European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3937

1.9.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Lulju 2026

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tas-Slovenja

(C/2026/3937)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(2)

Fil-25 ta' Novembru 2025, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2026 tas-Slovenja. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih ma identifikatx lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026, li tanalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026.

(3)

Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(4)

Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (3). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif it-tmiem qed joqrob għall-RRF, jibqa' essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(5)

Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għas-Slovenja. Fih ġie vvalutat il-progress tas-Slovenja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u ttieħed kont tal-implimentazzjoni tal-RRP tas-Slovenja. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa s-Slovenja. Ivvaluta wkoll il-progress li għamlet is-Slovenja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(6)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tas-Slovenja (4). Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq erba' snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 5,6 % fl-2025, 4,4 % fl-2026, 4,1 % fl-2027, u 4,0 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattiv massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2023 ta' 12,1 % fl-2025, 17,0 % fl-2026, 21,8 % fl-2027, u 26,6 % fl-2028.

(7)

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-UE biex tinkiseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba tas-Slovenja, fit-8 ta' Lulju 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lis-Slovenja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati (5). Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lis-Slovenja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża, li tkun ogħla b'mod dejjiemi, ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(8)

Fit-30 ta' April 2026, is-Slovenja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha tal-2026 (6) dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tas-Slovenja dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)

It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 1,1 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 2,5 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'1,9 % fl-2026 u 2,3 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 3,5 % fl-2026 u 2,5 % fl-2027.

(10)

Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (7), id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovenja żdied minn 0,9 % tal-PDG fl-2024 għal 2,5 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda fid-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment żieda permanenti fin-nefqiet attwali, livell rekord ta' investiment pubbliku u tnaqqis ċikliku fid-dħul. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa sad-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 3,3 % tal-PDG fl-2026 u ta' 3,5 % tal-PDG fl-2027. Iż-żieda fl-2026 tirrifletti prinċipalment żieda fin-nefqa kurrenti xprunata mill-konsum intermedju tal-gvern, il-benefiċċji soċjali u l-pagi pubbliċi. Iż-żieda tad-defiċit fl-2027 tirrifletti prinċipalment l-iskadenza tat-trasferimenti tal-UE mill-għotjiet tal-RRF fil-kuntest ta' livell għoli sostnut ta' investimenti pubbliċi.

(11)

Fil-11 ta' Mejju 2026, wara d-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, ġew adottati miżuri addizzjonali li jżidu d-defiċit mill-Assemblea Nazzjonali, fil-qasam tat-taxxa fuq l-introjtu personali, il-kontribuzzjonijiet soċjali, it-taxxi fuq il-prodotti u t-trasferimenti soċjali, li huma stmati mill-Kummissjoni li għandhom kost baġitarju totali ta' bejn 0,5 % u 1,0 % tal-PDG fl-2026. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-miżuri mhumiex mistennija li jkunu temporanji u li jżidu d-defiċit fl-2026 u lil hinn. Barra minn hekk, il-gvern preċedenti ħejja għadd ta' miżuri ta' tfaddil, bl-għan li d-defiċit tal-gvern jitnaqqas taħt it-3 % tal-PDG. Minħabba l-inċertezza dwar id-daqs u l-adozzjoni tagħhom, l-impatt ta' dawn il-miżuri aktar reċenti mhuwiex ikkunsidrat f'dan l-istadju.

(12)

Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (8), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet espansjonarja, b'1,6 % tal-PDG fl-2025. Hija pprojettata li tkun espansjonarja, b'1,3 % tal-PDG, fl-2026 u restrittiva b'0,7 % tal-PDG, fl-2027.

(13)

Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (9), id-dejn tal-gvern estiż tas-Slovenja naqas minn 66,4 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 65,7 % tal-PDG fi tmiem l-2025. It-tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn fl-2025 jirrifletti prinċipalment differenzjali bejn ir-rata tal-imgħax u t-tkabbir li tnaqqas id-dejn. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jonqos għal 64,9 % sa tmiem l-2026 u jiżdied għal 65,1 % sa tmiem l-2027. It-tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn fl-2026 jirrifletti prinċipalment differenzjali bejn ir-rata tal-imgħax u t-tkabbir li tnaqqas id-dejn u aġġustament bejn l-istokk u l-flussi li jnaqqas id-dejn.

(14)

Abbażi tad-data tal-Eurostat (10), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fis-Slovenja ammontat għal 1,3 % tal-PDG fl-2025, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,2 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mas-sena ta' referenza 2021. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, hija pprojettata għal 1,6 % tal-PDG fl-2026, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,5 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021 (11).

