European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4658

9.8.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-industrija tal-manifattura tad-droni: studju tal-każ sabiex jiġi vvalutat l-eżitu f’settur strateġiku tal-politiki differenti fis-seħħ biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika Ewropea

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/4658)

Relatur:

Panagiotis GKOFAS

Korelatur:

Patrice François CHAZERAND

Konsulenti

Dimitris BIMPAS (għar-relatur tal-Grupp III)

Bastien MANCINI (għall-korelatur tal-Kategorija1)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.1.2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali

Adozzjoni fis-sezzjoni

15.5.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

30.5.2024

Sessjoni plenarja Nru

588

Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)

197/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-iskala bla preċedent tal-użu tad-droni fil-kunflitti tenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi żviluppata aktar politika industrijali unifikata fl-Ewropa li tinkorpora l-innovazzjoni kollettiva, is-sħubija u r-regolamentazzjoni adegwata f’setturi industrijali ewlenin, u l-ħtieġa għal integrazzjoni intenzjonata u sforzi kollaborattivi bejn il-gvernijiet u l-industriji biex tiġi żgurata t-tmexxija globali tal-UE.

1.2.

Il-konnessjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Droni mal-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea u l-integrazzjoni tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) biex tappoġġja l-produzzjoni domestika ta’ droni ta’ kwalità/kapaċità għolja huma essenzjali għall-indipendenza kritika tal-Ewropa.

1.3.

L-iżviluppi reċenti fil-kampijiet tal-battalja (fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani) juru li d-droni jista’ jkollhom rwol ċentrali, minħabba l-integrazzjoni ottimali u strutturata tal-komponenti, is-software u n-networks ta’ appoġġ tagħhom.

1.4.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jkompli jippromovi kollaborazzjoni u innovazzjoni mtejbin kif ukoll l-isfruttar tal-leġiżlazzjoni, bħall-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) u l-Att dwar iċ-Ċipep, biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika u tingħata spinta lis-sigurtà nazzjonali u t-tkabbir ekonomiku.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li l-ħtieġa għal koerenza bejn ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) militari u ċivili se tkompli tikber peress li d-droni se jagħmlu użu dejjem akbar mill-awtomatizzazzjoni, it-tagħlim awtomatiku u l-Intelliġenza Artifiċjali (IA). Skont ir-Rapport tal-Grupp tal-Mexxejja tad-Droni, jinħtieġu aktar konnessjonijiet teknoloġiċi u amministrattivi bejn setturi differenti, mingħajr ma jiġi kompromess il-baġit allokat għar-R&Ż, kemm f’teknoloġiji ċivili kif ukoll f’dawk militari. Il-KESE jappoġġja triq ta’ armonizzazzjoni bil-għan li tissemplifika l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet b’użu doppju, u ttejjeb l-effiċjenza u l-kompatibilità.

1.6.

Pjan Direzzjonali Strateġiku għat-Teknoloġija tad-Droni għall-Ewropa huwa essenzjali għat-teknoloġiji kritiċi tad-droni u s-sistemi ta’ droni b’użu doppju, u x’aktarx jipprovdi approċċ strutturat għall-avvanz tat-teknoloġija tad-droni.

1.7.

Għandha tingħata kunsiderazzjoni bir-reqqa lill-appoġġ finanzjarju ta’ investimenti potenzjali fil-produzzjoni tad-droni u fl-integrazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u tal-valur. Il-KESE jinnota b’mod partikolari li s-suq Ewropew tad-droni jinkludi SMEs li jixtiequ jkollhom iċ-ċertezza ta’ fluss kostanti ta’ akkwist pubbliku u skemi speċifiċi ta’ finanzjament imfassla biex jappoġġjaw ir-R&Ż. Flessibilità akbar fil-politika tal-kompetizzjoni għandha tgħin biex jitwessa’ l-aċċess għall-programmi ta’ għajnuna mill-Istat.

1.8.

