Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

29 ta’ Settembru 2026 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Artikolu 263 TFUE – Rikors intiż għall-annullament ta’ att tal-Unjoni – Artikolu 278 TFUE – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-att – Deċiżjoni (UE) 2026/183 – Applikazzjoni provviżorja tal-ftehim interim dwar il-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Mercosur – Urġenza – Assenza”

Fil-Kawża C‑460/26 R,

li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 278 TFUE, imressqa fl-10 ta’ Mejju 2026,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Antoniadis, B. Driessen, L. Hamtcheva u J. Rurarz, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, N. Scheffel u R. Wolfe, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentata minn P. Huurnink u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Laine u M. Pere, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Baumgart, C. Hermes, M. Kocjan u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

intervenjenti,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, D. Spielmann,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/183, tad-9 ta’ Jannar 2026, dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra (ĠU L, 2026/183) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sal-għoti tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑460/26.

2        Din it-talba tressqet b’mod parallel mal-preżentata, fl-10 ta’ Mejju 2026, minn dan l-Istat Membru, ta’ rikors, skont l-Artikolu 263 TFUE, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-deċiżjoni kontenzjuża

3        Skont il-kliem tal-premessi 1 sa 3, u 5 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata:

“1.      Fit-13 ta’ Settembru 1999, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] awtorizza lill-Kummissjoni [Ewropea] tiftaħ negozjati mas-Suq Komuni tan-Nofsinhar (iktar ’il quddiem imsejjaħ “Mercosur”) u l-Istati Parti tiegħu għal Ftehim li jikkonsisti minn partijiet politiċi, ta’ kooperazzjoni u kummerċjali. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fis-6 ta’ Diċembru 2024.

2.      In-negozjati rriżultaw f’żewġ strumenti legali paralleli. L-ewwel strument huwa l-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra (l-“EMPA”), li jinkludi l-pilastru ta’ djalogu politiku u ta’ kooperazzjoni u l-pilastru tal-kummerċ u l-investiment. It-tieni strument huwa l-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra (l-“ITA”), li jkopri l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment. L-ITA ser jieqaf milli jkollu effett u ser jiġi sostitwit mill-EMPA mad-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar.

3.      Sakemm jiġi adottat u jidħol fis-seħħ att leġislattiv speċifiku tal-Unjoni li jimplimenta l-klawżola ta’ salvagwardja bilaterali tal-EMPA u tal-ITA għall-prodotti agrikoli, u bl-għan li l-Unjoni tkun tista’ tieħu azzjoni rapida u effettiva biex tipproteġi l-interessi tagħha skont l-EMPA jew l-ITA, kif xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta, permezz ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni, miżuri ta’ salvagwardja bilaterali fil-qasam agrikolu (iktar ’il quddiem imsejħa “miżuri ta’ salvagwardja bilaterali”) li huma konsistenti mal-EMPA jew mal-ITA, kif xieraq. Fir-rigward ta’ prodotti agrikoli sensittivi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ salvagwardja bilaterali wkoll f’konformità mal-kundizzjonijiet f’din id-Deċiżjoni.

[...]

5.      Jenħtieġ li jkun possibbli għal Stat Membru wieħed jew aktar li jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri ta’ salvagwardja bilaterali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ITA u, fir-rigward ta’ prodotti agrikoli sensittivi, f’din id-Deċiżjoni. Jekk il-Kummissjoni tirrifjuta din it-talba, jenħtieġ li din tinforma lill-Kunsill b’mod f’waqtu dwar ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut.

6.      Għalhekk, jenħtieġ li l-ITA jiġi ffirmat.

7.      Jenħtieġ li l-ITA jiġi applikat fuq bażi provviżorja, sakemm jidħol fis-seħħ, bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u wieħed jew aktar mill-Istati Mercosur li huma Parti għall-ITA (iktar ’il quddiem imsejjaħ l-“Istati Firmatarji tal-Mercosur”), min-naħa l-oħra [...]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jiddisponi:

“L-iffirmar tal-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dak il-Ftehim. ”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi:

“1.      Sakemm jiġi adottat u jidħol fis-seħħ att leġislattiv speċifiku tal-Unjoni li jimplimenta l-klawżola ta’ salvagwardja bilaterali għall-prodotti agrikoli tal-EMPA u tal-ITA, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni, tadotta miżuri ta’ salvagwardja bilaterali li huma konsistenti mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu 9 tal-ITA u f’din id-Deċiżjoni.

2.      Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ mill-qrib tas-suq tal-prodotti agrikoli sensittivi, jiġifieri prodotti li huma soġġetti għal kwoti tariffarji tal-Unjoni skont it-Taqsima B tal-Anness 2-A (Skeda ta’ Tneħħija tat-Tariffi) tal-ITA, b’mod partikolari fir-rigward ta’ xejriet fl-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet relatati mal-MERCOSUR, u l-iżviluppi fil-produzzjoni u l-prezzijiet.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa s-sitwazzjoni tas-suq abbażi ta’ dan il-monitoraġġ, billi torbot żieda possibbli fl-importazzjonijiet tal-prodotti agrikoli sensittivi rilevanti mal-evoluzzjoni tal-produzzjoni u/jew tal-konsum, l-esportazzjoni, il-prezzijiet u l-ishma tas-suq fis-suq tal-Unjoni, kif ukoll l-esportazzjonijiet mill-Unjoni.

Kull sitt xhur, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa l-impatt tal-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli sensittivi, inkluż fuq Stat Membru wieħed jew aktar.

