KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fit‑18 ta’ Ġunju 2020 ( 1 )
Kawża C‑540/19
WV
vs
Landkreis Harburg
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-obbligu ta’ manteniment — Post ta’ residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment — Surroga legali ta’ entità pubblika fil-kreditu tal-kreditur ta’ manteniment”
|
1. |
Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 ( 2 ), il-qrati Ġermaniżi għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ir-rikors ippreżentat minn entità pubblika ta’ dan il-pajjiż, issurrogata legalment fil-pożizzjoni tal-kreditur ta’ manteniment, kontra d-debitur ta’ dan il-manteniment, residenti fl-Awstrija. |
|
2. |
Mal-ewwel ħarsa, jidher li dan id-dubju kien diġà ġie ċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja meta hija rrispondiet, fl‑2014, għal domanda preliminari oħra simili. Fis-sentenza Blijdenstein ( 3 ), ġie miċħud li l-entità pubblika ssurrogata tista’ titlob l-għoti ta’ manteniment quddiem il-qrati tar-residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment. Il-leġiżlazzjoni applikabbli dak iż-żmien kienet l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 ( 4 ). |
|
3. |
Minkejja l-identiċità formali tal-kriterju ta’ ġurisdizzjoni analizzat fis-sentenza Blijdenstein u dak tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, illum hemm raġunijiet favur interpretazzjoni differenti. |
|
4. |
Fil-fatt, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 [(u s-suċċessur tagħha, ir-Regolament (KE) Nru 44/2001)] ( 5 ) wasslet għar-Regolament Nru 4/2009, li ma huwiex sempliċi riproduzzjoni tat-testi preċedenti. Sabiex jiżgura l-iktar possibbli l-istess għanijiet, ir-regolament il-ġdid jadatta r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, b’mod li dan għandu jiġi interpretat b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-kuntest il-ġdid |
|
5. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mogħtija l-opportunità tirrevedi l-ġurisprudenza preċedenti tagħha, sa fejn din ma hijiex konformi mal-kuntest leġiżlattiv eżistenti. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni. Ir-Regolament Nru 4/2009
|
6. |
Skont il-premessa 15 tiegħu: “Sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u tiġi promossa l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu adattati r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni, kif jirriżultaw mir-Regolament (KE) Nru 44/2001. Il-fatt li konvenut ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Terz m’għandux jibqa’ fattur għall-esklużjoni ta’ l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetenza, u m’għandhiex tibqa’ ssir l-ebda referenza għal-liġi nazzjonali. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jiddetermina l-każijiet li fihom qorti ta’ Stat Membru tista’ teżerċita kompetenza sussidjarja”. |
|
7. |
Il-premessa 44 tipprovdi: “Dan ir-Regolament għandu jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment […]”. |
|
8. |
L-Artikolu 2(1) jistabbilixxi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]”. |
|
9. |
Skont l-Artikolu 3: “Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:
|
|
10. |
L-Artikolu 64 jindika: “1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni għar-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni tal-eżekutorjetà ta’ deċiżjonijiet jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, ‘kreditur’ għandha tinkludi korp pubbliku li jaġixxi minflok individwu li lilu huwa dovut manteniment jew korp li lilu huwa dovut rimborż għal benefiċċji pprovduti minflok manteniment. […] 3. Korp pubbliku jista’ jitlob ir-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà jew jitlob l-eżekuzzjoni ta’:
[…]”. |
B. Id-dritt Ġermaniż
|
11. |
Skont l-Artikolu 1601 tal-Bürgerliches Gesetzbuch ( 6 ): “Il-membri tal-familja f’linja diretta għandhom l-obbligu jipprovdu manteniment lil xulxin”. |
|
12. |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) tat-Tnax-il Ktieb tas-Sozialgesetzbuch ( 7 ) tipprovdi: “Jekk, matul il-perijodu li fih jiġu pprovduti l-benefiċċji, il-persuna li tibbenefika minnhom ikollha kreditu ta’ manteniment skont id-dritt ċivili, l-amministratur tal-għajnuna soċjali jiġi ssurrogat f’dan il-kreditu sal-ammont tal-ispejjeż imħallsa, u wkoll fid-dritt li jirċievi l-informazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni dwar il-manteniment”. |
|
13. |
