Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fit‑23 ta’ April 2026 (1)
Kawżi magħquda C‑142/25 u C‑143/25 [Pepach] (i)
LF (C‑142/25),
CV (C‑143/25)
vs
Pensionsversicherungsanstalt
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 44(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Eżami tad-dritt għall-pensjoni tax-xjuħija – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati fi Stat Membru ieħor – Kundizzjonijiet – Artikolu 21 TFUE – Moviment liberu taċ-ċittadini – Prinċipju ta’ trattament ugwali tal-fatti”
I. Daħla
1. Dawn il-kawżi magħquda jikkonċernaw, għal darba oħra (2), l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE u tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (3). L-Artikolu 44(2) jirrikjedi li, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija lil persuna, l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih dik il-persuna tkun ħadmet (bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha) (Stat Membru A) qabel ma tkun iddedikat ħinha għat-trobbija ta’ wliedha fi Stat Membru ieħor (Stat Membru B) japplikaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-leġiżlazzjoni tiegħu għal tali perijodi ta’ trobbija tal-ulied u jikkunsidrawhom bħallikieku ġew ikkompletati fit-territorju tiegħu.
2. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) fil-kuntest ta’ tilwim bejn LF (fil-Kawża C‑142/25) u CV (fil-Kawża C‑143/25) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“appellanti”) u l-Pensionsversicherungsanstalt (iktar ’il quddiem il-“PVA”), l-istituzzjoni responsabbli għall-iskema legali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fl-Awstrija. Dawn jirrigwardaw ir-rifjut tal-PVA li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-iskop tal-kalkolu tal-pensjonijiet tax-xjuħija tal-appellanti, il-perijodi ta’ żmien li ddedikaw għat-trobbija ta’ wliedhom fil-Belġju u fl-Italja, rispettivament.
3. Il-kwistjonijiet imqajma huma tnejn. L-ewwel, fil-Kawża C‑142/25, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, jiġifieri li l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati barra mill-pajjiż għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru A (f’dan il-każ, l-Awstrija) għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija biss jekk “ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal” fl-Istat Membru B (f’dan il-każ, il-Belġju). Din il-qorti tistaqsi jekk minn dik il-kundizzjoni jirriżultax li l-Istat Membru B ma kellux jadotta leġiżlazzjoni li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied b’mod ġenerali, jew jekk huwiex biżżejjed li l-perijodi kontenzjużi ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B fis-sitwazzjoni individwali partikolari.
4. It-tieni, fiż-żewġ Kawżi C‑142/25 u C‑143/25, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) titlob kjarifika dwar it-test ta’ “rabta suffiċjentement stretta” jew ta’ “rabta suffiċjenti” li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil-ġurisprudenza tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 21 TFUE (4) u li japplika f’sitwazzjonijiet fejn il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma humiex issodisfatti, sabiex jitħeġġeġ it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-pensjoni (5). Fuq il-bażi ta’ dan it-test, l-Istat Membru A (l-Awstrija) għandu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati fl-Istat Membru B (il-Belġju u l-Italja, rispettivament) u jqis li dawn il-perijodi jkunu ġew ikkompletati fit-territorju tiegħu stess, sakemm dawn ikunu “marbuta b’mod suffiċjentement strett” jew “suffiċjentement marbuta” (6) ma’ “perijodi ta’ assigurazzjoni” kkompletati mill-persuna kkonċernata fl-Istat Membru A. Tali rabta teżisti biss meta din il-persuna tkun ħadmet esklużivament fl-Istat Membru A, kemm qabel ma tkun rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B u kif ukoll wara?
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Ir-Regolament Nru 883/2004
5. It-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika” jinkludi, inter alia, l-Artikolu 11, li jipprevedi:
“1. Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.
[…]
3. Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:
(a) persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;
[…]
(e) kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.
[…]”
2. Ir-Regolament Nru 987/2009
6. Ir-Regolament Nru 987/2009 jistabbilixxi l-proċedura ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, skont l-Artikolu 89 ta’ dan l-aħħar regolament.
7. Skont il-premessa 14 tar-Regolament Nru 987/2009:
“Ċerti regoli u proċeduri speċifiċi huma meħtieġa biex tkun definita l-leġislazzjoni applikabbli biex jittieħed kont ta’ perijodi li matulhom persuna assigurata iddedikat iż-żmien tagħha għat-trobbija ta’ tfal f’ diversi Stati Membri.”
8. L-Artikolu 44 tar-Regolament jistabbilixxi:
“(1) Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘perijodu għat-trobbija tat-tfal’ għandha tirriferi għal kwalunkwe perijodu li huwa kreditat taħt il-leġislazzjoni tal-pensjonijiet ta’ Stat Membru jew li jipprovdi suppliment għal pensjoni espliċitament għal raġuni li persuna tkun rabbiet tifel/tifla, irrispettivament mill-metodu użat biex tikkalkula dawk il-perijodi u jekk jakkumulawx matul iż-żmien tat-trobbija tal-tfal jew jiġux rikonoxxuti retroattivament.
(2) Fejn, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li huwa kompetenti taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004], ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu, taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004], kienet applikabbli għall-persuna kkonċernata abbażi li hu jew hi kienu qed iwettqu attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fid-data meta, taħt dik il-leġislazzjoni, beda jittieħed kont tal-perijodu għat-trobbija tat-tfal għat-tfal konċernati, għandha tibqa’ responsabbli sabiex jittieħed kont ta’ dak il-perijodu bħala perijodu għat-trobbija tat-tfal taħt il-leġislazzjoni tagħha, daqslikieku t-trobbija tat-tfal seħħet fit-territorju proprju tagħha.
[…]”
B. Id-dritt nazzjonali
9. L-Artikolu 16(3a) tal-Allgemeines Pensionsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Pensjonijiet; iktar ’il quddiem l-“APG”) (BGBl. I, 142/2004) jipprevedi, b’mod partikolari, li perijodi ta’ kwalifika sostituttivi li dak li jkun iqatta’ jrabbi lil uliedu skont l-Artikolu 227a tal-Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem l-“ASVG”) (BGBl. 189/1955) u skont l-Artikolu 116a tal-Gewerbliches Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali għal Persuni Involuti fil-Kummerċ u n-Negozju; iktar ’il quddiem il-“GSVG”) (BGBl. 560/1978) għandhom jitqiesu wkoll bħala xhur ta’ assigurazzjoni sabiex jiġi ssodisfatt il-perijodu minimu ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 4(1) ta’ din il-leġiżlazzjoni.
10. L-Artikolu 227a tal-ASVG jistabbilixxi:
“(1) Barra minn hekk, fejn persuna assigurata kienet fil-fatt il-persuna prinċipalment responsabbli għat-trobbija ta’ wliedha (subartikolu 2), din it-trobbija tal-ulied fil-pajjiż, sa massimu ta’ 48 xahar kalendarju mit-twelid tal-ulied, għandu jikkostitwixxi perijodu ta’ kwalifika sostittutiv wara l‑31 ta’ Diċembru 1955 u qabel l‑1 ta’ Jannar 2005 fil-klassi tal-assigurazzjoni tal-pensjoni li fiha jaqa’ l-aħħar perijodu ta’ kontribuzzjoni preċedenti, jew, fejn ma jeżistix perijodu bħal dan, fil-klassi li fiha jaqa’ l-perijodu ta’ kontribuzzjoni li jmiss. Fil-każ ta’ iktar minn twelid wieħed, il-perijodu ta’ 48 xahar kalendarju jiġi estiż għal 60 xahar kalendarju.
[…]”
III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
A. Kawża C‑142/25
11. LF hija ċittadina Awstrijaka, imwielda fl‑1963. Bejn l‑1 ta’ Novembru 1980 u t‑30 ta’ April 1984, hija akkumulat 30 xahar ta’ kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni obbligatorja fl-Awstrija, minħabba li kienet teżerċita attività bħala persuna impjegata (bħala apprendista u impjegata), segwiti minn 5 xhur ta’ perijodi ta’ kwalifika sostituttivi, bejn l‑1 ta’ Mejju 1984 u t‑30 ta’ Settembru 1984, f’dan l-istess Stat Membru.
