European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1146

5.6.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1146

tas-27 ta’ Mejju 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-kontroll tal-Istat tal-port, matul il-perjodu 2025-2029

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (il-“MtQ ta’ Pariġi”) ġie ffirmat f’Pariġi fis-26 ta’ Jannar 1982 u sar effettiv fl-1 ta’ Lulju 1982. Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (“PSCC”) tal-MtQ ta’ Pariġi, peress li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), pereżempju billi jistabbilixxu l-impenn ta’ spezzjoni u r-rati medji ta’ defiċjenza u ta’ detenzjoni użati fil-profil tar-riskju tal-bastimenti biex jintgħażlu l-bastimenti għall-ispezzjoni u billi jaġġornaw l-istruzzjonijiet u l-linji gwida għall-ispetturi li jwettqu l-ispezzjonijiet.

(2)

Id-Direttiva 2009/16/KE tistabbilixxi r-reġim legali tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port u tirriformola u ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni preċedenti tal-Unjoni li ilha fis-seħħ f’dan il-qasam mill-1995. Ir-reġim legali tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-Istat tal-port hu bbażat fuq il-MtQ ta’ Pariġi. Fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni, id-Direttiva 2009/16/KE iġġib b’mod effettiv il-proċeduri, l-għodod u l-attivitajiet tal-MtQ ta’ Pariġi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

(3)

Il-PSCC tal-MtQ ta’ Pariġi jiltaqa’ kull sena. Matul il-laqgħat tiegħu jiddeċiedi dwar ċerti kwistjonijiet li jkollhom effetti legali.

(4)

Ir-regoli interni tal-MtQ ta’ Pariġi jagħmluha diffiċli li tiġi stabbilita pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b’mod f’waqtu għal kull laqgħa annwali tal-PSCC. Għalhekk ikun effiċjenti li tali pożizzjoni tiġi stabbilita fuq bażi multiannwali u li tkun tikkonsisti minn prinċipji gwida u orjentazzjonijiet, flimkien ma’ qafas għall-ispeċifikazzjonijiet tagħha minn sena għal oħra. Barra minn hekk, ħafna mis-suġġetti li jiġu diskussi fil-laqgħat annwali tal-PSCC jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port li ġeneralment huma koperti minn att legali uniku tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/16/KE. Għaldaqstant, fiċ-ċirkostanzi partikolari li japplikaw għall-MtQ ta’ Pariġi, huwa possibbli li tiġi stabbilita pożizzjoni ġenerali li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għal diversi laqgħat tal-PSCC.

(5)

L-Unjoni mhijiex membru tal-MtQ ta’ Pariġi. Huwa għalhekk neċessarju li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri li huma membri tal-MtQ ta’ Pariġi biex jaġixxu f’konformità mal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni u biex jesprimu l-approvazzjoni tagħhom li jintrabtu bid-deċiżjonijiet meħuda mill-PSCC.

(6)

Id-diskussjonijiet tekniċi u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi membri tal-MtQ ta’ Pariġi fi ħdan il-PSCC huma ta’ importanza kbira biex jiġu żgurati l-effettività u l-funzjonament tajjeb tal-MtQ ta’ Pariġi.

(7)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkopri l-perjodu 2025-2029.

(8)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-MtQ ta’ Pariġi, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-laqgħat annwali tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (“PSCC”) tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (il-“MtQ ta’ Pariġi”), matul il-perjodu 2025-2029, meta l-PSCC jintalab jieħu deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali, tinsab fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħat annwali tal-PSCC tal-MtQ ta’ Pariġi, matul il-prejodu mill-2025 sal-2029, tinsab fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-MtQ ta’ Pariġi, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2029.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/16/oj).


ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port

PRINĊIPJI GWIDA

Fil-qafas tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (MtQ ta’ Pariġi), l-Istati Membri li huma marbuta mill-MtQ ta’ Pariġi għandhom, f’isem l-Unjoni:

(a)

jaġixxu f’konformità mal-objettivi skont id-Direttiva 2009/16/KE, b’mod partikolari t-titjib tas-sikurezza marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis, u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord, bi tnaqqis drastiku fl-għadd ta’ bastimenti substandard b’applikazzjoni stretta tal-Konvenzjonijiet u l-kodiċijiet internazzjonali;

