2.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 292/7


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 292/09)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta' oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“SLAVONSKI ME”

Nru tal-UE: PDO-HR-02187 — 26.9.2016

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem

“Slavonski med”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Kroazja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

“Slavonski med” huwa għasel magħmul min-naħal tal-għasel Karnjolan (Apis mellifera carnica, sottotip Pannonjan) min-nektar tal-pjanti li jipproduċu l-għasel jew minn tnixxijiet ta' partijiet ħajjin tal-pjanti jew eskrementi ta' insetti li jsoffu l-meraq minn parti ħajja tal-pjanti, li n-naħal imbagħad jiġbruhom u jittrasformawhom billi jgħaqqduhom ma' sustanzi speċifiċi tagħhom, jiddeitrawhom, jiddepożitawhom fix-xehda tal-għasel u jaħżnuhom hemm biex jimmaturaw, fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4.

Skont il-metodu tal-produzzjoni tiegħu, “Slavonski med” huwa għasel tax-xehda, għasel tal-blokka jew għasel tax-xehda maqtugħa u għasel estratt. “Slavonski med” huwa:

1.

għasel tal-akaċja sewda;

2.

għasel tat-tilju;

3.

għasel taż-żerriegħa tal-lift;

4.

għasel tal-ġirasol:

5.

għasel tal-qastan;

6.

għasel tan-nwar;

7.

għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar tal-Ballut Ungeriż.

Il-karatteristiċi komuni ta' “Slavonski med” li jaffettwaw il-kwalità tal-prodott huma l-perċentwal tal-kwantità ta' ilma u l-kontenut tal-idrossimetilfurfurali (HMFs). “Slavonski med” għandu kontenut massimu ta' ilma ta' 18,3 % u l-ammont massimu ta' HMFs huwa ta' 16,5 mg/kg. Karatteristika speċifika oħra ta' “Slavonski med” hija l-preżenza fih ta' polline minn speċijiet ta' pjanti tal-familja tal-Brassicaceae, tar-Robinia spp, u tal-familja tar-Rosaceae, bħala polline sekondarju (mill-inqas 16 %) jew polline minuri (sa 15 %). L-ammont ta' sukrożju fi “Slavonski med” huwa inqas mill-valuri preskritti.

Il-karatteristiċi fiżikokimiċi, organolettiċi u tal-polline għal diversi tipi ta' għasel jidhru fit-tabelli li ġejjin:

Għasel

Ilma

[%]

HMF

[mg/kg]

Karatteristiċi tal-polline

[%]

Konduttività elettrika

[mS/cm]

Attività tad-diastażi

[Skala Schade]

Kwantità ta' sukkrożju

[g/100 g]

AKAĊJA SEWDA

18,3 mass

16,5 mass

20 min.

0,2 mass

8 min.

9 mass.

TILJU

18,3 mass

16,5 mass

25 min.

0,5 min

8 min.

4 mass.

ŻERRIEGĦA TAL-LIFT

18,3 mass

16,5 mass

61 min.

0,3 mass

8 min.

4 mass.

ĠIRASOL

18,3 mass

16,5 mass

45 min.

0,6 mass

8 min.

4 mass.

QASTAN

18,3 mass

16,5 mass

86 min.

0,8 mass

8 min.

4 mass.

NWAR

18,3 mass

16,5 mass

x

0,8 mass

8 min.

4 mass.

GĦASEL MILL-QTAR TAL-GĦASEL TAS-SIĠAR TAL-BALLUT UNGERIŻ

18,3 mass

16,5 mass

x

0,8 mass

8 min.

4 mass.


Għasel

KARATTERISTIĊI ORGANOLETTIĊI TAL-GĦASEL

Lewn

Togħma

Riħa

AKAĊJA SEWDA

isfar għal isfar ċar

togħma pjaċevoli tal-akaċja sewda

mhux qawwija, riħa dgħajfa

TILJU

isfar ċar kemxejn ħadrani

pjaċevoli, kemxejn morra

riħa qawwija ta' żahar tat-tilju

ŻERRIEGĦA TAL-LIFT

isfar ċar li jagħti lejn lewn it-tiben

kemxejn ħelwa li tagħti għal kemxejn qarsa

riħa ta' ħaxix, qawwija

ĠIRASOL

jagħti fl-oranġjo

ħelwa li tagħti lejn togħma kemxejn astrinġenti

riħa sottili ta' ġirasol

QASTAN

kannella

morra, kemxejn qarsa

riħa qawwija ħafna u penetranti ta' tuffieħ misjur iżżejjed

NWAR

isfar bi sfumaturi li jagħtu fl-aħmar u iktar skuri

pjaċevolment ħelwa, ftit morra

riħa dgħajfa għal intensa

GĦASEL MILL-QTAR TAL-GĦASEL TAS-SIĠAR TAL-BALLUT UNGERIŻ

skur sew, kważi iswed

kemxejn ħelu

riħa ta' għasel tal-foresta


Għasel

Speċi tal-pjanta (dominanti, sekondarja, u polline minuri)