It-tielet sentenza tal-Artikolu 94(5) tas-SGB XII tipprovdi: “Id-drittijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 4 għandhom jiġu eżerċitati skont id-dritt ċivili.” |
II. Il-fatti tal-kawża u d-domanda preliminari
|
14. |
Omm WV, imwielda fl‑1948, ilha sa mill‑2009 tgħix f’residenza għal persuni anzjani f’Köln (il-Ġermanja). Peress li d-dħul u l-patrimonju tagħha ma humiex biżżejjed sabiex ikopru kompletament l-ispejjeż ta’ residenza, hija tirċievi b’mod kontinwu għajnuna soċjali mil-Landkreis Harburg (id-Distrett Amministrattiv ta’ Harburg, il-Ġermanja), skont il-Ktieb XII tas-SGB. |
|
15. |
WV, it-tifel li għandu l-obbligu jipprovdi manteniment, jirrisjedi fi Vjenna (l-Awstrija). |
|
16. |
Il-Landkreis Harburg qiegħed jitlob mingħand WV il-ħlas tal-arrettrati relatati mal-manteniment, li jikkorrispondu għall-perijodu ta’ bejn April 2017 u April 2018, kif ukoll il-ħlas ta’ manteniment kontinwu sa minn Mejju 2018. |
|
17. |
Din it-talba tressqet quddiem l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja) u fiha l-entità pubblika affermat li, skont l-Artikolu 94(1) tas-SGB XII, hija kienet issurrogat fil-kreditu ta’ manteniment li omm WV għandha kontra dan tal-aħħar. Hija allegat li, matul dan il-perijodu, hija pprovdiet lill-omm benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, li l-ammont tagħhom jeċċedi b’mod ċar dak tal-manteniment mitlub. |
|
18. |
WV oġġezzjona li l-qrati Ġermanizi ma kellhomx ġurisdizzjoni internazzjonali. |
|
19. |
Il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Köln ikkonstatat li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali u ddikjarat ir-rikors inammissibbli. Fl-opinjoni tagħha, skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, biss il-persuna li lilha huwa dovut il-manteniment tista’ tkun “kreditur” u mhux entità pubblika ssurrogata f’dan il-kreditu. |
|
20. |
L-entità pubblika rikorrenti appellat quddiem l-Oberlandesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri, il-Ġermanja), qorti li annullat is-sentenza appellata u bagħtet lura l-kawża lill-qorti tal-ewwel istanza sabiex din tiddeċidiha mill-ġdid. |
|
21. |
Skont il-qorti tal-appell, il-qrati Ġermaniżi għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali għaliex il-kreditur ta’ manteniment jista’ jagħżel, skont l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, jew li jitlob dan il-manteniment quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tkun tinsab fil-post ta’ residenza tiegħu (il-Ġermanja) jew quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tkun tinsab fil-post ta’ residenza tal-konvenut (l-Awstrija, f’dan il-każ). Din l-għażla tappartjeni wkoll lill-entità pubblika ssurrogata fil-kreditu ta’ manteniment. |
|
22. |
WV ippreżenta rikors quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li qiegħda tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari sussegwenti: “Organu pubbliku li pprovda lil kreditur ta’ manteniment b’benefiċċji ta’ għajnuna soċjali skont dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku jista’ jipprevalixxi ruħu mill-qorti tal-post fejn il-kreditur ta’ manteniment għandu r-residenza abitwali tiegħu skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 fil-każ li jeżiġi, fuq bażi surrogatorja, kontra d-debitur ta’ manteniment, il-kreditu ta’ manteniment ta’ natura ċivili tal-kreditur ta’ manteniment li, minħabba l-għoti tal-għajnuna soċjali, ġie ttrasferit lilu permezz ta’ surroga legali?” |
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
23. |
Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Lulju 2019. |
|
24. |
Il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u dak tar-Renju ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
25. |
Ma tqisx neċessarju li tinżamm seduta. |
IV. Analiżi
A. Kumment preliminari
|
26. |
Il-garanzija ta’ rkupru effettiv u malajr tal-obbligu ta’ manteniment hija fundamentali għall-benesseri ta’ numru ta’ persuni fl-Ewropa ( 8 ). Sabiex din tissaħħaħ f’sitwazzjonijiet transkonfinali, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 kienet diġà tinkludi dispożizzjoni speċjali fil-qasam tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ( 9 ). Abbażi tagħha (Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni), il-kreditur ta’ manteniment seta’ jindirizza t-talba tiegħu jew lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-debitur jew lil dik tal-Istat Membru fejn huwa stess kellu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu. Din ir-regola ġiet inkorporata fir-Regolament Nru 44/2001. |