12. Fit‑23 ta’ Lulju 1984, LF welldet l-ewwel wild tagħha fl-Awstrija. Sat‑30 ta’ April 1985, hija baqgħet f’dak l-Istat Membru u ddedikat ruħha għat-trobbija tal-wild tagħha.
13. F’Mejju 1985, LF marret toqgħod il-Belġju mal-wild tagħha, fejn welldet it-tieni wild tagħha fil‑15 ta’ Marzu 1986. Sal‑1993, hija kienet tirrisjedi fil-Belġju flimkien ma’ wliedha. Matul dan il-perijodu, hija ma eżerċitat l-ebda attività professjonali u ddedikat ruħha għat-trobbija ta’ wliedha. Hija ma kkompletat l-ebda “perijodu ta’ assigurazzjoni” li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tingħata pensjoni tax-xjuħija.
14. Bejn l‑1993 u l‑2013, LF bdiet impjieg fil-Ġermanja (bħala ħaddiema fruntaliera). Hija akkumulat total ta’ 240 xahar ta’ kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni obbligatorja fil-Ġermanja, minħabba l-impjieg tagħha. Hija kompliet tgħix fil-Belġju matul dan il-perijodu.
15. F’April 2013, LF marret lura l-Awstrija u bdiet teżerċita attività rremunerata hemmhekk. Sal‑1 ta’ Mejju 2023, hija kienet akkumulat 120 xahar addizzjonali ta’ kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni obbligatorja fl-Awstrija.
16. LF applikat għand il-PVA sabiex jiġu ddeterminati l-“perijodi ta’ assigurazzjoni” li hija kienet akkumulat skont l-Artikolu 247(1) tal-ASVG, għall-finijiet tal-pensjoni tax-xjuħija tagħha.
17. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Mejju 2023, il-PVA kkunsidrat li LF kienet akkumulat total ta’ 162 xahar ta’ assigurazzjoni skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka. Madankollu, kienu biss ix-xhur minn Ottubru 1984 sa April 1985 li ttieħdu inkunsiderazzjoni bħala perijodi ta’ trobbija tal-ulied u li ġew ittrattati bħala ekwivalenti għal perijodi ta’ assigurazzjoni ta’ kwalifika.
18. LF ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qrati Awstrijaċi, minħabba li l-perijodi minn Mejju 1985 sa Marzu 1990 kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll bħala perijodi rilevanti ta’ trobbija tal-ulied (iktar ’il quddiem il-“perijodi kontenzjużi fil-Kawża C‑142/25”).
19. Fir-replika tagħha, il-PVA sostniet li dawn il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, peress li seħħew fi Stat Membru (il-Belġju) li l-leġiżlazzjoni tiegħu tipprevedi, bħala prinċipju, li l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, hija sostniet li lanqas ma huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi kontenzjużi skont l-Artikolu 21 TFUE. Fil-fatt, meta wieħed iqis is-snin ta’ impjieg ta’ LF fil-Ġermanja, ma tistax tiġi stabbilita “rabta suffiċjentement stretta” bejn dawk il-perijodi u l-“perijodi ta’ assigurazzjoni” li LF ikkompletat fl-Awstrija.
20. Il-qorti tal-ewwel istanza iddeċidiet favur LF. Hija kkonstatat li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 kienu ssodisfatti peress li l-Belġju ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-perijodi kontenzjużi fil-każ ta’ LF. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li r-rifjut tal-PVA li tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi kien imur kontra l-Artikolu 21 TFUE peress li, kieku l-post ta’ residenza ta’ LF ma kienx ġie ttrasferit lejn il-Belġju u li kieku hija baqgħet fl-Awstrija, il-perijodi kollha ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati minnha kienu jittieħdu inkunsiderazzjoni konformement mal-leġiżlazzjoni Awstrijaka rilevanti.
21. Il-PVA appellat minn din id-deċiżjoni. Il-qorti tat-tieni istanza laqgħet l-appell. Hija ddeċidiet, l-ewwel, li l-perijodi li matulhom LF iddedikat ruħha għat-trobbija tal-ewwel wild tagħha fil-Belġju ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni skont id-dritt Awstrijak peress li d-dritt Belġjan diġà kien jippermetti, fil-prinċipju, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied. It-tieni, il-perijodi li LF qattgħet trabbi t-tieni wild tagħha lanqas ma setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li l-wild inkwistjoni ma twelidx fl-Awstrija. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat li LF ma setgħetx tinvoka l-Artikolu 21 TFUE, peress li hija ma kinitx impjegata esklużivament fl-Awstrija.
22. LF ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju.
23. Din il-qorti tirrileva li, skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, l-Awstrija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati minn LF fil-Belġju fir-rigward tal-ewwel wild tagħha biss jekk dawn il-perijodi ma jittiħdux inkunsiderazzjoni mill-Belġju. Din il-kundizzjoni tista’ tiġi interpretata b’żewġ modi: jew fis-sens li dawn il-perijodi ma għandhom bl-ebda mod jiġu rrikonoxxuti taħt id-dritt Belġjan (f’dan il-każ, LF ma tkunx tissodisfa l-kundizzjoni, peress li d-dritt Belġjan fil-prinċipju jippermetti li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni), jew fis-sens li huwa biżżejjed li, fis-sitwazzjoni speċifika ta’ LF, il-perijodi ma jkunux effettivament ittieħdu inkunsiderazzjoni (f’dan il-każ, hija jista’ jkollha d-dritt għar-rikonoxximent ta’ dawn il-perijodi taħt id-dritt Awstrijak).
24. Barra minn hekk, hija tfakkar li, fis-sentenzi Pensionsversicherungsanstalt u Deutsche Rentenversicherung Bund, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li , fejn persuna tkun ħadmet u ħallset il-kontribuzzjonijiet, jew b’xi mod ikkompletat “perijodi ta’ assigurazzjoni” esklużivament fl-Istat Membru responsabbli għall-ħlas tal-pensjoni tax-xjuħija tagħha, kemm qabel kif ukoll wara li tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha u rabbiet lil uliedha fi Stat Membru ieħor, tista’ tiġi stabbilita “rabta suffiċjentement stretta” jew “rabta suffiċjenti” bejn il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied rilevanti u dawk il-“perijodi ta’ assigurazzjoni”, hekk li l-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru tapplika għal dawk il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied. Fil-kawża ineżami, madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tistax tiġi stabbilita rabta bħal din, peress li, wara li rabbiet lil uliedha fil-Belġju, LF ħadmet fil-Ġermanja għal madwar 20 sena qabel ma rritornat l-Awstrija.
25. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-ObersterGerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-ewwel parti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru responsabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ma jiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu jew ma jqishomx jekk mhux biss f’każ speċifiku?
2) L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 […] minkejja li l-persuna kkonċernata kkompletat perijodi ta’ assigurazzjoni mill-impjieg kemm qabel kif ukoll wara l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied [f’dan l-Istat Membru] li huwa obbligat li jħallas il-pensjoni tax-xjuħija huwa obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija, minkejja l-fatt li, wara t-tmiem tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied, il-persuna kkonċernata kkompletat ukoll perijodi ta’ assigurazzjoni fi Stat Membru terz għal meta kienet mpjegata jew taħdem għal rasha?”
B. Kawża C‑143/25
26. CV hija ċittadina Awstrijaka, imwielda fl‑1962. Bejn l‑1 ta’ Awwissu 1977 u l‑31 ta’ Jannar 1988, kienet tirrisjedi fl-Awstrija. Hija akkumulat 126 xahar ta’ kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni obbligatorja, fl-Awstrija, minħabba li eżerċitat attività bħala persuna impjegata (122 xahar) u kkompletat perijodi sostituttivi (4 xhur).