3.      Fejn ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie, b’mod partikolari miksuba permezz tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq imsemmija fil-paragrafu 2, ta’ dannu serju, jew it-theddida ta’ dannu serju, għall-industrija tal-Unjoni għall-prodotti agrikoli sensittivi, inkluż f’każijiet fejn dan id-dannu jew theddida tiegħu huwa ġeografikament ikkonċentrat fi Stat Membru wieħed jew aktar, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tibda investigazzjoni fuq it-talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew ta’ kwalunkwe persuna ġuridika jew assoċjazzjoni li taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni attiva fis-settur ikkonċernat.

4.      Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-“industrija tal-Unjoni” tfisser il-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti rilevanti simili jew f’kompetizzjoni diretta.

5.      Il-Kummissjoni għandha teżamina, bħala kwistjoni ta’ prijorità, jekk evidenza prima facie ta’ dannu serju, jew it-theddida ta’ dannu serju, għall-industrija tal-Unjoni teżistix f’każijiet fejn ikun hemm żieda qawwija fl-importazzjonijiet jew tnaqqis fil-prezzijiet ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew fejn ikun hemm żieda qawwija fl-importazzjonijiet jew tnaqqis fil-prezz ta’ prodott u l-industrija tal-Unjoni tkun stabbilita b’mod predominanti fi Stat Membru wieħed jew aktar.

Il-Kummissjoni għandha tittratta, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet kuntrarji, żieda fil-volum ta’ aktar minn 5 % sena wara sena, bħala regola, tal-importazzjonijiet taħt termini preferenzjali ta’ prodott partikolari mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR li huwa soġġett għal kwota tariffarja bħala evidenza prima facie ta’ dannu serju, jew it-theddida ta’ dannu serju, lill-industrija tal-Unjoni, jekk fl-istess ħin il-prezz medju tal-importazzjoni għal dawk l-importazzjonijiet mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR ikun mill-inqas 5 %, bħala regola, taħt il-prezz domestiku medju rilevanti ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f’kompetizzjoni diretta matul l-istess perjodu.

6.      Il-Kummissjoni għandha tittratta, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet kuntrarji, tnaqqis fil-prezz medju tal-importazzjoni ta’ aktar minn 5 %, sena wara sena, bħala regola, ta’ prodott partikolari mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR importat fl-Unjoni b’termini preferenzjali li huwa soġġett għal kwota tariffarja bħala evidenza prima facie ta’ dannu serju, jew it-theddida ta’ dannu serju, lill-industrija tal-Unjoni, jekk fl-istess ħin il-prezz medju tal-importazzjoni għal dawk l-importazzjonijiet mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR ikun mill-inqas 5 %, bħala regola, taħt il-prezz domestiku medju rilevanti ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f’kompetizzjoni diretta matul l-istess perjodu.

7.      Il-Kummissjoni għandha timponi mingħajr dewmien jew eżitazzjoni, u fil-każ ta’ prodotti agrikoli sensittivi fi żmien massimu ta’ 21 jum minn meta tirċievi talba kif imsemmija fil-paragrafu 3, miżuri ta’ salvagwardja bilaterali u proviżorji biex jiġi evitat dannu lill-industrija tal-Unjoni li jkun diffiċli li jissewwa, inkluż fejn tali dannu jista’ jkun ġeografikament ikkonċentrat fi Stat Membru wieħed jew aktar.

8.      Peress li l-monitoraġġ fid-dettal tas-suq huwa aspett li ilu jeżisti fl-attivitajiet tal-Kummissjoni fis-settur agrikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi kwalunkwe investigazzjoni fuq prodotti agrikoli sensittivi rigward miżuri ta’ salvagwardja bilaterali malajr kemm jista’ jkun, bl-għan li tieħu deċiżjoni finali fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi talba kif imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż imma ma jistax jaqbeż il-perjodu ta’ sena msemmi fl-Artikolu 9.13 tal-ITA.

9.      Miżura ta’ salvagwardja tista’ tiġi imposta meta prodott rilevanti li joriġina fi Stat Firmatarju tal-Mercosur jiġi importat fl-Unjoni :

a)      fi kwantitajiet miżjuda tant, f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew għall-konsum tal-Unjoni, u taħt tali kundizzjonijiet li joħolqu jew jheddu li joħolqu dannu serju lill-industrija tal-Unjoni, inkluż fejn tali dannu jista’ jkun ġeografikament ikkonċentrat fi Stat Membru wieħed jew aktar; u li

b)      iż-żieda ta’ importazzjonijiet tkun ir-riżultat ta’ obbligi li joħorġu mill-ITA, inkluż it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq dak il-prodott.

10.      Miżura ta’ salvagwardja tista’ tieħu l-forma ta’ sospensjoni temporanja tal-iskeda ta’ tnaqqis tariffarju għall-prodott rilevanti, jew tnaqqis fil-preferenza tariffarja lura għall-livell tal-pajjiż l-aktar iffavorit jew il-livell tar-rata ta’ bażi, skont liema minnhom huwa l-aktar baxx.

11.      Kwalunkwe miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ sentejn, li jista’ jiġi estiż għal perjodu ieħor ta’ sentejn f’konformità mal-Artikolu 9.9 tal-ITA, dment li l-kundizzjonijiet rilevanti li jiġġustifikaw l-estensjoni jintlaħqu.”

6        L-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sakemm jidħol fis-seħħ, l-ITA għandu jiġi applikat b’mod proviżorju bejn l-Unjoni minn naħa waħda, u wieħed jew aktar mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 23.3 tiegħu, mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha dak l-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR jew dawk l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, skont il-każ, ikunu nnotifikaw lill-Unjoni dwar it-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom neċessarji għall-applikazzjoni b’mod proviżorju tal-Ftehim Interim u jikkonfermaw il-qbil tagħhom li japplikaw b’mod proviżorju l-Ftehim Interim.