|
27. |
Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999 stieden lill-Kunsill ifassal, abbażi ta’ proposti tal-Kummissjoni, regoli proċedurali komuni sabiex tiġi ssimplifikata u mħaffa r-riżoluzzjoni tat-tilwim transkonfinali relatat mal-obbligu ta’ manteniment. L-ispinta finali ngħatat mill-Programm ta’ Den Haag u mill-pjan ta’ azzjoni sussegwenti ( 10 ), li wasslu f’dan il-qasam għar-Regolament attwali Nru 4/2009. |
|
28. |
Sabiex jipproteġi l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u jippromwovi amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ir-Regolament Nru 4/2009 jadatta r-regoli preċedentement eżistenti relatati mal-ġurisdizzjoni. B’mod partikolari, dan jinkludi regolamentazzjoni speċifika tat-talbiet għal manteniment li, anki jekk hija marbuta mal-kumplament tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili, għandha l-għanijiet tagħha stess u sistema wkoll tagħha stess. |
|
29. |
Kif ser nindika iktar ’il quddiem, dawn l-elementi għandhom jipprevalu fl-interpretazzjoni tat-test (il-ġdid), li jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita l-uniformità tal-applikazzjoni tiegħu, li għandha tkun awtonoma. |
B. Is-sitwazzjoni attwali. Il-ġurisprudenza preċedenti
|
30. |
Sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 4/2009 ( 11 ) il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġiet adita b’diversi domandi preliminari, kemm dwar l-Artikolu 3 tiegħu ( 12 ) kif ukoll b’mod partikolari dwar l-Artikolu 3(b) tiegħu ( 13 ), minkejja li minn perspettiva differenti minn dik ta’ din il-kawża. |
|
31. |
Ir-Regolament Nru 4/2009 ma jipprovdix risposta diretta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fatt li kien qajjem xi kummenti dwar in-nuqqas ta’ ċarezza tiegħu fir-rigward ta’ dan il-punt ( 14 ). |
|
32. |
Fl-opinjoni tiegħi, f’dan ir-regolament jistgħu jinstabu elementi suffiċjenti sabiex tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preliminari. Ser nipprova nindika għaliex organu pubbliku li pprovda benefiċċji ta’ għajnuna soċjali lil kreditur ta’ manteniment jista’ jitlob, quddiem il-qrati tal-post ta’ residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar, kontra d-debitur ta’ dan il-manteniment, il-kreditu ta’ manteniment ( 15 ) li ġie ttrasferit lilu permezz ta’ surroga legali. |
|
33. |
Din ir-risposta timplika li wieħed imur lil hinn mis-sentenza Blijdenstein, li fiha, kif diġà semmejt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, il-forum tar-residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment jibbenefika biss lil min ikun “personalment rikorrent” ( 16 ). |
|
34. |
F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
35. |
F’sentenzi sussegwenti, li diġà jirrigwardaw l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet, mill-ġurisprudenza preċedenti tagħha:
|
C. Argumenti favur bidla fil-ġurisprudenza
|
36. |
Sussegwentement ser nindika l-motivi li, flimkien ( 23 ), jistgħu jiġġustifikaw l-abbandun tal-kriterju tas-sentenza Blijdenstein, fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv il-ġdid (ir-Regolament Nru 4/2009). F’dan ir-rigward, naqbel mal-Gvern Ġermaniż u ma’ dak Spanjol, kif ukoll mal-Kummissjoni, li jissuġġerixxu din l-istess soluzzjoni. |
1. Sistema ġdida ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali
a) Sistema kompleta
|
37. |
L-ewwel nett, l-argument tal-kontinwità bejn strumenti konsekuttivi la hija assoluta u lanqas awtomatika ( 24 ). It-tkomplija tal-ġurisprudenza preċedenti tkun raġonevoli jekk ma jkunx hemm bidliet leġiżlattivi. Fir-Regolament Nru 4/2009 hemm tali bidliet, anki jekk ma dawn ma humiex evidenti minn sempliċi qari tad-dispożizzjoni applikabbli, jiġifieri, tal-Artikolu 3(b). |
|
38. |
B’differenza mill-Konvenzjoni ta’ Brussell u mir-Regolament Nru 44/2001, ir-Regolament Nru 4/2009 ma jissuġġettax l-applikabbiltà tar-regoli tiegħu dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali għar-rekwiżit tad-domiċilju tal-konvenut fi Stat Membru ( 25 ). |
|
39. |
Minn dan l-element normattiv jista’ jiġi dedott l-ewwel argument favur l-aċċess tal-entitajiet pubbliċi legalment issurrogati fil-kreditu ta’ manteniment għall-qrati tal-Istat ta’ residenza tal-kreditur: il-protezzjoni tad-dritt tiegħu ( 26 ). |
|
40. |
