SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

2 ta’ April 2009 ( *1 )

“Armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa — Direttiva 92/83/KEE — Artikolu 4(2) — Birrerija żgħira legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra — Kriterji ta’ indipendenza legali u ta’ indipendenza ekonomika — Possibbiltà li wieħed ikun suġġett għal influwenza indiretta”

Fil-Kawża C-83/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Thüringer Finanzgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

Glückauf Brauerei GmbH

vs

Hauptzollamt Erfurt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u G. Arestis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

—

għal Glückauf Brauerei GmbH, minn H. Deiters, Rechtsanwalt, kif ukoll minn J. Werner, Steuerberater u Wirtschaftsprüfer,

—

għall-Gvern Grieg, minn O. Patsopoulou, S. Alexandriou u I. Pouli, bħala aġenti,

—

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u C. Guerra Santos, bħala aġenti,

—

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Mölls, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Glückauf Brauerei GmbH (iktar ’il quddiem “Glückauf”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, kontra l-Hauptzollamt Erfurt (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li japplika għal din il-kumpannija rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq il-birra.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Skont it-tielet premessa tad-Direttiva 92/83, “hu importanti għat-tħaddim xieraq tas-suq intern li jkunu stabbiliti definizzjonijiet komuni għall-prodotti kollha in kwistjoni”.

4

Is-seba’ premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi li, fil-każ tal-birra prodotta f’birreriji żgħar indipendenti u tal-alkoħol etiliku prodott f’distilleriji żgħar, jinħtieġu soluzzjonijiet komuni li jippermettu lill-Istati Membri japplikaw rati mnaqqsa ta’ taxxi tas-sisa għal dawn il-prodotti.

5

Skont is-sbatax-il premessa tal-imsemmija direttiva, fil-każijiet fejn l-Istati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa, dawn ir-rati mnaqqsa ma għandhomx joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/83 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazju, li jistgħu jkunu differenzjati skond il-produzzjoni annwali tal-birreriji in kwistjoni, għal birra magħmula minn birreriji żgħar indipendenti fi ħdan il-limiti segwenti:

—

ir-rati mnaqqsa m’għandhomx ikunu applikati lill-intrapriżi li jipproduċu iżjed minn 200000 ettolitri ta’ birra kull sena,

—

ir-rati mnaqqsa, li jistgħu jaqgħu taħt ir-rata minima, m’għandhomx ikunu ffissati għal iżjed minn 50% taħt ir-rata standard nazzjonali tat-taxxa tas-sisa.

2.   Għall-iskopijiet tar-rati mnaqqsa t-terminu ‘birrerija’ għandu jfisser birrerija li hi legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra, li tuża bini li jinsab fiżikament lil hinn minn dak ta’ xi birrerija oħra u li ma toperax bil-liċenzja. Madankollu, fejn tnejn jew iżjed birreriji żgħar jikkoperaw, u d-dħul [l-produzzjoni] annwali tagħhom flimkien ma jeċċedix [teċċedix] l-200000 ettolitru, dawk il-birreriji jistgħu jkunu trattati bħala birrerija żgħira waħda indipendenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li kwalunkwe rata mnaqqsa li huma jistgħu jintroduċu tapplika ugwalment għal birra trasportata fit-territorju tagħhom minn birreriji żgħar indipendenti li jinsabu fl-Istati Membri oħrajn. B’mod partikolari dawn għandhom jassiguraw li l-ebda kunsinna individwali mill-Istati Membri oħra ma teħel qatt iżjed dazju mill-ekwivalenti nazzjonali preċiż tagħha.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/83 ġie traspost fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Artikolu 2 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-birra (Biersteuergesetz), tal-21 ta’ Diċembru 1992 (BGBl. 1992 I, p. 2150, iktar ’il quddiem il-“BierStG”), fit-termini li ġejjin:

“[…]

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, ir-rata ta’ taxxa hija mnaqqsa għall-birer prodotti permezz ta’ proċess ta’ sajran tal-birra minn birreriji indipendenti li l-produzzjoni annwali totali tagħhom ma teċċedix 200000 ettolitri b’ammonti ta’ 1000 ettolitri. […]

3.   Birrerija hija kkunsidrata indipendenti jekk hija legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra, jekk tuża bini li jinsab fiżikament lil hinn minn dak ta’ xi birrerija oħra u ma ssajjarx il-birra taħt liċenzja. […]

4.   Birreriji indipendenti minn xulxin li l-produzzjoni annwali flimkien tagħhom ma teċċedix l-200000 ettolitru, jistgħu jkunu kkunsidrati bħala birrerija waħda għall-applikazzjoni tar-rata ta’ taxxa mnaqqsa.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Glückauf, li ħadet is-sura ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, topera birrerija. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-produzzjoni annwali tagħha tal-birra ma teċċedix l-200000 ettolitru.