(15)

L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, is-Slovenja adottat miżuri ta' politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti (12). Dawn jinkludu tnaqqis mhux immirat fid-dazji tas-sisa fuq id-diżil, il-petrol u ż-żejt għat-tisħin preżunt li jdum sa tmiem is-sena u tnaqqis mhux immirat tat-taxxa ambjentali fuq id-diossidu tal-karbonju fuq id-diżil, il-petrol u ż-żejt għat-tisħin li mistenni jiskadi f'Ġunju 2026. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-kost fiskali ta' dawn il-miżuri huwa pprojettat li jammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2026. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, jekk dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2026, il-kost fiskali tagħhom ikun jammonta għal 0,3 % tal-PDG fl-2026.

(16)

Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fis-Slovenja kibret bi 8,8 % fl-2025 u bi 13,2 % b'mod kumulattiv matul l-2024 u l-2025. It-tkabbir tan-nefqa netta fl-2025 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li jikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,4 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija wkoll ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 0,5 % tal-PDG f'termini kumulattivi. Filwaqt li titqies il-flessibbiltà għal infiq ogħla fid-difiża prevista mill-klawżola liberatorja nazzjonali, meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, id-devjazzjoni kumulattiva tan-nefqa netta tkun f'ammont marġinalment ogħla minn 0,3 % tal-PDG.

(17)

Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fis-Slovenja hija pprojettata li tikber b'7,2 % fl-2026 u b'21,3 % b'mod kumulattiv matul l-2024, l-2025 u l-2026. It-tkabbir ipprojettat fin-nefqa netta fl-2026 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,2 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv projettata tan-nefqa netta hija wkoll ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,7 % tal-PDG f'termini kumulattivi. Filwaqt li titqies il-flessibbiltà għal infiq ogħla fid-difiża prevista mill-klawżola liberatorja nazzjonali, meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, id-devjazzjoni kumulattiva pprojettata tan-nefqa netta tammonta għal 1,2 % tal-PDG.

(18)

Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE (13). Dak ir-rapport ivvaluta s-sitwazzjoni tas-Slovenja vis-à-vis il-kriterju tad-defiċit, billi fl-2026 id-defiċit ippjanat tal-gvern estiż tagħha jaqbeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit mhuwiex issodisfat mis-Slovenja. Fl-istess ħin, il-Kunsill attiva l-klawżola liberatorja nazzjonali għas-Slovenja u d-defiċit li jaqbeż il-valur referenzjarju huwa spjegat bis-sħiħ miż-żieda fin-nefqa fid-difiża mill-2021, abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni. Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni hija tal-fehma li ma hemm l-ebda każ biex tinfetaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għas-Slovenja f'dan l-istadju, għad hemm inċertezza sinifikanti dwar il-prospettiva fiskali għall-2026 (ara l-premessa 12). Fin-nuqqas ta' miżuri korrettivi suffiċjenti li qed jittieħdu b'mod kredibbli u f'waqtu, dan jista' jwassal għall-ftuħ tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv għas-Slovenja fil-ħarifa. Fid-dawl ta' dan, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) TFUE, f'dan l-istadju l-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(19)

It-taħlita tat-taxxa tas-Slovenja tiddependi ħafna fuq it-tassazzjoni tax-xogħol, li kienet tammonta għal 52 % tad-dħul totali mit-taxxa fl-2023. Fil-kuntest ta' popolazzjoni li qed tixjieħ b'mod rapidu u forza tax-xogħol fl-età tax-xogħol li qed tonqos, id-dipendenza qawwija tas-Slovenja fuq it-taxxi fuq ix-xogħol toħloq riskju strutturali peress li porzjon għoli ta' taxxa jista' jiskoraġġixxi l-ħolqien tal-impjiegi u jkollu effett negattiv fuq il-provvista tal-ħaddiema u l-kompetittività. Bħalissa, is-Slovenja tagħmel użu limitat minn sorsi ta' dħul li joħolqu inqas distorsjoni; it-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà jiġġeneraw dħul ferm aktar baxx mill-medja tal-UE u ma tressqux riformi f'dan il-qasam. Is-Slovenja ma għandhiex qafas biex tevalwa l-effiċjenza ekonomika jew il-ħtieġa tar-rikorrenza estensiva tan-nefqiet tat-taxxa li jammontaw għal 5,2 % tal-PDG fl-2023. Rieżami sistematiku ta' dawn in-nefqiet u aġġustamenti tat-tassazzjoni fuq il-proprjetà jwessgħu l-bażi tat-taxxa u jiġġeneraw spazju fiskali addizzjonali. L-ibbilanċjar mill-ġdid tat-taħlita tat-taxxa lejn sorsi aktar favorevoli għat-tkabbir u sostenibbli jtaffi r-riskji strutturali u jappoġġa s-sostenibbiltà fiskali.