Fil-fatt, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni ( 27 ), jekk id-debitur ta’ manteniment ikun iddomiċiljat fi Stat terz, in-nuqqas ta’ ammissibbiltà tat-talba tal-entità pubblika ssurrogata quddiem il-qrati tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-kreditur ikun jimplika, b’livell għoli ta’ probabbiltà, li hija jkollha tressaq talba barra mill-Unjoni Ewropea. |
|
41. |
Sabiex dan ma jkunx il-każ, ikunu meħtieġa jew ftehim dwar l-għażla tal-forum favur Stat Membru (Artikolu 4), jew is-sottomissjoni taċita għall-qrati ta’ Stat Membru mill-konvenut (Artikolu 5), jew li dan tal-aħħar u l-entità pubblika jkollhom in-nazzjonalità komuni ta’ Stat Membru (Artikolu 6). Il-forum necessitatis tal-Artikolu 7 japplika biss f’każijiet eċċezzjonali, hekk kif jindika dan l-artikolu stess. |
|
42. |
L-entità pubblika obbligata tressaq it-talba tagħha quddiem Stat barrani għall-Unjoni Ewropea mhux biss ikollha diffikultajiet addizzjonali fir-rigward tal-proċedura fuq il-mertu ( 28 ), iżda probabbilment ukoll wara, jekk hija jkollha titlob ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat ieħor. F’tali ipoteżi, is-sistema applikabbli ma tkunx iktar waħda minn dawk previsti mir-Regolament Nru 4/2009, iżda sistema konvenzjonali (multilaterali jew bilaterali) jew dik stess tal-qorti fejn għandhom jiġu mitluba r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ( 29 ). |
b) Sistema li tinkludi kriterji ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali alternattivi ( 30 )
|
43. |
Ir-Regolament Nru 4/2009, minbarra li jneħħi r-rekwiżit ta’ domiċilju tal-konvenut fi Stat Membru għall-applikabbiltà tar-regoli tiegħu, jabbanduna s-sistema tar-regola/eċċezzjoni fis-seħħ fil-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 u fir-Regolament Nru 44/2001, li kienet tagħti preferenza lill-qorti tad-domiċilju tal-konvenut u kienet timponi interpretazzjoni stretta ta’ forum oħra, b’mod partikolari ta’ dawk li jattribwixxu ġurisdizzjoni minħabba s-suġġett tat-tilwima. |
|
44. |
Fir-Regolament Nru 4/2009, ir-residenza abitwali tal-konvenut hija, ċertament, l-ewwel għażla offruta mill-Artikolu 3, madankollu dawk li jsegwuha jikkostitwixxu alternattivi għaliha ( 31 ). |
|
45. |
It-tqegħid tal-kriterji kollha ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 3 fuq l-istess livell jippermetti li jitwarrbu, fil-kuntest leġiżlattiv il-ġdid, ir-raġunamenti preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażati fuq il-kontestazzjoni fir-rigward tal-forum tar-rikorrent u fuq il-klasslifikazzjoni tal-konvenut, bħala regola ġenerali, bħala l-parti l-iktar dgħajfa ( 32 ). |
2. “Kreditur” ma huwiex ekwivalenti għal “rikorrent”
|
46. |
Fis-sentenza R, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kreditur ta’ manteniment, bħala rikorrent, għandu għad-dispożizzjoni tiegħu diversi forum ta’ ġurisdizzjoni; hija spjegat dan minħabba n-natura tiegħu ta’ “parti dgħajfa” u għaliex l-għan tar-Regolament Nru 4/2009 huwa li jipproteġi l-interessi tiegħu ( 33 ). |
|
47. |
Dawn l-affermazzjonijiet ma jimplikawx li rikorrenti oħra ma jkollhomx l-istess possibbiltà li jagħżlu minn fost il-qrati msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. Fir-realtà, l-argumentazzjoni tas-sentenza R kienet tikkorrispondi għall-fatti tal-kawża li fir-rigward tagħhom din ingħatat, iżda ma hemmx lok li din is-sentenza tinqara (u, b’estensjoni, ir-Regolament Nru 4/2009 nnifsu) fis-sens li din tillimita l-kriterji ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 3 tiegħu biss għall-proċedura li tibda en persona“parti dgħajfa”. |
|
48. |
Fir-Regolament Nru 4/2009 ma hemmx ekwivalenza bejn “kreditur” u “rikorrent” ( 34 ) u lanqas bejn “debitur” u “konvenut”. Fil-fatt, l-Artikolu 8(1) jiddeskrivi sitwazzjoni li fiha d-debitur huwa r-rikorrent u jillimita l-possibbiltà ta’ azzjoni tiegħu għall-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-kreditur (taħt ċerti kundizzjonijiet). |
|
49. |
Id-definizzjoni ta’ kreditur – bħal dik ta’ debitur – fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4/2009 tkopri biss il-persuni fiżiċi, iżda, kif għadni kif għidt, ma hemmx identiċità neċessarja bejn il-figuri ta’ “kreditur” u ta’ “rikorrent”. |
|
50. |
Fi kliem ieħor, mill-Artikolu 2(1)(10) tar-Regolament Nru 4/2009 ma jirriżultax li l-organi pubbliċi ssurrogati fil-pożizzjoni tal-kreditur ma għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom iktar forum minn dak tar-residenza abitwali tal-konvenut. L-esklużjoni tal-entità pubblika mid-definizzjoni tal-Artikolu 2(1)(10) tfisser biss li l-indikazzjoni tar-residenza abitwali tagħha (jew sede) f’ċertu Stat Membru ma tiġġustifikax il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ dan l-Istat skont l-Artikolu 3(b) ( 35 ). |
