18.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/172


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/775

tat-13 ta’ April 2022

dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Ungerija skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

(notifikata bid-dokument C(2022) 2298)

(It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu (14)(2) tiegħu,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 għandha titwaqqaf skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri għandhom ifasslu, fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), miri vinkolanti ta’ prestazzjoni għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni jridu jkunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat. Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tivvaluta jekk il-miri tal-prestazzjoni proposti li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mfassla mill-Istati Membri humiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, billi tuża l-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(2)

Mill-ewwel trimestru tas-sena kalendarja 2020, it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt sinifikanti fuq is-settur tat-trasport bl-ajru u meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-pandemija, naqqset b’mod konsiderevoli l-volumi tat-traffiku tal-ajru minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex tiġi kkontrollata l-pandemija.

(3)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew oriġinarjament stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (3). Minħabba li dawk il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u l-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fl-RP3 sussegwentement imressqin mill-Istati Membri tfasslu qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, dawn ma setgħux iqisu ċ-ċirkostanzi li rriżultaw u nbidlu b’mod sinifikanti għat-trasport bl-ajru.

(4)

Bi tweġiba għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ġew stabbiliti miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (4). Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 (5) li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3 fit-2 ta’ Ġunju 2021.

(5)

Il-Kummissjoni tinnota li t-tbassir tat-traffiku bażi tas-Servizz tal-Istatistika u tat-Tbassir tal-Eurocontrol (“STATFOR”) ta’ Ottubru 2021 jipprevedi li t-traffiku tal-ajru fil-livell tal-Unjoni kollha se jilħaq il-livelli ta’ qabel il-pandemija tiegħu matul l-2023 u se jaqbeż dawk il-livelli fl-2024. Madankollu, il-livell ta’ inċertezza rigward l-iżvilupp tat-traffiku għadu partikolarment għoli minħabba r-riskji relatati mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-irkupru tat-traffiku mhuwiex mistenni li jkun uniformi fl-Istati Membri kollha.

(6)

L-Istati Membri kollha żviluppaw u adottaw abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni li fihom miri tal-prestazzjoni lokali riveduti għall-RP3, li tressqu mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni sal-1 ta’ Ottubru 2021. Wara l-verifika tal-kompletezza ta’ dawk l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jressqu l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni aġġornati sas-17 ta’ Novembru 2021. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata f’din id-Deċiżjoni hija msejsa fuq l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni aġġornat imressaq mill-Ungerija.

(7)

Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ressaq rapport lill-Kummissjoni li jinkludi l-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-RP3.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni lokali proposti mill-Ungerija abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u qieset iċ-ċirkostanzi lokali. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni tal-prestazzjoni u tal-miri tal-prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni billi rrieżaminat l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza

(9)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri mressqin mill-Ungerija rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(10)

L-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Ungerija fir-rigward tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, imqassma skont l-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza u espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, huma kif ġej:

L-Ungerija

Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2021

2022

2023

2024

Hungarocontrol

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

C

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

C

C

D

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

C

C

(11)

Fir-rigward tal-abbozzi tal-miri tas-sikurezza proposti mill-Ungerija għall-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (Hungarocontrol), il-Kummissjoni sabet li l-livell tal-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha huwa ppjanat li jintlaħaq fl-2023 fir-rigward tal-objettiv tal-“ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza”, filwaqt li għall-“objettivi tal-ġestjoni għas-sikurezza” l-oħrajn, il-miri tal-prestazzjoni lokali jilħqu l-livell tal-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024.

(12)

Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni mressaq mill-Ungerija jistabbilixxi firxa wiesgħa ta’ miżuri għal Hungarocontrol biex jintlaħqu l-miri lokali tas-sikurezza, li jkopru l-iżviluppi fit-teknoloġija, il-kwistjonijiet relatati mal-fattur uman, il-monitoraġġ tal-konformità u tal-prestazzjoni, is-sikurezza ċibernetika u tad-data, il-“kultura ġusta” u l-“kultura tas-sikurezza”. L-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni fih 70 azzjoni, inkluż dawk b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida tal-ATM, mal-għodda kumplessa tas-settur għall-ippjanar tad-distribuzzjoni tal-volum ta’ xogħol, mal-iskema ġdida ta’ settorizzazzjoni, mas-sistema tar-radju li ssib id-direzzjoni għal għarfien aħjar tas-sitwazzjoni tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (“ATCOs”) u mas-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju tal-għeja.