9

Matul is-sena 2005, 3% tal-ishma ta’ Glückauf kienu miżmuma minn Menz Beratungs- und Beteiligungs GmbH (iktar ’il quddiem “Menz”), kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijakk, u 48% tal-ishma kienu miżmuma minn Innstadt Brauerei AG (iktar ’il quddiem “Innstadt”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, bħala azzjonista prinċipali. B’hekk, dawn iż-żewġ kumpanniji flimkien kellhom 51% tal-ishma ta’ Glückauf.

10

Barra minn hekk, l-ishma ta’ Innstadt kienu miżmuma, b’mod partikolari, minn Ottakringer Brauerei AG (iktar ’il quddiem “Ottakringer”), kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijakk, li kellha 49% minn dawn l-ishma, kif ukoll minn Menz, li kellha 30.7% minn dawn l-ishma. Is-Sur Menz kien kemm il-president tal-bord tad-diretturi ta’ Ottakringer kif ukoll direttur-azzjonist ta’ Menz.

11

Barra minn hekk, Ottakringer kellha bħala kumpannija parent u azzjonista prinċipali lil Getränke Holding AG, kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijakk. Madwar 81% tal-ishma ta’ din tal-aħħar kienu miżmuma mill-familji Wenckheim (madwar 65%) u Menz (madwar 16%). Skont l-istatut ta’ Ottakringer, fil-każ ta’ voti indaqs taż-żewġ membri tal-bord tad-diretturi, jiġifieri s-Sinjura Wenckheim u s-Sur Menz, il-vot tal-president tal-bord tad-diretturi, jiġifieri dak tas-Sur Menz, kellu jipprevali.

12

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Innstadt, bħala impriża azzjonista, kienet integrata fil-kontijiet konsolidati ta’ Ottakringer, kemm skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) kif ukoll skont il-Kodiċi kummerċjali Awstrijakk, filwaqt li fir-rigward ta’ Glückauf kien indikat li 48% tal-ishma tagħha kienu miżmuma minn Innstadt.

13

Huwa paċifiku li, fil-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Innstadt u Ottakringer, li l-produzzjoni annwali tal-birra flimkien tagħhom kienet teċċedi l-200000 ettolitru, ma operawx fis-suq ma’ Glückauf. Bejn dawn il-birreriji ma kinux jeżistu akkordji fuq il-prezzijiet, kuntratti ta’ liċenzja jew ftehim dwar il-qsim ta’ profitti u telf. Bl-istess mod, huma kienu inkontestabbilment preżenti fi swieq reġjonali distinti, bi klijenteli u b’firxa ta’ xarbiet differenti. Ma kienet saret ebda skema ta’ promozzjoni komuni għal dawn l-impriżi.

14

Inizjalment, il-Hauptzollamt ikklassifika lil Glückauf bħala birrerija indipendenti minn Innstadt u minn Ottakringer u applika fir-rigward tagħha rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa fuq il-birra skont l-Artikolu 2(2) tal-BierStG. Madankollu, wara li sar jaf li Menz kienet ilha sa mill-2001 iżżomm 3% tal-ishma ta’ Glückauf, il-Hauptzollamt ikkunsidra li din tal-aħħar kienet ekonomikament dipendenti fuq Ottakringer u talabha, permezz ta’ avviż ta’ rettifika, id-differenza bejn l-ammont dovut tat-taxxa tas-sisa bir-rata mnaqqsa u l-ammont tat-taxxa tas-sisa stabbilit fuq il-bażi tar-rata normali.

