.

26.

F’rikors quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), adita bil-kawża fl-ewwel istanza, l-appellanti sostniet li, bl-aġir tagħha, il-appellata kisret l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, moqri flimkien mal-punt 1(b) u (f) tal-Anness I tiegħu. Hija għalhekk talbet digriet li jobbliga lill-appellata tieqaf tqiegħed fis-suq fil-Ġermanja l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tagħha li ġew importati b’mod parallel: (i) fejn l-informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, imwaħħla mal-imballaġġ oriġinali tkun tneħħiet u/jew (ii) fejn in-numru tal-lott tal-formulazzjoni stampat fuq l-imballaġġ oriġinali jkun tneħħa u ssostitwit minn numru ta’ identifikazzjoni ieħor. Fir-rigward ta’ dawn it-talbiet, l-appellanti talbet lil din il-qorti tobbliga lill-appellata tipprovdilha informazzjoni, tħallas id-danni u tirrimborsa l-ispejjeż tal-proċedura prekontenzjuża.

27.

Il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) laqgħet it-talba tal-appellanti fuq il-bażi tal-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni. Madankollu, hija ċaħdet it-talba fuq il-bażi tal-punt 1(f) ta’ dan l-anness, fir-rigward tan-numru tal-lott tal-formulazzjoni. Kemm l-appellanti kif ukoll l-appellata appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju fil-kawża ineżami.

28.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ksur tar-rekwiżiti tal-ittikkettjar stabbiliti mir-Regolament Nru 547/2011 jista’ jservi bħala raġuni valida sabiex jintlaqgħu t-talbiet tal-appellanti skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, jiġifieri l-Gesetz gegen den unlauteren Wettbeweb (il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni Żleali). Madankollu, hija għandha dubji dwar l-interpretazzjoni xierqa tal-punt 1(b) u (f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, sa fejn dan ir-regolament ma jipprevedi l-ebda regola speċifika f’dak li jirrigwarda l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu s-suġġett ta’ kummerċ parallel. Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’, kif issostni l-appellanti, issostni l-fehma li huwa neċessarju li jiġi indikat, fuq it-tikketta tal-prodott importat, kemm l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru tal-oriġini kif ukoll in-numru tal-lott tal-formulazzjoni oriġinali, l-għanijiet tar-Regolament Nru 1107/2009 f’dak li jirrigwarda l-kummerċ parallel jistgħu wkoll jippermettu interpretazzjoni iktar wiesgħa, kif issostni l-appellata.

29.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1 u tal-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament [Nru 547/2011] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ importazzjoni parallela ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini, li minnu kien ġie importat il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, għandhom jidhru fuq l-imballaġġ matul id-distribuzzjoni tal-imsemmi prodott fi Stat Membru ieħor?

2)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1 u tal-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament [Nru 547/2011] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ importazzjoni parallela ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, in-numru tal-lott inizjalment mogħti mill-produttur għandu imperattivament jidher mingħajr tibdil fuq l-imballaġġ, jew id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jippermettu lill-importatur parallel li jneħħi n-numru ta’ lott inizjali u li jwaħħal fuq l-imballaġġ numru ta’ identifikazzjoni tiegħu stess, peress li jżomm reġistru li jqiegħed f’korrelazzjoni n-numri ta’ lott użati minnu ma’ dawk tad-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett tal-importazzjoni parallela?”

30.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Diċembru 2021. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni. Ma nżammet l-ebda seduta fil-kawża.

IV. Evalwazzjoni

31.

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, moqri flimkien mal-punt 1(b) u (f) tal-Anness I tiegħu, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk importatur li jintroduċi u jqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, fuq il-bażi ta’ permess kummerċjali parallel, huwiex obbligat li jżomm fuq it-tikketta tiegħu l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ dan il-prodott fl-Istat Membru ta’ oriġini (l-ewwel domanda) u n-numru tal-lott tal-formulazzjoni inizjalment ipprovdut mill-manifattur (it-tieni domanda), jew jekk dan l-importatur jistax jissostitwixxi dawn ir-riferimenti bir-riferimenti tiegħu stess.

A.   Fuq l‑ewwel domanda

32.

L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, moqri flimkien mal-punt 1(b) tal-Anness I tiegħu.

33.

Preliminarjament, infakkar li, sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-kummerċ eżistenti minħabba l-livelli differenti ta’ protezzjoni fl-Istati Membri, ir-Regolament Nru 1107/2009 jistabbilixxi regoli armonizzati għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ( 6 ).

34.

Dan it-tqegħid fis-suq huwa ġeneralment suġġett, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Applikant li jixtieq iqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu japplika għal awtorizzazzjoni f’kull Stat Membru fejn il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti huwa maħsub biex jitqiegħed fis-suq ( 7 ). Fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni, l-Istat Membru għandu jeżamina jekk ir-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Nru 1107/2009 għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti – prinċipalment dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament – humiex issodisfatti ( 8 ).

35.

L-eżami mwettaq mill-Istat Membru jkopri wkoll ir-rekwiżiti applikabbli għall-ittikkettjar ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

36.