2.      Id-data li minnha l-ITA jiġi applikat b’mod proviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

 L-ITA

7        Il-Kapitolu 6 tal-ITA, intitolat “Miżuri sanitarji u fitosanitarji”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 6.1, 6.4, 6.6 u 6.14 tiegħu.

8        L-Artikolu 6.1 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Għanijiet”, jipprevedi:

“L-objettivi ta’ dan il-Kapitolu huma li:

a)      jipproteġi l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti fit-territorju tal-Partijiet filwaqt li jiffaċilita l-kummerċ bejn il-Partijiet sa fejn huma kkonċernati l-miżuri sanitarji u fitosanitarji (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘SPS’);

b)      tistabbilixxi kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-[Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986–1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1994, Vol. 336, p. 40) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim SPS”));

[...]”

9        L-Artikolu 6.4 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Drittijiet u Obbligi”, jipprovdi:

“Il-Partijiet jaffermaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim SPS. Xejn f'dan il-Kapitolu ma għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull Parti skont il-Ftehim SPS.”

10      L-Artikolu 6.6 tal-imsemmi regolament intitolat “Obbligi ġenerali” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-prodotti esportati minn Parti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti SPS applikabbli tal-Parti li timporta.”

11      L-Artikolu 6.14 tal-ITA, intitolat “Miżuri ta’ emerġenza”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“2.      Il-Parti li timporta tista', fil-każ ta' riskji serji għall-ħajja jew għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, tadotta miżuri ta' emerġenza kontra tali riskji.

[...]

4.      Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu adottati mingħajr notifika minn qabel skont l-Artikolu 6.12. Il-Parti li tadotta miżuri ta' emerġenza għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra malajr kemm jista' jkun bl-adozzjoni ta' dawn il-miżuri u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 48 (tmienja u erbgħin) siegħa wara.”

12      Il-Kapitolu 9 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Miżuri ta’ salvagwardja bilaterali”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 9.3 li jinsab fit-Taqsima C, u l-Artikolu 9.15, li jinsab fit-Taqsima F, tiegħu.

13      L-Artikolu 9.3 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Applikazzjoni ta’ miżuri bilaterali ta’ salvagwardja”, jipprovdi:

“1.       Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi msemmija fil-Kapitolu 8, Parti tista', f'ċirkostanzi eċċezzjonali, għal merkanzija għajr vetturi kklassifikati taħt l-intestaturi HS 8703 u 8704, [Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u approvata, flimkien mal-Protokoll tagħha li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Volum 2, p. 288)]tapplika miżuri ta' salvagwardja bilaterali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din it-Taqsima jekk, wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, l-importazzjonijiet mill-Parti l-oħra ta' prodott taħt termini preferenzjali jkunu żdiedu f'tali kwantitajiet, assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew għall-konsum domestiku u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija domestika tagħha tal-prodotti simili jew direttament kompetittivi.

2.      Għall-merkanzija elenkata fil-paragrafu 1, il-miżuri ta' salvagwardja bilaterali għandhom jiġu applikati biss sa fejn ikun meħtieġ biex jipprevjenu jew jirrimedjaw dannu serju jew it-theddida ta' dannu serju.

3.      Il-miżuri ta' salvagwardja bilaterali għandhom jiġu applikati wara investigazzjoni mill-awtoritajiet investigattivi kompetenti tal-Parti li timporta skont il-proċeduri stabbiliti f'dan il-Kapitolu.”

14      L-Artikolu 50 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri Proviżorji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F'ċirkostanzi kritiċi fejn id-dewmien jista' jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, Parti, wara notifika xierqa, tista' tieħu miżura ta' salvagwardja provviżorja skont determinazzjoni preliminari li hemm evidenza ċara li l-importazzjonijiet taħt termini preferenzjali żdiedu u li tali importazzjonijiet ikkawżaw jew qed jheddu li jikkawżaw dannu serju. [...]”

15      L-Artikolu 23.3 tal-ITA, intitolat “Applikazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan il-Ftehim jista’ jiġi applikat b'mod proviżorju. Tali applikazzjoni provviżorja tista' sseħħ bejn, minn naħa waħda, l-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, wieħed jew aktar mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR f'konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Mit-talba għal miżuri provviżorji jirriżulta li n-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim UE-Mercosur bdew fl-1999. Fit-13 ta’ Settembru 1999, il-Kunsill adotta direttivi ta’ negozjati u awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għall-konklużjoni ta’ “ftehim ta’ assoċjazzjoni interreġjonali” bejn l-Unjoni u l-Mercosur, intiż sabiex jissostitwixxi l-Ftehim Qafas approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Marzu 1999, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim Qafas Interreġjonali ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Partijiet tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU 1999, L 112, p. 65). Dawn id-direttivi ta’ negozjati awtorizzaw lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ta’ assoċjazzjoni uniku li kellu jinkludi kemm parti kummerċjali kif ukoll parti ddedikata għad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni. Abbażi ta’ din l-awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni bdiet negozjati.

17      Skont din it-talba, fit-28 ta’ Ġunju 2019 dawn in-negozjati wasslu għall-konklużjoni ta’ ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni u l-Mercosur. Dan il-ftehim kien jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ fil-merkanzija. Il-parti politika tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġiet innegozjata mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u ffinalizzata fit-18 ta’ Ġunju 2020. In-negozjati tlestew fis-6 ta’ Diċembru 2024.

18      Mit-talba għal miżuri provviżorji jirriżulta wkoll li, fit-3 ta’ Settembru 2025, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill, minn naħa, żewġ proposti dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-EMPA, u, min-naħa l-oħra, żewġ proposti oħra dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ITA. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni pproponiet li tinkludi d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Interim fuq il-kummerċ biss fl-abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim, u mhux fid-deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-ftehim.