Akaċja sewda

Robinia pseudoacacia (akaċja sewda) min. 20 %, Brassicaceae, Rosaceae

Tilju

Tilia (tilju) min. 25 %, Robinia spp. (akaċja)

Żerriegħa tal-lift

Brassica napus (żerriegħa tal-lift) min. 61 %, Rosaceae, Salix spp. (żafżafa)

Ġirasol

Helianthus annuus (ġirasol) min. 45 %, Brassicaceae

Qastan

Castanea sativa (qastan ħelu) min. 86 %

Nwar

Brassicaceae, Rosaceae, Salix spp. (żafżafa)

Għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar tal-Ballut Ungeriż

elementi tal-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar (spori u ifa), Castanea sativa (qastan ħelu)

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

In-naħal jistgħu jingħalfu b'mod artifiċjali matul il-perjodu ta' nuqqas ta' tiftix ta' ikel (fil-bidu tar-rebbiegħa u fl-aħħar tal-ħarifa, skont il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi). Dan jista' jsir billi n-naħal jingħalfu z-zokkor, iżda dan għandu jkun ġie prodott fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fil-punt 4. L-għasel ma jistax jitqiegħed fis-suq bħala “Slavonski med” jekk il-kundizzjonijiet relatati mal-għalf artifiċjali ma jkunux intlaħqu, u jekk is-sors tal-ikel tan-naħal ikun l-għalf artifiċjali.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha tal-produzzjoni u tal-estrazzjoni ta' “Slavonski med” għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-għasel “Slavonski med” għandu jiġi ppakkjat fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fil-punt 4 sabiex l-awtentiċità u l-kwalità ta' “Slavonski med” tkun imħarsa aħjar u jiġu żgurati t-traċċabbiltà tal-prodott u l-kontrolli fuqu.

B'dan il-mod biss tista' tinżamm il-kwalità u jiġi evitat kull tibdil fiżikokimiku u organolettiku. It-trasport tal-merkanzija lejn post ġdid iwassal għal tibdil fit-temperatura, fl-umdità u fl-assorbiment ta' rwejjaħ estranji, u għal żieda fil-kwantità ta' HMFs u diastażi.

L-ippakkjar ta' “Slavonski med” fiż-żona definita jnaqqas ir-riskju li jitħallat ma' għasel li mhuwiex taż-żona definita fil-punt 4.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-logo li jidher fil-figura għandu jidher fuq kull oġġett tal-ippakkjar imqiegħed fis-suq. L-utenti kollha tal-marka li jqiegħdu l-prodott fis-suq b'konformità mal-ispeċifikazzjoni tiegħu għandhom id-dritt li jużaw il-logo fl-istess kundizzjonijiet. Il-logo għandu lewn kannella u iswed, mirqum b'rabtiet Kroati, u għandu naħla fil-kantuniera ta' fuq tax-xellug tiegħu. Fuq ix-xellug, il-logo għandu mappa tal-Kroazja, u fuq in-naħa tal-lemin hemm is-sena “1879” u l-istemma araldika antika ta' Slavonja. F'nofs il-logo hemm doqqajs tal-qasab. Fil-Parti ta' fuq tal-logo hemm l-isem “Slavonski med”, u fin-naħa t'isfel tal-logo hemm tliet werqiet tal-ballut.

Figura: Il-logo ta' “Slavonski med”

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

“Slavonski med” jiġi prodott fi Slavonja, fil-konfini amministrattivi tal-bliet u tal-muniċipalitajiet fil-kontej li ġejjin: il-Kontea kollha ta' Vukovar-Srijem, il-Kontea ta' Osijek-Baranja, il-Kontea ta' Brod-Posavina, il-Kontea ta' Požega-Slavonia, il-Kontea ta' Bjelovar-Bilogora u l-Kontea ta' Virovitica-Podravina u l-bliet u l-villaġġi ta' Novska, Lipovljani u Jasenovac fil-kontea ta' Sisak-Moslavina.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi naturali

Ir-reġjun ta' Slavonja huwa mdawwar bi tliet xmajjar kbar tal-pjanura: id-Drava fit-Tramuntana, id-Danubju fil-Lvant, u s-Sava fin-Nofsinhar. Element ambjentali importanti u determinanti f'dan ir-reġjun, f'dak li jirrigwarda r-riżalti u l-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi, huwa d-differenza bejn il-Punent muntanjuż u l-Lvant li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa ċatt. L-aktar punt baxx (78 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar) jinsab fir-rokna Xlukkajra ta' Spačva.