Ġew proposti diversi azzjonijiet biex tkompli tavvanza l-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2.0 tad-Droni.

—

Minkejja li l-implimentazzjoni tar-regolament U-Space hija diffiċli, dan huwa fundamentali għall-operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS). Fehim komuni ta’ dawn ir-regolamenti ġodda huwa ferm meħtieġ.

—

L-UE għandha timpenja ruħha b’mod aktar attiv fil-livell globali, speċjalment fir-rigward tal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni.

—

L-aċċettazzjoni mis-soċjetà ta’ operazzjonijiet innovattivi ta’ mobilità bl-ajru hija essenzjali: l-appoġġ tal-UE jista’ jsaħħaħ l-ekosistema ġenerali tal-avjazzjoni, u jikkontribwixxi għat-tkabbir u s-sostenibbiltà tagħha.

1.9.

Strateġija konkreta għandha tqis aktar l-avvanzi u l-ħtiġijiet reċenti fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, il-provvista tal-kura tas-saħħa, l-impatt tat-tibdil fil-klima u l-kompetittività fis-setturi tal-agrikola, tat-trasport u tal-loġistika.

1.10.

Il-KESE jappoġġja kwalunkwe inizjattiva tal-partijiet pubbliċi u privati kkonċernati fil-livell ċentrali u reġjonali li tiffoka fuq l-iżvilupp tat-taħriġ u l-edukazzjoni dwar l-użu tad-droni u l-ħolqien ta’ kultura ta’ użu responsabbli u sikur tad-droni u s-servizzi tagħhom li se ttejjeb il-fiduċja u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.

1.11.

L-UE għandha tkun lesta wkoll li toħloq strateġija konsolidata dwar l-iżvilupp ta’ sistema umbrella komuni għal kontra d-droni biex jiġu ffaċċjati riskji multipli relatati ma’ theddid ibridu, azzjonijiet terroristiċi, aggressjoni minn stati oħra, u saħansitra abbuż fil-livell ċivili.

2.   Kuntest tal-Opinjoni, inkluża l-proposta leġiżlattiva kkonċernata

2.1.

Għalkemm kapaċi jtiru fuq u taħt l-art u l-ilma, din l-Opinjoni tikkonċerna d-droni li jtiru mingħajr bdot, li huma addattati għal kull tip ta’ temp u għal skopijiet multipli, bi prezz relattivament baxx, u li kapaċi jimmonitorjaw, imantnu u joperaw b’mod effettiv it-tipi kollha ta’ networks u grilji, jippermettu biedja ta’ preċiżjoni, jiżguraw kunsinni rapidi fid-djar u kullimkien, iwettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ f’ambjenti ostili, eċċ. Dawn jirnexxu permezz ta’ varjetà ta’ teknoloġiji avvanzati: konnettività bla fili u b’latenza baxxa, materjali komposti ħfief, magni elettriċi ta’ prestazzjoni għolja, kontrolli li jaħdmu bl-IA, eċċ.

2.2.

L-iżvilupp ta’ ekosistema tad-droni sigura u effiċjenti jingħata prijorità fl-Istrateġija Ewropea 2.0 tad-Droni tal-2022. Il-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea (1) ta’ Ġunju 2023 dwar Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika pproponiet qafas komuni għas-sigurtà ekonomika ffukat fuq l-iżvilupp tal-kapaċità industrijali tal-UE, it-titjib tal-kompetittività tagħha u t-tisħiħ tal-indipendenza ekonomika f’oqsma kritiċi u strateġiċi.

Mill-2019 ’l hawn, id-droni ġew operati fl-UE f’konformità mar-Regolamenti 2019/947 u 2019/945. Peress li tingħata prijorità lis-sigurtà, fl-2020 ġew adottati tliet regolamenti ta’ implimentazzjoni dwar l-U-space biex tiġi indirizzata s-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għad-droni.

2.3.