(20)

It-tisħiħ tal-effiċjenza tal-infiq pubbliku huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kostijiet tat-tixjiħ li qed jiżdiedu u tittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Filwaqt li s-Slovenja għandha esperjenza fil-produzzjoni ta' analiżijiet tan-nefqa, dawn għadhom mhumiex integrati sistematikament fil-proċess baġitarju annwali. L-istituzzjonalizzazzjoni ta' rieżamijiet regolari tal-infiq fl-akbar oqsma ta' nefqa b'mod partikolari l-protezzjoni soċjali (17,1 % tal-PDG), il-kura tas-saħħa (8 %), l-affarijiet ekonomiċi (5,7 %), u l-edukazzjoni (5,5 %) tiffaċilita riallokazzjoni aktar effettiva tar-riżorsi u żżid l-obbligu ta' rendikont. Minkejja żieda fit-trasferimenti soċjali, ir-rata ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali żdiedet għar-raba' sena konsekuttiva, li tirrifletti b'mod partikolari żieda fir-rata ta' persuni f'riskju ta' faqar fost il-popolazzjoni anzjana, li tindika li s-sistema qed tonqos milli tilħaq lil dawk l-aktar vulnerabbli. It-titjib fl-effiċjenza jista' jinkiseb billi jiġu mmirati aħjar il-benefiċċji soċjali, jiġi armonizzat l-appoġġ frammentat tal-familja u jiġu indirizzati l-benefiċċji tal-liv minħabba mard. It-tnaqqis demografiku, il-popolazzjoni li qed tixjieħ u l-aċċess mhux uniformi għal servizzi essenzjali ta' kwalità (il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni) iżidu d-disparitajiet territorjali, u jħallu impatt b'mod partikolari fuq iż-żoni rurali. Barra minn hekk, filwaqt li l-investimenti pubbliċi għadhom għoljin, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali u jiġi appoġġat l-potenzjal tat-tkabbir huwa meħtieġ titjib fil-kompożizzjoni u l-ippjanar tal-investimenti permezz ta' koordinazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali.

(21)

Fis-Slovenja, l-implimentazzjoni tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), hija ogħla mill-pass medju fil-livell tal-UE, kemm f'termini tal-għażla tal-proġetti kif ukoll tal-pagamenti. Huwa importanti li jinżamm il-momentum attwali, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti fil-prattika. Is-Slovenja diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Madankollu, xi oqsma jistgħu jeħtieġu tisħiħ ulterjuri fl-implimentazzjoni, inklużi dawk relatati mal-ħiliet, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-immaniġġar tal-ilma, u l-forniment ta' servizzi lokali. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mis-Slovenja fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (14), jintużaw malajr u b'mod effettiv.

(22)

Is-Slovenja għandha diversi sfidi relatati mas-settur tal-enerġija, mat-trasport sostenibbli, mar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u mal-ambjent, mal-ambjent tan-negozju, mal-kompetittività u man-nuqqas ta' ħaddiema.

(23)

Kif stabbilit fil-Boxxla għall-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha lokali, nazzjonali u tal-UE jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u jaċċelleraw il-ħeffa ta' proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b'mill-inqas 25 % għall-kumpaniji kollha u b'mill-inqas 35 % għall-SMEs. Ħolqot ukoll għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex tirrealizza din l-ambizzjoni, is-Slovenja wkoll trid tieħu azzjoni. Filwaqt li nkiseb xi progress, għad hemm il-ħtieġa għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar b'saħħithom fost il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi hija rrappurtata bħala limitazzjoni minn 66 % tal-kumpaniji meta jinnegozjaw fis-Slovenja (15). L-isfidi strutturali jibqgħu piż fuq l-ambjent tan-negozju tas-Slovenja, b'nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, piżijiet regolatorji u tat-taxxa li jaġixxu bħala restrizzjonijiet kbar fuq l-investiment u t-tkabbir. Il-proċessi tal-ħruġ ta' permessi għadhom partikolarment ta' piż, bi skedi ta' żmien twal għall-permessi tal-kostruzzjoni u ambjentali, il-ħtieġa li l-formalitajiet legali jiġu ġestiti fiżikament, u l-interoperabbiltà limitata tar-reġistri diġitali. Minkejja progress sinifikanti fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, is-Slovenja għadha taħt il-medja tal-UE, u għad hemm xi sfidi biex tiġi żgurata ċ-ċentralità tal-utent, l-interoperabbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data fil-livelli kollha tal-gvern. Għad hemm ostakli regolatorji għas-Suq Uniku, li jaffettwaw b'mod speċjali l-kummerċ transfruntier tas-servizzi u ċerti professjonijiet regolati, u l-progress fl-indirizzar tagħhom baqa' limitat. F'dan ir-rigward, iż-żieda fil-kamp ta' applikazzjoni, l-ambizzjoni u l-pass tas-simplifikazzjoni regolatorja u l-modernizzazzjoni amministrattiva tista' ttejjeb il-kwalità u tnaqqas il-prezzijiet kif ukoll tappoġġa t-tkabbir fit-tul.