15

Wara li ressqet ilment mingħajr suċċess, Glückauf ippreżentat rikors kontra l-imsemmi avviż ta’ rettifika quddiem it-Thüringer Finanzgericht. Hija sostniet li l-kriterju ta’ indipendenza ekonomika kellu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan imħaddan mid-Direttiva 92/83 u tal-imġiba tal-kumpanniji kkonċernati fis-suq. Fil-fatt, fil-każ preżenti, l-eżistenza ta’ dipendenza ekonomika setgħet tiġi kkonstatata biss jekk l-impriżi marbuta premezz ta’ sehem komuni miżmum minn terza persuna kienu jidhru u kienu jaġixxu fis-suq komuni bħala impriża waħda.

16

It-Thüringer Finanzgericht għandha dubju dwar il-kwistjoni jekk ir-rifjut tal-Hauptzollamt li japplika r-rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa prevista fl-Artikolu 2(3) tal-BierStG huwiex konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/83. Skont din il-qorti, ebda azzjonist ta’ Glückauf ma għandu direttament il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot ta’ din il-kumpannija jew jinsab f’pożizzjoni, skont klawżoli kuntrattwali, li jeżerċita influwenza determinanti fuqha. Il-preżunta dipendenza, invokata mill-Hauptzollamt, teżisti biss permezz ta’ sehem ta’ terza persuna, b’tali mod li, fil-każ preżenti, huwa biss il-kriterju ta’ indipendenza ekonomika li jinsab inkwistjoni.

17

Il-qorti tar-rinviju għandha dubju jekk l-imsemmi kriterju jkunx irrispettat fil-preżenza ta’ rabtiet personali mingħajr sehem dirett li jippermetti lil terza persuna tintervjeni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan birrerija. F’dan ir-rigward hija tindika li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ indipendenza li tirreferi biss għall-analiżi tal-imġiba tal-birreriji fis-suq tista’ ma tkunx biżżejjed. Skont il-qorti tar-rinviju, peress li rabtiet ta’ dipendenza bejn birreriji differenti jistgħu jirriżultaw mhux biss mill-istrutturi ekonomiċi iżda wkoll mill-istrutturi legali, ikun neċessarju li jiġi eżaminat l-effett globali tal-kriterji ta’ indipendenza legali u ta’ indipendenza ekonomika.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Thüringer Finanzgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kriterji ta’ indipendenza legali u indipendenza ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83 […], għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa, għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tal-premessi ta’ din id-direttiva, fis-sens li hemm lok li jiġi kkunsidrat li teżisti dipendenza ekonomika bejn birreriji, li għall-bqija huma legalment independenti, biss meta l-birreriji kkonċernati ma jistgħux joperaw fis-suq bħala kompetituri indipendenti wieħed mill-ieħor, jew hija diġà biżżejjed il-possibbiltà li jeżerċitaw de facto influwenza fuq l-attivitajiet kummerċjali tal-birreriji sabiex il-kriterju ta’ indipendenza ma jibqax sodisfatt?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa fuq il-birra, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83, li tipprovdi li birrerija għandha tkun legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kriterju ta’ indipendenza ekonomika, bejn birreriji legalment indipendenti, jirreferi biss għall-imġiba ta’ dawn il-birreriji fis-suq, jew jekk tali kriterju ma jibqax sodisfatt meta persuna jkollha l-possibbiltà teżerċita de facto influwenza fuq l-attivitajiet kummerċjali tal-imsemmija birreriji.

20

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi eżaminat il-kunċett ta’ birrerija “legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83.

21

Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li kemm mit-tielet premessa kif ukoll mit-titolu tad-Direttiva 92/83 jirriżulta li din id-direttiva, sabiex tiżgura t-tħaddim xieraq tas-suq intern, hija intiża li tistabbilixxi definizzjonijiet komuni għall-prodotti kkonċernati kollha u taqa’ fil-kuntest ta’ politika ta’ armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku. Sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni uniformi ta’ din id-direttiva, l-interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu f’din tal-aħħar għandha tkun awtonoma, ibbażata fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll fuq l-għanijiet imħaddna mill-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, C-389/02, Ġabra p. I-3537, punt 19, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Smits-Koolhoven, C-495/04, Ġabra p. I-3129, punt 17).

22

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/83, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa fuq il-birra magħmula minn birreriji żgħar indipendenti li ma jipproduċux iktar minn 200000 ettolitru ta’ birra fis-sena, sakemm dawn ir-rati mnaqqsa ma jkunux iffissati għal iżjed minn 50% taħt ir-rata standard nazzjonali tat-taxxa tas-sisa.