27. F’Marzu 1988, CV marret toqgħod l-Italja. Ilha toqgħod l-Italja minn dak iż-żmien ’l hawn. Hija welldet żewġ ulied, imwielda fit‑2 ta’ Mejju 1989 u fil‑21 ta’ April 1994, rispettivament. Hija ma eżerċitat l-ebda attività professjonali u ma kkompletat l-ebda perijodu ta’ assigurazzjoni minn mindu marret toqgħod l-Italja.
28. Fis‑26 ta’ Settembru 2022, CV applikat għand il-PVA għall-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Lulju 2023, il-PVA ċaħdet l-applikazzjoni ta’ CV, minħabba li CV ma kinitx laħqet il-minimu ta’ 180 xahar ta’ assigurazzjoni, kif meħtieġ mid-dritt Awstrijak, għall-għoti ta’ tali pensjoni. Hija spjegat ukoll li hija ma kinitx meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied li CV ikkompletat fl-Italja.
29. CV ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qrati Awstrijaċi. Hija sostniet li l-perijodi li matulhom hija ddedikat ruħha għat-trobbija ta’ wliedha fl-Italja (total ta’ 96 xahar) kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-PVA (iktar ’il quddiem il-“perijodi kontenzjużi fil-Kawża C‑143/25”).
30. Il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet kontra CV. Hija spjegat, l-ewwel, li, meta twieldu wliedha, CV ma kienet baqgħet teżerċita ebda attività professjonali; għalhekk, il-kundizzjonijiet sabiex japplika l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma kinux issodisfatti. It-tieni, il-kundizzjonijiet sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi kontenzjużi skont l-Artikolu 21 TFUE lanqas ma kienu ssodisfatti, peress li CV kienet ħallset kontribuzzjonijiet fl-Awstrija biss qabel twieldu wliedha.
31. CV appellat minn din id-deċiżjoni. Il-qorti tat-tieni istanza kkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza.
32. CV ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju.
33. Din il-qorti tikkonstata li huwa ċar li CV ma tissodisfax it-tielet kundizzjoni elenkata fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, li tgħid li l-persuna kkonċernata għandha tkun kompliet tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A minħabba l-attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fid-data li fiha, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, il-perijodu ta’ trobbija tal-ulied beda jittieħed inkunsiderazzjoni għall-wild ikkonċernat. In casu, fid-data meta twieled l-ewwel wild tagħha, CV ma kinitx għadha suġġetta għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka minħabba li kienet qiegħda teżerċita attività impjegata jew għal rasha.
34. Hija żżid tgħid li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 21 TFUE, teżisti “rabta suffiċjentement stretta” meta l-persuna kkonċernata tkun esklużivament ħadmet u ħallset kontribuzzjonijiet (jew esklużivament ikkompletat perijodi ta’ assigurazzjoni) fi Stat Membru (Stat Membru A), kemm qabel kif ukoll wara li tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor u t-trobbija ta’ wliedha f’dan l-Istat Membru (Stat Membru B). Madankollu, kieku “rabta suffiċjentement stretta” tkun teżisti biss f’sitwazzjoni bħal din, ikun ifisser li persuna tkun tista’ tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli mill-awtoritajiet tal-Istat Membru A sempliċement għax tkun marret toqgħod fl-Istat Membru B għal raġunijiet familjari, mingħajr qatt ma terġa’ teżerċita attività rremunerata fl-Istat Membru A. Din il-konsegwenza tista’ tiġi evitata jekk l-uniku fattur deċiżiv sabiex tiġi stabbilita “rabta suffiċjentement stretta” jkun l-akkumulazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni fl-Istat Membru A qabel (u mhux wara) l-ikkompletar tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied.
35. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l- ObersterGerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ma hijiex issodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, dwar l-eżerċizzju ta’ attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha f’dak l-Istat Membru fiż-żmien meta l-perijodu ta’ trobbija tal-ulied ikkonċernati beda jittieħed inkunsiderazzjoni, l-Istat Membru li huwa responsabbli mill-ħlas tal-pensjoni tax-xjuħija huwa obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ trobbija tal-ulied ikkonċernati minkejja li l-persuna kkonċernata tkun ikkompletat perijodi ta’ assigurazzjoni minn attività ta’ impjieg esklużivament qabel il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied fl-Istat Membru li huwa responsabbli mill-għoti tal-benefiċċji?”
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
36. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari, iddatati l‑11 ta’ Frar 2025, ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Frar 2025.
37. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Mejju 2023, il-Kawżi C‑142/25 u C‑143/25 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll tas-sentenza.
38. Il-PVA, il-Gvern Awstrijak u dak Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati, kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fis‑26 ta’ Frar 2026.
V. Evalwazzjoni
39. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’Deutsche Rentenversicherung Bund (7), l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jintroduċi regola speċjali li tiddetermina, f’sitwazzjoni fejn persuna tkun ħadmet u rabbiet lil uliedha fi Stati Membri differenti, iċ-ċirkustanzi li fihom l-Istat Membru A (l-Istat Membru fejn tkun ħadmet il-persuna) għandu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-perijodi ta’ trobbija tal-ulied (8) li jkunu sussegwentement ġew ikkompletati fl-Istat Membru B u teħtieġ, fejn dan ikun il-każ, li dawn il-perijodi jiġu ttrattati bħallikieku kienu ġew ikkompletati fl-Istat Membru A.
40. Dan l-obbligu tal-Istat Membru A japplika biss jekk “ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal” skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B. Fil-fatt, fil-prinċipju, il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied inkwistjoni għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B, li huwa l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata matul dawk il-perijodi u huwa, għalhekk, l-“Istat Membru li huwa kompetenti taħt it-Titolu II tar-Regolament [883/2004]” (9).
41. Hija preċiżament din il-kundizzjoni (li tgħid li “ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal” skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B) li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta fl-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑142/25.
42. Fis-sentenza Pensionsversicherungsanstalt, din il-qorti kienet diġà staqsiet jekk din għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-Istat Membru B ma kellux jadotta regoli li jippermettu, b’mod ġenerali, li jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied li jkunu ġew ikkompletati fit-territorju tiegħu, jew sempliċement fis-sens li dawn il-perijodi ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni minn dan l-Istat Membru f’dan il-każ speċifiku inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx din il-kwistjoni fis-sentenza preċedenti tagħha, peress li l-persuna kkonċernata f’din il-kawża ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi l-oħra sabiex l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 japplika għas-sitwazzjoni tagħha.
43. Għalhekk, il-kwistjoni reġgħet qamet fil-Kawża C‑142/25. In casu, LF rabbiet lil uliedha fil-Belġju, Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ġeneralment tipprevedi r-rikonoxximent ta’ perijodi ta’ trobbija tal-ulied. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi applikata għal LF fir-rigward tal-perijodi li fihom hija ddedikat ruħha għat-trobbija ta’ wliedha, peress li ma hijiex affiljata mal-iskema tal-pensjoni tax-xjuħija Belġjana. Fil-Belġju, l-affiljazzjoni mal-iskema tal-pensjoni tax-xjuħija tiddependi ġeneralment mill-ikkompletar ta’ “perijodi ta’ assigurazzjoni” rilevanti jew ta’ perijodi ekwivalenti (10). Filwaqt li LF rabbiet lil uliedha fil-Belġju, hija ma kkompletat ebda “perijodu ta’ assigurazzjoni” bħal dan f’dan l-Istat Membru.
44. Fit-Taqsima A, iktar ’l isfel, ser nippreċiża, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied mill-Istat Membru B li tinsab fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009. Imbagħad ser nindirizza t-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑142/25 u d-domanda unika magħmula fil-Kawża C‑143/25 (Taqsima B). Dawn id-domandi jirrigwardaw il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pensionsversicherungsanstalt (li sussegwentement ġiet ikkonfermata fis-sentenza Deutsche Rentenversicherung Bund) li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma “jirregolax it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija ta’ tfal b’mod esklużiv” (11). Għalhekk, u kif indikajt fl-introduzzjoni, meta persuna ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tinvoka din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru A jibqa’ obbligat li japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati fl-Istat Membru B u li jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi bħallikieku ġew ikkompletati fit-territorju tiegħu stess jekk ikun hemm “rabta suffiċjentement stretta” (jew anki sempliċi “rabta suffiċjenti” (12)) bejn il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied inkwistjoni u l-“perijodi ta’ assigurazzjoni” kkompletati fl-Istat Membru A (13). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan l-obbligu jirriżulta direttament mill-Artikolu 21 TFUE, li jipproteġi d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri.