Il-KESE jinnota li għalkemm id-droni ilhom dawn l-aħħar 30 sena jintużaw għad-difiża, il-kapaċitajiet tad-droni militari Ewropej għadhom inqas żviluppati, mentri fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani qed jintużaw inġenji tal-ajru rħas, komodifikati u mingħajr bdot biex iġorru b’suċċess missili għaljin li għandhom teknoloġija mill-aktar avvanzata. L-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea, adottata f’Marzu 2024, tenfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-kapaċità biex tiżdied u tinkiseb malajr il-produzzjoni tal-massa tad-droni jista’ jiġi identifikat bħala element ewlieni tal-istat tat-tħejjija tad-difiża tal-UE f’każ ta’ kunflitti ta’ intensità għolja. Minkejja d-determinazzjoni ta’ min ifaħħarha tal-Kummissjoni li taħsad sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u spazjali, huwa diffiċli li tagħmel avvanz f’dak li spiss jitqies bħala prerogattiva nazzjonali. Madankollu, dan huwa l-aktar fattur kritiku ta’ suċċess għall-kompetittività tal-ekosistema Ewropea tad-droni u għall-kapaċitajiet tad-difiża tal-Unjoni. Iż-żieda fil-kunflitti ta’ intensità għolja ma tħalli lill-UE l-ebda għażla oħra ħlief li l-Kummissjoni tistieden lill-forzi armati tal-Istati Membri jakkwistaw mingħand fornituri Ewropej tagħmir u kapaċitajiet ta’ difiża ta’ kwalità għolja u kosteffettivi adattati għall-ambjent strateġiku l-ġdid tagħna, f’konformità mal-użu adatt tal-fondi pubbliċi. Dan huwa rekwiżit urġenti partikolarment konvinċenti għat-trawwim ta’ industrija tad-difiża Ewropea vijabbli.

2.4.

Minħabba l-kosteffettività inerenti tad-droni, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li s-settur tad-droni jittieħed bħala każ pilota għal appoġġ pubbliku mfassal apposta. Bħalissa, l-ekosistema vibranti ta’ atturi żgħar iżda innovattivi u sofistikati ħafna mifruxa fl-Ewropa kollha, prinċipalment takkwista komponenti ewlenin minn barra l-Ewropa minħabba li s-suq mhuwiex kbir biżżejjed. Barra minn hekk, il-manifattura tad-droni għaddejja minn żewġ żviluppi li qed ibiddlu l-qagħda attwali: il-vetturi mingħajr bdot qed jissostitwixxu dawk ikkontrollati mill-bniedem peress li l-IA qed ittejjeb il-prestazzjoni tagħhom u l-komodifikazzjoni mifruxa ferm tal-armi li qed tnaqqas il-prezz tas-sistemi effettivi tal-armi. L-UE jeħtiġilha tgħin lill-industrija Ewropea tisfrutta din il-mewġa doppja qawwija biex tagħti spinta lill-kompetittività globali tagħha: il-futur tal-Ewropa, kemm ċivili kif ukoll militari, huwa f’riskju. Id-droni se jkunu test tajjeb għall-akkwist konġunt tal-UE, li s’issa ma tantx mar tajjeb. Il-koordinazzjoni transfruntiera bla xkiel se tgħin biex is-suq tad-droni jiġi integrat bis-sħiħ fis-suq uniku. Jekk jirriżulta li dan l-għan huwa ambizzjuż iżżejjed, il-KESE jirrakkomanda li, f’konformità mal-ispirtu tal-PESCO, il-Kummissjoni trawwem koalizzjonijiet ta’ dawk li għandhom ir-rieda. Dawn jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta’ tip ta’ “Airbus tad-drones”. L-isfidi ffaċċjati fis-snin 70 kienu daqstant inkwetanti, u l-eżitu kien verament ta’ ispirazzjoni. Il-kandidati li jiċħdu l-effiċjenza ekoloġika, in-newtralità klimatika, ir-rispett għal-liġijiet tax-xogħol u l-valuri demokratiċi għandhom jitwarrbu.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Tensjonijiet ġeopolitiċi kbar fil-periferija tal-Ewropa enfasizzaw inċertezza dejjem akbar, u appellaw għal reviżjoni urġenti tad-dipendenzi kritiċi ekonomiċi u politiċi u l-prijoritajiet tal-politika fil-livell tal-UE.