19      Il-Kummissjoni b’hekk qasmet il-ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Mercosur f’żewġ ftehimiet distinti, jiġifieri l-EMPA u l-ITA, peress li dan tal-aħħar kien limitat għall-kwistjonijiet kummerċjali u jinkludi essenzjalment l-istess obbligi bħal dawk li jirriżultaw mill-parti kummerċjali tal-EMPA.

20      Dan il-qsim ippermetta l-konklużjoni tal-ITA mill-Kunsill, billi bbaża ruħu fuq il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Min-naħa l-oħra, l-EMPA tiġi ppreżentata bħala ftehim imħallat u tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll ir-ratifika mis-27 Stat Membru kollha qabel ma l-Kunsill ikun jista’ jadotta d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tagħha.

21      Barra minn hekk, mit-talba għal miżuri provviżorji jirriżulta li, fid-9 ta’ Jannar 2026, minkejja l-oppożizzjoni tal-Irlanda, tar-Repubblika Franċiża, tal-Ungerija, tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Repubblika tal-Polonja, kif ukoll l-astensjoni tar-Renju tal-Belġju, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha awtorizza l-iffirmar tal-ITA u impona l-applikazzjoni provviżorja tagħha. Din id-deċiżjoni tippermetti l-applikazzjoni tal-ATI anki qabel id-dħul fis-seħħ definittiv tagħha, filwaqt li jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tal-ITA huma wkoll parti mill-EMPA. Ladarba jiġi konkluż mill-partijiet kollha, l-EMPA se tissostitwixxi l-ATI, li mbagħad ma tibqax fis-seħħ, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kummerċjali.

22      Fid-19 ta’ Jannar 2026, il-Kunsill talab lill-Parlament Ewropew japprova l-konklużjoni tal-ITA u tal-EMPA.

23      Fil-21 ta’ Jannar 2026, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li titlob opinjoni lill-Qorti dwar il-kompatibbiltà tal-ITA u tal-EMPA mat-Trattati.

24      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, fis-27 ta’ Frar 2026, il-President tal-Kummissjoni ħabbret li, wara r-ratifika tal-“Ftehim Unjoni Ewropea-Mercosur” mir-Repubblika Arġentina u mir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, u fid-dawl tar-ratifika imminenti ta’ dan il-ftehim mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil u mir-Repubblika tal-Paragwaj, “il-Kummissjoni issa [kienet] ser tipproċedi għal applikazzjoni provviżorja [tal-imsemmi ftehim]”.

25      Mill-1 ta’ Mejju 2026, l-ITA ġiet applikata b’mod provviżorju.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8, tas-17 u tad-19 ta’ Ġunju 2026, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea, rispettivament, ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

27      Skont l-Artikolu 160(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub fit-12 ta’ Ġunju 2026.

28      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom, rispettivament, fl-1 u fit-3 ta’ Lulju 2026. F’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2026, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien irrinunzja għall-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub.

29      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sal-għoti tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura fuq il-mertu.

30      Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

 Fuq it-talba għal miżuri provviżorji

31      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni u ta’ miżuri provviżorji oħra, previsti fl-Artikoli 278 u 279 TFUE, għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun prima facie ġġustifikat fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li dawn ikunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li dawn jiġu stabbiliti u jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni dwar fuq il-mertu. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi quddiemu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2024, Vivendi vs Il-Kummissjoni, C‑90/24 P (R), EU:C:2024:318, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn il-kundizzjonijiet, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa u jibqa’ liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex jevalwa n-neċessità li jagħti deċiżjoni provviżorja (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 2021, Il-Litwanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-541/20 R, EU:C:2021:264, punt 13 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat, qabelxejn, jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza hijiex issodisfatta.

 Fuq l-urġenza

 Argumenti

35      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li ċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari l-ksur flagranti tat-Trattati mwettaq dak iż-żmien, jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha sakemm tingħata deċiżjoni li ttemm il-proċedura fuq il-mertu. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jfittxu li jimplimentaw l-ITA malajr kemm jista’ jkun, aġixxew bi ksur tat-Trattati, billi għamlu użu ħażin ta’ poter, billi kisru l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u billi pprivileġġaw interessi ekonomiċi selettivi għad-detriment tal-osservanza tat-Trattati u tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni. L-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni tal-ITA tista’ għalhekk tħeġġiġhom jieħdu azzjonijiet oħra simili fil-futur.

36      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża hija ġġustifikata wkoll mill-fatt li din tawtorizza l-applikazzjoni provviżorja tal-ITA, li twessa’ l-possibbiltà li jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni prodotti agrikoli provenjenti mill-pajjiżi tal-Mercosur. Issa, dan il-ftehim ma jinkludix klawżoli msejħa mera li jimponu fuq il-bdiewa tal-pajjiżi tal-Mercosur l-obbligu li josservaw l-istess standards ta’ produzzjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-ambjent, tas-saħħa jew tal-benesseri tal-annimali, bħal dawk li japplikaw għall-produtturi tal-Unjoni.

37      Dan l-Istat Membru jenfasizza b’mod partikolari l-użu intensiv ħafna ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-agrikoltura tal-pajjiżi tal-Mercosur, kif ukoll il-fatt li numru kbir ta’ dawn il-prodotti jinkludu sustanzi attivi rtirati mis-suq tal-Unjoni minħabba l-perikolu li dawn jippreżentaw għas-saħħa u għall-ħajja tal-bniedem, tal-annimali u għall-ambjent. Għalhekk, prodotti agrikoli importati li fihom residwi ta’ sustanzi attivi mhux awtorizzati fl-Unjoni jistgħu jidhru fis-suq tal-Unjoni mal-bidu tal-applikazzjoni tal-ITA.