(24)

Ir-rabtiet pubbliċi-privati tas-Slovenja fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) f'termini ta' kopubblikazzjonijiet għadhom kemxejn ogħla mill-medja tal-UE, iżda l-pajjiż ibati biex isarraf riċerka eċċellenti fi prodotti ta' suċċess, fejn jista' jinkiseb aktar progress permezz tal-faċilitazzjoni tat-trasferiment tal-għarfien u l-kisba ta' appoġġ finanzjarju għall-attività tar-R&Ż. Filwaqt li l-infiq tan-negozji fir-R&Ż fis-Slovenja huwa fil-medja tal-UE, dan naqas għal tliet snin għal 1,5 % tal-PDG, b'mod partikolari fost l-SMEs. Barra minn hekk, in-nefqa pubblika tas-Slovenja fuq ir-R&Ż għadha lura meta mqabbla mal-medja tal-UE għall-2024 (0,64 % vs 0,72 % tal-PDG) kif ukoll mal-mira nazzjonali (1,25 %). Il-kapaċitajiet ta' innovazzjoni reġjonali qed jissaħħu b'mod effettiv, għalkemm xi reġjuni għadhom qed jiffaċċaw investiment aktar baxx fir-R&Ż u eżiti ta' produttività aktar dgħajfa, li jillimitaw il-kompetittività u t-tkabbir xprunat mill-innovazzjoni. Filwaqt li għaddejjin xi inizjattivi pożittivi, inkluż proġetti ta' finanzjament strateġiku u appoġġ immirat għal proposti b'potenzjal għoli, l-użu effettiv ta' strumenti ta' investiment alternattivi, speċjalment għal startups, huwa importanti biex tiġi sfruttata bis-sħiħ il-kapaċità ta' innovazzjoni tas-Slovenja u tinkiseb ir-realizzazzjoni sħiħa tagħha. Is-Slovenja għamlet sforzi biex ittejjeb il-governanza tar-R&I billi kkonsolidat il-biċċa l-kbira tal-politiki tar-R&I f'ministeru wieħed, aġġornat l-Att dwar l-Attivitajiet ta' Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni u ħolqot mekkaniżmi ta' koordinazzjoni orizzontali biex tirrazzjonalizza l-inizjattivi ta' politika, li kienu parti mill-pjan Sloven għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP). Għalkemm dawn ir-riformi ġew implimentati, l-impatt tagħhom għadu mhux tanġibbli, u l-mekkaniżmi jistgħu jirrikjedu ż-żieda ta' komponent ta' monitoraġġ biex jiġi segwit il-progress u t-tisħiħ possibbli. Barra minn hekk, għadu ma ġiex stabbilit approċċ aktar sistematiku għat-trasferiment tal-għarfien, li jista' jfixkel il-konverżjoni ta' riċerka akkademika ta' kwalità għolja fi prodotti kummerċjalment vijabbli.

(25)

In-negozji Sloveni jiddependu b'mod predominanti fuq il-finanzjament bankarju minħabba s-suq kapitali inqas żviluppat tal-pajjiż u l-parteċipazzjoni limitata ta' investituri istituzzjonali domestiċi fil-finanzjament ta' kumpaniji innovattivi u startups. Is-setturi tal-ekwità privata u tal-kapital ta' riskju huma ferm inqas maturi mill-kontropartijiet tagħhom fl-UE, b'assi li jammontaw biss għal 0,04 % u 0,01 % tal-PDG fl-2024, rispettivament, meta mqabbla mal-medji tal-UE ta' 0,46 % u 0,06 % tal-PDG. Barra minn hekk, l-unitajiet domestiċi Sloveni għandhom it-tendenza li jżommu proporzjon kbir tal-assi finanzjarji tagħhom fi flus kontanti u depożiti, aktar milli jinvestu fi strumenti finanzjarji bbażati fuq is-suq. Is-settur tal-fondi tal-pensjonijiet għandu livell baxx ta' assi, b'7,1 % biss tal-PDG fl-2024, it-tielet l-aktar livell baxx fl-UE. Madankollu, is-suq tal-finanzjament mhux bankarju fis-Slovenja jeħtieġ li jespandi u jiddiversifika biex iżid id-disponibbiltà tal-kapital ta' riskju u jagħti spinta lill-investiment innovattiv u l-kompetittività fit-tul. L-iżvilupp tal-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma u tal-kapital ta' riskju huwa nieqes mill-appoġġ permezz ta' investiment fl-ekwità mill-fornituri tal-pensjonijiet, li jista' jikkontribwixxi għal żieda fil-pensjonijiet supplimentari u huwa importanti għat-tkabbir tal-istartups innovattivi.