23

L-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li birrerija żgħira indipendenti hija birrerija li hija legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra, li tuża bini li jinsab fiżikament lil hinn minn dak ta’ xi birrerija oħra u li ma toperax taħt liċenzja. Din id-dispożizzjoni tindika wkoll li meta tnejn jew iżjed birreriji żgħar jikkooperaw u l-produzzjoni annwali tagħhom flimkien ma teċċedix l-200000 ettolitru, dawn il-birreriji jistgħu jitqiesu bħala birrerija żgħira waħda indipendenti.

24

B’hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/83 jirriżulta li birrerija li tkun tixtieq tibbenefika mir-rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa fuq il-birra għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, kundizzjoni ta’ natura kwantitattiva, li tirrigwarda l-produzzjoni massima annwali tagħha tal-birra, u kundizzjoni ta’ natura kwalitattiva, li tirrigwarda n-natura indipendenti minn kull birrerija oħra ta’ din il-birrerija.

25

Skont is-seba’ u s-sbatax-il premessa tad-Direttiva 92/83, din tipprevedi, għal dak li jirrigwarda l-birra prodotta fil-birreriji indipendenti żgħar, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet komuni li jippermettu lill-Istati Membri japplikaw rati mnaqqsa ta’ taxxi tas-sisa għal dan il-prodott, filwaqt li jiġi evitat li dawn ir-rati mnaqqsa ma jwasslux għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-kuntest tas-suq intern.

26

Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 92/83 tfittex li tevita li l-benefiċċju ta’ tali tnaqqis tad-dazji tas-sisa jingħata lil birreriji li d-daqs tagħhom u l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq intern. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kriterji ta’ indipendenza legali u ta’ indipendenza ekonomika, previsti fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, għandhom l-għan li jiżguraw li kull forma ta’ dipendenza ekonomika jew legali bejn birreriji twassal għall-esklużjoni mill-vantaġġ fiskali li tikkostitwixxi r-rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa fuq il-birra.

27

Konsegwentement, din id-dispożizzjoni teżiġi, fir-rigward tal-għan imħaddan mid-Direttiva 92/83, li l-birreriji ż-żgħar li l-produzzjoni annwali tagħhom tal-birra tkun inqas minn 200000 ettolitru jkunu verament awtonomi minn kull birrerija oħra kemm għal dak li jirrigwarda l-istruttura legali u ekonomika tagħhom kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-istruttura tagħhom ta’ produzzjoni, minħabba li jużaw bini li jinsab fiżikament lil hinn minn dak ta’ xi birrerija oħra u ma joperawx taħt liċenzja.

28

F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “birrerija li hi legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83, jimplika li jiġi vverifikat jekk teżistix, bejn il-birreriji kkonċernati, relazzjoni ta’ dipendenza legali fil-livell, b’mod partikolari, tat-tmexxija tagħhom jew fil-livell taż-żamma tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot, jew inkella relazzjoni ta’ dipendenza ekonomika ta’ natura li taffettwa l-kapaċità tal-imsemmija birreriji li jieħdu deċiżjonijiet kummerċjali b’mod awtonomu.

29

Għandu jingħad ukoll li l-għan tal-kriterju ta’ indipendenza huwa li jiġi żgurat li din ir-rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa tkun verament ta’ benefiċċju għall-birreriji li għalihom id-daqs huwa ta’ żvantaġġ u mhux għal dawk li jagħmlu parti minn grupp. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83, jiġu inklużi biss il-birreriji li huma effettivament legalment u ekonomikament indipendenti, għandu jiġi żgurat li l-kundizzjoni ta’ indipendenza ma tiġix evitata għal raġunijiet purament formali u, b’mod partikolari, permezz ta’ strutturi legali bejn diversi birreriji żgħar allegatament indipendenti li fir-realtà jiffurmaw grupp ekonomiku li l-produzzjoni tiegħu taqbeż il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/83 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-91/01, Ġabra p. I-4355, punt 50).

30

Fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali titlaq mill-premessa li Glückauf hija legalment indipendenti minn kull birrerija oħra, b’mod partikolari minn Innstadt, minn Ottakringer u minn Menz. Id-domanda tagħha għandha l-għan li tistabbilixxi jekk l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ indipendenza ekonomika hijiex ibbażata biss fuq l-imġiba effettiva tal-birreriji kkonċernati fis-suq jew jekk, għall-kuntrarju, il-fatt li l-istess persuna tista’ tinfluwenza l-attivitajiet kummerċjali tal-imsemmija birreriji jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dan il-kriterju ta’ natura ekonomika mhuwiex sodisfatt.