Mill-art kollha ta' Slavonja li tkopri erja tas-superfiċje ta' 1 248 600 ettaru, l-art li tinħarat tammonta għal 52 % (655 468 ettaru), il-foresti huma mifruxin fuq 29 % (359 605 ettaru), il-mergħat jagħmlu 4,2 % u hemm 1,2 % magħmulin minn għelieqi.

Minħabba dan l-arranġament tal-użu tal-art u d-differenzi sinifikanti fil-kundizzjonijiet klimatiċi, l-għamla tal-art u l-karatteristiċi tal-veġetazzjoni fi Slavonja, il-kundizzjonijiet huma ideali għall-produzzjoni ta' “Slavonski med”, li jista' jiġi prodott mill-għasel tal-akaċja sewda, mill-għasel tal-lift, mill-għasel tat-tilju, mill-għasel tal-ġirasol, mill-għasel tal-qastan, mill-għasel tan-nwar u mill-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar tal-Ballut Ungeriż.

Filwaqt li għarfet in-natura unika tal-klima speċifika ta' Slavonja, tal-ħamrija u l-karatteristiċi tal-ilma u r-rikkezza tal-flora u l-fawna tagħha, ir-Repubblika tal-Kroazja poġġiet tliet żoni fil-konfini tagħha taħt protezzjoni, jiġifieri ħolqot tliet Parks Nazzjonali. Dawn huma Kopački Rit, Papuk u Lonjsko Polje.

Il-klima u l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi fi Slavonja huma determinati primarjament min-nuqqas ta' altitudni ta' Slavonja, mill-pożizzjoni tagħha fil-Pjanura Pannonjana u mill-espożizzjoni għan-naħa interna tal-kontinent Ewropew. Għall-biċċa l-kbira tax-xitwa, iż-żona taqa' taħt massa ta' arja kiesħa, iżda tisħon b'mod konsiderevoli fis-sajf. Fis-sajf, iktar ma wieħed jersaq lejn il-Lvant, iktar it-temperatura tiżdied, bi tnaqqis konkomitanti fl-ammont ta' xita.

Matul l-istaġuni kollha jibqgħu jippersistu temperaturi li jwasslu għat-tkabbir u l-iżvilupp ta' pjanti li jipproduċu l-għasel. Fir-rebbiegħa, it-temperatura medja hija ta' 11,8 °C, it-temperatura medja tas-sajf hija ta' 21,1 °C, it-temperatura medja fil-ħarifa hija ta' 11,3 °C, u t-temperatura medja fix-xitwa hija ta' 1,0 °C. It-temperatura medja waqt l-istaġun tat-tkabbir (minn April sa Settembru) hija ta' 18,3 °C.

It-tendenza u t-tqassim annwali tax-xita jiffavorixxu l-produzzjoni tal-pjanti u t-trobbija tan-naħal. L-għadd ta' jiem ta' xita jvarja bejn 104 u 160 jum fis-sena.

Il-medja tal-veloċità tar-riħ fix-xahar hija l-ogħla fix-xhur tar-rebbiegħa (Marzu u April) u l-inqas fl-aħħar tas-sajf u fil-bidu tal-ħarifa (Awwissu u Settembru). Ħafna drabi r-riħ jonfoħ mill-Majjistral u mix-Xlokk, u jsegqu l-irjieħ mil-Lbiċ u mill-Grigal.

Il-pjanti li jipproduċu l-għasel li jikbru fiż-żona definita ta' Slavonja jwarrdu fi żminijiet differenti (bejn Marzu u Novembru), u b'hekk in-naħal ikollu għażla wiesgħa ta' sorsi ta' nektar u polline.

Fatturi umani

Dawk li jrabbu n-naħal fis-Slavonja ilhom iżommu t-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-għasel għal 130 sena. B'mod ġenerali, hija produzzjoni fuq skala żgħira ta' għasel li jissupplimenta d-dħul tal-familji mill-azjendi agrikoli tal-familja fiż-żoni rurali. Matul il-ħafna snin ta' trobbija tan-naħal fi Slavonja, il-kompetenza f'dan is-settur ġiet żviluppata u trażmessa bil-prattika, bil-ħiliet u bl-għarfien tal-popolazzjoni.