(13)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (11) u (12), u meta jitqies li l-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza mal-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 iridu jintlaħqu sal-aħħar sena tal-RP3, jiġifieri l-2024, jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Ungerija jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza.

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent

(14)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Ungerija rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Ungerija tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”) disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent skont il-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(15)

Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Għaldaqstant, fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin sal-1 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni ambjentali lokali mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha tiġi vvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024.

(16)

L-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent proposti mill-Ungerija u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għall-RP3 mill-ERNIP, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, huma kif ġej:

 

2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-ambjent en route tal-Ungerija, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

1,50  %

1,49  %

1,49  %

1,49  %

Valuri referenzjarji għall-Ungerija

1,50  %

1,49  %

1,49  %

1,49  %

(17)

Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-ambjent proposti mill-Ungerija huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għas-snin kalendarji 2021 sal-2024.

(18)

Fir-rigward l-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, l-Ungerija ppreżentat diversi miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent lokali fosthom pjan ta’ tranżizzjoni għan-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-implimentazzjoni ulterjuri tal-proġett tal-Ispazju tal-Ajru b’Rotot Liberi għax-Xlokk tal-Ewropa (SEE FRA).

(19)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Ungerija diġà implimentat l-ispazju tal-ajru b’rotot liberi mil-livell 095 ta’ titjir sal-livell 660 ta’ titjir.

(20)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (17) sa (19), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Ungerija jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent.

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità

(21)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Ungerija rigward id-dewmien medju tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Ungerija tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità skont il-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(22)

Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Għaldaqstant, fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin sal-1 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha tiġi vvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024.

(23)

L-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route proposti mill-Ungerija għall-RP3, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira, kif ukoll il-valuri referenzjarji korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network huma kif ġej:

 

2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tal-Ungerija, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,06

0,11

0,11

0,11

Valuri referenzjarji għall-Ungerija

0,06

0,11

0,11

0,11

(24)

Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità proposti mill-Ungerija huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja tal-RP3.

(25)

Fir-rigward tal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, l-Ungerija ppreżentat firxa ta’ miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali en route. Dawk il-miżuri jinkludu r-riorganizzazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kontroll tal-Erja ta’ Budapest, programm ta’ taħriġ ġdid tal-ATCO, aġġornament fis-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) kif ukoll żieda fl-għadd ippjanat ta’ FTEs tal-ATCO sa tmiem l-RP3.

(26)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (24) u (25), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Ungerija jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(27)

Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route bir-rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li dawk l-abbozzi tal-miri ma jqajmu l-ebda tħassib fir-rigward tal-Ungerija.

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(28)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Ungerija rigward il-kostijiet unitarji ddeterminati (“DUC”) għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dawk il-kriterji jikkonsistu mix-xejra tad-DUC matul l-RP3, mix-xejra fit-tul tad-DUC matul l-RP2 u l-RP3 (2015-2024), u mill-valur bażi għad-DUC fil-livell taż-żona tal-imposti meta mqabbel mal-valur medju taż-żoni tal-imposti fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ambjent operazzjonali u ekonomiku simili.

(29)

Il-valutazzjoni tal-miri tal-kosteffiċjenza en route saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali. Dan ġie kkomplementat mir-rieżami tal-fatturi u l-parametri ewlenin li jirfdu dawk il-miri kif speċifikat fil-punt 2.1(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(30)

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mill-Ungerija għall-RP3 huma kif ġej:

Żona tal-imposti en route tal-Ungerija

Valur bażi tal-2014

Valur bażi tal-2019

2020 - 2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

11 916 HUF

9 803 HUF

17 628 HUF

14 127 HUF

11 842 HUF

10 946 HUF

38,56 EUR

31,72 EUR

57,05 EUR

45,72 EUR

38,32 EUR

35,42 EUR

(31)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC en route tal-Ungerija fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +2,8 % matul l-RP3 hija inqas mix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

(32)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route tal-Ungerija fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ -0,9 % hija inqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

(33)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi tal-Ungerija għad-DUC ta’ EUR 31,72 f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017 (“EUR 2017”) huwa inqas b’21 % mill-valur bażi medju ta’ EUR 40,13 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Il-Kummissjoni tinnota li l-kost unitarju ddeterminat en route tal-Ungerija għadu taħt il-medja tal-grupp komparatur matul l-RP3 kollu. Madankollu, id-differenza tonqos għal -16 % fir-rigward tas-sena 2024.