(26)

Il-fjuwils fossili, li proporzjon kbir minnhom huma importati, għadhom jikkostitwixxu sehem sinifikanti mit-taħlita tal-enerġija tas-Slovenja (58 %), li jikkontribwixxi għal prezzijiet ogħla u aktar volatili, li min-naħa tagħhom jaffettwaw il-kompetittività. Barra minn hekk, is-Slovenja kellha tiddependi fuq trasferiment statistiku sabiex tilħaq il-mira nazzjonali tagħha għall-enerġija rinnovabbli (25 %). Minkejja xi progress, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu aċċellerati l-introduzzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha, inkluż l-adozzjoni tal-ħżin tal-enerġija u l-implimentazzjoni ta' miżuri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Filwaqt li l-miżuri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, speċjalment ir-rinnovazzjoni tal-bini, komplew jiġu implimentati permezz tal-qafas ta' finanzjament nazzjonali u fondi differenti tal-UE, inkluż l-RRF, aktar sforzi mis-Slovenja ser jgħinu biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija ta' rinnovazzjoni fit-tul biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-bini.

(27)

Il-proċessi għall-ħruġ ta' permessi u l-proċeduri amministrattivi għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fuq skala tal-grilja, inkluż l-installazzjonijiet eoliċi, ikomplu jikkostitwixxu ostaklu kbir għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-Slovenja. Filwaqt li sar progress fir-riforma tal-qafas regolatorju, il-proċeduri ambjentali u fil-livell muniċipali għadhom jistgħu jdumu sa diversi snin. Is-Slovenja ma rreġistrat l-ebda żieda fil-kapaċità ta' potenza eolika f'aktar minn deċennju, u l-użu ta' kapaċità fotovoltajka solari ġdida naqas b'mod sinifikanti fl-2025 meta mqabbel mat-tliet snin preċedenti. Id-deżinjazzjoni ta' żoni ta' aċċellerazzjoni għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, fejn il-proċessi għall-ħruġ ta' permessi u l-proċeduri amministrattivi jiġu ssimplifikati u mqassra b'mod effettiv, tista' tgħin biex jitħaffef l-użu b'mod sinifikanti. Barra minn hekk, il-bini tal-kapaċità fil-forma ta' taħriġ u riżorsi addizzjonali disponibbli għall-awtoritajiet lokali jistgħu jkomplu jaċċelleraw l-ipproċessar tat-talbiet, kif ukoll jegħlbu l-oppożizzjoni lokali. Fl-istess ħin, ir-reġjuni li għaddejjin mill-eliminazzjoni gradwali tal-faħam jiffaċċaw sfidi sinifikanti ta' tranżizzjoni ġusta relatati mad-diversifikazzjoni ekonomika, it-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol u l-iżvilupp ta' infrastruttura tal-enerġija nadifa.

(28)

Ir-restrizzjonijiet tal-grilja, b'mod partikolari fil-livell tad-distribuzzjoni, bdew jittaffew, parzjalment minħabba l-implimentazzjoni tal-investimenti tal-RRF. Madankollu, is-sostenn tal-integrazzjoni kontinwa ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli deċentralizzati, filwaqt li tiġi ssodisfata wkoll id-domanda dejjem tikber għall-elettriku mill-elettrifikazzjoni, ser jirrikjedi żieda sostanzjali fl-investimenti fil-grilja, inkluż fid-diġitalizzazzjoni.

(29)

L-utilizzazzjoni tat-trasport sostenibbli għadu lura meta mqabbel mal-bqija tal-UE u d-dipendenza fuq il-karozzi privati għadha għolja ħafna. It-trasport bit-triq jibqa' s-sors dominanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, tat-tniġġis tal-arja u tal-konsum tal-enerġija fis-settur. Dawn il-valuri huma kollha ogħla mill-medja tal-UE. Sar pass 'il quddiem fil-qafas tas-sistema ta' pedaġġ ibbażata fuq id-distanza għall-vetturi tqal. Għaddejjin ħafna investimenti kbar fil-linji ferrovjarji u l-elettromobbiltà fl-ambitu tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-programm tal-politika ta' koeżjoni. Madankollu, għad hemm ħtieġa pertinenti li jiġu indirizzati l-provvista u l-adozzjoni sostenibbli tat-trasport tal-passiġġieri u li jsiru investimenti f'infrastruttura ferrovjarja reżiljenti tul il-kurituri tat-TEN-T, inkluż is-sezzjonijiet transfruntiera u t-tħejjija ta' linji ferrovjarji ta' veloċità għolja.

(30)