Għal dan l-għan, ir-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn abbozz ta’ tikketta ( 9 ). Ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar applikabbli għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma dawk li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1272/2008, li ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 1999/45 ( 10 ), kif ukoll dawk iddefiniti mill-Kummissjoni fir-Regolament Nru 547/2011, wara l-mandat espliċitu stabbilit f’dan ir-rigward mill-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 ( 11 ). B’mod partikolari, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011 jistabbilixxi li l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu josserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tiegħu, li jeżiġi, min-naħa tiegħu, l-inklużjoni ta’ ċerta informazzjoni “b’mod ċar u li ma jitħassarx” fuq l-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Skont il-punt 1(b) ta’ dan anness, din l-informazzjoni tinkludi “l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni”.

37.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li, sabiex jikseb awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-applikant għandu jipprovdi inter alia, fl-applikazzjoni tiegħu, abbozz ta’ tikketta li tindika l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni ( 12 ). Huwa biss jekk din l-informazzjoni tintwera b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott li tista’ tingħata awtorizzazzjoni mill-Istat Membru li fih ikun maħsub li jitqiegħed fis-suq.

38.

Madankollu, l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu diversi derogi. Dawn id-derogi huma elenkati fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, li jkopri, inter alia, it-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih inħareġ permess kummerċjali parallel skont l-Artikolu 52 tiegħu.

39.

Kif tispjega l-Kummissjoni, id-Direttiva 91/414/KEE ( 13 ), li tħassret bir-Regolament Nru 1107/2009 ( 14 ), ma kienet tinkludi l-ebda dispożizzjoni espressa dwar il-kummerċ parallel. Madankollu, fis-sentenza British Agrochemicals Association ( 15 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tqegħid fis-suq ta’ Stat Membru ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat fi Stat Membru ieħor ma għandux jeħtieġ awtorizzazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari meta l-prodott jikkorrispondi essenzjalment għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni ( 16 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll li l-kummerċ parallel ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun suġġett biss għal proċedura ssemplifikata, intiża, essenzjalment, sabiex tiżgura l-osservanza tal-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent ( 17 ).

40.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 1107/2009 inkorpora l-Artikolu 52, li fit-titolu “Kummerċ parallel”, għandu l-għan li jiffaċilita l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ( 18 ).

41.

Essenzjalment, l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009 jkopri sitwazzjonijiet li fihom prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat fi Stat Membru (Stat Membru ta’ oriġini) jitqiegħed fis-suq ta’ Stat Membru ieħor (Stat Membru ta’ introduzzjoni) meta tkun diġà teżisti awtorizzazzjoni għal prodott identiku (prodott ta’ referenza) ( 19 ). F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni timponi l-għoti ta’ permess kummerċjali parallel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni, li jinħareġ fi tmiem proċedura ssemplifikata li fiha għandha tiġi vverifikata l-identiċità tal-prodott li huwa s-suġġett tal-kummerċ parallel u tal-prodott ta’ referenza ( 20 ).

42.

Madankollu, ir-Regolament Nru 1107/2009 ma jgħid xejn dwar ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar applikabbli għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma s-suġġett ta’ kummerċ parallel u, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-ewwel domanda magħmula fil-kawża ineżami, li hija dik dwar jekk l-imballaġġ ta’ dawn il-prodotti għandux jinkludi l-informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini.

43.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, kif ukoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti ( 21 ).

44.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, nirrileva li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011 u lanqas dik tal-punt 1(b) tal-Anness I tiegħu ma jindikaw jekk l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini għandhomx jiġu indikati fuq l-imballaġġ ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fil-kuntest tal-importazzjoni parallela tiegħu fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni. L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1107/2009 lanqas ma jipprovdi ċarezza f’dan ir-rigward.

45.

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 52(7) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi espressament l-applikazzjoni tal-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Imballaġġ, tikkettar u reklamar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-aġġuvanti”, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma s-suġġett ta’ kummerċ parallel. Dan l-artikolu jispeċifika li dan il-kapitolu għandu jiġi applikat “b’mod korrispondenti”.

46.

Nirrileva li l-Kapitolu VII tar-Regolament Nru 1107/2009 jinkludi, inter alia, l-Artikolu 65(1) tiegħu, li, kif diġà ġie indikat, jipprevedi li l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu josserva r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 547/2011 ( 22 ). Għaldaqstant, mill-Artikolu 52(7) tar-Regolament Nru 1107/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 65(1) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, kif ukoll il-punt 1(b) tal-Anness I tiegħu, huma applikabbli għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma s-suġġett ta’ kummerċ parallel.

47.

Madankollu, l-użu tat-terminu “b’mod korrispondenti” fil-formulazzjoni tal-Artikolu 52(7) tar-Regolament Nru 1107/2009 ma għandux jiġi injorat. Fil-fatt, din il-frażi avverbjali ( 23 ) tissuġġerixxi li r-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar applikabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, permezz ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, jistgħu jiġu adattati jekk ikun meħtieġ sabiex jikkorrispondu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kummerċ parallel ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ( 24 ).

48.

Konsegwentement, tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk il-kummerċ parallel ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, kif stabbilit mill-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, ifissirx li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, kif ukoll il-punt 1(b) tal-Anness I tiegħu, għandhomx jiġu interpretati u applikati b’mod differenti fil-kuntest tat-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009.

49.

Il-partijiet esprimew opinjonijiet differenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom f’dan ir-rigward. Filwaqt li l-Gvern Taljan u l-appellanti jqisu li ż-żewġ sitwazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżiti ta’ ttikkettjar identiċi, inkluż ir-riferiment għall-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru tal-oriġini; ir-Repubblika tal-Greċja, il-Kummissjoni u l-appellata jqisu, essenzjalment, li awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, minn naħa, u permess kummerċjali parallel, min-naħa l-oħra, huma miżuri amministrattivi ta’ natura differenti, bir-riżultat li r-rekwiżit fil-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 għandu jiġi adattat waqt il-kunsiderazzjoni tal-kummerċ parallel. Nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta din l-aħħar interpretazzjoni.