|
51. |
Il-possibbiltà li l-kriterji ta’ ġurisdizzjoni jiġu llimitati fir-rigward ta’ organi pubbliċi ġiet ikkunsidata f’mument tal-proċedura leġiżlattiva, iżda ma għaddietx għad-dokument finali. Il-Parlament, fir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat‑13 ta’ Diċembru 2007 ( 36 ), ippropona żewġ testi rilevanti għal dak li huwa rilevanti hawnhekk: (a) fl-Artikolu 2(9) kienu inklużi l-entitajiet pubbliċi fil-kunċett ta’ “debitur”; u (b) f’artikolu ġdid, l-Artikolu 2a, kien previst li dawn l-entitajiet ma kellhomx ikollhom aċċess għal forum differenti mir-residenza abitwali tal-konvenut. Sussegwentement, dawn iż-żewġ proposti tneħħew ( 37 ). |
|
52. |
L-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 4/2009 jipprovdi sostenn addizzjonali għall-argument li qiegħed nipproponi, meta jirreferi għall-organi pubbliċi li jitolbu l-ħlas ta’ benefiċċji mogħtija fir-rigward ta’ manteniment:
|
|
53. |
B’hekk, ir-Regolament Nru 4/2009 jippermetti, anki jekk b’mod impliċitu, li l-entitajiet pubbliċi jużaw forum ta’ ġurisdizzjoni differenti mir-residenza abitwali tad-debitur. |
3. L-għanijiet tar-Regolament Nru 4/2009
|
54. |
Hekk kif diġà enfasizzajt, ir-Regolament Nru 4/2009 huwa intiż, b’mod ġenerali, li jipproteġi lill-kreditur ta’ manteniment. Dan huwa stabbilit fil-premessa 15 tiegħu, li torbot dan l-għan ma’ dak li jiġi żgurat l-irkupru effettiv tal-krediti ta’ manteniment f’każijiet transkonfinali ( 40 ). |
|
55. |
Għal dan il-għan, ikun aħjar li l-azzjoni ta’ rkupru jew ta’ rimbors tal-entitajiet pubbliċi ssurrogati legalment fil-pożizzjoni tal-kreditur ta’ manteniment tkun tista’ titressaq fil-post ta’ residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar. L-irkupru tal-krediti ta’ manteniment jiġi għalhekk iffaċilitat peress li, ta’ spiss, dan il-post ikun ukoll dak tas-sede tal-entità pubblika ( 41 ). |
|
56. |
Jista’ jiġi argumentat li l-fatt li tkun permessa f’dawn it-termini l-azzjoni proċedurali tal-organi pubbliċi ma jiffavorixxix lill-kreditur innifsu; lanqas ma huwa probabbli li b’dan il-mod jiġi inċentivat il-ħlas ta’ ħlasijiet bil-quddiem fir-rigward tad-dritt ta’ manteniment tal-kreditur. Infakkar li dan kien ġie allegat mill-qorti tar-rinviju fil-kawża Blijdenstein u li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-argument, filwaqt li enfasizzat li l-organi pubbliċi jagħtu ħlasijiet bil-quddiem bi twettiq tal-obbligi legali tagħhom ( 42 ). |
|
57. |
Ir-Regolament Nru 4/2009 jiffoka, l-ewwel nett, fuq il-kreditur persuna fiżika, iżda dan ma jfissirx li, bilfors, dan jillimita l-għan li jiġi żgurat l-irkupru tal-krediti (f’każijiet transkonfinali) għal dawk li huma dovuti lil dan il-kreditur, meta tkun seħħet surroga legali favur entità pubblika. |
|
58. |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li qiegħed nissuġġerixxi ssaħħaħ il-protezzjoni tal-kreditur, billi tagħti lir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 ċertu effett dissważiv fir-rigward tad-debitur, li jkun konxju mill-fatt li huwa jista’ jiġi mħarrek barra mir-residenza abitwali tiegħu, inkluż minn entità pubblika. |
|
59. |
B’dan il-mod ikun hemm bidla kwalitattiva fir-rigward tax-xenarju preċedenti, previst fis-sentenza Blijdenstein. F’dik is-sitwazzjoni, filwaqt li l-entità pubblika kienet tipprovdi l-benefiċċji ta’ għajnuna lill-kreditur ta’ manteniment, id-debitur (imħarrek għaliex ma kienx iħallashom) ibbenefika mill-vantaġġ tal-forum. Dan l-iżbilanċ jista’, u għandu, jiġi kkoreġut. |
|
60. |
Hekk kif diġà ġie indikat ( 43 ) fil-kummenti relatati mas-sentenza Blijdenstein u hekk kif ifakkru l-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-fatt li l-entità pubblika tiġi pprojbita milli tressaq it-talba tagħha fil-post ta’ residenza tal-kreditur tal-manteniment ma jinċentivax lid-debitur iwettaq, b’mod volontarju, l-obbligi tiegħu ( 44 ). |
4. Argumenti addizzjonali oħra
|
61. |
Favur l-argument li qiegħed nipproponi timmilita raġuni oħra, forsi ta’ inqas importanza teoretika, madankollu ta’ traxxendenza prattika: li jiġi żgurat li, sa fejn ikun possibbli, il-qorti tapplika l-liġi tagħha stess. |
|
62. |
Invokat ukoll fil-kuntest tas-sentenza Blijdenstein ( 45 ), dan l-argument ma kienx għaldaqstant ġie aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dak iż-żmien ma kienx jeżisti strument dwar il-liġi applikabbli fil-qasam ta’ obbligu ta’ manteniment komuni għall-Istati Membri ( 46 ). |