(b)

jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ approċċ armonizzat mill-membri tal-MtQ ta’ Pariġi għall-infurzar effettiv ta’ dawn l-istandards internazzjonali fir-rigward tal-bastimenti li jbaħħru fil-ġuriżdizzjoni tagħhom u li jużaw il-portijiet tagħhom;

(c)

jaħdmu flimkien fi ħdan l-MtQ ta’ Pariġi biex jiksbu sistema ta’ spezzjoni komprensiva u t-tqassim ekwu tal-piż tal-ispezzjoni, b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ impenn ta’ spezzjoni annwali mħejjija f’konformità mal-metodoloġija maqbula stipulata fl-Anness 11 tal-MtQ ta’ Pariġi;

(d)

jiżguraw li l-miżuri adottati fi ħdan l-MtQ ta’ Pariġi jkunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari mal-Konvenzjonijiet u l-kodiċijiet internazzjonali dwar is-sikurezza marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis, u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord;

(e)

jippromwovu l-iżvilupp ta’ approċċi komuni ma’ korpi oħra li jwettqu Kontrolli tal-Istat tal-Port;

(f)

jiżguraw il-koerenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-ambitu tar-relazzjonijiet esterni, tas-sigurtà u tal-ambjent.

ORJENTAZZJONIJIET

Biex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel minn sena għal sena tar-reġim tal-Unjoni tal-kontroll tal-Istat tal-Port f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE, l-Istati Membri li huma marbuta mill-MtQ ta’ Pariġi għandhom jagħmlu ħilithom biex jappoġġaw l-azzjonijiet li ġejjin mill-MtQ ta’ Pariġi:

1.

L-adjozzjoni tal-elementi li ġejjin tal-profil tar-riskju tal-bastimenti użat biex jiġu mmirati l-bastimenti għall-ispezzjoni:

(a)

il-listi tal-bnadar bojod, griżi u suwed f’konformità mal-formola żviluppata mill-MtQ ta’ Pariġi u stipulata fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2010 (1). Skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva (UE) 2024/3099 li temenda d-Direttiva 2009/16/KE, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni biex jissostitwixxi r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2010 li jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kunsiderazzjoni tal-parametri ġeneriċi tar-riskju. Dan it-test ta’ sostituzzjoni ser jirrifletti d-deċiżjonijiet li diġà ttieħdu, fil-prinċipju, mill-MtQ ta’ Pariġi fl-2019 biex tinbidel il-metodoloġija għall-kalkolu tal-formula tal-lista ta’ bnadar bojod, griżi u suwed u biex dawn il-listi jibdew jissejħu “listi ta’ prestazzjoni għolja, medja u baxxa”. Il-Kummissjoni hija mistennija tadotta dak ir-regolament ta’ implimentazzjoni fl-2027;

(b)

il-lista tal-prestazzjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti f’konformità mal-metodoloġija adottata mill-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (“PSCC”) fil-PSCC 37 f’Mejju 2004 (il-punt 4.5.2 tal-aġenda);

(c)

il-proporzjon medju tan-nuqqasijiet u tad-detenzjonijiet għall-formula tal-prestazzjoni tal-kumpanija abbażi tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2010 (2).

2.

L-adozzjoni tal-bidliet jew aġġornamenti fil-proċeduri u l-linji gwida tal-MtQ ta’ Pariġi, li jkollhom effetti legali, ikunu konsistenti mal-objettivi skont id-Direttiva 2009/16/KE, b’mod partikolari t-titjib tas-sikurezza marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis, u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2010 tat-13 ta’ Settembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji ta’ Stat tal-bandiera (ĠU L 241, 14.9.2010, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2010 tat-13 ta’ Settembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kumpaniji (ĠU L 241, 14.9.2010, p. 4).


ANNESS II

Speċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port

Qabel kull laqgħa annwali tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (“PSCC”) tal-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni tkun tqis l-informazzjoni kollha rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni u kull dokument li jrid jiġi diskuss fil-laqgħa dwar suġġetti li huma fil-kompetenza tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji gwida u l-orjentazzjonijiet stipulati fl-Anness I.

Għaldaqstant u abbażi ta’ tali informazzjoni u dokumenti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill, għall-kunsiderazzjoni u l-approvazzjoni, dokument preparatorju li jistipula d-dettalji tal-pożizzjoni prevista li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni, fi żmien suffiċjenti qabel il-laqgħa tal-PSCC.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1146/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)