(34)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk id-devjazzjonijiet osservati fil-premessi (31) u (32) jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, diment li d-devjazzjoni mix-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha jew mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha tkun dovuta esklussivament għall-kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri neċessarji biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità jew għall-miżuri ta’ ristrutturar skont it-tifsira tal-Artikolu 2(18) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(35)

Fir-rigward tal-kriterju speċifikat fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tagħha, l-Ungerija ssostni li d-devjazzjonijiet tal-kostijiet mix-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha u mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni huma kollha dovuti esklussivament għall-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità.

(36)

Il-Kummissjoni tosserva li fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tagħha, l-Ungerija tistabbilixxi firxa wiesgħa ta’ miżuri li ttieħdu mill-ANSP (Hungarocontrol) għall-fini li jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali u li għalihom jiġġarrbu kostijiet addizzjonali. Dawk il-miżuri huma ddettaljati u kkwantifikati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni.

(37)

L-Ungerija tispjega li fiċ-ċirkostanzi ta’ qabel il-COVID, fl-2019, deher ċar li l-għadd ta’ ATCOs fl-operazzjonijiet ma kienx biżżejjed biex ikopri l-volum u l-kumplessità tat-traffiku. Għalhekk, bil-ħsieb li jiġu akkomodati l-livelli tat-traffiku mistennija fil-futur, Hungarocontrol daħħlet fis-seħħ programm ta’ taħriġ bil-ħsieb li jiżdied l-għadd ta’ ATCOs matul l-RP3. Il-kostijiet assoċjati rilevanti jinkludu l-kostijiet tal-persunal għar-remunerazzjonijiet tal-istudenti l-ġodda fil-fażi ta’ taħriġ inizjali u tal-istudenti liċenzjati bħala kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, kif ukoll il-kostijiet operatorji l-oħra mġarrba għat-taħriġ ta’ dawk ir-rekluti l-ġodda.

(38)

Iż-żidiet fil-kapaċità meħtieġa biex tiġi ssodisfata d-domanda futura tat-traffiku se jkunu appoġġati wkoll minn investimenti f’tagħmir tal-ogħla livell. Il-Kummissjoni tinnota li għalhekk hemm ippjanat diversi aġġornamenti għall-komponenti tas-sistema tal-ATM, fosthom l-implimentazzjoni ta’ funzjoni tar-radju li ssib id-direzzjoni u ta’ għodda kumplessa, titjib fil-funzjonalitajiet tal-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru, u l-introduzzjoni ta’ titjib fit-tekniki ta’ ġestjoni tal-fluss u tal-kapaċità. It-twettiq f’waqtu ta’ dawn l-investimenti matul l-RP3 huwa mistenni li jippermetti żidiet notevoli fil-kapaċità.

(39)

Abbażi tal-analiżi dettaljata mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri rilevanti deskritti mill-Ungerija fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni huma fil-fatt neċessarji biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali. Barra minn hekk, wara li tqieset l-evalwazzjoni li saret mill-korp tal-analiżi tal-prestazzjoni, jista’ jiġi konkluż li l-kostijiet addizzjonali ta’ dawk il-miżuri huma akbar mid-devjazzjonijiet mix-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha u mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha msemmija fil-premessi (31) u (32).

(40)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi (35) sa (39), il-Kummissjoni ssib li l-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) huwa ssodisfat fir-rigward tal-Ungerija.

(41)

Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat ulterjorment jekk il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) huwiex se jiġi sodisfatt fir-rigward tal-Ungerija.

(42)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (31) sa (41), jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Ungerija jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(43)

Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route bir-rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li dawk l-abbozzi tal-miri jqajmu tħassib fir-rigward tal-Ungerija.

(44)

L-ewwel nett, meta qabblet ix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għall-RP3 max-xejra tad-DUC en route, il-Kummissjoni sabet li x-xejra tad-DUC fit-terminal taż-Żona tal-Imposti fit-Terminal tal-Ungerija ta’ +11,0 % hija ogħla mix-xejra tad-DUC en route tal-Ungerija fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +2,8 % matul l-RP3.

(45)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz tal-miri għax-xejra tad-DUC fit-terminal għaż-żona tal-imposti fit-terminal tal-Ungerija ta’ +11,0 % matul l-RP3 hija ogħla mix-xejra reali tad-DUC fit-terminal ta’ -4,7 % osservata matul l-RP2.