38      Għalhekk, skont ir-Repubblika tal-Polonja, ma hemm l-ebda dubju li l-prodotti agrikoli li joriġinaw mill-pajjiżi tal-Mercosur jistgħu jippreżentaw riskju reali għas-saħħa jew għall-ħajja tal-bniedem u tal-annimali, u li l-produzzjoni tagħhom twassal għal pressjoni inaċċettabbli fuq l-ambjent tal-Unjoni. Jekk dawn is-sustanzi attivi ma jippreżentawx theddida reali u serja, il-Kummissjoni ma kinitx tirtirahom mis-suq tal-Unjoni.

39      Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li d-dannu allegat huwa gravi u irreparabbli. Fil-fatt, ladarba jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, il-prodotti agrikoli li fihom sustanzi attivi dannużi jkollhom effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll fuq l-ambjent li ma jistgħux jitreġġgħu lura sussegwentement.

40      Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li l-applikazzjoni provviżorja tal-ITA ser twassal għal dannu gravi u irriversibbli li ser iwassal għal tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa u għal tfixkil fil-funzjonament tas-suq ta’ diversi prodotti agrikoli, billi tawtorizza l-preżenza f’dan is-suq ta’ prodotti orħos, ikkultivati jew immanifatturati bi prodotti kimiċi pprojbiti fl-Unjoni.

41      Dan l-Istat Membru jsostni li l-produtturi agrikoli tal-pajjiżi tal-Mercosur jistgħu jużaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti dannużi għall-persuni, għall-annimali u għall-ambjent, iżda orħos u iktar effikaċi. Għalhekk, huma jiksbu rendimenti ogħla bl-inqas spiża, li jippermettilhom joffru l-prodotti tagħhom bi prezz irħas. Dawn il-prodotti jikkostitwixxu kompetizzjoni żleali għal dawk tal-bdiewa tal-Unjoni, u b’hekk inaqqsu d-dħul tagħhom u jipperikolaw l-istabbilizzazzjoni tas-suq intern kif ukoll is-sigurtà tal-provvisti.

42      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, it-tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa tal-Unjoni, it-tfixkil fil-funzjonament tas-swieq tad-diversi prodotti agrikoli, l-esklużjoni ta’ prodotti agrikoli iktar tajbin għas-saħħa u ta’ kwalità aħjar, iżda iktar għolja, peress li jinkisbu b’osservanza tar-regoli u tar-rekwiżiti stretti previsti mid-dritt tal-Unjoni, għall-benefiċċju ta’ prodotti orħos, iżda li fihom residwi ta’ prodotti kimiċi pprojbiti fl-Unjoni, jistgħu jikkawżaw dannu gravi u irreparabbli.

43      B’mod partikolari, ma huwiex possibbli li jiġi kkumpensat id-dannu li jikkawżaw il-fallimenti ta’ azjendi agrikoli minħabba l-influss massiv ta’ prodotti orħos provenjenti mill-pajjiżi tal-Mercosur. Ir-restawr tal-funzjonament tajjeb tas-swieq agrikoli, imfixkel mill-influss ta’ dawn il-prodotti, jista’ jieħu ħafna snin u jipperikola s-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni.

44      Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti. Fil-fehma tiegħu, ir-Repubblika tal-Polonja ma stabbilixxietx li l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sal-għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza fil-Kawża C‑460/26 setgħet tikkawża, b’mod prevedibbli u bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, dannu gravi u irreparabbli, u li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ssodisfatta.

45      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni jqisu wkoll li l-kundizzjoni dwar l-urġenza ma hijiex issodisfatta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva li għandha tingħata, sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fil-konfront tal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu gravi u irreparabbli, ma huwiex neċessarju li l-okkorrenza tad-dannu tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta. Huwa biżżejjed li dan ikun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Lulju 2025, Il-Kummissjoni vs Ortis, C‑54/25 P-R, EU:C:2025:590, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, huwa dejjem l-obbligu tal-parti li titlob l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li tesponi u tistabbilixxi l-okkorrenza probabbli ta’ dannu gravi u irreparabbli. F’dan ir-rigward, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollu indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, sostnuti minn dokumenti ddettaljati li jippermettu li jiġu eżaminati l-konsegwenzi preċiżi li jirriżultaw, probabbilment, mill-assenza tal-miżuri mitluba. (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 2021, Il-Litwanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑541/20 R, EU:C:2021:264, punti 19 u 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, hija r-Repubblika tal-Polonja li għandha tistabbilixxi li l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża matul il-perijodu bejn l-iffirmar ta’ dan id-digriet u l-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑460/26 hija ta’ natura li twassal, b’mod prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, għal dannu gravi u irreparabbli.

49      Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mit-talba għal miżuri provviżorji, dan l-Istat Membru jinvoka ksur tat-Trattati, abbuż ta’ poter u ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sabiex isostni li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’illegalità u li l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-ITA, anki b’mod provviżorju, tista’ tinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibdew “azzjonijiet oħra simili” fil-futur.

50      F’dan ir-rigward, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja tidher li tibbaża l-urġenza fuq il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża hija illegali, għandu jiġi rrilevat li tali ċirkustanza, jekk jitqies li hija stabbilita, ma tippermettix, bħala tali, li jintwera r-riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli.