Is-Slovenja hija vulnerabbli ħafna u spiss tkun esposta għal riskji relatati mal-klima, b'mod partikolari għargħar, mewġiet ta' sħana, nixfa u nirien fis-selvaġġ, li mhumiex mifruxa l-istess fuq ir-reġjuni u għandhom impatt negattiv fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-pajjiż. Minkejja r-riskji dejjem akbar, is-Slovenja għad għandha waħda mill-aktar rati baxxi ta' kopertura tal-assigurazzjoni fir-rigward ta' event relatat mat-temp estrem u event klimatiku estrem fl-UE, u din tħalli lakuni fil-protezzjoni finanzjarja u tindika l-ħtiġijiet fl-espansjoni tal-użu u l-adozzjoni ta' mekkaniżmi tal-assigurazzjoni klimatika. Fl-2025, is-Slovenja adottat Att ġdid dwar il-Klima, li saħħaħ b'mod sinifikanti l-qafas ta' governanza tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Is-Slovenja adottat ukoll regolament (16) li jistabbilixxi regoli għall-kostruzzjoni, l-użu tal-art, u attivitajiet oħra f'żoni suxxettibbli għall-għargħar u għall-erożjoni. Madankollu, dan huwa biss il-bidu tal-proċess, u l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki relatati għadha lura fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Hemm dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni mill-għargħar, u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għadhom ma ġewx implimentati b'mod sistematiku fis-setturi kollha. Minkejja l-isforzi, għad hemm ukoll sfidi f'termini tal-immodernizzar tal-infrastruttura tal-ilma, ir-restawr ta' ekosistemi frammentati tal-ilma ħelu, it-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma u fl-indirizzar tal-qagħda tan-natura u tal-ekosistemi tas-Slovenja li qed tiddeterjora, u b'hekk qed tkompli ddgħajjef ir-reżiljenza għall-klima, tal-ekosistema u tal-ilma tal-pajjiż.

(31)

In-nuqqas persistenti ta' ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet jimminaw l-investiment u l-kompetittività fis-Slovenja. Madwar nofs il-kumpaniji jirrapportaw nuqqas ta' persunal, b'rati ta' pożizzjonijiet vakanti ogħla mill-medja tal-UE. It-tibdil demografiku, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-diskrepanzi fil-ħiliet, u l-ispariġġi fil-ħiliet jaggravaw dawn in-nuqqasijiet, b'mod partikolari fl-edukazzjoni, is-settur tal-kura, l-ICT, il-kostruzzjoni, u l-professjonijiet xjentifiċi u tekniċi, u b'hekk huma meħtieġa ħiliet fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM). Is-Slovenja qed tiffaċċa diskrepanzi sinifikanti fil-ħiliet diġitali, bi 63,9 % tad-ditti jirrapportaw nuqqas ta' ħiliet fl-ICT u l-kompetenza diġitali tal-adulti għadha lura meta mqabbla mal-medja tal-UE. Dan ifixkel id-diġitalizzazzjoni tan-negozju u joħloq riskju għall-iżvilupp tal-kapital uman. Għalhekk, huma meħtieġa inċentivi biex jiżdiedu l-litteriżmu u l-kompetenzi diġitali. Barra minn hekk, l-aħħar stħarriġ PISA tal-OECD dwar il-ħiliet tal-istudenti żvela xejra inkwetanti ta' tnaqqis fil-livelli tal-ħiliet bażiċi u l-Istudju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuter u fl-Informazzjoni (ICILS) wera livell baxx ta' kompetenza diġitali. In-nuqqas emerġenti ta' ħiliet ekoloġiċi ser ikompli jagħmel pressjoni fuq is-suq tax-xogħol, bl-impjiegi ekoloġiċi pprojettati li jammontaw għal 40 % tal-pożizzjonijiet vakanti kollha. Biex tnaqqas id-diskrepanza fil-ħaddiema, is-Slovenja tiddependi fuq ħaddiema barranin li rrappreżentaw 16 % tal-forza tax-xogħol tal-pajjiż u li huma pprojettati li jilħqu 26 % sal-2030. (17) Iżda s-Slovenja qed tiffaċċa sfidi biex tattira ħaddiema bi kwalifiki għoljin meta mqabbla mal-Istati Membri l-oħra tal-UE, potenzjalment minħabba fatturi bħal-livelli ta' introjtu, id-diġitalizzazzjoni u l-inklużjoni limitati fuq il-post tax-xogħol (18). Id-dewmien fil-proċeduri amministrattivi għall-migrazzjoni tal-ħaddiema, id-diffikultajiet fir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-inklużjoni soċjali jibqgħu ostaklu biex jiġi attirat u jinżamm it-talent. Barra minn hekk, biex isir aġġustament għall-bidliet strutturali fis-soċjetà, ser ikun essenzjali li s-sistema edukattiva tkompli tiġi allinjata mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, isir użu sħiħ minn ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati billi jiġu pprovduti għodod ta' politika li jappoġġaw it-tranżizzjonijiet minn impjieg għall-ieħor, inkluż ħaddiema akbar fl-età u dawk b'livell baxx ta' ħiliet u tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

(32)

Filwaqt li data aktar reċenti tal-istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (LFS) tissuġġerixxi xi progress bejn l-2022 u l-2024, il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-taħriġ għadha baxxa, ferm aktar baxxa mill-medja tal-UE (Stħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti 2022, Slovenja: 26,5 %, UE: 39,5 %), u wkoll ferm aktar baxxa mill-mira nazzjonali tas-Slovenja għall-2030 ta' 60 %. Huwa kruċjali li l-apprendiment u t-taħriġ tul il-ħajja jiġu estiżi għall-popolazzjoni adulta kollha, inkluż fost il-gruppi vulnerabbli. Il-perċentwal ta' adulti Sloveni li għandhom tal-inqas ħiliet diġitali bażiċi kompla jonqos fl-2025 għal 46,5 % (60,4 % fl-UE) u qed inaqqas ir-ritmu tat-tranżizzjoni diġitali. Is-Slovenja ħadet l-impenn li tiżviluppa Pjan ta' Azzjoni għall-Ħiliet fuq livell nazzjonali; madankollu, it-tħejjija għadha fi stadju bikri, u għalhekk għadu prematur li jiġi vvalutat l-impatt potenzjali tagħha.