|
63. |
Illum, fir-rigward ta’ dawn l-Istati (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka) japplika l-Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment, approvat mill-Unjoni, li l-Artikolu 3 tiegħu jipprevedi, bħala regola, l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment ( 47 ). |
|
64. |
Bl-istess mod, il-fatt li l-entità pubblika titħalla tressaq talba fil-post ta’ residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment iwassal għall-paralleliżmu forum/ius, għaliex, hekk kif diġà indikajt, normalment dan il-post ikun ukoll is-sede tal-entità. Infakkar li, skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 4/2009, “[i]d-dritt ta’ korp pubbliku li jaġixxi minflok individwu li lilu huwa dovut manteniment jew li jfittex ir-rimborż ta’ benefiċċji pprovduti lill-kreditur minflok manteniment għandu jkun irregolat mil-liġi li għaliha huwa soġġett il-korp”. |
|
65. |
Fl-aħħar nett, il-fatt li f’dawn il-każijiet jiġi aċċettat bħala kriterju ta’ ġurisdizzjoni dak tar-residenza abitwali tal-kreditur huwa ġġustifikat għal raġunijiet proċedurali ta’ prossimità u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, bl-istess mod bħall-forum tar-residenza abitwali tad-debitur: huma alternattivi għal xi raġuni. Dawn ir-raġunijiet ma jispiċċawx meta ma jkunx il-kreditur innifsu li jkun qiegħed iressaq it-talba, iżda persuna oħra (pubblika) li ssurrogat fid-drittijiet tiegħu. |
|
66. |
Il-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-kreditur tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddetermina l-ħtiġijiet ta’ dan tal-aħħar; għalhekk, hija tinsab ukoll fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddetermina dak li tista’, b’mod partikolari, titlob l-entità ssurrogata fil-kreditu tal-kreditur ta’ manteniment ( 48 ). |
5. Konsegwenzi fuq id-debitur?
|
67. |
Fl-aħħar nett, inżid preċiżazzjoni dwar l-effetti, fir-rigward tad-debitur, tal-fatt li l-organu pubbliku ssurrogat fil-kreditu tal-kreditur jista’ jressaq talba fl-Istat tar-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar. Għaliha jirreferu wkoll il-partijiet li intervenew fil-proċedura preliminari. |
|
68. |
Il-fatt li tiġi aċċettata din il-possibbiltà ma jpoġġix lid-debitur konvenut f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ addizzjonali: il-qorti adita bit-talba imressqa kontrih tkun, fl-aħħar mill-aħħar, l-istess bħal dik li setgħet tiġi adita mill-kreditur ta’ manteniment, bħala persuna kkonċernata direttament. |
D. Kunsiderazzjonijiet sussidjarji
|
69. |
Jekk, kontra l-argument li qiegħed insostni, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li tikkonferma l-linja tas-sentenza Blijdenstein, naħseb, sussidjarjament, li hija jkollha tippreċiża l-portata tagħha f’żewġ aspetti:
|
V. Konklużjoni
|
70. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja lill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja): “L-Artikolu 3(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandu jiġi interpretat fis-sens li organu pubbliku li pprovda benefiċċji ta’ għajnuna soċjali lil kreditur ta’ manteniment u li ssurroga legalment fil-kreditu ta’ manteniment, jista’ jitlob il-ħlas ta’ dan id-debitu mingħand min għandu l-obbligu jħallsu permezz ta’ azzjoni ta’ rkupru, quddiem il-qrati tal-Istat fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, fil-ĠU 2013, L 281, p. 29).
( 3 ) Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2004 (C‑433/01, EU:C:2004:21; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Blijdenstein”).
( 4 ) Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968” jew il-“Konvenzjoni tal‑1968”).
( 5 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).
( 6 ) Kodiċi Ċivili (iktar ’il quddiem il-“BGB”).
( 7 ) Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (iktar ’il quddiem, is-“SGB XII”).
( 8 ) L-affermazzjoni hija inkluża fl-Abbozz ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, C 12, p. 1), li wassal għall-ewwel xogħlijiet għal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-obbligu ta’ manteniment.
( 9 ) Hekk kif jispjega r-Rapport Jenard dwar il-Konvenzjoni tal‑1968 (ĠU 1979, C 59, p. 1), ir-regola ġiet stabbilita bħala estensjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑15 ta’ April 1958 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam tal-obbligu ta’ manteniment.