45. Sa issa, il-kawżi kollha li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja applikat it-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” kienu jikkonċernaw is-sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata kienet ħadmet (jew b’xi mod akkwistat “perijodi ta’ assigurazzjoni”) fl-Istat Membru A (i) kemm qabel kif ukoll wara li tkun rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B u (ii) b’mod esklużiv. Is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi ineżami huma differenti: fil-Kawża C‑142/25, LF ħadmet fl-Awstrija qabel ma rabbiet lil uliedha fil-Belġju. Madankollu, wara li kkompletat il-perijodi kontenzjużi ta’ trobbija tal-ulied fil-Belġju, ħadmet fil-Ġermanja għal 20 sena, qabel ma reġgħet lura u eżerċitat mill-ġdid attività professjonali fl-Awstrija. Fil-Kawża C‑143/25, CV marret toqgħod l-Italja sabiex trabbi lil uliedha u qatt ma rritornat fl-Istat Membru fejn hija kienet preċedentement akkwistat “perijodi ta’ assigurazzjoni” (l-Awstrija), u lanqas ma ħadmet fi Stat Membru ieħor. Dawn il-kawżi għalhekk jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li teżamina jekk it-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” jistax jiġi estiż għal sitwazzjonijiet bħal dawn.
A. L-ewwel domanda fil-Kawża C‑142/25
46. Mill-bidu nett, ninnota li l-formulazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 hija kemxejn ambigwa (14), peress li l-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ kwalunkwe teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ trobbija tal-ulied mill-Istat Membru B inkluża f’din id-dispożizzjoni, hija fformulata kif ġej: “Fejn, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru [B], ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal […]”. Kif diġà sostnejt, il-qorti tar-rinviju tispjega li dan jista’ jfisser jew li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B ma tippermettix, b’mod ġenerali, li perijodi ta’ trobbija tal-ulied jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti tal-pensjoni tax-xjuħija (iktar ’il quddiem l-“approċċ astratt jew ġenerali”) jew li tali teħid inkunsiderazzjoni huwa ġeneralment possibbli iżda, fil-każ partikolari ineżami, il-persuna kkonċernata ma tissodisfax ir-rekwiżiti biex dawn il-perijodi jiġu rrikonoxxuti taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B (iktar ’il quddiem l-“approċċ individwali”).
47. Il-PVA, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jappoġġjaw l-ewwel interpretazzjoni. Il-Gvern Ċek, filwaqt li jinvoka rapport tal-grupp ad hoc dwar il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied imfassal mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali (15) (li, madankollu, ma ġiex adottat formalment minn din il-kummissjoni) (16), jiddefendi t-tieni interpretazzjoni. Huwa jsostni li, kieku kellu jiġi segwit l-approċċ astratt jew ġenerali, l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009jitlef, fil-parti l-kbira tiegħu, l-effett utli tiegħu, peress li rari jkun jista’ jiġi applikat. Dan għaliex ir-rapport tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali juri li, fil-prattika, Stat Membru wieħed biss (id-Danimarka) ma adottax leġiżlazzjoni li tippermetti, b’mod ġenerali, li jiġu kkunsidrati perijodi ta’ trobbija tal-ulied.
48. Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssuġġerixxiet it-tielet interpretazzjoni. Hija qablet mal-PVA, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jikkonċerna s-sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B ma tippermettix, b’mod ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija. Madankollu, hija żiedet tgħid li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll meta l-persuna kkonċernata tkun rabbiet lil uliedha fi Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ġeneralment tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ trobbija tal-ulied (f’dan il-każ, il-Belġju), iżda hija ma tkunx saret affiljata mas-sistema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, peress li ma kkompletat ebda perijodu li jagħtiha drittijiet tal-pensjoni hemmhekk. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B ma tistax tiġi applikata għaliha fir-rigward tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied inkwistjoni.
49. LF tinsab preċiżament f’din is-sitwazzjoni. Kif diġà spjegajt fil-punt 42 iktar ’il fuq, hija rabbiet lil uliedha fil-Belġju, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ġeneralment tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied. Madankollu, id-dritt Belġjan jipprevedi wkoll li persuna li, bħal LF, tkun ikkompletat biss “perijodi ta’ residenza” (u ebda “perijodu ta’ assigurazzjoni”) f’dan l-Istat Membru, ma jkollhiex dritt għal pensjoni tax-xjuħija u, għalhekk, ma ssirx affiljata mal-iskema tal-pensjoni Belġjana. Milli nista’ nifhem, ir-raġuni għaliex ebda perijodu ta’ trobbija tal-ulied ma ttieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet Belġjani rilevanti fil-każ ta’ LF hija, għalhekk, li l-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ma setgħetx effettivament tiġi applikata għal LF fir-rigward tal-perijodi kontenzjużi fil-Kawża C‑142/25 peress li hija kienet eskluża għalkollox mill-iskema tal-pensjoni Belġjana.
50. Ser nispjega għaliex naqbel kompletament mal-pożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
51. L-ewwel nett, infakkar illi, fil-konklużjonijiet tiegħi f’Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani) (17), diġà sostnejt li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma ġiex adottat sabiex applikanti għall-pensjoni tax-xjuħija jittantaw xortihom quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti sabiex japplikaw għalihom il-leġiżlazzjonijiet ta’ Stati Membri differenti rigward l-istess perijodi ta’ trobbija tal-ulied.
52. Din hija konsegwenza diretta tal-fatt li l-għan ewlieni tar-Regolament Nru 883/2004 u Nru 987/2009 huwa “li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni” (18), u li wieħed mill-prinċipji kardinali ta’ dawn l-istrumenti huwa li l-persuni li għalihom japplikaw “għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss” (19). Kif tikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004 u Nru 987/2009 hija maħsuba sabiex tevita l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi sistemi leġiżlattivi nazzjonali u l-komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnha (20).
53. F’dan il-kuntest, huwa ċar, għalhekk, li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, li jagħmel eċċezzjoni għar-regoli dwar il-kompetenza previsti fit-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 billi jagħmel Stat Membru li ma jkunx għadu kompetenti skont dawk ir-regoli (Stat Membru A) responsabbli biex jieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati fi Stat Membru ieħor (Stat Membru B), għandu jiġi interpretat fis-sens li qiegħed jintroduċi kompetenza sussidjarja u mhux waħda doppja (21).
54. Dawn il-kunsiderazzjonijiet diġà ġegħluni nikkonkludi, fil-konklużjonijiet tiegħi f’Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani) (22), li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevita li tinterpreta l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 kif issuġġerixxa l-Gvern Ċek (l-approċċ individwali), jiġifieri fis-sens li, l-ewwel, jippermetti li l-awtoritajiet tal-Istat Membru B japplikaw għal persuna l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati hemmhekk, u mbagħad, jekk dawn il-perijodi effettivament ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti tal-pensjoni tax-xjuħija (għal raġunijiet sostanzjali jew proċedurali), li din il-persuna tmur quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru A u tibbenefika mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tal-istess perijodi. Spjegajt li, minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li din id-dispożizzjoni tapplika fis-sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B ma tippermettix b’mod ġenerali t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ trobbija tal-ulied (l-approċċ astratt jew ġenerali).