Il-prattiki tat-trobbija tan-naħal li dawk li jrabbu n-naħal wirtu minn missirijiethom fir-rigward tal-produzzjoni ta' “Slavonski med” huma kif ġej:

—

il-biċċa l-kbira tad-doqqajs huma tal-injam;

—

dawk li jrabbu n-naħal joqogħdu attenti ħafna biex jużaw affumikaturi li bħala fjuwil jużaw residwu niexef tal-pjanti, li jiġġenera forma ħafifa ta' duħħan;

—

in-naħal ma għandhom qatt jingħalfu b'mod artifiċjali waqt il-perjodu tal-għalf fil-beraħ;

—

ix-xehda titbattal bil-mod tradizzjonali, jiġifieri bl-użu ta' pettne, sikkina jew xkupilja;

—

l-għasel jitneħħa mill-qafas mingħajr tisħin permezz taċ-ċentrifugazzjoni;

—

l-għasel ma jkunx ġie ppasturizzat;

—

It-temperatura massima li fiha l-għasel jista' jiġi dekristallizzat hija ta' 43 °C.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

“Slavonski med” huwa kkaratterizzat minn valur massimu ta' HMF ta' 16,5 mg/kg u minn kontenut massimu ta' ilma ta' 18,3 % meta jkun għadu frisk. “Slavonski med” għandu spettru tal-polline; fi kliem ieħor, ikun fih polline minn speċijiet ta' pjanti tal-familji tal-Brassicaceae u Rosaceae, u mir-Robinia spp., fil-biċċa l-kbira tal-għasel monoflorali u poliflorali. Dan jiddistingwih mill-għasel prodott f'żoni oħra. L-ammont ta' sukrożju fi “Slavonski med” huwa inqas mill-valuri preskritti.

Il-karatteristiċi ta' “Slavonski med” huma riflessi fil-karatteristiċi tal-polline, dawk fiżiċi, kimiċi u dawk organolettiċi. Il-prodott jista' jiġi dekristallizzat f'temperatura massima ta' 43 °C, li tiżgura li l-kwalitajiet tiegħu, derivati mill-flora speċifika fiż-żona definita u n-naħal, jibqgħu l-istess.

L-isem “Slavonski med” jintuża kemm fis-suq u kemm fil-lingwaġġ ta' kuljum (irċevuta (2014); nota ta' ringrazzjament għal donazzjoni (2015); ittra ta' ringrazzjament (2015); timbru fuq l-ippakkjar).

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiċi tal-prodott

Minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u dawk tal-ħamrija li huma favorevoli, kif ukoll minħabba l-abbundanza ta' speċijiet tal-pjanti li jipproduċu l-għasel fil-mergħat, fl-għelieqi u fil-foresti estensivi, fiż-żoni li jmissu ma' wċuħ tal-ilma u li huma suxxettibbli għall-għargħar u bwar alluvjali tul ix-xmajjar Sava, id-Drava u d-Danubju, in-naħal tal-għasel Karnjolan (Apis mellifera carnica, sottotip Pannonjan) irnexxielhom isibu ħafna mergħat b'abbundanza ta' nektar u polline għal eluf ta' snin. Inħolqot żona agroekoloġika unika li biha “Slavonski med” jispikka bħala għasel varjetali pur. Hekk huwa magħruf u rrispettat fis-suq.

Il-ħidma u l-kundizzjonijiet fil-miġbħa jiddeterminaw ir-rendiment tal-għasel u huma direttament marbuta mal-kundizzjonijiet klimatiċi, li fi Slavonja jiffavorixxu l-produzzjoni ta' “Slavonski med”.

Fir-rebbiegħa t-temperaturi jippermettu t-tkabbir bikri u abbundanti ta' pjanti li jwarrdu fir-rebbiegħa, ta' siġar tal-frott u mergħat, filwaqt li fis-sajf it-temperaturi huma favorevoli għall-maturazzjoni tal-għelejjel agrikoli, li wħud minnhom jipproduċu l-għasel u huma essenzjali għall-produzzjoni ta' “Slavonski med”.

Il-kundizzjonijiet klimatiċi fil-ħarifa huma xierqa għan-naħal hekk kif huma jħejju għall-ibernazzjoni, filwaqt li l-kundizzjonijiet klimatiċi fix-xitwa huma tajbin għall-ibernazzjoni u lin-naħal jagħtuhom bidu tajjeb għall-istaġun il-ġdid.