( 10 ) Programm ta’ Den Haag: it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, C 53, p. 1).
( 11 ) Ara l-Artikolu 76 tiegħu. Ir-Regolament daħal fis-seħħ fit‑30 ta’ Jannar 2009; id-data ta’ applikazzjoni sħiħa hija t‑18 ta’ Ġunju 2011, il-mument li fih bdiet l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.
( 12 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, A (C‑184/14, EU:C:2015:479); tal‑15 ta’ Frar 2017, W u V (C‑499/15, EU:C:2017:118); u tal‑5 ta’ Settembru 2019, R (Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ obbligu ta’ manteniment) (C‑468/18, EU:C:2019:666; iktar ’il quddiem is-“sentenza R”). Ara wkoll id-digrieti tas‑16 ta’ Jannar 2018, PM (C‑604/17, EU:C:2018:10); u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, OF (Divorzju li jaffettwa lil minuri) (C‑759/18, EU:C:2019:816).
( 13 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Sanders u Huber”).
( 14 ) Lipp, V., “Vorbemerkung zu Artikel 3 Verordnung (EG) Nr. 4/2009 des Rates über die Zuständigkeit, das anwendbare Recht, die Anerkennung und Vollstreckung von Entscheidungen und die Zusammenarbeit in Unterhaltssachen (EG-UntVO)”, Münchener Kommentar FamFG, Vol. 2, it-tielet edizzjoni, 2019, punti 29 et seq.
( 15 ) L-entità pubblika ma tistax tirrikorri għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 għar-rimbors ta’ ammonti li hija kienet ħallset għal kunċetti differenti mill-manteniment.
( 16 ) Sentenza Blijdenstein, punt 28 u, fi kliem ieħor, id-dispożittiv.
( 17 ) Ibidem, punt 25.
( 18 ) Ibidem, punt 30. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “barra minn hekk, il-kreditur ta’ manteniment, li l-ħtiġijiet tiegħu tkoprew permezz tal-benefiċċji ta’ dan l-organu pubbliku, ma jinsabx iktar f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja”. Dwar il-konvenjenza li ma tiġix imtennija din l-affermazzjoni ara iktar ’il quddiem, il-punt 69.
( 19 ) Ibidem, punt 29.
( 20 ) Ibidem, punt 31.
( 21 ) Sentenza Sanders u Huber, punt 23.
( 22 ) Sentenza Sanders u Huber, punt 28; u sentenza R, punt 30. It-tnejn li huma jirreferu għall-punt 29 tas-sentenza Blijdenstein.
( 23 ) Huwa possibbli li xi wħud minnhom, separatament, ma humiex sodi biżżejjed sabiex joħolqu bidla fil-ġurisprudenza.
( 24 ) Hekk kien indika l-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑4 ta’ Settembru 2014 fil-kawżi Sanders u Huber (C-400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2171, punti 37 u 41): l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-istrumenti preċedenti ma tistax issir b’mod mekkaniku.
( 25 ) Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 4/2009 tirreferi għal din il-bidla u tindirizza l-konsegwenzi tagħha fir-rigward tal-kriterji ta’ ġurisdizzjoni: eliminati s-sistemi nazzjonali li jifdal, huwa essenzjali li r-regolament stess jikkompleta l-korp ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni, billi jipprevedi fir-rigward tiegħu kriterji sussidjarji (Artikoli 6 u 7).
( 26 ) L-inkonvenjenzi sabiex tinkiseb din il-protezzjoni jistgħu, min-naħa tagħhom, ikollhom riperkussjonijiet negattivi fuq l-għanijiet tar-regolament stess: ara iktar ’il quddiem, il-punti 54 et seq.
( 27 ) Osservazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni, paragrafu 20. Ara, fid-duttrina, Lipp, V, loc. ult. cit., punt 32.
( 28 ) Lil hinn mill-konsegwenzi li jirriżultaw mit-tressiq ta’ kawża barra mill-pajjiż, komuni għal kull rikorrent, organu pubbliku jista’ jiltaqa’ ma’ ostakoli marbuta preċiżament man-natura pubblika tiegħu.
( 29 ) Fatt li jimplika li, bħala regola, l-eżekuzzjoni tas-sentenza teħtieġ dikjarazzjoni minn qabel tas-saħħa eżekuttiva (exequatur), normalment suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini, ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, ta’ kompatibbiltà ma’ deċiżjonijiet preċedenti, ta’ assenza ta’ proċedura oħra pendenti dwar l-istess suġġett jew marbuta miegħu fil-forum, ta’ nuqqas ta’ kuntrarjetà mal-ordni pubbliku tal-forum u, xi drabi, ta’ stħarriġ tal-liġi applikata fir-rigward tal-mertu tal-kawża.
( 30 ) Hawnhekk qiegħed nirreferi esklużivament għar-relazzjoni bejn il-forum tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009.