51      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-ksur minn att tal-Unjoni ta’ regola superjuri tad-dritt jista’ jikkontesta l-validità ta’ dan l-att, bħala prinċipju, l-eventwali illegalità tal-imsemmi att ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi, fiha nnifisha, il-gravità u n-natura irreparabbli ta’ eventwali dannu (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2018, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑482/17 R, EU:C:2018:119, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Barra minn hekk, ma huwiex biżżejjed li jiġi allegat, b’mod astratt, ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, f’dan il-każ b’mod partikolari l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, sabiex jiġi stabbilit li d-dannu li jista’ jirriżulta minnhom għandu neċessarjament natura irreparabbli. (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 2021, Il-Litwanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑541/20 R, EU:C:2021:264, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Issa, ir-Repubblika tal-Polonja sempliċement tinvoka, b’mod ġenerali u astratt, il-fatt li l-applikazzjoni provviżorja tal-ITA tfisser li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiffavorixxu interessi ekonomiċi selettivi għad-detriment tal-osservanza tat-Trattati u tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, mingħajr ma tipprovdi l-iċken indikazzjoni konkreta li tippermetti li tiġi stabbilita l-okkorrenza u l-imminenza probabbli ta’ dannu gravi u irreparabbli.

54      Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni dwar jekk l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kinitx effettivament ivvizzjata b’illegalità li tirriżulta minn ksur tat-Trattati, minn abbuż ta’ poter jew minn ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali tista’ tiġi riżolta mill-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-kuntest tal-proċedura li tirrigwarda r-rikors intiż preċiżament għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

55      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma “inkoraġġuti” sabiex iwettqu fil-futur ksur tat-Trattati peress li jistgħu japplikaw b’mod provviżorju atti legali vvizzjati b’illegalità sakemm sentenza tannullahom, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din tikkonsisti fl-invokazzjoni ta’ dannu ta’ natura purament ipotetika u li, għaldaqstant, dan ma jistax, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ dan id-digriet, jiġġustifika l-għoti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba.

56      Fit-tieni lok, sabiex tiġġustifika n-natura urġenti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka d-danni li jirriżultaw mill-effetti ta’ din id-deċiżjoni fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-bdiewa tal-Unjoni, fuq il-funzjonament tas-suq intern, fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, kif ukoll fuq l-ambjent fl-Unjoni.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn id-diversi danni jistgħu jiġu invokati mir-Repubblika tal-Polonja sabiex tikseb l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, peress li l-Istati Membri huma responsabbli għall-interessi meqjusa bħala ġenerali fuq il-livell nazzjonali u li huma jistgħu jiżguraw id-difiża tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji. (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ġunju 2022, Il-Bulgarija vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑545/20 R, EU:C:2022:445, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Settembru 2023, Il-Polonja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑445/23 R, ECLI:EU:C:2023:703, punt 30).

58      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-provi prodotti mir-Repubblika tal-Polonja jippermettux li jiġi stabbilit, minn naħa, li l-okkorrenza ta’ wieħed jew iktar mill-imsemmija danni huwiex prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti u, min-naħa l-oħra, li l-istess danni għandhom natura gravi u irreparabbli.

59      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-proċeduri għal miżuri provviżorji ma humiex intiżi sabiex tiġi stabbilita r-realtà ta’ fatti kumplessi u kontroversjali ħafna. L-Imħallef għal miżuri provviżorji ma għandux il-mezzi neċessarji sabiex iwettaq il-verifiki meħtieġa u, f’ħafna każijiet, ikollu diffikultà jagħmel hekk fi żmien utli (digriet tal-20 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, mit-talba għal miżuri provviżorji jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja tqis li l-applikazzjoni provviżorja tal-ITA, awtorizzata mid-deċiżjoni kontenzjuża, tippermetti l-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw mill-pajjiżi tal-Mercosur li fihom sustanzi noċivi li jista’ jkollhom effetti negattivi irriversibbli fuq is-saħħa jew il-ħajja tal-bniedem utal-annimali kif ukoll fuq l-ambjent. Dan l-Istat Membru jenfasizza b’mod partikolari li l-ITA ma tinkludix klawżoli msejħa mera, li jimponu fuq il-bdiewa tal-pajjiżi tal-Mercosur l-obbligu li josservaw l-istess standards ta’ produzzjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-ambjent, tas-saħħa jew tal-benesseri tal-annimali, bħal dawk li japplikaw għall-bdiewa tal-Unjoni.

61      Madankollu, is-sempliċi possibbiltà li l-ATI tippermetti l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti mill-pajjiżi tal-Mercosur li jista’ jkun fihom residwi ta’ sustanzi attivi mhux awtorizzati għall-użu fl-Unjoni minħabba riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent ma hijiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li seħħ dannu serju u irreparabbli.

62      Barra minn hekk u fuq kollox, huwa importanti li jiġi nnotat li n-nuqqas ta’ “klawżoli mera” fl-ITA ma jfissirx li l-miżuri sanitarji u fitosanitarji, ir-regolamenti dwar is-sikurezza tal-ikel u l-istandards tas-saħħa u ambjentali tal-Unjoni ma japplikawx għall-prodotti importati mill-pajjiżi tal-Mercosur skont l-ITA.

63      Fil-fatt, kif enfasizza l-Kunsill fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sostnut mill-Kummissjoni, il-prodotti agrikoli importati huma suġġetti għal leġiżlazzjonijiet fitosanitarji u ta’ sigurtà tal-ikel simili għal dawk applikabbli għall-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Unjoni adottat leġiżlazzjoni, applikabbli fis-suq intern kollu, sabiex tiżgura standards għoljin tal-ikel u tas-saħħa għall-prodotti agrikoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-preżenza ta’ sustanzi jew residwi ta’ ħsara li jirriżultaw mill-użu ta’ fertilizzanti jew minn prodotti fitosanitarji. Dawn l-istandards japplikaw bl-istess mod għall-prodotti agrikoli mmanifatturati fl-Unjoni u għall-prodotti importati.