(33)

L-involviment sistematiku, sinifikattiv u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(34)

Bħala parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ir-riforma tal-pagi tas-settur pubbliku tas-Slovenja daħlet fis-seħħ f'Jannar 2025, u żiedet gradwalment il-pagi tas-settur pubbliku, inkluż għas-settur tal-kura tas-saħħa, il-ħaddiema tal-kura fit-tul u l-għalliema. Flimkien mar-riforma tal-pagi, f'Ottubru 2025 ġiet introdotta allowance tax-xitwa ġdida, u l-paga minima statutorja żdiedet b'16 % f'Jannar 2026. Fl-2024, is-Slovenja introduċiet ukoll miżuri biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-persunal u tax-xogħol fil-kura tas-saħħa, fil-kura fit-tul u fil-kura soċjali bħal boroż ta' studju għall-professjonijiet tas-saħħa u tal-ħidma soċjali, biex b'hekk jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali għall-professjonisti barranin tal-kura tas-saħħa, u programm pilota ta' internship għall-infermiera-indokraturi (2024–2026), madankollu xi wħud minn dawn il-miżuri għad iridu jiġu implimentati bis-sħiħ. Madankollu, għad hemm nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet, b'madwar 80 % tal-impjegaturi f'dawn is-setturi jirrapportaw diffikultajiet biex isibu ħaddiema, bi xkiel għall-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul u biex jingħataw dawn is-servizzi, inkluż f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos. Is-Slovenja diġà għandha sehem baxx ta' ħaddiema tas-saħħa u tal-kura soċjali fl-impjiegi totali meta mqabbla mal-medja tal-OECD (7,8 % vs 10,9 %, data tal-2023) u inqas infermiera u tobba għal kull abitant mill-medja tal-UE (19). Il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul huma ta' sfida minħabba l-ammont kbir ta' xogħol tal-persunal attwali, inkluż sigħat tax-xogħol itwal, xiftijiet u xogħol ta' billejl, li jwasslu għal livelli ogħla ta' strapazz fiżiku u emozzjonali u liv minħabba mard aktar frekwenti (20). Mingħajr azzjoni politika urġenti, is-sitwazzjoni hija mistennija li tmur għall-agħar minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ, irtirar tal-persunal u l-fluss 'il barra ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa lejn pajjiżi barranin jew professjonijiet oħra. Biex jindirizza dawn l-isfidi, il-gvern adotta Strateġija li tistabbilixxi qafas komprensiv biex isaħħaħ, jiżviluppa u jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Il-professjoni tal-għalliema qed tiffaċċa wkoll nuqqas, l-aktar minħabba l-prestiġju baxx tal-professjoni kif ukoll il-piż amministrattiv.

(35)

Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, fosthom permezz tal-RRPs tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għas-Slovenja, ir-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (2) tgħin fl-implimentazzjoni tar-raba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (3) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba', tat-tmien u tad-disa' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (4) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjoni (5) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro.

(36)

Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fl-oqsma tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lis-Slovenja jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fl-2026 u fl-2027 biex:

1.

Tieħu azzjoni biex tikkontrolla n-nefqa netta sabiex tirrispetta r-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025 minħabba d-devjazzjoni rreġistrata sal-2025 u d-devjazzjoni materjali pprojettata għall-2026 mill-Kummissjoni fir-rigward tal-limitu massimu tan-nefqa netta rakkomandat, filwaqt li tagħmel użu mill-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali attivata mill-Kunsill. Issaħħaħ l-infiq u l-prontezza ġenerali fid-difiża u s-sigurtà, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll l-adattament gradwali tal-baġit biex isostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Tibbilanċja mill-ġdid id-dħul mit-taxxa lejn sorsi aktar sostenibbli u favorevoli għat-tkabbir. Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, b'mod partikolari billi timplimenta rieżamijiet tal-infiq fl-akbar oqsma ta' nfiq.

2.

Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Issostni l-momentum tal-implimentazzjoni fil-qafas tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq ir-riallokazzjoni għal prijoritajiet strateġiċi u flessibbiltajiet maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-politika ta' koeżjoni.

3.

