10.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Jannar 2008

li tadatta l-Anness VIII tal-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija

(2009/172/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, u partikolarment l-Artikolu 34(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Artikolu 70 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1) jistabbilixxi l-perċentwali tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fil-livell tal-assi.

(2)

It-Taqsima IV tal-Anness VIII għall-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/664/EC tad-19 ta' Ġunju 2006 li tadatta l-Anness VIII tal-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija (2), jistabbilixxi, permezz ta' deroga mill-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-perċentwali għal kull assi tal-appoġġ Komunitarju mogħti fil-Bulgarija u r-Rumanija għall-iżvilupp rurali skond l-FAEŻR. Tali kontribuzzjoni tista' tammonta għal 80 % għall-assi 1, assi 3 kif ukoll għall-assistenza teknika, u għal 82 % għall-assi 2.

(3)

Ir-rati ta' kofinanzjament speċifikati għal kull assi ma jistgħux japplikaw għall-ammonti li, kif previst fit-Taqsima I, subtaqsima E, tal-Anness VIII għall-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, jistgħu jingħataw lill-bdiewa li jkunu eliġibbli għal pagamenti diretti komplementari nazzjonali jew għotjiet taħt l-Artikolu 143c tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal appoġġ dirett taħt il-politika agrikola u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa (3).

(4)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità li tikkomplementa l-ammonti tal-pagamenti diretti teħtieġ li tiġi speċifikata wkoll għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Ewropew Agrikolu għall-Iżviluppp Rurali (FAEŻR) (4) li jipprovdi, fl-Anness II miegħu, għal analiżi finanzjarja indikattiva skond l-assi tal-iżvilupp rurali u l-miżura, inkluż il-miżura “komplementi għall-pagamenti diretti”.

(5)

Bil-għan li jinżammu r-riżultati tan-negozjati tal-adeżjoni kif ukoll il-konsistenza fis-sistema tar-rati tal-kofinanzjament wara li jkunu saru l-aġġustamenti tekniċi għar-regolamenti dwar l-iżvilupp rurali, għandhom jiġu stabbiliti, għall-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità li tikkomplementa l-ammonti tal-pagamenti diretti, l-istess perċentwali bħal tal-assi 1 u 3 kif ukoll bħal tal-assistenza teknika,

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fl-Anness VIII tal-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, it-Taqsima IV hija b'dan sostitwita kif ġej:

“Permezz ta' deroga mill-Artikolu 70(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja tista' tammonta għal 80 % għall-assi 1 u 3, għall-assistenza teknika kif ukoll għall-komplementi għall-pagamenti diretti.

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 70(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja tista' tammonta għal 82 % għall-assi 2.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)   ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(2)   ĠU L 277, 9.10.2006, p. 4.

(3)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.

(4)   ĠU L 368, 23.12.2006, p. 15.