55. Nibqa’ konvint li din l-interpretazzjoni għandha tiġi ppreferutagħal dik li pproponal-Gvern Ċek.
56. Madankollu, u peress illi bilkemm nista’ nsib, bħalissa, Stat Membru wieħed li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tippermettix b’xi mod jew ieħor li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi li fihom persuna tkun iddedikat ruħha għat-trobbija ta’ wliedha sabiex tingħata pensjoni tax-xjuħija (23), jiena naqbel mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 japplika mhux biss f’sitwazzjonijiet fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B ma tippermettix b’mod ġenerali li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied, iżda wkoll f’każijiet bħal dak ta’ LF fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna kkonċernatatkun rabbiet lil uliedha fi Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ġeneralment tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied (incasu, il-Belġju), iżda din il-leġiżlazzjoni ma tkunx tista’ tiġi applikata għaliha, fir-rigward ta’ dawn il-perijodi, peress li hija qatt ma kienet affiljata mal-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru.
57. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li s-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004 (u, għaldaqstant, bir-Regolament Nru 987/2009) għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-persuni koperti minn dan ir-regolament ma jiċċaħħdux minn kopertura ta’ sigurtà soċjali minħabba l-fatt li ebda leġiżlazzjoni ma tkun applikabbli għalihom (24). Tali riżultat huwa preċiżament dak li jseħħ fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑142/25 li kellha l-interpretazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tiġix sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja.
58. Fil-fatt, li kellu jiġi segwit biss l-approċċ “ġenerali jew astratt”, persuna bħal LF issib ruħha f’vojt ġuridiku fir-rigward tal-perijodi kontenzjużi fil-Kawża C‑142/25. Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma tkunx applikabbli għaliha fir-rigward ta’ dawn il-perijodi biss għaliex il-Belġju adotta leġiżlazzjoni li ġeneralment tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied. F’dan il-każ, ma jitteħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjoni Belġjana stess ma hijiex applikabbli għal LF, fir-rigward tal-istess perijodi.
59. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, inqis li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B ma tippermettix, b’mod ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied, kif ukoll f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tippermetti ġeneralment it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied, iżda din il-leġiżlazzjoni ma tkunx tista’ tiġi applikata għall-persuna kkonċernata, fir-rigward tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied li hija tkun ikkompletat fl-Istat Membru B, għaliex hija qatt ma kienet affiljata mal-iskema ta’ pensjoni ta’ dan l-Istat Membru.
60. Issa ser nirrispondi b’mod iktar preċiż għall-argumenti mressqa mill-Gvern Ċek u nispjega għaliex l-interpretazzjoni proposta minn dan il-gvern ma hijiex neċessarja sabiex jinżamm l-effett utli tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009.
61. F’dan ir-rigward, infakkar li meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi interpretata b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik li tiżgura li d-dispożizzjoni żżomm l-effett utli tagħha (25).
62. Madankollu, l-ewwel, kif spjegajt fil-punt 52 iktar ’il fuq, l-interpretazzjoni tal-Gvern Ċek tmur kontra l-għan tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, li huwa li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi sistemi leġiżlattivi nazzjonali u l-komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnha.
63. It-tieni, id-diskussjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 u, b’mod iżjed speċifiku, il-kundizzjoni li “taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru [B], ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal […]”, sal-lum (26), ġiet interpretata f’termini strettament binarji: jew l-Istat Membru B ma jrid ikollu ebda qafas ġuridiku li jippermetti, ġeneralment, ir-rikonoxximent ta’ tali perijodi għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, jew tali qafas ikun jeżisti u jkun applikabbli għall-persuna kkonċernata, iżda hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet (proċedurali jew sostantivi) meħtieġa sabiex dawn il-perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni.
64. Iżda, kif spjegajt, it-tielet interpretazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 (is-soluzzjoni “intermedjarja” li tiddefendi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja) hija possibbli. Li kellha l-Qorti tal-Ġustizzja, kif qiegħed nissuġġerixxi jien, taċċetta din l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun tkopri wkoll ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑142/25, fejn il-persuna kkonċernata (f’dan il-każ, LF) tkun rabbiet lil uliedha fi Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ġeneralment tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ( incasu, il-Belġju), iżda din il-leġiżlazzjoni ma tkunx tista’ tiġi applikata għaliha għall-perijodi ta’ trobbija tal-ulied inkwistjoni għaliex hija qatt ma kienet affiljata mal-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru.
65. Din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta iktar ta’ spiss milli wieħed jista’ inizjalment jaħseb, billi l-Belġju huwa biss eżempju wieħed ta’ Stat Membru fejn l-ikkompletar ta’ sempliċi perijodi ta’ residenza ma huwiex biżżejjed biex iwassal għal affiljazzjoni mas-skema tal-pensjoni tax-xjuħija. Fil-fatt, skont ir-riċerka tiegħi, huma biss ftit l-Istati Membri (inklużi l-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka, l-Isvezja u l-Finlandja) li adottaw sistemi ta’ pensjoni bażika ibbażati fuq ir-residenza (jew ibbażati l-biċċa l-kbira fuq ir-residenza), fejn id-dritt huwa primarjament marbut mar-residenza. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-oħra, id-drittijiet tal-pensjoni jinbnew, minflok, permezz ta’ “perijodi ta’ assigurazzjoni”, inklużi perijodi ekwivalenti għal “perijodi ta’ assigurazzjoni” (pereżempju, perijodi li matulhom il-persuna tirċievi benefiċċju li jiġġenera drittijiet tal-pensjoni). Għalhekk, persuna li sempliċement tgħix f’dawn l-Istati Membri waqt li tkun qiegħda trabbi lil uliedha, mingħajr ma tkun ikkompletat ebda “perijodu ta’ assigurazzjoni” bħal dawn, tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ LF.
66. Fil-konklużjonijiet tiegħi f’Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani) (27), jiena nnotajtukoll li l-“approċċ individwali” (li jiddefendi hawnhekk il-Gvern Ċek) għandu jiġi miċħud peress li jkun eċċessivament ineffiċjentiu mhux prattiku li l-awtoritajiet tal-Istat Membru A jintalbu jevalwaw jekk talba ta’ persuna għar-rikonoxximent ta’ perijodi ta’ trobbija tal-ulied effettivament tintlaqax taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B, sabiex jiġi ddeterminatjekk huma humiex obbligati japplikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess għas-sitwazzjoni ta’ din il-persuna. Dan ma japplikax, fil-fehma tiegħi, għall-“approċċ intermedju” li tissuġġerixxi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li, skont dak l-approċċ, l-awtoritajiet tal-Istat Membru A ikollhom biss jiddeterminaw jekk il-persuna kkonċernata tkunx affiljata jew le mal-iskema tal-pensjoni tal-Istat Membru B.
67. Fil-fehma tiegħi, id-diffikultajiet li għadni kemm semmejt rigward l-“approċċ individwali” iżidu jsiru agħar biss minħabba l-fatt li, kif stqarret ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt is-seduta, il-mod kif jiġu kkunsidrati l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ivarja ħafna bejn l-Istati Membri.
68. Pereżempju, ċerti Stati Membri jillimitaw in-numru ta’ snin li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala perijodi ta’ trobbija tal-ulied iktar minn oħrajn (billi jimponu numru fiss ta’ snin għal kull wild jew numru massimu ta’ snin irrispettivament mill-għadd ta’ wlied). F’sitwazzjoni bħal din, is-snin li jaqgħu barra minn dawn il-limiti għandhom jitqiesu, skont l- approċċ individwali, bħala perijodi ta’ trobbija tal-ulied li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni? Jekk iva, il-persuna kkonċernata għandu jkollha d-dritt li dawn il-perijodi addizzjonali jiġu evalwati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A, sempliċement għax din il-leġiżlazzjoni tipprevedi riżultat iktar favorevoli? Kif diġà spjegajt, ma naħsibx li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 kien maħsub mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jippermetti riżultat bħal dan. Il-Gvern Awstrijak stqarr b’mod korrett waqt is-seduta li dan jista’ jkollu l-konsegwenza mhux mixtieqa li l-Istati Membri b’leġiżlazzjoni iktar ġeneruża dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ trobbija tal-ulied jistgħu jimmodifikaw il-liġijiet tagħhom biex isiru inqas favorevoli għall-applikanti, sabiex jevitaw li jkunu mgħobbija żżejjed (effett levelling-down).
