|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1466 |
30.6.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1466
tad-29 ta’ Ġunju 2026
li temenda d-Deċiżjoni 2013/354/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-3 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/354/PESK (1), li kompliet il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) mill-1 ta’ Lulju 2013 ’il quddiem. |
|
(2) |
Fit-30 ta’ April 2025, fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku kkoordinat tal-EUPOL COPPS u l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li l-mandati taż-żewġ missjonijiet jenħtieġ li jiġu estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2027. |
|
(3) |
Fis-26 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/1284 (2), li estendiet il-mandat tal-EUPOL COPPS sat-30 ta’ Ġunju 2026. |
|
(4) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid, fost affarijiet oħra, l-impenn tal-Unjoni għad-dritt internazzjonali u paċi komprensiva, ġusta u dejjiema bbażata fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati. Il-Kunsill Ewropew tenna wkoll ir-rieda tal-Unjoni li taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv biex Jintemm il-Konflitt f’Gaża f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2803 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti(UNSCR 2803), waqt li appellat għall-implimentazzjoni sħiħa mill-partijiet kollha għall-waqfien mill-ġlied u tad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-UNSCR 2803, f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji politiċi u legali internazzjonali. |
|
(5) |
Fil-25 ta’ Ġunju 2026, b’kont meħud tal-informazzjoni pprovduta minn Iżrael u mill-Awtorità Palestinjana, il-KPS qabel li l-mandati kemm tal-EUPOL COPPS kif ukoll tal-EU BAM Rafah jenħtieġ li jiġu estiżi bi tliet xhur. |
|
(6) |
F’dan il-kuntest, EUPOL COPPS jeħtieġ li tiġi estiża sat-30 ta’ Settembru 2026. |
|
(7) |
Għalhekk id-Deċiżjoni 2013/354/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan. |
|
(8) |
EUPOL COPPS ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tfixkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsab fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2013/354/PESK hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 12(1), is-subparagrafu finali jiġi sostitwit b’dan li ġej: “L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUPOL COPPS għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Settembru 2026 għandu jkun ta’ EUR 14 828 382,35.” ; |
|
(2) |
fl-Artikolu 15, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Għandha tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2026.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2026.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. MOUSHOUTTAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/354/PESK tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (ĠU L 185, 4.7.2013, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/354/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1284 tas-26 ta’ Ġunju 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2013/354/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (ĠU L, 2025/1284, 27.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1284/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1466/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)