50.

Kif diġà ġie spjegat, ir-rekwiżit ta’ ttikkettjar li jirrigwarda l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ awtorizzazzjoni, li japplika għal sitwazzjonijiet irregolati mill-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, jirriżulta mill-fatt li huwa preċiżament dan id-detentur li huwa responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju ta’ Stat Membru. Fil-fatt, kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 3(10) u (24) tar-Regolament Nru 1107/2009, hija din il-persuna fiżika jew ġuridika li hija awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, permezz ta’ miżura amministrattiva speċifika, li tqiegħed dan il-prodott fis-suq għall-ewwel darba wara verifika tal-osservanza tar-rekwiżiti applikabbli fil-kuntest tal-proċedura prevista minn dan ir-regolament ( 25 ).

51.

Għall-kuntrarju, fil-każ tal-kummerċ parallel, ibbażat fuq l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, huwa d-detentur tal-permess kummerċjali parallel li huwa responsabbli għat-tqegħid fis-suq tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni wara evalwazzjoni tal-identiċità bejn il-prodott ta’ introduzzjoni u l-prodott ta’ referenza ( 26 ). Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Agrimotion ( 27 ), il-permess kummerċjali parallel għandu natura personali, li jfisser, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa biss id-detentur ta’ permess kummerċjali parallel li jista’ jqiegħed fis-suq il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat fl-Istat Membru li jkun ħareġ dan il-permess ( 28 ).

52.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li, anki jekk awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, minn naħa, u permess kummerċjali parallel maħruġ skont l-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, min-naħa l-oħra, għandhom rwol simili ( 29 ), l-ewwel miżura torbot lid-detentur tagħha mal-Istat Membru ta’ oriġini, filwaqt li t-tieni waħda torbot lid-detentur tiegħu mal-Istat Membru ta’ introduzzjoni. F’dan il-kuntest, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Istat Membru ta’ oriġini ma jistax jitqies li jikkostitwixxi dritt sekondarju għad-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni. Barra minn hekk, kif issostni l-appellata, peress li, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 ( 30 ), il-kummerċ parallel ma jeżiġix “awtorizzazzjoni” fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni, iżda biss il-ħruġ ta’ permess kummerċjali parallel, l-ebda “detentur ta’ awtorizzazzjoni” f’dan l-Istat Membru ma jista’ jitqies bħala eżistenti f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-prodott li huwa s-suġġett tal-kummerċ parallel, li jfisser li l-ebda riferiment għal tali detentur fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott ma huwa neċessarju.

53.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma, konformement mal-pożizzjoni adottata mir-Repubblika tal-Greċja, il-Kummissjoni u l-appellata, li r-rekwiżit stabbilit fil-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 li jirreferi għall-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi mifhum, f’sitwazzjoni ta’ kummerċ parallel, bħala li jirreferi għall-isem u l-indirizz tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel ( 31 ).

54.

Nippreċiża li l-interpretazzjoni preċedenti hija wkoll konsistenti mar-Regolament Nru 1272/2008, li, kif ġie indikat, huwa applikabbli wkoll għall-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 ( 32 ).

55.

Fil-fatt, l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 1272/2008 jistabbilixxi li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi billi jipprevedi obbligu “għall-fornituri li jittikkettaw u jimballaw is-sustanzi u t-taħlitiet imqiegħda fis-suq” ( 33 ). B’mod iktar preċiż, fit-Titolu III tar-Regolament Nru 1272/2008, dwar “Komunikazzjoni ta’ periklu fil-forma ta’ ttikkettar”, l-Artikolu 17(1)(a) tiegħu jipprevedi li sustanza jew taħlita kklassifikati bħala perikolużi u li jkunu jinsabu fl-imballaġġ għandu jkollhom tikketta li tinkludi “l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon tal-fornitur”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2(26) tar-Regolament Nru 1272/2008 jiddefinixxi l-kelma “fornitur” bħala kwalunkwe manifattur, importatur, utent “downstream”jew distributur li jqiegħed fis-suq sustanza, waħidha jew f’taħlita.

56.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-manifattur jew l-importatur tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiġi indikat fuq it-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, iżda mhux it-tnejn, li jeskludi l-argument prinċipali mressaq mill-appellanti fil-kawża prinċipali, jiġifieri li kemm l-informazzjoni dwar id-detentur tal-awtorizzazzjoni kif ukoll dik dwar id-detentur tal-permess kummerċjali parallel għandhom jidhru fuq it-tikketta ta’ dawn il-prodotti.

57.

Qari sistematiku u kuntestwali tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1107/2009, li wkoll jieħu inkunsiderazzjoni r-Regolament Nru 1272/2008, iwassal biex jiġi kkunsidrat li l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Istat Membru ta’ oriġini ma għandhomx għalfejn jiġu indikati fuq it-tikketta tal-imsemmija prodotti meta jkunu s-suġġett ta’ kummerċ parallel. Għall-kuntrarju, qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet iwassal għall-konklużjoni li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, flimkien mal-punt 1(b) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġi biss li fuq it-tikketta jiġu indikati l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel.