69. Qabel ma nibdaneżamina t-tieni domanda fil-Kawża C‑142/25 u l-unika domanda fil-Kawża C‑143/25, nixtieq nagħmel żewġ kummenti oħra.
70. L-ewwel, fid-dawl tal-formulazzjoni ambigwa tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, inħeġġeġ lil- leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża t-tifsira tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied mill-Istat Membru B stabbilita f’din id-dispożizzjoni bi qbil mal-interpretazzjoni li qiegħed nipproponi jiena, billi jadotta, jekk ikun il-każ, dispożizzjoni leġiżlattiva ġdida.
71. It-tieni, infakkar li, fil-fehma tiegħi, il-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ trobbija tal-ulied mill-Istat Membru B prevista fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 tapplika mutatismutandis meta l-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tibbaża t-talba tagħha fuq din id-dispożizzjoni u jkollha minflok tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 21 TFUE u t-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha (28). Jiena spjegajt fid-dettall ir-raġunijiet li jappoġġjaw din l-interpretazzjoni fil-konklużjonijiet tiegħi f’Deutsche Rentenversicherung Bund (29). Ma narax il-ħtieġa li ntennihom f’dawn il-konklużjonijiet.
B. It-tieni domanda fil-Kawża C‑142/25 u d-domanda unika fil-Kawża C‑143/25
72. Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑142/25 u d-domanda unika fil-Kawża C‑143/25, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar x’jikkostitwixxi “rabta suffiċjentement stretta” jew “rabta suffiċjenti” bejn il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati fl-Istat Membru B u l-“perijodi ta’ assigurazzjoni” kkompletati fl-Istat Membru A, li tnissel – skont l-Artikolu 21 TFUE – l-obbligu, għall-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, li japplikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom għal dawn il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied u li jittrattawhom bħallikieku ġew ikkompletati fit-territorju tal-Istat Membru A.
73. Infakkar li t-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” ġie żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha qabel l-adozzjoni tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali li jinsabu fir-Regolament Nru 1408/71, li ma kienu jinkludu ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied (30).
74. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddeċidiet fis-sentenza Pensionsversicherungsanstalt u fis-sentenza Deutsche Rentenversicherung Bundli t-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” jibqa’ rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 883/2004 u 987/2009, f’sitwazzjonijiet fejn il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma jkunux issodisfatti. Infakkar li, skont dik id-dispożizzjoni, l-obbligu tal-Istat Membru A li japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati fl-Istat Membru B u li jittrattahom bħallikieku kienu kkompletati fit-territorju tiegħu jeħtieġ li jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv it-tliet kundizzjonijiet li ġejjin:
– ebda perijodu ta’ trobbija tal-ulied ma jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B (eżaminajt din il-kundizzjoni fit-Taqsima A iktar ’il fuq);
– il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A kienet preċedentement applikabbli għall-persuna kkonċernata minħabba li kienet qiegħda teżerċita attività bħala persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha f’dan l-Istat Membru; u
– din il-persuna baqgħet suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A minħabba din l-attività fid-data li fiha, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, il-perijodu ta’ trobbija tal-ulied beda jittieħed inkunsiderazzjoni għall-wild inkwistjoni.
75. Fil-każijiet ineżami, jidher li la LF u lanqas CV ma jissodisfaw it-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, peress li ma kinux għadhom suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A (l-Awstrija) fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fid-data li fiha, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, il-perijodi kontenzjużi jibdew jittieħdu inkunsiderazzjoni. Milli nista’ nifhem, fil-każ ta’ LF, in-nuqqas ta’ osservanza tat-tielet kundizzjoni elenkata fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jaffettwa biss il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied li hija akkumulat fir-rigward tat-tieni wild tagħha.
76. L-istess nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni (u, għaldaqstant, l-impossibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009) diġà seħħ fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Pensionsversicherungsanstalt u s-sentenza Deutsche Rentenversicherung Bund. Madankollu, fiż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied inkwistjoni kienu “marbuta b’mod suffiċjentement strett” jew “suffiċjentement marbuta” ma’ perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata kienet ħadmet u ħallset kontribuzzjonijiet fl-Istat Membru A jew ma’ “perijodi ta’ assigurazzjoni” jew ma’ perijodi li jistgħu jiġu assimilati ma’ “perijodi ta’ assigurazzjoni” kkompletati f’dan l-Istat Membru (31). Għalhekk, skont l-Artikolu 21 TFUE, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A kellha tapplika għal dawn il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied
77. Fid-dispożittiv taż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-persuna kkonċernatakienet ħallset kontribuzzjonijiet jew inkella kkompletat “perijodi ta’ assigurazzjoni” esklużivament fl-ewwel Stat Membru (Stat Membru A), kemm qabel kif ukoll wara l-ikkompletartal-perijodi rilevanti ta’ trobbija tal-ulied.
78. Fl-isfond ta’ dan , ma huwiex ċar jekk it-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” huwiex issodisfatt ukoll meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata ma tkunx għamlet dan esklużivament (Kawża C‑142/25) jew tkun għamlet dan esklużivament, iżda biss qabel ma l-perijodi kontenzjużi ta’ trobbija tal-ulied kienu kkompletati fl-Istat Membru B u mhux ukoll wara (Kawża C‑143/25).
79. Fil-fehma tiegħi, u kif diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’Deutsche Rentenversicherung Bund (32), it-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” għandu jkun ibbażat fuq żewġ komponenti. L-ewwel, il-persuna kkonċernatagħandha tkun ikkompletat “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-Istat Membru A qabel ma tkun rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B (iżda mhux neċessarjament wara). It-tieni, l-Istat Membru A għandu jkun l-aħħar Istat Membru li fih din il-persuna tkun ikkompletat dawn il-“perijodi ta’ assigurazzjoni” qabel ma tkun rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B. Ma għandux ikun meħtieġ li l-persuna tkun ikkompletat “perijodi ta’ assigurazzjoni” rilevanti esklużivament fl-Istat Membru A, kemm qabel ma tkun rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B u kif ukoll wara.
80. Ir-raġunijiet li wassluni għal din il-konklużjoni jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
81. L-ewwel, inqis li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” jibqa’ rilevanti f’sitwazzjoni fejn japplikaw ir-Regolamenti Nru 883/2004 u 987/2009, iżda fejn il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 44(2) ta’ dan l-aħħar regolament ma humiex issodisfatti, hija qatt ma fittxet li tiddefinixxi l-limiti ta’ dan it-test b’mod sistematiku, u għażlet minflok approċċframmentarjubbażat, kull darba, fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ. Għaldaqstant, diversi fatturi, fosthom il-fatt li l-applikanti kienu ħadmu esklużivament fl-Istat Membru A jew li kienu kkontribwixxewesklużivament f’dan l-Istat Membru, ġew enfasizzati fis-sentenzi Elsen, Kauer, Reichel-Albert u Pensionsversicherungsanstaltmingħajr ma ebda wieħed minnhom ġie kkunsidrat bħala determinanti (33). Konsegwentement, il-fatt li l-applikant ikun ħallas kontribuzzjonijiet jew inkella kkompleta“perijodi ta’ assigurazzjoni” esklużivament fl-ewwel Stat Membru (Stat Membru A), kemm qabel kif ukoll wara l-perijodi rilevanti ta’ trobbija tal-ulied, ma ninterpretahxbħala kundizzjoni sinequanon.