64      B’mod iktar partikolari, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU 2019, L 4, p. 43, rettifika fil-ĠU 2020, L 326, p. 15), li jipprojbixxi l-użu ta’ antimikrobiċi fl-annimali sabiex jiffavorixxi t-tkabbir tagħhom jew iżid ir-rendiment, japplika għall-operaturi tal-Unjoni u għall-operaturi tal-pajjiżi terzi li jesportaw lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, fil-każ ta’ residwi ta’ pestiċidi fi prodotti agrikoli jew oġġetti tal-ikel, l-istess limiti massimi japplikaw kemm għal prodotti manifatturati fl-Unjoni kif ukoll għal prodotti importati, u l-istess proċedura ta’ valutazzjoni hija segwita għall-applikazzjonijiet għall-istabbiliment ta’ limiti massimi ta’ residwi għal prodotti manifatturati fl-Unjoni u għal prodotti importati.

65      Skont l-Artikolu 6.4 tal-ITA, li jidhru fil-Kapitolu 6 tiegħu, l-ebda dispożizzjoni ta’ dak il-kapitolu ma taffettwa id-drittijiet u l-obbligi relatati mal-konformità mar-regoli sanitarji u fitosanitarji previsti mill-Ftehim SPS. F’dan ir-rigward, hemm lok, b’mod partikolari, li jiġi rrilevat li l-Artikolu 6.6 (1) tal-ITA jipprevedi espliċitament li “[i]l-prodotti esportati minn Parti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti SPS tal-Parti li timporta”. Għalhekk, il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, b’mod partikolari l-Ftehim SPS, jiggarantixxu lill-Unjoni d-dritt li timponi standards fuq il-prodotti tal-ikel importati u jippermettulha timponi miżuri sanitarji u fitosanitarji kif ukoll miżuri ambjentali adegwati.

66      Minn dan isegwi li l-Unjoni għandha setgħat biex timponi miżuri li jipprevjenu d-dħul fit-territorju tal-Unjoni ta’ prodotti agrikoli li ma jikkonformawx mal-istandards sanitarji, fitosanitarji u ambjentali fis-seħħ.

67      Għandu jiżdied ukoll li, skont l-Artikolu 6.14 (2) tal-ITA, il-Parti li timporta tista’, f’każ ta’ riskji serji għas-saħħa jew għall-ħajja tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, tadotta miżuri ta’ emerġenza kontra dawn ir-riskji.

68      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, anki qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma kinitx tipprojbixxi l-importazzjonijiet tal-prodotti, inklużi prodotti agrikoli, li joriġinaw mill-pajjiżi tal-Mercosur, sa fejn dawn il-prodotti kienu josservaw ir-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti importati. L-ITA tipprevedi biss żieda limitata fil-kwoti tariffarji, tnaqqis fit-tariffi u tnaqqis fl-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Għaldaqstant, l-ITA tista’ l-iktar l-iktar twassal għal żieda kwantitattiva ta’ ċerti importazzjonijiet. Issa, ir-Repubblika tal-Polonja ma tispjegax kif żieda eventwali fl-importazzjonijiet diġà awtorizzati sal-lum hija ta’ natura li twassal għal riskju ta’ dannu gravi u irriversibbli.

69      Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ riskju, prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, ta’ dannu gravi u irreparabbli, li jirriżulta mill-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq is-saħħa jew il-ħajja tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll fuq l-ambjent tal-Unjoni, minħabba l-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-pajjiżi tal-Mercosur li jistgħu jinkludu residwi ta’ sustanzi attivi li l-użu tagħhom ma huwiex awtorizzat fl-Unjoni.

70      Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li l-applikazzjoni provviżorja tal-ITA ser twassal għal dannu gravi u irriversibbli li ser iwassal għal tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa u għal tfixkil fil-funzjonament tas-suq ta’ diversi prodotti agrikoli, billi tawtorizza l-preżenza f’dan is-suq ta’ prodotti irħas ikkultivati jew immanifatturati bi prodotti kimiċi pprojbiti fl-Unjoni, li jwassal għall-falliment ta’ operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw attivitajiet agrikoli.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dannu ta’ natura pekunjarja ma jistax, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi eċċezzjonali, jitqies li huwa irreparabbli sa fejn, bħala regola ġenerali, kumpens pekunjarju jista’ jistabbilixxi mill-ġdid lill-persuna leża fis-sitwazzjoni tagħha qabel seħħ id-dannu. Tali dannu jista’ jiġi rreparat, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat taħt l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 2021, Il-Litwanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑541/20 R, EU:C:2021:264, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Issa, is-sempliċi fatt li bdiewa tal-Unjoni jistgħu jiġu kkonfrontati bil-kompetizzjoni ta’ prodotti importati mill-pajjiżi tal-Mercosur, anki jekk tiġi stabbilita, ma huwiex biżżejjed sabiex juri, fl-assenza ta’ elementi iktar preċiżi dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn l-operaturi u ta’ analiżi tal-kwoti tariffarji stabbiliti mill-ITA, li dawn l-operaturi ma jkunux f’pożizzjoni li jaffaċċjaw din il-kompetizzjoni u li għalhekk ikunu mġiegħla jwaqqfu l-attività tagħhom. (ara, b’analoġija, id-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ġunju 2022, Il-Bulgarija vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑545/20 R, EU:C:2022:445, punt 51, kif ukoll tat-18 ta’ Settembru 2023, Il-Polonja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑445/23 R, ECLI:EU:C:2023:703, punt 39).