( 31 ) Din il-karatteristika partikolari tar-Regolament Nru 4/2009 diġà kienet ġiet enfasizzata mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2171), punt 62.
( 32 ) Iktar ’il fuq, punt 34.
( 33 ) Punti 28 sa 33, b’mod partikolari l-punt 30.
( 34 ) Lanqas fil-Konvenzjoni ta’ Brussell jew fir-Regolament Nru 44/2001. Ir-Rapport Jenard dwar il-Konvenzjoni jirreferi għar-“rikorrent” u mhux għall-“kreditur” (p. 25).
( 35 ) Ara fid-duttrina, per eżempju, Lipp, V., loc. ult. cit., paragrafu 30.
( 36 ) Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat‑13 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-kompetenza, il-liġi applikabbli, l-għarfien u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment (COM(2005)0649 – C6-0079/2006 – 2005/0259(CNS)), P6_TA(2007)0620, emendi 19 u 21 għall-Proposta tal-Kummissjoni.
( 37 ) Ara d-Dokument 14066/08 (Add. 1) tal‑21 ta’ Ottubru 2008, bil-proposta tal-Kunsill, approvata permezz tar-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal‑4 ta’ Diċembru 2008, P6_TA(2008)0574.
( 38 )
( 39 ) L-Artikolu 64 huwa direttament immudellat fuq l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tat‑23 ta’ Novembru 2007, dwar l-irkupru internazzjonali ta’ appoġġ tat-tfal u forom oħrajn ta’ manteniment familjari: ara d-Dokument 14066/08 (Add. 1) tal‑21 ta’ Ottubru 2008 - li rreferejt għalih fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 – li jinkludi l-proposta tal-Kunsill, Artikolu 47b, illum l-Artikolu 64. L-artikolu tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag imsemmi jirriproduċi min-naħa tiegħu (b’xi differenzi) l-Artikoli 18 u 19 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tat‑2 ta’ Ottubru 1973 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi relatati mal-obbligu ta’ manteniment. Il-klassifikazzjoni tal-entitajiet pubbliċi bħala “kredituri” f’dan il-kuntest hija intiża li tawtorizzahom jirrikorru għall-intermedjazzjoni tal-awtoritajiet ċentrali.
( 40 ) Ara l-premessa 45; oħrajn preċedenti, bħall-premessa 22 jew il-premessa 31, jirrelataw l-istess għan ma’ soluzzjonijiet jew partijiet speċifiċi tar-Regolament.
( 41 ) L-argument, li jinsab ukoll fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġernamiż (paragrafu 20), għandu forsi jiġi ppreċiżat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, ta’ spiss, il-patrimonju tad-debitur ikun jinsab fi Stat ieħor. Fi kwalunkwe każ, l-entità pubblika – jew kwalunkwe rikorrent – li tiġi permessa tadixxi lill-qrati tas-sede tagħha stess, li tikkoinċidi mar-residenza abitwali tal-kreditur stess, tikseb ħafna iktar faċilment titolu eżekuttiv.
( 42 ) Sentenza Blijdenstein punt 33.
( 43 ) Ara Álvarez González, S., “Acción de regreso alimenticio y competencia judicial internacional: un nuevo paso en la progresiva delimitación del artículo 5.2 del Convenio de Bruselas”, La Ley-Unión Europea, Sena XXV, Nru 6116, paragrafu 5, b’referenzi oħra.
( 44 ) Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, paragrafu 25, u tal-Gvern Spanjol, paragrafu 26.
( 45 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano, tal‑10 ta’ April 2003, fil-kawża Blijdenstein (C‑433/01, EU:C:2003:231), punti 28 u 29. Huwa stess ikklassifika dawn l-argument bħala “anċillari”.
( 46 ) Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tat‑2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment kienet fis-seħħ fi 11-il Stat Membru.
( 47 ) Sabiex jiżgura il-paralleliżmu forum/ius, il-Protokoll dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment, konkluż f’Den Haag fit‑23 ta’ Novembru 2007, jipprevedi fl-Artikolu 4(3) tiegħu li, “[m]inkejja l-Artikolu 3, jekk il-kreditur diġà jkun irrikorra għall-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, il-liġi tal-forum għandha tapplika […]”. Madankollu dan ma jeskludix soluzzjonijiet oħra ispirati minn għanijiet oħra.
( 48 ) Hekk kif jindika l-punt 50 tas-setnenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, FX (Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ kreditu ta’ manteniment) (C‑41/19, EU:C:2020:425), li jirreferi għall-punt 80 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek tas‑27 ta’ Frar 2020 (C‑41/19, EU:C:2020:132), l-intervent ta’ organu pubblika jaffettwa l-mod ta’ kif id-debitu jiġi mħallas; ma għandux impatt fuq is-sustanza tad-deċiżjoni dwar il-manteniment, li tibqa’ intatta.
( 49 ) Supra, punt 33.
( 50 ) Sentenza Blijdenstein, punt 30.