82. It-tieni, kif innotajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’Deutsche Rentenversicherung Bund (34), sentenzi preċedenti li fihom ġie applikat it-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew it-test tar-“rabta suffiċjenti” juru l-inklinazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tespandi iktar milli tillimita n-numru ta’ sitwazzjonijiet li fihom l-Istat Membru A jista’ jkun meħtieġ li japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati fl-Istat Membru B. Pereżempju, filwaqt li fis-sentenzi Elsen u Kauer l-applikanti baqgħu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A sakemm bdew jiddekorrul-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati barra mill-pajjiż (35), dan ma kienx il-każ tal-applikanti fis-sentenzi Reichel-Albert u Pensionsversicherungsanstalt (36), u, madankollu, dan ma żammx lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonkludi li kien hemm “rabta suffiċjentement stretta” f’dawk iż-żewġ kawżi. Fuq din il-bażi, jidhirli li l-fatti li, wara li ddedikaw ħinhom għat-trobbija ta’ wliedhom, l-applikanti fil-kawża prinċipali jew ħadmu fi Stat Membru ieħor (il-Ġermanja) qabel ma reġgħu bdew impjieg fl-Awstrija (LF fil-Kawża C‑142/25), jew ma komplewx impjieg irremunerat jew imqar irritornaw lejn l-Awstrija wara t-twelid ta’ wliedhom (CV fil-Kawża C‑143/25), ma għandhomx neċessarjament jitqiesu mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala fatturi li jiskwalifikawhom milli jissodisfaw il-kriterju tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti”.
83. It-tielet, li jkun meħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun ħadmet esklużivament fi Stat Membru wieħed (l-Istat Membru A) matul ħajjitha kollha (kemm qabel ma tkun rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B u kif ukoll wara) ikun ta’ żvantaġġ għal dawk iċ-ċittadini li, bħal LF, kellhom attività rremunerata f’diversi Stati Membri (incasu, kemm fl-Awstrija kif ukoll fil-Ġermanja) u b’hekk ikunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ moviment skont id-dispożizzjonijiet tat-TFUE. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 21 TFUE – li, kif diġà fakkartfil-punt 44 iktar ’il fuq, jipproteġi d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – ma jistax iwassal għal sitwazzjoni fejn persuna tiċċaħħad mill-opportunità li tinvoka l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A għall-perijodi ta’ trobbija tal-ulied li tkun ikkompletat fl-Istat Membru B, sempliċement għax tkun sussegwentement ħadmet fl-Istat Membru C u ma tkunx baqgħet taħdem fl-Istat Membru A. Fil-fatt, konklużjoni kuntrarja twassal għal indħil mhux iġġustifikat u sproporzjonatf’dan id-dritt.
84. Ċertament, ix-xenarju fattwali previst mil- leġiżlatur tal-Unjoni fl-adozzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jidher, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, li ġie bbażat fuq il-fatt li l-persuna kkonċernatattrasferixxiet ir-residenza tagħha bejn żewġ Stati Membri biss (Stat Membru A, l-Istat Membru tal-impjieg, u Stat Membru B, l-Istat Membru fejn trabbew l-ulied). Dan jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 44(3) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li l-obbligu previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma japplikax meta “[l]-persuna kkonċernata hija, jew issir, suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor minħabba attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha”.
85. Madankollu, dan ma jfissirx li l-istess limitazzjoni għandha tapplika meta l-persuna kkonċernatatinvoka, minflok, it-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti”, li, min-naħa tiegħu, huwa bbażat fuq l-Artikolu 21 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq dan it-test preċiżament f’sitwazzjonijiet li fihom il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma kinux issodisfatti, sabiex tirrimedja ċerti nuqqasijiet ta’ din id-dispożizzjoni.
86. Ir-raba’, u f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-Kawża C‑143/25, huwa ċar għalija li l-fattur determinantisabiex tiġi stabbilita “rabta suffiċjentement stretta” jew “rabta suffiċjenti” għandu jkun il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ikkompletat “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-Istat Membru A qabel, iżda mhux neċessarjament wara, it-trobbija ta’ wliedha fl-Istat Membru B. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’Deutsche Rentenversicherung Bund (37), il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun irritornat taħdem fl-Istat Membru A wara li jkunu ntemmu l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletatifl-Istat Membru B jista’ jsaħħaħ il-konklużjoni li tali rabta teżisti (kif jidher li kien il-każ fis-sentenzi Reichel-Albert, Pensionsversicherungsanstalt u Deutsche Rentenversicherung Bund). Madankollu, dan ma huwiex prerekwiżitgħall-eżistenza tagħha.
87. Fil-fatt, li kellha l-persuna kkonċernata, sabiex tibbenefika mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A, tkun meħtieġa terġa’ taħdem jew tikkompleta “perijodi ta’ assigurazzjoni” ġodda f’dan l-Istat Membru wara li tkun rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B, l-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fi Stati Membri oħra jerġa’ jiġi affettwat, b’mod li jmur kontra l-Artikolu 21 TFUE.
88. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix, sabiex tiġi stabbilita “rabta suffiċjentement stretta” jew “rabta suffiċjenti”, li l-“perijodi ta’ assigurazzjoni” jiġu kkompletatimill-persuna kkonċernataesklużivament fl-Istat Membru A, kemm qabel ma tkun rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B u kif ukoll wara.
89. Madankollu , nixtieq nenfasizza li l-“espansjoni” tat-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” li nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta fil-kawżi ineżami ma għandhiex tinftiehem bħala stedina biex hija tiftaħ il-bieb għal firxa dejjem tikber ta’ sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-test.
90. Għall-kuntrarju, fil-konklużjonijiet tiegħi f’Deutsche Rentenversicherung Bund (38), jiena ħeġġiġt lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi u tillimita l-ambitu ta’ dan it-test, sabiex il-leġiżlatur tal-Unjoni eventwalment ikun jista’ jadotta dispożizzjoni leġiżlattiva li tissostitwixxi l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009. Kien b’dan il-ħsieb f’moħħi li indikajt li t-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” jiddependi, l-ewwel, minn jekk il-persuna kkonċernatatkunx ikkompletat “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-Istat Membru A qabel ma tkun rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B (iżda mhux neċessarjament wara) u, it-tieni, minn jekk l-Istat Membru A huwiex l-aħħar Istat Membru li fih din il-persuna tkun ikkompletat dawk il-“perijodi ta’ assigurazzjoni” qabel ma tkun rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B (39). Il-pożizzjoni tiegħi f’dan ir-rigward tibqa’ l-istess.
91. B’mod partikolari, inqis li, b’dawn il-kriterji, it-test tar-“rabta suffiċjentement stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” jista’ jiġi ssodisfatt biss, f’kull każ individwali, fir-rigward ta’ Stat Membru uniku biss (hawnhekk, fiż-żewġ każijiet, l-Awstrija). Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidraxis-suġġeriment tal-Kummissjoni li jwassal sabiex tinġibed il-konklużjoni, fil-Kawża C‑142/25, li rikorrent, bħalma hija LF, ikollu dritt li l-perijodi kontenzjużi ta’ trobbija tal-ulied jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm mill-Awstrija u kemm mill-Ġermanja fuq bażi pro rata temporis, peress li huwa jkun ikkompleta “perijodi ta’ assigurazzjoni” fiż-żewġ Stati Membri kemm qabel kif ukoll wara li jkun rabba lil uliedu fil-Belġju.
VI. Konklużjoni
92. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija):
(1) L-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali
għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika mhux biss f’sitwazzjonijiet fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata tkun rabbiet lil uliedha ma tippermettix b’mod ġenerali li jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied, iżda wkoll f’każijiet fejn din il-persuna tkun rabbiet lil uliedha fi Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ġeneralment tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied, iżda din il-leġiżlazzjoni ma tkunx tista’ tiġi applikata għaliha, fir-rigward ta’ dawn il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied, peress li hija qatt ma kienet affiljata mal-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru.