Tissimplifika r-regolamentazzjoni, ittejjeb l-għodod regolatorji u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji, inkluż f'ċerti servizzi u ċerti professjonijiet regolati, kif ukoll tnaqqas l-ostakli għall-kummerċ tas-servizzi. Issaħħaħ il-kompetittività billi tippromwovi d-dinamiżmu tan-negozji u l-ħolqien ta' kumpaniji b'rata għolja ta' tkabbir billi ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-investiment fl-ekwità, inkluż l-investiment f'kapital ta' riskju, għall-investituri istituzzjonali, kif ukoll għal investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, b'kont meħud tad-disparitajiet territorjali fir-R&Ż u l-produttività. Taċċellera d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, inkluż permezz ta' interoperabbiltà u użu mill-ġdid imtejba tad-data.

4.

Taċċellera l-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-ħżin tal-enerġija, inkluż billi tirrazzjonalizza u tħaffef il-proċeduri amministrattivi u l-proċessi għall-ħruġ tal-permessi. Issaħħaħ l-infrastruttura tal-grilja tal-elettriku fil-livell tad-distribuzzjoni u tintroduċi komponenti tal-grilja intelliġenti. Barra minn hekk, taċċellera l-implimentazzjoni ta' miżuri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b'mod partikolari fis-settur tal-bini. Tippromwovi l-elettrifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport u tiffoka l-investimenti fuq it-trasport sostenibbli, b'mod partikolari fuq in-network ferrovjarju TEN-T u l-iżvilupp tal-mobbiltà urbana u t-trasport tal-passiġġieri, filwaqt li tqis id-disparitajiet territorjali. Tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima, tal-ekosistema u tal-ilma billi timplimenta miżuri mmirati ta' adattament għat-tibdil fil-klima, ta' konservazzjoni tan-natura u ambjentali.

5.

Tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema billi ttejjeb il-provvista u l-akkwist ta' ħiliet u kompetenzi, inkluż ħiliet bażiċi fost l-istudenti, billi tkompli tallinja s-sistema edukattiva mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Tħaffef il-proċeduri ta' rikonoxximent tal-permessi tax-xogħol u tal-kwalifiki għall-ħaddiema barranin, inkluż dawk b'ħiliet għolja. Tagħti spinta lill-apprendiment tul il-ħajja, it-tiġdid u titjib tal-ħiliet għall-adulti, inkluż dwar il-ħiliet diġitali bażiċi. Tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-attraenza tax-xogħol li mhux relatati mal-pagi, b'mod partikolari fis-setturi tal-kura tas-saħħa, tal-kura soċjali u dik fit-tul u tat-tagħlim.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)   ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tas-Slovenja (ĠU C, C/2025/640, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/640/oj).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tippermetti lis-Slovenja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni koordinata tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (ĠU C, C/2025/3973, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3973/oj).

(6)  Ir-Rapport ta' Progress Annwali tas-Slovenja għall-2026 tħejja mill-gvern uxxenti f'xenarju ta' ebda bidla fil-politika. Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.

(7)  L-Indikaturi tal-Euro tal-Eurostat, 22.04.2026.

(8)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta' żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(9)  L-Indikaturi tal-Euro tal-Eurostat, 22.04.2026.

(10)  Il-Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).

(11)  Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.

(12)  Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni (4 ta' Mejju 2026).

(13)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f'konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 3.06.2026, COM(2026) 302 final.

(14)  Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.

(15)  “Business' attitudes towards corruption in the EU”, Flash Report, Rapport tal-Ewrobarometru 2025.

(16)  Id-Digriet dwar il-Kundizzjonijiet u r-Restrizzjonijiet għall-Interventi Spazjali u l-Prestazzjoni tal-Attivitajiet f'Żoni Mhedda mill-Għargħar u l-Erożjoni Relatata mill-Ilmijiet 'il Ġewwa mill-Kosta u l-Baħar.

(17)  Ara MoLFSAEO, Analiza razmer na trgu dela in rezultati srednje in dolgoročnih napovedi potreb trga dela do leta 2039, Ottubru 2025.

(18)  Ara IMAD, Quality of Life Report – Development Report 2025.

(19)  Skont id-definizzjoni tal-Eurostat tal-infermiera li għadha kif ġiet adottata (skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-UE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali), id-densità tal-infermiera hija ferm aktar baxxa milli kieku tintuża definizzjoni usa', bħal pereżempju dik użata għall-istatistika tas-saħħa tal-OECD.

(20)  Skont l-Istitut tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Sloven, it-telf medju ta' jiem tax-xogħol għal kull impjegat minħabba liv minħabba mard fl-2025 kien ta' 8,6 jum u r-rata ta' assenteiżmu kienet ta' 6,97 %. Ir-rapport finali dwar il-promozzjoni tal-okkupazzjonijiet tal-kura fit-tul mill-Ministeru tas-Saħħa (2024) juri li fil-qasam tal-kura fit-tul, 40 % tal-persunal jaħdem aktar minn 41 siegħa fil-ġimgħa, b'10 % jaħdmu aktar minn 46 siegħa fil-ġimgħa.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3937/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)