3.2.

L-Opinjonijiet reċenti tal-KESE (2) ffukaw fuq it-tqabbil tal-ħtieġa li jiġu żviluppati inizjattivi dwar it-tfittxija ta’ awtonomija strateġika mal-iżgurar ta’ infrastruttura kritika, u, fl-istess ħin, tittejjeb il-kompetittività fis-settur industrijali, speċjalment fil-qasam tat-teknoloġiji diġitali u spazjali. L-istess bħal fil-każ ta’ Opinjonijiet oħra (3) li jenfasizzaw l-importanza ta’ sinerġiji doppji bejn is-setturi ċivili, militari u diġitali, dawn l-Opinjonijiet indirizzaw kif jista’ jingħata kontribut għall-għanijiet tal-awtonomija strateġika, is-sostenibbiltà, is-sovranità u l-indipendenza kritika. Skont kif stqarr l-istudjuż Paul Timmers f’pubblikazzjoni reċenti (4), l-awtonomija strateġika tikkonsisti fil-ħiliet, il-kapaċitajiet, u l-kontroll biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar aspetti essenzjali tal-ekonomija, is-soċjetà u d-demokrazija tagħna. L-isfida hija li t-tfassil tal-politika jiġi adattat għar-realtà tal-ġeopolitika u t-teknoloġija.

3.3.

Il-KESE jqis li d-droni huma maħsuba bħala prodotti b’użu doppju. Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li “[l-Istrateġija dwar id-Droni] mhux biss tikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fl-SSMS, iżda anki għall-objettivi tal-‘Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju’ adottat fi Frar 2020, u li jinkludi proġett ewlieni tal-UE dwar it-Teknoloġiji tad-Droni”. Il-KESE jappoġġja d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tara li “[s]e jingħarfu s-sinerġiji tal-industrija tad-difiża u ċivili, u jinħatfu b’mod sistematiku. Se jtejbu l-kompetittività tal-industrija Ewropea u jsaħħu l-awtonomija strateġika tal-Ewropa, għax l-Istati Membri se jkunu jistgħu jistrieħu fuq teknoloġija kompetittiva tad-droni maħluqa fl-Ewropa”.

3.4.

Għandhom jitqiesu wkoll l-attakki u t-theddid ibridi u l-forom mhux konvenzjonali ta’ gwerer meta jitfasslu d-droni biex jiskoraġġixxu jew jiġġieldu ċerti azzjonijiet mhux ipprovokati, bħall-attakki terroristiċi, l-armi bijoloġiċi u l-vjolenza individwali jew ta’ grupp.

3.5.

Il-KESE jaqbel ukoll mal-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea biex taġġusta l-qafas regolatorju għall-użu tad-droni abbażi tal-prinċipju tas-“sikurezza l-ewwel”. Minn dan jirriżulta li l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni jridu jiffokaw fuq l-awtoritajiet u l-popolazzjonijiet lokali u reġjonali biex jinfurmawhom dwar il-benefiċċji tal-użu tad-droni u biex itejbu l-fiduċja tal-pubbliku fit-teknoloġiji diġitali.

3.6.

Ġiet stabbilita distinzjoni bażika bejn il-ġestjoni u l-kunċettwalizzazzjoni tal-użu tad-droni fl-isfera pubblika: il-qasam tat-trasport ċivili u l-użu tad-droni għal skopijiet ta’ divertiment huma soġġetti għal regolamentazzjoni ħafifa u immirata lejn is-sikurezza, mentri l-applikazzjonijiet militari huma soġġetti għal regoli kumplessi u lock-in teknoloġiku. L-Ewropa, li nqabdet fuq sieq waħda mill-gwerra fl-Ukrajna, jeħtieġ li ssaħħaħ b’mod urġenti l-ekonomiji ta’ skala u s-sinerġiji doppji biex issaħħaħ id-difiża tagħha, billi tibda bit-titjib tal-koordinazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

3.7.