73      Bl-istess mod, l-allegazzjonijiet ġenerali u astratti tar-Repubblika tal-Polonja, li l-applikazzjoni provviżorja tal-ITA twassal għal “kompetizzjoni żleali” għall-prodotti agrikoli miksuba fl-Unjoni, li tnaqqas id-dħul tal-bdiewa tal-Unjoni u li tipperikola l-istabbiltà tas-suq intern kif ukoll is-sigurtà tal-provvisti, ma huma akkumpanjati minn ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju, prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, ta’ twettiq imminenti ta’ dannu gravi u irreparabbli.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża, moqri fid-dawl tal-premessa 3 tagħha, jipprevedi li, sal-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ att leġiżlattiv speċifiku tal-Unjoni li jimplimenta l-klawżola ta’ salvagwardja bilaterali għall-prodotti agrikoli tal-EMPA u tal-ITA, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni, tadotta miżuri ta’ salvagwardja bilaterali li jkunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu 9 tal-ITA u f’din id-deċiżjoni. Għal dan l-għan, l-imsemmija deċiżjoni timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiżgura monitoraġġ iddettaljat tas-suq tal-prodotti agrikoli, li jikkostitwixxi karatteristika permanenti tal-attivitajiet tagħha fis-settur agrikolu.

75      B’mod partikolari, l-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni kontenzjuża, moqri flimkien mal-premessa 5 tagħha, jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiftaħ mingħajr dewmien investigazzjoni fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, jew ta’ kull persuna ġuridika jew assoċjazzjoni li taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni attiva fis-settur ikkonċernat, meta jkunu jeżistu provi suffiċjenti, miksuba b’mod partikolari permezz tal-monitoraġġ iddettaljat tas-suq imsemmi fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet, evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ dannu serju jew theddida ta’ dannu serju lill-industrija tal-Unjoni jew ta’ prodotti agrikoli sensittivi, inkluż f’każijiet fejn tali dannu jew theddida jkunu ġeografikament ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew aktar.

76      Bl-istess mod, l-Artikolu 2(7) ta’ din id-deċiżjoni jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi mingħajr dewmien jew eżitazzjoni, u fil-każ ta’ prodotti agrikoli sensittivi, sa mhux iktar tard minn wieħed u għoxrin jum minn meta tirċievi talba msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 2, miżuri ta’ salvagwardja bilaterali provviżorji sabiex jiġi evitat kull dannu li jkun diffiċli li jissewwa lill-industrija tal-Unjoni, inkluż meta dan id-dannu jkun ġeografikament ikkonċentrat fi Stat Membru wieħed jew iktar.

77      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 2(9) tal-imsemmija deċiżjoni, jistgħu jiġu imposti miżuri ta’ salvagwardja jekk prodotti li joriġinaw fl-Istati tal-Mercosur jiġu importati fl-Unjoni fi kwantitajiet tant miżjuda, f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew għall-konsum tal-Unjoni, u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni, inkluż meta tali dannu jew theddida jkunu ġeografikament ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew iktar. Dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu dment li ż-żieda fl-importazzjonijiet tirriżulta mill-effett tal-obbligi tal-ITA, inkluż it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq dawk il-prodotti. Skont l-Artikolu 2(10) tal-istess deċiżjoni, l-imsemmija miżuri jistgħu jieħdu l-forma ta’ sospensjoni temporanja tal-iskeda ta’ tnaqqis tad-dazji doganali għall-prodotti kkonċernati, jew ta’ tnaqqis tal-preferenza tariffarja sal-livell tan-nazzjon l-iktar favorit jew sar-rata bażika, skont liema jkun l-inqas.

78      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kontenzjuża tagħti lill-Kummissjoni setgħat li jippermettu li jiġi prekluż l-okkorrenza ta’ dannu gravi u irreparabbli li jirriżulta mir-riskji għas-sigurtà tal-ikel kif ukoll mid-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-bdiewa tal-Unjoni.

79      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ma tipprovdix il-provi neċessarji li jippermettu li jiġi stabbilit bi probabbiltà suffiċjenti li d-deċiżjoni kontenzjuża, bħala tali, twassal qabel l-għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza fil-Kawża C-460/26, għal tfixkil sinjifikattiv tal-kompetizzjoni leali fis-suq intern tal-prodotti agrikoli, li jista’ jikkawża l-falliment ta’ bdiewa tal-Unjoni, u lanqas, a fortiori, li tevalwa l-portata ta’ dan id-dannu li jkun prevedibbli qabel l-għoti ta’ din is-sentenza.

80      Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja sempliċement tafferma, b’mod astratt, l-eżistenza ta’ rabta bejn l-ITA u d-degradazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-bdiewa tal-Unjoni. Issa, l-informazzjoni pprovduta minn dan l-Istat Membru ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-bidliet invokati fis-suq tal-prodotti agrikoli humiex dovuti għall-applikazzjoni provviżorja tal-ITA jew għal elementi oħra tas-suq, b’mod partikolari l-fluttwazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija, l-ispejjeż għoljin tal-fertilizzanti, il-kompetizzjoni minn pajjiżi terzi minbarra l-pajjiżi tal-Mercosur jew il-preferenzi tal-klijenti.

81      Konsegwentement, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma tistax, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 47 ta’ dan id-digriet, tingħata, peress li r-Repubblika tal-Polonja ma wrietx b’mod suffiċjenti li l-applikazzjoni provviżorja tal-ITA sal-għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza fil-Kawża C-460/26 tista’ tikkawża, b’mod prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, dannu gravi u irreparabbli.

82      Minn dan jirriżulta li dan l-Istat Membru ma weriex l-urġenza li tiġġustifika s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

83      Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, hemm lok, għaldaqstant, li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet dwar il-fumus boni juris u dwar l-ibbilanċjar tal-interessi.

84      Konformement mal-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq il-kawża jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża.

Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

1)      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.