58.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, huwa importanti li jiġi rrilevat li, skont il-premessi 8 u 9 tar-Regolament Nru 1107/2009, dan ir-regolament isegwi għanijiet differenti. Minn naħa, huwa għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u, fl-istess ħin, li jipproteġi l-kompetittività tal-agrikoltura tal-Unjoni ( 34 ). Min-naħa l-oħra, huwa għandu l-għan li jżid il-moviment liberu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u d-disponibbiltà tagħhom fl-Istati Membri billi jelimina d-differenzi fil-livell ta’ protezzjoni fl-Istati Membri u billi jarmonizza, b’mod partikolari, ir-regoli dwar il-kummerċ parallel ta’ dawn il-prodotti. Dawn iż-żewġ għanijiet huma espressament riprodotti fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1107/2009, li jirreferi wkoll għall-għan ta’ titjib tal-produzzjoni agrikola ( 35 ).

59.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent, għandu jitfakkar, l-ewwel, li, skont l-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1107/2009, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih ingħata permess kummerċjali parallel għandu jitqiegħed fis-suq u jintuża biss konformement mad-dispożizzjonijiet u mar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza. Dan ifisser li l-permess kummerċjali parallel għandu jissodisfa d-dispożizzjonijiet, ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni ( 36 ). Skont loġika simili, l-Artikolu 52(6) tar-Regolament Nru 1107/2009 jippreċiża barra minn hekk li l-validità ta’ permess kummerċjali parallel hija limitata għall-validità tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott ta’ referenza identiku.

60.

Għalhekk, kemm għall-konsumatur tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni jew għall-awtoritajiet kompetenti tiegħu – li huma inkarigati bid-dmir li jiżguraw l-implimentazzjoni korretta, sigura u armonizzata tar-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 1107/2009 – ( 37 ), l-unika informazzjoni rilevanti sabiex jiġi żgurat li prodott li huwa s-suġġett ta’ kummerċ parallel jitqiegħed fis-suq u jintuża bl-istess mod bħall-prodott ta’ referenza hija l-informazzjoni dwar il-permess kummerċjali parallel ( 38 ). Din l-informazzjoni tinkludi l-isem u l-indirizz tad-detentur tiegħu, li, kif indikat qabel, huwa l-uniku responsabbli għat-tqegħid fis-suq tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni ta’ dan il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti partikolari ( 39 ). Minn din il-perspettiva, l-informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini ssir, fil-fehma tiegħi, superfluwa.

61.

Barra minn hekk, kif issostni l-appellata, obbligu li jiġi indikat l-isem tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini jista’ jwassal għal eżitu li bl-ebda mod ma jkun ideali għall-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent. Finalment, tali indikazzjoni tista’ tiżgwida lill-utenti, li jistgħu jiġu ggwidati sabiex ifittxu informazzjoni dwar ir-rekwiżiti relatati mal-applikazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat fl-Istat Membru ta’ oriġini, bil-fehma li dawn l-indikazzjonijiet kienu wkoll vinkolanti għalihom. Madankollu, kif ġie indikat, ir-rekwiżiti dwar l-applikazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti – li jikkonċernaw, pereżempju, ir-raba’ li għaliha għandu jiġi applikat, id-dożi, in-numru ta’ applikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni – jistgħu jvarjaw f’kull Stat Membru ( 40 ). Għalhekk jeżisti riskju li dan il-prodott jintuża b’mod li josserva d-dispożizzjonijiet, ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet tal-Istat Membru ta’ oriġini, minflok dawk tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni.

62.

It-tieni, huwa minnu li, skont l-Artikolu 52(8) tar-Regolament Nru 1107/2009, permess kummerċjali parallel jista’ jiġi rtirat jekk l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti introdott tiġi rtirata fl-Istat Membru ta’ oriġini minħabba kwistjonijiet ta’ sigurtà jew ta’ effikaċja. F’dan il-kuntest, l-indikazzjoni tal-isem u tal-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni f’dak l-Istat Membru fuq it-tikketta tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti tista’ tidher rilevanti.

63.

Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-awtorità kompetenti li toħroġ il-permess kummerċjali parallel fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni għandha l-informazzjoni neċessarja għad-dispożizzjoni tagħha li tippermetti li tiġi rrintraċċata direttament l-oriġini ta’ prodott importat lura sad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini. Din l-informazzjoni speċifika hija meħtieġa b’mod espliċitu mill-Artikolu 52(4)(a) sa (c) tar-Regolament Nru 1107/2009, li għalhekk għandha tiġi pprovduta meta ssir l-applikazzjoni għal permess kummerċjali parallel.

64.

Għaldaqstant, jekk l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti introdott tiġi rtirata fl-Istat Membru ta’ oriġini, li tikkostitwixxi informazzjoni li għandha tintbagħat minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra ( 41 ), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni tista’ tirtira l-permess parallel inkwistjoni. Dan ifisser li t-tfixkil potenzjali tas-sigurtà jew tal-effikaċja tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat fl-Istat Membru ta’ oriġini ma jiġġustifikax devjazzjoni minn interpretazzjoni li t-tikketta ta’ dan il-prodott fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni għandha tindika biss l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-permess parallel.

65.