Peress li l-iskala hija importanti fil-produzzjoni lokali kompetittiva ta’ kull komponent tad-droni, il-KESE jappella għal azzjonijiet u politiki fil-pront dwar il-produzzjoni tad-droni u dwar is-salvagwardja ta’ volum suffiċjenti ta’ partijiet ta’ prodotti diġitali li ma jiġux assemblati, semikondutturi, chipsets u muturi għall-immuntar tad-droni; dawn il-partijiet endoġeni se jissostitwixxu l-importazzjonijiet u jnaqqsu d-dipendenzi kritiċi mill-materja prima. Għalkemm, b’mod aktar ġenerali, l-UE għandha tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri li jiddedikaw il-biċċa l-kbira tal-baġits tagħhom biex jakkwistaw tagħmir u sistemi minn fornituri Ewropej, is-saħħa tal-industrija tad-droni tal-Ewropa tiddependi direttament minn kemm se jkunu b’saħħithom u awtonomi it-teknoloġiji abilitanti (minn muturi elettriċi għal materjali komposti jew IA).

3.8.

It-titjib tal-kapaċitajiet militari: Jekk “[i]l-kapaċitajiet militari Ewropej tad-droni għadhom anqas maturi milli huma f’reġjuni oħra tad-dinja, filwaqt li l-kontribut potenzjali tad-droni militari għall-awtonomija Strateġika Ewropea futura hu rikonoxxut ferm”, id-disinn, il-produzzjoni u l-użu tat-teknoloġija tad-droni fis-settur militari għandhom ikunu aktar avvanzati u mmonitorjati bir-reqqa.

3.9.

Minħabba l-frammentazzjoni tas-suq domestiku tagħna, il-produzzjoni tal-biċċa l-kbira tal-elettronika inkorporata fid-droni sseħħ barra mill-Ewropa. Il-kumpaniji Ewropej bħalissa qed jixtru komponenti minn bejjiegħa li ma jafux minn fejn toriġina din l-elettronika. F’dan ir-rigward, il-KESE japprezza l-lingwaġġ b’saħħtu użat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Jannar 2024 dwar It-tmexxija ’l quddiem tas-sigurtà ekonomika Ewropea: l-introduzzjoni ta’ ħames inizjattivi ġodda biex twissi kontra “diversi azzjonijiet li jistgħu jfittxu li jinterferixxu mal-għażliet sovrani leġittimi tal-UE u l-Istati Membri tagħha jew inkella jarmaw id-dipendenzi ekonomiċi fir-relazzjonijiet mal-UE”.

3.10.

Il-KESE jappoġġja l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-istandards u l-interoperabbiltà: l-Azzjonijiet ewlenin 15 (proċess ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex “jallinjaw ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni tal-applikazzjonijiet ċivili u militari mar-rekwiżiti stabbiliti mill-EASA, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet militari u l-istandards taċ-ċertifikazzjoni militari eżistenti”) u 16 (“xenarji standard ġodda għall-operazzjonijiet ċivili li jistgħu jiffaċilitaw il-każijiet korrispondenti ta’ użu militari”) ta’ min jiġu appoġġjati.

3.11.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li “[l]-iżvilupp ta’ droni mill-aktar avvanzati b’rekwiżiti akbar taċ-ċibersigurtà, b’mod partikolari fil-kategoriji ‘miftuħa’ u ‘speċifika’ tal-operazzjonijiet, jista’ jagħti vantaġġ kompetittiv lill-industrija tal-UE”.

3.12.