It-temperaturi ottimali tar-rebbiegħa u tas-sajf iwasslu għat-tnixxija ta' nektar derivat mill-biċċa l-kbira tal-pjanti. Il-pjanti li jwarrdu fir-rebbiegħa jnixxu nektar f'temperaturi iktar baxxi, filwaqt li l-pjanti li jwarrdu fis-sajf jeħtieġu temperatura notturna ogħla sabiex it-tnixxija ma tonqosx jew tieqaf.

L-għadd ta' jiem li fihom tagħmel ix-xita huwa inqas minn terz fis-sena (iżda tal-anqas 104 ijiem), li jfisser li hemm għadd suffiċjenti ta' jiem fis-sena mingħajr xita li matulhom in-naħal jista' jiġbor in-nektar.

Fir-rebbiegħa n-naħal ikollhom ammont akbar ta' nektar disponibbli għalihom. Minnu jġibu l-enerġija u jkunu jistgħu jirreżistu l-kurrenti tal-arja aktar faċilment. Fi tmiem is-sajf tonqos il-qawwa tar-riħ u jonqos l-ammont ta' nektar, in-naħal jaħlu inqas enerġija biex jirreżistu r-riħ u jżommuha aktar faċilment biex iħejju għall-ibernazzjoni.

Rapport tas-sussidjarja ta' Đakovo ppubblikat fl-1845 List mesečni horvatsko-slavonskog Gospodarskoga družtva [Ġurnal ta' Kull Xahar tal-Intrapriżi Kummerċjali Kroati u Slavonjani] jiddikjara li “m'hemm l-ebda belt jew muniċipalità fi Slavonja li ma tipproduċix għasel ta' kwalità tajba”. L-Assoċjazzjoni Slavona tal-Apikultura ġiet stabbilita f'Osijek fl-1879, l-ewwel u l-eqdem assoċjazzjoni tat-tip tiegħu fix-Xlokk tal-Ewropa, u l-ġurnal Slavonska Pčela [In-Naħla Slavonjana] twaqqaf bħala l-bulettin Slavonjan tal-Assoċjazzoni tal-Apikoltura sa minn Marzu 1881. Wara li twaqqaf il-ġurnal bdew jiġu stabbiliti malajr fergħat tal-Assoċjazzjoni. L-Assoċjazzjoni Slavona tal-Apikultura kienet involuta b'mod attiv fil-promozzjoni tat-trobbija tan-naħal fi Slavonja u fit-titjib tal-kwalità ta' “Slavonski med”, u hekk ħeġġet l-involviment tal-għalliema tal-iskejjel primarji fl-iżvilupp tat-trobbija tan-naħal, is-sensibilizzazzjoni tal-avvanzi fit-trobbija tan-naħal, it-tixrid tal-aħbarijiet reċenti dwar it-trobbija tan-naħal u l-kalendarji għall-għalf tan-naħal, eċċ. L-importanza tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp tat-trobbija tan-naħal fi Slavonja, u b'mod aktar ġenerali fil-Kroazja, hija kkonfermata mill-fatt li Bogdan Penjić (1852–1918), il-fundatur u s-segretarju fit-tul ta' din l-eqdem assoċjazzjoni u, fl-istess ħin, editur ta' Slavonska pčela, jissemma bħala l-missier tal-apikultura moderna fil-Kroazja. Huwa kien responsabbli għall-introduzzjoni tal-ewwel doqqajs mgħammra b'pettnijiet aġġustabbli (fl-1871), l-ewwel estratturi tal-għasel u l-adozzjoni tal-fondazzjoni tax-xama' artifiċjali (fl-1879). L-ewwel wirja tal-apikultura ġiet organizzata f'Osijek fl-1889, u fl-1903 l-Assoċjazzjoni tal-Apikoltura ta' Vukovar ippubblikat inizjattiva fil-gazzetta Gospodarski list biex jiġi organizzat suq tal-għasel.

It-twaħħid reċiproku tal-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija speċifiċi, l-esperjenza ta' sekli sħaħ tal-popolazzjoni lokali fit-trobbija tan-naħal, u l-interazzjoni reċiproka bejniethom jinfluwenza is-“Slavonski med” b'tali mod li għandu kompożizzjoni fiżikokimika speċifika u propjetajiet organolettiċi speċifiċi li għalihom il-konsumaturi jiddistingwuh u japprezzawh.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament)

http://www.mps.hr/UserDocsImages/HRANA/SLAVONSKI%20MED/Izmijenjena%20Specifikacija%20proizvoda-Slavonski%20med%20.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.