It-tielet, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 52(7) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-Artikolu 44 u l-Artikolu 56(4) ta’ dan ir-regolament japplikaw ukoll, b’mod korrispondenti, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma s-suġġett ta’ kummerċ parallel. Skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, permess kummerċjali parallel jista’ jiġi rtirat jew emendat f’ċerti każijiet, li, essenzjalment, jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll l-ambjent jistgħu jiġu mhedda. Min-naħa tagħha, it-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tistabbilixxi obbligu annwali li tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar in-nuqqas ta’ effikaċja mistennija, l-iżvilupp ta’ reżistenza u kwalunkwe effett mhux mistenni fuq il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew l-ambjent. Fiż-żewġ każijiet, huwa d-detentur tal-permess kummerċjali parallel li dan il-permess japplika għalih fil-kuntest tal-kummerċ parallel għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, li jiġġustifika l-indikazzjoni ta’ ismu u l-indirizz tiegħu fuq it-tikketta tal-prodott ikkonċernat. Għall-kuntrarju, id-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini jidher li ma għandu l-ebda rwol f’dan ir-rigward.

66.

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni li qiegħed nipproponi tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011 u tal-punt 1(b) tal-Anness I tiegħu, li jeżiġi, fil-kuntest tal-kummerċ parallel, li l-informazzjoni dwar id-detentur ta’ permess fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni tiġi indikata fuq it-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, minflok l-informazzjoni dwar id-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini, tidher li tissodisfa b’mod sħiħ l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent.

67.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 1107/2009 li jiżdied il-moviment liberu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, nillimita ruħi sabiex nirrileva li, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni ma hijiex ta’ natura li ttellef dan l-għan. Barra minn hekk, ma jidher li għandha l-ebda impatt (negattiv) fuq l-għanijiet tas-salvagwardja tal-kompetittività u t-titjib tal-agrikoltura fl-Unjoni stabbiliti fir-Regolament Nru 1107/2009.

68.

L-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati mill-kummerċ parallel ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma tikkontestax l-interpretazzjoni li tirriżulta mill-interpretazzjoni kuntestwali u sistematika ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet kif stabbilita fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għall-kuntrarju, indikazzjoni biss tal-isem u tal-indirizz tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel tippermetti livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, filwaqt li tirrispetta l-moviment liberu tal-imsemmija prodotti, bħala għanijiet ġenerali tar-Regolament Nru 1107/2009 ( 42 ).

69.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandi nikkonkludi li l-ebda wieħed mill-metodi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma wassalni sabiex inqis li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti suġġett għall-kummerċ parallel, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, għandu jindika fuq it-tikketta tiegħu l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini. B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1107/2009, moqri flimkien mal-punt 1(b) tal-Anness I tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li importatur li jintroduċi u jqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, fuq il-bażi ta’ permess kummerċjali parallel, jista’ jissostitwixxi din l-informazzjoni b’tiegħu.

B.   Fuq it-tieni domanda

70.

It-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, moqri flimkien mal-punt 1(f) tal-Anness I tiegħu. B’mod partikolari, kif diġà ġie indikat fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-qorti qiegħda tfittex gwida dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ tal-kummerċ parallel, in-numru tal-lott tal-formulazzjoni inizjalment allokat mill-manifattur lil prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jidher bħala tali fuq l-imballaġġ tiegħu. Il-qorti tar-rinviju titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti s-sostituzzjoni ta’ din l-informazzjoni mill-importatur ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti hijiex kompatibbli mar-Regolament Nru 1107/2009 u mar-Regolament Nru 547/2011, sakemm din il-persuna żżomm reġistru li juri l-korrelazzjoni bejn iż-żewġ numri tal-lott.

71.

Infakkar li l-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 jeżiġi li ċerta informazzjoni għandha tidher “b’mod ċar u li ma jitħassarx” fuq l-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Skont il-punt 1(f) ta’ dan l-anness, din l-informazzjoni tinkludi “in-numru tal-lott tal-formulazzjoni u d-data tal-produzzjoni”. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-istess prinċipji ta’ interpretazzjoni applikati fil-kuntest tal-ewwel domanda għandhom jintużaw fil-kuntest ta’ din id-domanda ( 43 ).

72.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, għandu jiġi nnotat, preliminarjament, li r-Regolament Nru 547/2011 ma jinkludi l-ebda definizzjoni tat-terminu “numru tal-lott”. Din id-definizzjoni tinsab madankollu f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti, pereżempju fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1280 ( 44 ), li jipprevedi li l-kunċett ta’ “lott” għandu jinftiehem bħala l-“kwantità ddefinita ta’ materjal tal-bidu, ta’ materjal tal-imballaġġ jew ta’ prodott ipproċessat fi proċess wieħed jew f’serje ta’ proċessi, sabiex ikun mistenni li jkun omoġenju” ( 45 ). Dan ir-regolament jirreferi għat-terminu “numru tal-lott” bħala “kombinazzjoni distintiva ta’ numri jew ta’ ittri li tidentifika lott uniku” ( 46 ). Dawn iż-żewġ definizzjonijiet jirriflettu l-komprensjoni ta’ dawn it-termini fil-lingwa komuni, b’tali mod li, kif jirrileva ġustament il-Gvern Awstrijak, huma jistgħu jitqiesu bħala punt ta’ riferiment xieraq sabiex jiġi interpretat il-punt 1(f) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.

73.

Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, is-sempliċi fatt li din teżiġi li jiġi indikat “in-numru tal-lott tal-formulazzjoni” tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jidher li jeskludi li dan in-numru jista’ jiġi ssostitwit b’riferiment ieħor. Barra minn hekk, il-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 mhux biss jirreferi għall-kunċett ta’ “numru tal-lott”, iżda jistabbilixxi ukoll li l-imballaġġ tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkollu n-“numru tal-lott tal-formulazzjoni”, li jifforma unità semantika iktar wiesgħa.