L-effiċjenza ekonomika u ekoloġika jappellaw għal sostituzzjoni gradwali tal-fattur uman u l-ajrunawtika għalja (ħelikopters jew inġenji tal-ajru) bħala reazzjoni għal kriżijiet urġenti. B’mod aktar ġenerali, meta wieħed iqis l-użu tagħhom mill-monitoraġġ regolari ta’ infrastrutturi kritiċi sal-kunsinna ta’ mediċina jew pakketti u l-infurzar tal-liġi u l-ordni pubbliku, id-droni huma essenzjali għal tranżizzjoni ekoloġika rapida u b’saħħitha.

3.13.

Il-promozzjoni ta’ R&Ż koordinati fit-teknoloġiji diġitali u l-industriji tal-ispazju u tad-droni se trawwem għodod ġodda li x’aktarx jimmultiplikaw b’mod esponenzjali (skont Drone Industry Insights (5), sal-2030, is-suq tad-droni huwa mistenni li jaqbeż il-EUR 50 biljun) u ssaħħaħ is-sovranità teknoloġika tal-Ewropa, dment li r-regolamenti implimentati b’mod strett jiskoraġġixxu t-tnixxija tat-teknoloġija lill-atturi mhux tal-UE.

3.14.

Billi l-UE tqis li l-produzzjoni lokali tad-droni hija kwistjoni ta’ sovranità jew awtonomija strateġika, il-KESE jirrakkomanda li, minbarra l-akkwist konġunt dettaljat fil-punt 3.5, ikun hemm sussidji disponibbli għall-manifatturi tal-UE, inkluż għal oġġetti ta’ teknoloġija relattivament baxxa bħall-muturi elettriċi, u jitħeġġeġ l-iżvilupp transfruntier . It-tkabbir huwa tabilħaqq l-uniku mod biex il-produtturi lokali jikkompetu ma’ pajjiżi terzi, u għaldaqstant huwa l-unika soluzzjoni għall-armati Ewropej biex jakkwistaw tagħmir lokalment tul il-katina kollha tal-valur relatata mad-droni.

3.15.

Il-firxa tal-prodotti tal-manifatturi tad-droni tinkludi varjetà ta’ oġġetti, minn ġugarelli ħfief sa ajruplani li jaħżnu bombi li jiżnu 10 tunnellati. Dan jagħmel il-klassifikazzjoni ta’ sfida, iżda l-KESE jaqbel mal-approċċ iċċentrat fuq l-operat meħud mill-Kummissjoni.

3.16.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-Azzjoni ewlenija 9 dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li “tkompli tipprovdi finanzjament għall-R&I fid-droni u fl-integrazzjoni tagħhom fl-ispazju tal-ajru permezz tal-programm Orizzont Ewropa u l-Fond Ewropew għad-Difiża”. B’mod aktar idettaljat, l-Azzjonijiet ewlenin 10 u 11 dwar l-emendar possibbli tal-qafas eżistenti ta’ finanzjament/fondi wkoll jistħoqqilhom appoġġ.

3.17.

Il-mobilizzazzjoni ta’ skemi ta’ finanzjament differenti hija essenzjali biex jittieħed vantaġġ mit-trikkib fl-applikazzjonijiet ta’ teknoloġija avvanzata u x-xiri ta’ materja prima kritika, sabiex ikunu jistgħu jiġu prodotti oġġetti innovattivi u biex il-modi konvenzjonali ta’ missjonijiet bl-ajru u ta’ trasport (missjonijiet bl-ekwipaġġ, ħelikopters) jiġu sostitwiti bid-droni u missjonijiet mingħajr bdot. Għaldaqstant, sett ta’ għażliet u mekkaniżmi għandhom ikunu disponibbli jew permezz ta’ tipi standardizzati ta’ finanzjament, in-Next Generation EU u fondi nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, jew permezz ta’ strumenti finanzjarji personalizzati tal-Bank Ewropew tal-Investiment jew proġetti tal-UE.