(46)

It-tielet, meta qabblet id-DUC fit-terminal mal-prestazzjoni ta’ ajruporti simili għall-RP3, il-Kummissjoni osservat li d-DUC għall-Ajruport ta’ Budapest huwa stmat li huwa ogħla mid-DUC medjan tal-ajruporti rilevanti b’marġni sinifikanti ħafna.

(47)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, jenħtieġ li fid-dawl tal-osservazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (44) sa (46), l-Ungerija tiġġustifika ulterjorment il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal għall-RP3 jew tirrevedi ’l isfel dawk il-miri.

Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li jikkomplementa l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità

(48)

F’konformità mal-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, b’rabta mal-valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha b’rieżami tal-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi jissodisfawx ir-rekwiżiti sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li l-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Ungerija jqajmu tħassib.

(49)

Il-Kummissjoni tosserva li kemm l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità en route kif ukoll l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità fit-terminal proposti fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Ungerija jinkludu żvantaġġ finanzjarju massimu li jammonta għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati u vantaġġ finanzjarju massimu li jammonta għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati.

(50)

Fir-rigward ta’ dawk l-iskemi ta’ inċentivi, abbażi tal-parir espert ipprovdut mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha dubji kbar dwar jekk l-iżvantaġġ finanzjarju massimu propost, li jammonta għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati, huwiex se jkollu xi impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(51)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Ungerija tirrevedi, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-iskemi ta’ inċentivi tagħha għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route u fit-terminal sabiex l-iżvantaġġi finanzjarji massimi li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ b’mod dirett skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu li jkun daqs jew ogħla minn 1 % tal-kostijiet iddeterminati.

KONKLUŻJONIJIET

(52)

Abbażi tal-valutazzjoni stabbilita fil-premessi (10) sa (51), il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin mill-Ungerija huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

(53)

Il-Kummissjoni tinnota li xi Stati Membri indikaw li biħsiebhom jinkludu l-entrati tal-kostijiet relatati mad-detezzjoni tad-droni tal-ajruport fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom. Ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’mod preċiż, abbażi tal-elementi li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, sa liema punt l-Istati Membri inkludew tali kostijiet iddeterminati fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom u, fejn ġew inklużi dawn il-kostijiet, sa liema punt jiġġarrbu fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u b’hekk jistgħux jitqiesu eliġibbli skont l-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti. Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu talba għal informazzjoni ad hoc lill-Istati Membri kollha sabiex jiġbru informazzjoni rilevanti, u se jkomplu jeżaminaw il-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni fl-ajruporti rrapportati fil-kuntest tal-verifika tal-konformità tar-rata unitarja. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-sejbiet u għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni.

(54)

B’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni adottat miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa l-proprjetà jew mikri, jew ikkontrollat minn persuna fiżika jew ġuridika Russa, minn entità jew minn korp Russu milli jinżlu fit-territorju tal-Unjoni, jew jitilqu minnu, jew jittajru fuqu. Dawk il-miżuri qed iwasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-impatt fil-livell tal-Unjoni kollha ma jkunx komparabbli mat-tnaqqis tat-traffiku tal-ajru li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020. Għalhekk, jixraq li jinżammu l-miżuri u l-proċessi eżistenti għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti fl-RP3.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Ungerija, skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).


ANNESS

Miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, imressaq mill-Ungerija skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, li nstabu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju.

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

Effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza

L-Ungerija

Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2021

2022

2023

2024

Hungarocontrol

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

C

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

C

C

D

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

C

C

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT

Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

 

2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-ambjent en route tal-Ungerija, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

1,50  %

1,49  %

1,49  %

1,49  %

Valuri referenzjarji għall-Ungerija

1,50  %

1,49  %

1,49  %

1,49  %

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira

 

2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tal-Ungerija, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,06

0,11

0,11

0,11

Valuri referenzjarji għall-Ungerija

0,06

0,11

0,11

0,11

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route tal-Ungerija

Valur bażi tal-2014

Valur bażi tal-2019

2020 - 2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

11 916 HUF

9 803 HUF

17 628 HUF

14 127 HUF

11 842 HUF

10 946 HUF

38,56 EUR

31,72 EUR

57,05 EUR

45,72 EUR

38,32 EUR

35,42 EUR