74.

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk rabta bejn, minn naħa, in-numru tal-lott mogħti mill-manifattur lil prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u, min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni speċifika ta’ dan il-prodott, jiġifieri, il-preparazzjoni jew is-soluzzjoni konkreta tiegħu ( 47 ). Min-naħa tagħha, din ir-rabta tissuġġerixxi li huwa tabilħaqq in-numru tal-lott attribwit mill-manifattur tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti inkwistjoni li jikkostitwixxi l-uniku riferiment li għandu jidher fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, u mhux, pereżempju, numru magħżul fid-diskrezzjoni ta’ importatur parallel.

75.

Finalment, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 jeżiġi mhux biss li jiġi inkluż in-“numru tal-lott tal-formulazzjoni” fuq l-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, iżda wkoll id-“data tal-produzzjoni” ta’ dan il-prodott, in-neċessità li jinżammu r-riferimenti oriġinali mogħtija mill-manifattur tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti tidher iktar evidenti.

76.

Kif diġà ġie spjegat, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011 u d-dispożizzjonijiet tal-Anness I tiegħu għandhom, skont l-Artikolu 52(7) tar-Regolament Nru 1107/2009, japplikaw “b’mod korrispondenti” għall-kummerċ parallel ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Madankollu, għall-kuntrarju tal-analiżi u l-konklużjoni li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ewwel domanda fil-kawża ineżami, naħseb li r-rekwiżit relatat man-numru ta’ lott oriġinali ma għandux jiġi adattat fil-kuntest tal-kummerċ parallel ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-kunsiderazzjoni tal-għanijiet ġenerali tar-Regolament Nru 1107/2009 u tar-Regolament Nru 547/2011.

77.

F’dan ir-rigward, għandi nenfasizza li l-għanijiet imfittxija mir-rekwiżit tal-ittikkettjar stabbilit fil-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, li huma wkoll konformi mal-għanijiet ġenerali tar-Regolament Nru 1107/2009 ( 48 ), huma li jippermettu, l-ewwel, it-traċċabbiltà ta’ prodott u, it-tieni, il-kontrolli mmirati. Din hija wkoll il-loġika espressa mid-dokument ta’ gwida ppubblikat mill-Kummissjoni dwar il-kummerċ parallel ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ( 49 ), li jistabbilixxi li l-indikazzjoni tan-numru tal-lott għandha “tiffaċilita l-ispezzjonijiet u t-traċċabbiltà ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ kummerċ parallel” ( 50 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

78.

F’dak li jirrigwarda speċifikament dawn l-għanijiet, in-numru tal-lott tal-formulazzjoni jippermetti li l-prodotti miġbura fl-istess lott jiġu rrintraċċati b’mod sempliċi u effettiv. Fil-fatt, il-prodotti kollha li għandhom l-istess numru tal-lott huma preżunti li għandhom l-istess kompożizzjoni u l-istess karatteristiċi. Konsegwentement, kif issostni l-appellanti, fil-każ ta’ anomalija fil-produzzjoni, il-prodotti kkonċernati jistgħu jiġu rtirati mis-suq b’mod immirat u immedjat. Fl-istess ħin, hija tiżgura li jkunu biss l-unitajiet ta’ dan il-prodott li n-numru tal-lott tagħhom jikkorrispondi għal-lott ikkonċernat li, fil-fatt, jiġu rtirati mis-suq.

79.

B’kuntrast ma’ dan, din it-traċċabbiltà tkun kompromessa jekk importatur parallel ikun awtorizzat jirtira n-numru tal-lott tal-formulazzjoni oriġinali u jissostitwixxih b’numru ta’ identifikazzjoni personali. F’tali każ, in-numru tal-lott tal-formulazzjoni oriġinali, li huwa l-uniku riferiment rilevanti għall-finijiet ta’ traċċabbiltà, l-ewwel għandu jiġi ddeterminat bi tqabbil mar-reġistru intern miżmum mill-importatur parallel u kwalunkwe rtirar ta’ prodott mis-suq isir iktar ikkumplikat. F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li, b’differenza mill-informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, li hija direttament għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni, dawn l-awtoritajiet jidher li ma għandhomx aċċess dirett għall-informazzjoni dwar ir-reġistru stabbilit mill-importatur. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni hija agħar għall-konsumaturi, li ma għandhomx aċċess għar-reġistru intern tal-importatur parallel u għalhekk ma jistgħux iqabblu l-lott imsemmi mal-prodott tagħhom.

80.

Fir-rigward tal-għan tal-ispezzjonijiet, huwa ċar li s-sostituzzjoni tan-numru oriġinali tal-lott tagħmilha wkoll iktar diffiċli li jitwettqu kontrolli mmirati. Tali kontrolli relatati mat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma intiżi li jiżguraw applikazzjoni korretta, sigura u armonizzata tar-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Nru 1107/2009 ( 51 ), sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent. Sa fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni ma għandhomx aċċess dirett għar-reġistru stabbilit mill-importatur parallel, tali kontroll jiġi magħmul iktar diffiċli, inkluż f’sitwazzjonijiet li jkunu urġenti.