3.18.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-iżvilupp tal-manifattura tad-droni u l-użu estensiv tad-droni jridu jkunu assoċjati ma’ reviżjoni tal-kurrikuli tat-taħriġ u l-edukazzjoni. Korsijiet b’kontenut speċifiku (simili għal dawk għas-sewqan ta’ karozzi jew in-navigazzjoni ta’ bastimenti fuq l-ilma) jistgħu jkunu strumentali biex jitnaqqsu l-lakuni fl-għarfien fost il-popolazzjonijiet lokali, inklużi l-professjonisti (l-uffiċjali tal-posta, l-utenti tat-trasport, eċċ.), l-impjegati, iċ-ċittadini, l-uffiċjali tal-gvern u anke l-forzi militari.

3.19.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp ta’ kultura ta’ użu responsabbli u sikur tad-droni u s-servizzi tagħhom u ta’ kultura ta’ fiduċja pubblika, kif stipulat fl-Azzjoni ewlenija 4, li tippermetti l-aħjar użu tad-droni skont l-ambjent ikkonċernat. L-awtoritajiet lokali jew indipendenti għandhom jingħataw permess biex jaġġustaw il-qafas għall-użu f’żoni protetti, foresti u lagi, u fuq bersalli sensittivi eċċ. L-aħjar prattiki għal mezzi simili, bħal skates, roti, u scooters elettriċi, għandhom jiġu analizzati biex jitnaqqsu ċerti riskji ta’ użu ħażin.

Is-setturi tat-trasport u tal-loġistika

3.20.

L-impjegati u l-kumpaniji żgħar jeħtieġu appoġġ biex jiffaċċjaw l-impatti negattivi tat-tranżizzjoni lejn l-awtomatizzazzjoni tat-trasport, tal-konsenji, eċċ. F’sitwazzjoni ta’ trikkib tat-teknoloġija, l-industrija tad-droni toffri lill-industrija tal-ajruspazju mudellar fuq skala u bank tat-test reali għal prototipi u teknoloġiji ġodda, u b’hekk jiġi eliminat ir-riskju għall-bniedem u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-esperimenti.

Protezzjoni tas-saħħa

3.21.

Politika ta’ investiment b’kontenut speċifiku għandha tkun imfassla biex tattira finanzjament u kostrutturi ta’ droni fil-qasam tal-iżvilupp ta’ għodod li jiffaċilitaw it-teledijanjożi u t-trasport ta’ materjal mediku, mediċina u testijiet mediċi lejn żoni rurali, barranin u mbiegħda.

Protezzjoni ambjentali/ċivili

3.22.

L-involviment tad-DĠ ECHO fil-ħolqien ta’ prodotti speċifiċi marbuta mad-droni għall-prevenzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tad-diżastri naturali huwa essenzjali. Dan se jinvolvi għodod komuni u proċessi armonizzati għall-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali u tan-natura (eż. l-ilma, l-istorbju, l-iskart u t-tniġġis tal-arja) u l-protezzjoni ċivili u tal-annimali.

3.23.

L-iżvilupp tas-suq tad-droni jrid ikun konformi mal-Patt Ekoloġiku u l-prijoritajiet tal-ekonomija ċirkolari kif stabbiliti fil-leġiżlazzjoni u l-politiki Ewropej.

Responsabbiltà soċjali/GDPR

3.24.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-fiduċja taċ-ċittadini fit-teknoloġiji diġitali qiegħda dejjem tikber bis-saħħa tar-regoli u l-linji gwida ċari għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-privatezza. F’dan ir-rigward, il-kodiċi ta’ kondotta dwar id-droni li jtiru u l-vidjows tat-taħriġ tal-EASA (6) huma bidu tajjeb li ta’ min jespandi u jibni fuqhom permezz ta’ msieħba fid-djalogu soċjali u s-soċjetà ċivili.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

L-istrateġija Ewropea għal politika tad-droni m’għandhiex tara l-industrija tad-droni bħala l-prerogattiva esklużiva ta’ esperti ta’ teknoloġija avvanzata jew militari. Id-droni diġà qed jiġu integrati, mingħajr wisq attenzjoni mogħtija għal dan il-fatt, f’ħafna oqsma ċivili, bħas-servizzi postali, ix-xogħlijiet pubbliċi, il-kunsinni, l-arti u ċ-ċinema. Huma jitfgħu dawl ġdid fuq kif naraw in-natura, l-iżvilupp urban u rurali, il-wirt storiku u kulturali tagħna.