(2) L-Artikolu 21 TFUE
għandu jiġi interpretat fi-sens li l-Istat Membru responsabbli għall-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija huwa meħtieġ japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu u jieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkompletati fi Stat Membru ieħor bħallikieku dawn il-perijodi kienu kkompletati fit-territorju tiegħu, bil-kundizzjoni, l-ewwel, li l-persuna kkonċernata tkun ikkompletat “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-ewwel Istat Membru qabel ma tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha lejn it-tieni Istat Membru, u, it-tieni, li l-ewwel Stat Membru kien l-aħħar Stat Membru li fih hija tkun ikkompletat dawn il-“perijodi ta’ assigurazzjoni” qabel dak it-trasferiment. Ma għandux ikun meħtieġ li l-persuna tkun ikkompletat il-“perijodi ta’ assigurazzjoni” rilevanti esklużivament f’dan l-Istat Membru, kemm qabel ma tkun rabbiet lil uliedha fit-tieni Stat Membru u kif ukoll wara.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2022, Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani) (C‑576/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pensionsversicherungsanstalt”, EU:C:2022:525), u tat‑22 ta’ Frar 2024, Deutsche Rentenversicherung Bund (C‑283/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutsche Rentenversicherung Bund”, EU:C:2024:144).
3 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 1).
4 Dan it-test ġie żviluppat għall-ewwel darba fis-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2000, Elsen (C‑135/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Elsen”, EU:C:2000:647); tas‑7 ta’ Frar 2002, Kauer (C‑28/00, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kauer”, EU:C:2002:82); u tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Reichel-Albert”, EU:C:2012:475) fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35). Dan ir-regolament tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).
5 Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2022, Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani) (C‑576/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pensionsversicherungsanstalt”, EU:C:2022:525), u tat‑22 ta’ Frar 2024, Deutsche Rentenversicherung Bund (C‑283/21, iktar ’il quddiem is-sentenza “Deutsche Rentenversicherung Bund”, EU:C:2024:144).
6 Iż-żewġ espressjonijiet intużaw mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.
7 C‑283/21, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tiegħi f’Deutsche Rentenversicherung Bund”, EU:C:2023:736, punt 29.
8 It-terminu “perijodu għat-trobbija tat-tfal” huwa ddefinit fl-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 987/2009 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).
9 Ara l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004.
10 It-terminu “perijodi ta’ assigurazzjoni” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(t) tar-Regolament Nru 883/2004 bħala “perjodi ta’ kontribuzzjoni, impjieg jew impjieg għal rashom kif definiti jew rikonoxxuti bħala perjodi ta’ assigurazzjoni mil-leġislazzjoni li taħthom ikunu magħmulin jew meqjusin bħala magħmula, u l-perjodi kollha meqjusin bħala tali, fejn il-leġislazzjoni msemmijja tqishom bħala ekwivalenti għal perjodi ta’ assigurazzjoni”.
11 Ara s-sentenza Pensionsversicherungsanstalt, punt 55.
12 Ara l-punti 46 u 47 tas-sentenza Deutsche Rentenversicherung Bund.
13 Ibid., punt 66. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Deutsche Rentenversicherung Bund, punt 33.
14 Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Pensionsversicherungsanstalt(Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani) (C‑576/20, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tiegħi f’Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani)”, EU:C:2022:75, punt 85). Ninnotali verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, bħall-verżjoni bil-lingwa Ċeka, bil-lingwa Franċiża, bil-lingwa Ġermaniża, bil-lingwa Griega, bil-lingwa Taljana u bil-lingwa Spanjola, huma daqstantieħorambivalenti.
15 Il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali tinkludi rappreżentant tal-gvern ta’ kull Stat Membru u rappreżentant tal-Kummissjoni. Hija responsabbli biex tittratta affarijiet amministrattivi, kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, u biex tippromwovi u tiżviluppa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-kompożizzjoni, il-funzjonament u l-kompiti tal-Kummissjoni Amministrattiva huma stabbiliti mill-Artikoli 71 u 72 tar-Regolament Nru 883/2004.
16 Ara, b’mod partikolari, il-paġna web iddedikata għad-dokumenti uffiċjali dwar il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali, disponibbli fuq: https://employment-social-affairs.ec.europa.eu/policies-and-activities/moving-working-europe/eu-social-security-coordination/specialised-information/official-documents_en.
17 Punt 88.
18 Ara, inter alia, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 883/2004.
19 Ara l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004.
20 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Pensionsversicherungsanstalt (Allowance għar-riabilitazzjoni) (C‑135/19, EU:C:2020:177, punt 46).
21 Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani), punt 64.
22 Ara l-punti 86 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
23 Anki fid-Danimarka, perijodi bħal dawn jistgħu effettivament jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, kwalunkwe “perijodu ta’ residenza” kkompletat f’dan l-Istat Membru jagħti dritt għal benefiċċji tal-pensjoni, irrispettivament minn jekk dan il-“perijodu ta’ residenza” kienx “perijodu ta’ trobbija tal-ulied”.
24 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Pensionsversicherungsanstalt (Allowance għar-riabilitazzjoni) (C‑135/19, EU:C:2020:177, punt 46).
25 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2025, Tradeinn Retail Services (C‑76/24, EU:C:2025:593, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen f’Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:114, punt 67) u l-konklużjonijiet tiegħi f’Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani) (punt 83), kif ukoll il-formulazzjoni tat-tieni domanda magħmula mill-qrati nazzjonali f’din l-aħħar kawża.
27 Ara l-punti 86 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
28 Ara s-sentenzi msemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 4 u 5 iktar ’il fuq.
29 Ara l-punti 38 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
30 Għal rendikont tal-każijiet li wasslu għal din il-ġurisprudenza, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani), punti 38 sa 47.
31 Dan ġie ċċarat fis-sentenza Deutsche Rentenversicherung Bund, fejn il-persuna kkonċernata kienet ikkompletat biss perijodi li setgħu jiġu assimilati ma’ “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-Istat Membru A qabel ma rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B, mingħajr ma ħallset kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ assigurazzjoni statutorja ta’ dan l-ewwel Istat Membru.
32 Punti 49 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
33 Pereżempju, fis-sentenza tagħha Elsen, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li minħabba li kien hemm “rabta stretta” bejn dawn il-perijodi u l-perijodi ta’ attività tas-Sinjura Elsen fil-Ġermanja, is-Sinjura Elsen ma setgħetx titqies bħala persuna li waqfet kull “attività okkupazzjonali” jew bħala persuna suġġetta, għal din ir-raġuni, għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn kienet tirrisjedi (Franza). Mill-banda l-oħra, fis-sentenza tagħha Reichel-Albert, jidhirli li l-konklużjoni tal-Qorti kienet b’xi mod influwenzata minn kunsiderazzjonijiet differenti. L-ewwel, is-Sinjura Reichel-Albert kienet ħadmet u kkontribwixxiet fi Stat Membru wieħed biss (il-Ġermanja), kemm qabel ma hija ttrasferixxiet temporanjament il-post tar-residenza tagħha għal Stat Membru ieħor (il-Belġju) fejn hija qatt ma kienet ħadmet u kif ukoll wara. It-tieni, is-Sinjura Reichel-Albert kienet marret toqgħod il-Belġju għal raġunijiet familjari biss u direttament mill-Ġermanja, fejn hija kienet impjegata sa xahar qabel marret toqgħod il-Belġju.
34 Punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35 Ara s-sentenzi Elsen(punt 26) u Kauer(punt 32).
36 Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ kawżi, l-applikant kien waqaf ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A numru ta’ xhur, jekk mhux saħansitra iktar minn sena, qabel ma bdew jiddekorrudawk il-perijodi.
37 Punti 68 u 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
38 Punti 52 u 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
39 F’dawn il-konklużjonijiet (punt 70), spjegajt li, fil-fehma tiegħi, il-“perijodi ta’ assigurazzjoni” kkompletati fl-Istat Membru A ma għandhomx neċessarjament jippreċedu immedjatament il-perijodi ddedikati għat-trobbija tal-ulied. Madankollu, jekk persuna tikkompleta “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-Istat Membru A u mbagħad fl-Istat Membru C qabel ma trabbi lil uliedha fl-Istat Membru B, allura huwa l-Istat Membru, mhux l-Istat Membru A, li għandu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-perijodi inkwistjoni ta’ trobbija tal-ulied.