81.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li interpretazzjoni teleoloġika, li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tar-Regolament Nru 1107/2009 u tar-Regolament Nru 547/2011 li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent, tissuġġerixxi li n-numru tal-lott tal-formulazzjoni inizjali ma jistax jiġi eskluż mill-imballaġġ ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u ssostitwit b’riferiment ieħor, anki jekk l-importatur parallel iżomm reġistru tan-numri tal-lott u ta’ referenza korrispondenti.

82.

F’dak li jirrigwarda l-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu, l-appellata ssostni li l-obbligu għal importatur li jżomm in-numru tal-lott oriġinali mogħti mill-manifatturi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ joħloq riskju ta’ abbuż min-naħa ta’ dawn tal-aħħar. Essenzjalment, l-appellata ssostni li, jekk l-oriġini tal-prodotti li huma s-suġġett tal-kummerċ parallel setgħet tiġi stabbilita minn dawn il-manifatturi, dawn jistgħu faċilment ifixklu l-kummerċ parallel billi jirrestrinġu, minnhom stess jew bi ftehim mad-distributuri tal-Istat Membru ta’ oriġini, il-provvista ta’ dawn il-prodotti lill-importatur. Dan iwassal, finalment, għall-kompartimentalizzazzjoni tas-suq tal-Unjoni.

83.

Madankollu, f’dan ir-rigward, infakkar fil-qosor li kwalunkwe aġir abbużiv ta’ manifattur ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, fit-termini deskritti mill-appellata – kemm jekk fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni – għandu jiġi indirizzat bil-mezzi xierqa stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali, pereżempju l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE, li huma fil-fatt iċċitati mill-appellata fl-osservazzjonijiet tagħha. Tali riskju ċertament ma għandux jiġi evitat bi ħsara għall-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, billi jirrendi iktar diffiċli t-traċċar tal-prodott ikkonċernat u t-twettiq tal-kontrolli mmirati li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti, kif spjegat fil-punti 77 sa 81 iktar ’il fuq.

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, moqri flimkien mal-punt 1(f) tal-Anness I tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, fuq il-bażi ta’ permess kummerċjali parallel, huwa obbligat iżomm in-numru tal-lott tal-formulazzjoni inizjalment mogħti mill-manifattur fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott u ma jistax jissostitwixxih bir-riferiment tiegħu stess, anki jekk dan l-importatur iżomm reġistru ta’ korrelazzjoni bejn iż-żewġ numri tal-lott. Barra minn hekk, sa fejn dispożizzjoni nazzjonali jistgħu tippermetti tali sostituzzjoni, hija għandha, fil-fehma tiegħi, titqies li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

V. Konklużjoni

85.

Fuq il-bażi tal-analiżi preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għaż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja):

(1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 547/2011 tat‑8 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ tikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, moqri flimkien mal-punt 1(b) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, fuq il-bażi ta’ permess kummerċjali parallel, jista’ jissostitwixxi l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini b’dawk tiegħu fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott.

(2)

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, moqri flimkien mal-paragrafu 1(f) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, fuq il-bażi ta’ permess kummerċjali parallel, huwa obbligat li jżomm in-numru tal-lott tal-formulazzjoni inizjalment mogħti mill-manifattur fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott u ma jistax jissostitwixxih bir-riferiment tiegħu stess, anki jekk dan l-importatur iżomm reġistru li juri l-korrelazzjoni bejn iż-żewġ numri tal-lott. Sa fejn dispożizzjoni nazzjonali tippermetti tali sostituzzjoni, din id-dispożizzjoni tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ tikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2011, L 155, p. 176).

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 24, p. 109).

( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8).

( 6 ) Ara l-premessa 9 tar-Regolament Nru 1107/2009.

( 7 ) Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1107/2009.

( 8 ) Ara l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009. Ara wkoll, is-Subtaqsima 2 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolata “Proċedura”, u b’mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha.

( 9 ) Artikolu 33(3)(g) tar-Regolament Nru 1107/2009.

( 10 ) Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1272/2008.

( 11 ) Ara wkoll il-premessa 42 tar-Regolament Nru 1107/2009.

( 12 ) Skont l-Artikolu 3(10) u (24) tar-Regolament Nru 1107/2009, it-terminu “detentur ta’ awtorizzazzjoni” ifisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, jiġifieri l-att amministrattiv li permezz tiegħu l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħha.

( 13 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332).

( 14 ) Artikolu 83 tar-Regolament Nru 1107/2009.

( 15 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1999 (C‑100/96, EU:C:1999:129).

( 16 ) Ibid. (punti 29 sa 34). Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑201/06, EU:C:2008:104, punt 34).

( 17 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Escalier u Bonnarel (C‑260/06 u C‑261/06, EU:C:2007:659, punt 39 et seq.).

( 18 ) Ara l-premessi 9 u 31 tar-Regolament Nru 1107/2009.

( 19 ) Artikolu 52(1), (3) u (9) tar-Regolament Nru 1107/2009.

( 20 ) Ara l-premessa 31 tar-Regolament Nru 1107/2009 kif ukoll l-Artikolu 52(3) u (9) ta’ dan ir-regolament.

( 21 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 27).

( 22 ) Ara l-punt 36 iktar ’il fuq.

( 23 ) It-terminu “b’mod korrispondenti” huwa ġeneralment iddefinit bħala “b’mod simili għal”. Ara inter alia d-definizzjoni tad-Dizzjunarju ta’ Cambridge, disponibbli fuq https://dictionary.cambridge.org/dictionary/english/correspondingly.