4.2.

Il-KESE ma jistax jagħmel mod ieħor ħlief li jappoġġja l-aspettattivi tal-Kummissjoni (7) li “[l]-ekosistema tad-droni se toħloq ix-xogħol, tippromwovi u tħares l-għarfien espert teknoloġiku Ewropew u tiftaħ bibien ta’ opportunitajiet ta’ tkabbir għall-ekonomija kollha tal-UE, u b’hekk il-kumpaniji Ewropej, inkluż l-SMEs ġodda, ikunu jistgħu jikbru u jirnexxu bħala pijunieri dinjin”.

4.3.

Is-settur agrikolu għandu jibbenefika aktar mill-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tad-droni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-temp, il-kapaċitajiet tal-ħsad, l-istimi tal-ħsara u l-użu tal-ilma, u għall-valutazzjonijiet tal-produttività.

4.4.

Ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet u xjenzati, b’mod partikolari nisa, għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw fi proġetti konġunti ta’ R&Ż fil-manifattura tad-droni u għandhom jitħarrġu dwar kif jikkummerċjalizzawhom b’mod soċjalment responsabbli. L-għotjiet tal-UE għandhom jappoġġjaw lill-istituti tar-R&Ż f’universitajiet tekniċi ffukati fuq ir-R&Ż tad-droni, kif ukoll kumpaniji tal-UE ffukati fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji relatati, b’kollaborazzjoni akkademika jew mingħajrha ma’ istituti ta’ R&Ż jew universitajiet barra mill-UE.

4.5.

Il-KESE jaqbel ukoll li “[s]-servizzi tad-droni jenħtieġ li jiġu promossi abbażi tal-inklużività, l-aċċess affordabbli u s-sostenibbiltà, u ma jkunux ristretti għal ‘ftit sinjuri’”. Madankollu, dan l-għan nobbli mhux se jintlaħaq mingħajr ma jingħata appoġġ adatt lill-manifatturi.

4.6.

F’termini ta’ koordinazzjoni istituzzjonali u protezzjoni tal-valuri demokratiċi, il-KESE jenfasizza li qafas regolatorju għall-użu tad-droni huwa essenzjali, sabiex ma jitqiegħdux f’riskju d-drittijiet demokratiċi tan-nies. Il-gvernijiet u s-sidien privati għandhom jiġu pprojbiti minn kondotta abbużiva tad-droni bil-għan li jitneħħew id-drittijiet demokratiċi. Għalhekk, l-involviment tal-awtoritajiet ġudizzjarji u indipendenti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet rigward l-użu ta’ droni għal raġunijiet ta’ interess pubbliku għandu jiġi regolat.

Brussell, it-30 ta’ Mejju 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_23_3358.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar “Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika” (JOIN(2023) 20 final) (ĠU C, C/2024/2489, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2489/oj).

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali” (COM(2021) 70 final) (ĠU C 374, 16.9.2021, p. 66).

(4)   https://link.springer.com/chapter/10.1007/978-3-031-45304-5_36.

(5)  Global Drone Market Report 2023-2030 (Rapport tas-Suq Globali tad-Droni 2023-2030, mhux disponibbli bil-Malti), https://droneii.com/product/drone-market-report.

(6)   https://www.easa.europa.eu/en/light/topics/flying-drone-how-be-safe-drone-pilot.

(7)   https://transport.ec.europa.eu/system/files/2022-05/Drone_Leaders_Group_Report_2022-04-26.pdf.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4658/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)