31

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “indipendenza ekonomika”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83, jirreferi, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza u kif il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għall-kapaċità tal-birrerija kkonċernata li tieħu deċiżjonijiet kummerċjali b’mod awtonomu.

32

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li s-Sur Menz, li għandu pożizzjonijiet fit-tmexxija ta’ Ottakringer u ta’ Menz, jinsab f’pożizzjoni li jinfluwenza l-politika kummerċjali ta’ Glückauf permezz ta’ Innstadt, ta’ Ottakringer u ta’ Menz. Fil-fatt, skont dik il-qorti, fid-dawl tal-istruttura tal-ishma miżmuma f’dawn id-diversi birreriji kif ukoll tar-regoli dwar id-drittijiet tal-vot fi ħdan Ottakringer, is-Sur Menz, minkejja li ma għandux sehem dirett fi Glückauf, għandu de facto l-possibbiltà li jinfluwenza l-attivitajiet kummerċjali ta’ din il-kumpannija tal-aħħar u jista’ jistabbilixxi qbil f’dak li jirrigwarda l-interessi u t-teħid ta’ deċiżjonijiet bejn din il-kumpannija u Innstadt kif ukoll bejn l-istess kumpannija u Ottakringer.

33

Sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata mill-eżistenza, bejn diversi birreriji, ta’ rabtiet strutturali f’dak li jirrigwarda ishma u drittijiet tal-vot, u li twassal sabiex l-istess persuna, li teżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija f’numru mill-birreriji kkonċernati, tkun f’pożizzjoni, indipendentement mill-imġiba reali tagħha, li tinfluwenza t-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali minn dawn il-birreriji, teskludi li dawn il-birreriji jistgħu jitqiesu li huma ekonomikament indipendenti minn xulxin fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83.

34

F’dan il-kuntest, peress li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, Innstadt u Ottakringer jipproduċu iktar minn 200000 ettolitru ta’ birra fis-sena, l-għoti tal-benefiċċju tar-rata mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa fuq il-birra lil Glückauf ma jirrispettax il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, marbuta mal-kwantità ta’ birra prodotta fis-sena.

35

Fir-rigward tal-impatt eventwali tal-imġiba tal-birreriji kkonċernati fis-suq għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-indipendenza ekonomika tagħhom, għandu jiġi rrilevat ukoll, minn naħa, li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83 jirreferi għall-istruttura legali u ekonomika tal-birreriji mingħajr ma jirreferi speċifikament għall-imġiba tagħhom fis-suq. Min-naħa l-oħra, kif osservat il-Kummissjoni, il-preżenza tal-birreriji inkwistjoni fil-kawża prinċipali fi swieq distinti b’firxa ta’ prodotti distinti ma tistax tippermetti li wieħed jikkonkludi li teżisti indipendenza ekonomika bejn l-imsemmija birreriji, fatt dan li fil-fatt jista’, għall-kuntrarju, jindika l-eżistenza ta’ strateġija maħsuba, deċiża fil-livell ta’ grupp, sabiex tiġi evitata jew immitigata kompetizzjoni interna fi ħdan dan il-grupp.

36

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ rabtiet strutturali f’dak li jirrigwarda ishma u drittijiet tal-vot, u li twassal sabiex l-istess persuna, li teżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija f’numru mill-birreriji kkonċernati, tkun f’pożizzjoni, indipendentement mill-imġiba reali tagħha, li tinfluwenza t-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali minn dawn il-birreriji, teskludi li dawn il-birreriji jistgħu jitqiesu li huma ekonomikament indipendenti minn xulxin.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ rabtiet strutturali f’dak li jirrigwarda ishma u drittijiet tal-vot, u li twassal sabiex l-istess persuna, li teżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija f’numru mill-birreriji kkonċernati, tkun f’pożizzjoni, indipendentement mill-imġiba reali tagħha, li tinfluwenza t-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali minn dawn il-birreriji, teskludi li dawn il-birreriji jistgħu jitqiesu li huma ekonomikament indipendenti minn xulxin.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.