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, il-verżjoni Franċiża u Latvjana tal-Artikolu 52(7) tar-Regolament Nru 1107/2009, li jużaw rispettivament it-terminu “mutatis mutandis” u t-terminu “attiecīgi piemēro”.

( 25 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 8 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Artikolu 52(2) u (3) tar-Regolament Nru 1107/2009. Din il-proċedura ssemplifikata ma tinkludix evalwazzjoni tar-rekwiżiti sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1107/2009, li jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, waħda mir-raġunijiet li jispjegaw id-differenza fl-użu tal-kliem “awtorizzazzjoni” u “permess”, rispettivament fl-Artikolu 28 u fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009.

( 27 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021 (C‑912/19, EU:C:2021:173).

( 28 ) Ibid. (punt 29). Ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Escalier u Bonnarel (C‑260/06 u C‑261/06, EU:C:2007:659, punt 42).

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 28(1) u (2)(e) tar-Regolament Nru 1107/2009, li jagħmilha ċara li ż-żewġ miżuri għandhom l-għan li jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

( 30 ) Ara wkoll il-punt 38 iktar ’il fuq.

( 31 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid fil-qosor li sitwazzjoni ta’ kummerċ parallel ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni parti tas-sentenza tal-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011. Skont din id-dispożizzjoni, minbarra l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, għandu jsir riferiment ukoll, jekk ikunu differenti, għall-isem u għall-indirizz tal-persuna responsabbli mill-imballaġġ u mill-ittikkettjar finali tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Din il-parti tas-sentenza tal-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 tkopri l-bejjiegħa bl-ingrossa li lilhom id-detentur tal-awtorizzazzjoni jbigħ prodotti bil-kundizzjoni li huma stess jimballaw il-prodotti. Peress li l-bejjiegħa bl-ingrossa ma humiex suġġetti għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni, huma għandhom jissemmew bħala l-persuni responsabbli għall-imballaġġ u għall-ittikkettjar finali tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, flimkien mal-persuna awtorizzata għat-tqegħid tiegħu fis-suq.

( 32 ) Kif indikat fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-riferiment għad-Direttiva 1999/45 fl-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 1107/2009 għandu jinftiehem fil-preżent bħala li jirreferi għar-Regolament Nru 1272/2008, li ħassar u ssostitwixxa din id-direttiva.

( 33 ) Ara wkoll il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1272/2008.

( 34 ) Ara wkoll il-premessa 42 tar-Regolament Nru 1107/2009, li tirreferi speċifikament għall-għanijiet tar-rekwiżiti tal-ittikkettjar stabbiliti f’dan ir-regolament.

( 35 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Agrimotion (C‑912/19, EU:C:2021:173, punt 33).

( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Kontenut tal-awtorizzazzjonijiet”, b’mod partikolari l-paragrafi 2, 3 u 4. Ara wkoll l-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament.

( 37 ) Ara l-premessa 45 u l-Kapitolu VIII tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Kontrolli”.

( 38 ) L-Artikolu 52(11) tar-Regolament Nru 1107/2009 jistabbilixxi l-obbligu għall-awtoritajiet tal-Istati Membri li jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-permessi kummerċjali paralleli.

( 39 ) Kif ġustament tinnota l-konvenuta, id-detentur tal-permess kummerċjali parallel huwa inkarigat, b’mod partikolari, li jipprovdi il-“folja ta’ data dwar is-sigurtà” għall-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett ta’ kummerċ parallel, li hija ta’ importanza assoluta jekk il-konsumatur jiġi avvelenat mill-prodott. Ara l-Artikolu 31(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45 u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p.1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p.3, ĠU 2008, L 141, p. 22, ĠU 2009, L 36, p. 84), kif sussegwentement emendat, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1272/2008.

( 40 ) Ara l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 1107/2009, li jippermetti lill-Istati Membri jimponu rekwiżiti u kundizzjonijiet iktar stretti għall-applikazzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fil-kuntest ta’ miżuri nazzjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskji.

( 41 ) Ara l-Artikolu 44(4) tar-Regolament Nru 1107/2009.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Vaselife International u Chrysal International (C‑445/18, EU:C:2019:968, punt 54).

( 43 ) Ara l-punt 43 indikat iktar ’il fuq.

( 44 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021 rigward il-miżuri dwar prattika tajba ta’ distribuzzjoni għas-sustanzi attivi li jintużaw bħala materjali tal-bidu fil-prodotti mediċinali veterinarji f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2021, L 279, p. 1).

( 45 ) Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1280.

( 46 ) Artikolu 2(p) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1280.

( 47 ) Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1107/2009, “preparazzjonijiet” tfisser “taħlitiet jew soluzzjonijiet magħmula minn żewġ sustanzi jew aktar maħsuba biex jintużaw bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew bħala aġġuvant”. Teżisti korrispondenza lingwistika ikbar fil-verżjoni Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni, li tirreferi għat-terminu “préparations”, minn naħa, u l-verżjoni Franċiża tal-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, min-naħa l-oħra, li ssemmi “le numéro de lot et la date de fabrication de la préparation”, jiġifieri “in-numru tal-lott u d-data tal-produzzjoni tal-preparazzjoni”.

( 48 ) Ara l-punt 58 indikat iktar ’il fuq.

( 49 ) Dokument ta’ gwida dwar il-kummerċ parallel ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, SANCO/10524/2012, 14.7.2015 (verżjoni 5.2).

( 50 ) Ibid. (Punt 4.4.1).

( 51 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 37 iktar ’il fuq.